European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/892

15.5.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/892

tal-31 ta’ Ottubru 2024

dwar il-miżura SA.56399 u SA.56634 (2021/C) (ex 2020/FC) implimentata minn Franza favur Française des Jeux

(notifikata bid-dokument C(2024) 7735)

(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 108(2), l-ewwel subparagrafu tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li l-partijiet interessati ġew mistiedna jressqu l-kummenti tagħhom f’konformità mal-Artikoli msemmija qabel (1) u wara li kkunsidrat dawn il-kummenti,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Fil-31 ta’ Jannar 2020, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet ilment imressaq minn “l’Association Française du Jeu en Ligne” (l-Assoċjazzjoni Franċiża tal-Logħob Online, minn hawn ’il quddiem “AFJEL”) (2) dwar l-allegat għoti ta’ għajnuna mill-Istat illegali lil Française des Jeux (minn hawn ’il quddiem l-“FDJ”).

(2)

Fil-5 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet it-tieni lment dwar l-istess suġġett imressaq mill-“Betting and Gaming Council” (minn hawn ’il quddiem il-“BCG”) (3).

(3)

Fis-26 ta’ Lulju 2021, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda l-proċediment previst fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem it-“TFUE”) fir-rigward tal-allegata miżura ta’ għajnuna li tagħti drittijiet esklużivi garantiti għal 25 sena għal remunerazzjoni insuffiċjenti (minn hawn ’il quddiem “id-deċiżjoni tal-ftuħ” jew “il-ftuħ tal-proċediment”). Hija nnotifikat din id-deċiżjoni lil Franza fis-27 ta’ Lulju 2021.

(4)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti bidu għall-proċediment ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-3 ta’ Diċembru 2021. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet ikkonċernati biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni.

(5)

Franza ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fit-3 ta’ Novembru 2021. Il-Kummissjoni rċeviet l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-FDJ fit-3 ta’ Jannar 2022. Fit-3 ta’ Jannar 2022, hija rċeviet ukoll l-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ BETCLIC entreprises limited (minn hawn ’il quddiem “BETCLIC”) u dawk tal-Union des blessés de la face et de la tête (minn hawn ’il quddiem “UBFT”) u tal-Fédération Nationale André Maginot (minn hawn ’il quddiem “FNAM”). Fit-12 ta’ Jannar 2022, il-Kummissjoni rċeviet l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-AFJEL u fit-18 ta’ Jannar 2022 tal-BCG. Fl-20 ta’ Jannar 2022, il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand il-European Gaming and Betting Association (minn hawn ’il quddiem “EGBA”).

(6)

Il-Kummissjoni bagħtet lil Franza l-osservazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ permezz ta’ ittri tal-31 ta’ Jannar 2022 u tal-15 ta’ Frar 2022, filwaqt li tawha l-opportunità li tikkummenta dwarhom u rċeviet il-kummenti tagħha permezz ta’ ittra tad-19 ta’ April 2022.

(7)

Permezz ta’ emails datati t-23 ta’ Frar 2022, it-2 ta’ Mejju 2022, it-8 ta’ Lulju 2022, l-10 ta’ Novembru 2022, is-17 ta’ Novembru 2022, is-6 ta’ Jannar 2023, it-8 ta’ Marzu 2023, it-13 ta’ Marzu 2023, l-20 ta’ Marzu 2023, it-28 ta’ April 2023, it-23 ta’ Ġunju 2023, it-13 ta’ Settembru 2023, id-29 ta’ Settembru 2023, is-26 ta’ Ottubru 2023, l-14 ta’ Diċembru 2023, it-22 ta’ Jannar 2024, it-23 ta’ Jannar 2024, it-2 ta’ Frar 2024, it-12 ta’ Marzu 2024, it-22 ta’ April 2024, it-28 ta’ April 2024, is-16 ta’ Mejju 2024, is-17 ta’ Ġunju 2024, it-18 ta’ Settembru 2024 u l-21 ta’ Ottubru 2024, ir-rappreżentant tal-AFJEL u tal-BCG ipprovda informazzjoni addizzjonali u ltaqa’ mal-Kummissjoni fid-9 ta’ Ġunju 2022 u fis-27 ta’ Settembru 2022.

(8)

Is-servizzi tal-Kummissjoni rċevew informazzjoni addizzjonali mill-awtoritajiet Franċiżi fis-17 ta’ Lulju u fit-23 ta’ Ottubru 2024.

(9)

Is-servizzi tal-Kummissjoni kellhom diskussjonijiet mal-awtorità nazzjonali tal-logħob (minn hawn ’il quddiem “ANJ”, autorité nationale des jeux) fis-27 ta’ Ottubru 2022. Saru mistoqsijiet addizzjonali lill-ANJ fit-12 ta’ Novembru 2022, li wieġbet għalihom fis-27 ta’ Frar 2023.

2.   DESKRIZZJONI TAL-FDJ U TAS-SUQ TAL-LOGĦOB TAL-AZZARD FI FRANZA

2.1.   L-FDJ, il-benefiċjarja tal-allegata għajnuna

(10)

L-FDJ hija l-akbar operatur Franċiż tal-logħob u t-tieni l-akbar operatur tal-lotteriji fl-Ewropa. L-FDJ għandha network ta’ aktar minn 29 000 punt tal-bejgħ f’aktar minn 11 000 muniċipalità u għandha kważi 3 000 impjegat (4).

(11)

Fl-2023, l-FDJ kellha fatturat ta’ EUR 2 621 miljun, qligħ qabel l-imgħax, it-taxxa, id-deprezzament u l-ammortizzament (EBITDA, earnings before interest, taxes, depreciation and amortisation) ta’ EUR 656,8 miljun u introju jew telf nett ta’ EUR 425,1 miljun. Hija kellha EUR 6 710,4 miljun fi dħul gross mil-logħob tal-azzard (5).

(12)

L-FDJ hija l-operatur storiku tal-logħob tal-azzard fi Franza. Fid-9 ta’ Novembru 1978, l-Istat ta drittijiet esklużivi għall-organizzazzjoni u l-operazzjoni tal-lotterija nazzjonali lis-Société de la Loterie nationale et du Loto national, li saret l-FDJ fl-1991 (6). Fl-1 ta’ April 1985, hija ngħatat drittijiet esklużivi għall-operazzjoni tal-imħatri sportivi (minbarra t-tiġrijiet taż-żwiemel) (7).

(13)

Fit-12 ta’ Mejju 2010, Franza fetħet is-settur tal-logħob tal-azzard online għall-kompetizzjoni permezz tal-Liġi Nru 2010-476. Minn dik id-data, is-suq tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel, tal-imħatri sportivi online u tal-logħob tal-poker online b’hekk infetaħ għall-kompetizzjoni. L-FDJ għad għandha monopolju fis-suq tal-lotteriji (il-logħob tal-polza u l-logħob istantanju) u fis-suq tal-imħatri sportivi f’network fiżiku ta’ distribuzzjoni (ħlief għat-tiġrijiet taż-żwiemel) (8).

(14)

Is-suq tal-logħob tal-azzard fi Franza ġie riformat fit-22 ta’ Mejju 2019 (ara t-Taqsima 2.2).

(15)

L-atti regolatorji li wasslu għall-għoti tad-drittijiet esklużivi msemmija fil-premessa (12) tħassru fit-23 ta’ Ġunju 2020 (9).

2.2.   Riforma tal-logħob tal-azzard fi Franza

(16)

Fit-22 ta’ Mejju 2019, l-awtoritajiet Franċiżi adottaw il-Liġi Nru 2019-486 dwar it-tkabbir u t-trasformazzjoni tal-intrapriżi (minn hawn ’il quddiem il-“Liġi PACTE”, plan d’action pour la croissance et la transformation des entreprises) u fit-2 ta’ Ottubru 2019 adottaw id-Digriet Nru 2019-1015 li jirriforma r-regolamentazzjoni tal-logħob tal-azzard (minn hawn ’il quddiem l-“Ordni tal-2019”). Ġew adottati diversi digrieti biex jissupplimentaw dawn iż-żewġ atti regolatorji (10).

(17)

B’dawn l-atti, Franza pprivatizzat l-FDJ u rriformat ir-regolament tal-logħob tal-azzard.

(18)

Ir-riforma tar-regolament tal-logħob tal-azzard (minn hawn ’il quddiem “ir-riforma tal-Liġi PACTE”) iffokat fuq żewġ elementi ewlenin: (i) l-għoti ta’ drittijiet esklużivi lill-FDJ għal perjodu ta’ 25 sena, minn naħa, għall-operat ta’ logħob tal-lotterija kkummerċjalizzat fuq network ta’ distribuzzjoni fiżika u online, u, min-naħa l-oħra, għall-operat ta’ mħatri sportivi kkummerċjalizzati fuq network ta’ distribuzzjoni fiżika bi ħlas ta’ EUR 380 miljun (11); u (ii) it-tassazzjoni tal-imħatri sportivi (12).

3.   FTUĦ TAL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI

(19)

Kif ġie stabbilit fil-premessi (1) u (2), il-Kummissjoni rċeviet żewġ ilmenti dwar l-allegat għoti ta’ għajnuna illegali mill-Istat lill-FDJ: waħda ppreżentata fil-31 ta’ Jannar 2020 mill-AFJEL u l-oħra ppreżentata fil-5 ta’ Marzu 2020 mill-BCG. Iż-żewġ ilmenti għandhom l-istess suġġett (13).

3.1.   Deskrizzjoni tal-miżura soġġetta għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali

(20)

Minħabba l-emendi magħmula mil-Liġi PACTE, l-FDJ kellha tħallas lill-Istat tariffa ta’ EUR 380 miljun, minn naħa, għall-operat ta’ logħob tal-lotterija kkummerċjalizzat fuq network ta’ distribuzzjoni fiżika u online, u, min-naħa l-oħra, għall-operat ta’ mħatri sportivi kkummerċjalizzati fuq network ta’ distribuzzjoni fiżika. Il-prinċipju ta’ tali remunerazzjoni kien previst fl-Artikolu 137(IV) (1°) tal-Liġi PACTE, kif speċifikat fl-Artikolu 17 tal-Ordni tal-2019 (li jipprevedi li “l-ammont ta’ dan il-ħlas għandu jiġi ddeterminat, wara li jinkiseb il-kunsens tal-Kumitat tal-Ekwità u tat-Trasferimenti, fl-ispeċifikazzjonijiet previsti fl-Artikolu 16”).

(21)

Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tar-remunerazzjoni ta’ EUR 380 miljun pagabbli mill-FDJ (minn hawn ’il quddiem “ir-remunerazzjoni” jew “il-kumpens”), l-awtoritajiet Franċiżi użaw metodu differenzjali: huma qabblu l-valur teoretiku tad-drittijiet esklużivi futuri tal-FDJ (mill-2019’il quddiem) f’żewġ sitwazzjonijiet, qabel ir-riforma mwettqa mil-Liġi PACTE (is-sitwazzjoni kontrofattwali qabel il-Liġi PACTE) u wara din ir-riforma (filwaqt li jitqies l-impatt tal-Liġi PACTE fis-sitwazzjoni fattwali).

(22)

Skont ir-rapport finanzjarju dettaljat tal-awtoritajiet Franċiżi tat-13 ta’ Settembru 2019, il-valur teoretiku tad-drittijiet esklużivi tal-FDJ qabel ir-riforma ta’ dawn id-drittijiet mil-Liġi PACTE ġie vvalutat bejn EUR […] (*) miljun u EUR […] miljun. Madankollu, skont l-awtoritajiet Franċiżi, dan il-valur teoretiku jkun affettwat mir-riforma billi:

(a)

impatt negattiv marbut mal-limitazzjoni tad-durata tad-drittijiet esklużivi għal 25 sena, meta dawn ikunu ngħataw qabel mingħajr limitazzjoni tad-durata speċifika (li tirrappreżenta tnaqqis fil-valur ivvalutat fl-għarfien espert finanzjarju ta’ bejn EUR […] miljun u EUR […] miljun)

(b)

impatt pożittiv marbut mal-iżgurar tad-drittijiet esklużivi (14) u mal-istabbilizzazzjoni tal-qafas fiskali (15) li jirriżulta fi pjan ta’ direzzjoni tan-negozju inqas riskjuż milli taħt id-dispożizzjonijiet preċedenti (li jirrappreżenta gwadann fil-valur fl-għarfien espert finanzjarju stmat bejn EUR […] miljun u EUR […] miljun)

(c)

impatt negattiv marbut mal-effetti kkombinati tal-bidla fit-taxxa fuq l-orizzont tal-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju u f’kostijiet addizzjonali oħra mġarrba mill-FDJ bħala riżultat tal-Liġi PACTE, eż. il-kostijiet tal-assigurazzjoni tar-riskju tal-korrispettiv u l-kostijiet tal-kummerċjalizzazzjoni (li jirrappreżentaw tnaqqis fil-valur stmat fl-għarfien espert finanzjarju għal EUR […] miljun)

(23)

Għalhekk, il-valur teoretiku tad-drittijiet esklużivi tal-FDJ wara r-riforma tal-Liġi PACTE ġie stmat għal EUR […] (valur li jista’ jvarja bejn EUR […] u EUR […] skont il-kost medju ponderat tal-kapital u tad-dħul mid-drittijiet esklużivi).

(24)

L-awtoritajiet Franċiżi għalhekk stmaw li r-remunerazzjoni pagabbli mill-FDJ għad-drittijiet esklużivi tagħha kienet bejn EUR 121 u 748 miljun (16) li tikkorrispondi għall-impatt finanzjarju tal-Liġi PACTE.

(25)

Wara l-opinjoni tal-Commission des participations et des transferts (minn hawn ’il quddiem “CPT”), l-awtoritajiet Franċiżi kkonkludew li l-FDJ kellha tħallas remunerazzjoni ta’ EUR 380 miljun, li tirrifletti stima ġusta tad-differenza bejn il-valur teoretiku tad-drittijiet esklużivi tal-FDJ qabel ir-riforma mwettqa mil-Liġi PACTE u l-valur teoretiku ta’ dawn id-drittijiet wara r-riforma

3.2.   Id-deċiżjoni tal-ftuħ

(26)

Permezz tad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar l-approċċ adottat mill-awtoritajiet Franċiżi (il-metodu differenzjali) u jekk l-ammont tal-kumpens kienx konformi mal-prezz tas-suq. Kieku dan ma kienx il-każ, l-FDJ tibbenefika minn vantaġġ kompetittiv.

(27)

Hija tinnota li fil-kuntest tad-deċiżjoni dwar l-operatur Grieg OPAP (“il-preċedent tal-OPAP”) (17), il-Kummissjoni qieset li l-għajnuna kienet konformi mal-prezz tas-suq dment li l-Istat ħalla biss profitt raġonevoli lid-detentur tad-dritt (18). F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni innotat li l-metodu tal-flussi tal-flus skontat (19) kien xieraq sabiex jiġi ddeterminat dan il-profitt raġonevoli.

(28)

Madankollu, il-Kummissjoni tissottolinja fid-deċiżjoni tal-ftuħ li, sabiex tiġi ddeterminata r-remunerazzjoni dovuta mill-FDJ, l-awtoritajiet Franċiżi użaw biċ-ċert il-metodu tal-fluss tal-flus, iżda tbiegħdu mill-approċċ segwit mill-awtoritajiet Griegi fil-preċedent tal-OPAP. B’riżultat tal-metodu differenzjali, huma bbażaw ruħhom fuq tqabbil bejn il-valur teoretiku tad-drittijiet esklużivi tal-FDJ qabel ir-riforma tal-Liġi PACTE u l-valur teoretiku ta’ dawn id-drittijiet wara r-riforma, filwaqt li l-approċċ segwit fil-kawża OPAP kien jikkunsidra l-profitti futuri ġġenerati matul id-durata tal-liċenzja.

(29)

Il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk l-FDJ żammitx profitt raġonevoli biss wara r-riforma tal-Liġi PACTE, minħabba li l-metodu ta’ kalkolu ppreżentat minn Franza jżomm il-profitti ta’ qabel ir-riforma li ma hemm l-ebda indikazzjoni li minnhom infushom kienu raġonevoli.

(30)

Il-Kummissjoni kkontestat ukoll il-pożizzjoni tal-awtoritajiet Franċiżi li, minħabba kontinwità bejn is-sitwazzjoni qabel u wara l-Liġi PACTE, il-Liġi PACTE kienet limitata għal għadd ta’ emendi li l-impatt tagħhom fuq il-valur tad-drittijiet esklużivi jista’ jiġi vvalutat bl-użu tal-metodu differenzjali. Tabilħaqq, il-Kummissjoni qieset b’mod preliminari li d-drittijiet esklużivi tal-FDJ qabel il-Liġi PACTE dehru prekarji u revokabbli u fuq dik il-bażi qieset li l-metodu differenzjali ma kienx jidher ġustifikat. Il-Kummissjoni esprimiet ukoll dubji dwar il-plawżibbiltà ta’ dritt għal kumpens mill-FDJ abbażi tar-responsabbiltà stretta tal-Istat fil-każ ta’ revoka tad-drittijiet esklużivi għall-futur.

(31)

Anki kieku l-metodu differenzjali kien iġġustifikat, il-Kummissjoni esprimiet ukoll dubji dwar il-valur tad-drittijiet esklużivi qabel u wara l-Liġi PACTE stmati minn Franza għal dak il-kalkolu.

(32)

Fl-aħħar nett, b’mod aktar ġenerali, il-Kummissjoni osservat li r-remunerazzjoni ta’ EUR 380 miljun kienet tidher baxxa meta mqabbla ma’ dik imħallsa mill-OPAP, filwaqt li l-OPAP kienet il-kontroparti għal suq Grieg iżgħar u bi drittijiet iżgħar.

(33)

Minbarra d-dubji dwar il-kunċett ta’ benefiċċju, fid-deċiżjoni tal-ftuħ il-Kummissjoni tinnota li l-kriterji l-oħra kollha relatati mal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat jidhru li huma ssodisfati. Jekk il-vantaġġ kompetittiv jiġi kkonfermat u l-miżura tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni tiddikjara li ma għandha l-ebda evidenza biex tikkonkludi li huwa kompatibbli mas-suq intern.

4.   OSSERVAZZJONIJIET TAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI

(34)

Żewġ partijiet ikkonċernati kkummentaw dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ b’appoġġ għall-awtoritajiet Franċiżi (FDJ u UBFT/FNAM) filwaqt li erba’ partijiet ikkonċernati kkummentaw dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ li tikkonferma d-dubji tal-Kummissjoni espressi fid-deċiżjoni tal-ftuħ (EGBA, BCG, AFJEL, BETCLIC).

4.1.   Partijiet b’appoġġ għall-awtoritajiet Franċiżi

4.1.1.   FDJ

(35)

Fl-ewwel lok, l-FDJ tikkontesta l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li d-drittijiet li jirriżultaw mil-Liġi PACTE jikkostitwixxu drittijiet ġodda u tqis li d-drittijiet ta’ wara l-Liġi PACTE huma kontinwazzjoni tad-drittijiet ta’ qabel il-Liġi PACTE.

(36)

L-ewwel nett, hija targumenta li l-Liġi PACTE ma ħassritx id-drittijiet mogħtija lill-FDJ qabel il-Liġi PACTE sabiex tallokahom mill-ġdid. Hija tqis li d-drittijiet ta’ wara l-Liġi PACTE huma kontinwazzjoni tad-drittijiet ta’ qabel il-Liġi PACTE, li huwa kkonfermat mir-rapport parlamentari ta’ tħejjija dwar il-Liġi PACTE: dan jiddikjara li d-drittijiet esklużivi huma miżmuma (20). L-FDJ issostni li mill-analiżi tal-impatt tal-abbozz ta’ liġi tat-18 ta’ Ġunju 2018 (21) jirriżulta li l-għan tar-riforma kien biss li tiġi żgurata ż-żamma ta’ kontroll mill-qrib tal-Istat fuq kumpanija privatizzata u li jiġu ċċarati ċerti modalitajiet ta’ operazzjoni.

(37)

It-tieni, hija ssostni li l-ambitu tad-drittijiet li jirriżultaw mil-Liġi PACTE jibqa’ l-istess. Dan ikun rifless fil-ħidma parlamentari (22). Hija ssostni li l-qafas regolatorju l-ġdid iddefinit mir-riforma tal-2019 sempliċiment ikkjarifika u ċċara s-sistema preeżistenti billi introduċa definizzjonijiet preċiżi tal-logħob li hija topera, mingħajr ma biddel l-ambitu tagħha.

(38)

It-tielet, bi tweġiba għall-premessa 101 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, hija ssostni li d-drittijiet esklużivi li jirriżultaw mil-Liġi PACTE ma għandhomx karatteristiċi ġodda.

(39)

Ir-raba’, hija ssostni li l-Liġi PACTE sempliċiment tbiddel il-“vettur legali” tal-użu tad-drittijiet esklużivi fil-kuntest tal-privatizzazzjoni tal-FDJ, jiġifieri d-drittijiet esklużivi li qabel kienu jirriżultaw minn testi regolatorji li issa jirriżultaw minn testi leġiżlattivi.

(40)

Fit-tieni lok, l-FDJ targumenta li d-drittijiet ta’ qabel il-Liġi PACTE ma kinux prekarji.

(41)

L-ewwel nett, hija tinnota li l-liġi Franċiża tirrikonoxxi l-prinċipju ta’ atti li joħolqu drittijiet revokabbli, li t-tħassir tagħhom jagħti dritt għal kumpens.

(42)

It-tieni, hija targumenta li d-drittijiet ta’ qabel il-Liġi PACTE kienu jaqgħu f’dan il-qafas u li t-tħassir tagħhom kien iwassal għall-għoti ta’ kumpens lill-FDJ.

(43)

It-tielet, hija ssostni li d-drittijiet ta’ wara l-Liġi PACTE ma humiex inaljenabbli u li wara l-Liġi PACTE hemm possibbiltà li jiġu rtirati d-drittijiet esklużivi tal-FDJ.

(44)

Fit-tielet lok, hija ssostni li l-ammont tar-remunerazzjoni tad-drittijiet esklużivi wara l-Liġi PACTE ma huwiex inqas mill-ammont tar-remunerazzjoni għad-drittijiet esklużivi fis-sitwazzjoni tal-OPAP.

(45)

L-ewwel nett, hija ssostni li r-remunerazzjoni ta’ EUR 375 miljun fil-kawża OPAP fil-fatt tikkonsisti f’EUR 300 miljun li jikkorrispondu għall-ħlas ta’ somma mħallsa mill-OPAP fl-2011 bl-għan li tħallas bil-quddiem parti mill-imposti pubbliċi dovuti mill-OPAP mill-2020 sal-2030 u li huma biss EUR 75 miljun addizzjonali ta’ remunerazzjoni li għandhom jitqiesu bħala kumpens għad-drittijiet esklużivi.

(46)

It-tieni, hija targumenta li l-FDJ kellha tħallas imposti pubbliċi akbar (23) minn dawk li kellha tħallas l-OPAP (2,5 darbiet aktar imposti għall-FDJ bejn l-2011 u l-2020) u li l-profitt jew it-telf nett tal-FDJ huwa ħafna inqas minn dak tal-OPAP f’dak il-perjodu (EUR 1,3 biljun għall-FDJ meta mqabbel ma’ EUR 2,4 biljun għall-OPAP).

(47)

Fir-raba’ lok, hija ssostni li, qabel il-Liġi PACTE, id-drittijiet tal-FDJ ma kellhom l-ebda limitu sa mill-2006, u li l-possibbiltà ta’ rtirar ta’ qabel il-Liġi PACTE kienet possibbli biss b’kumpens mill-Istat.

4.1.2.   UBFT/FNAM

(48)

Dawn iż-żewġ assoċjazzjonijiet jikkontestaw l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li d-drittijiet tal-FDJ ta’ qabel il-Liġi PACTE kienu revokabbli u prekarji (24). Huma jsostnu li l-FDJ kellha drittijiet ta’ qabel il-Liġi PACTE li ma setgħux jiġu kkontestati f’daqqa u mingħajr kumpens. Huma jargumentaw li, f’diversi okkażjonijiet, id-drittijiet esklużivi ġew imsaħħa mill-Gvern (fiż-żmien tal-liberalizzazzjoni tal-2010) u mill-qrati Franċiżi (il-Kunsill tal-Istat u l-Qorti tal-Kassazzjoni fl-2000 (25), fl-2007 (26), fl-2009 (27), fl-2011 (28) u fl-2013 (29)) u jfakkru li, fl-2017, il-Kummissjoni Ewropea temmet id-diversi proċeduri ta’ ksur u lmenti dwar il-logħob tal-azzard.

(49)

Dawn iż-żewġ assoċjazzjonijiet jikkontestaw ukoll l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li, fil-każ ta’ rtirar ta’ drittijiet, l-FDJ ma kinitx tkun f’pożizzjoni li titlob kumpens. Fil-fehma tagħhom, it-tħassir tad-dmirijiet tqies mill-qrati Franċiżi bħala ta’ natura serja u speċjali li tat lok għal dritt għal kumpens. Huma jinnotaw li hemm preċedent għat-tħassir mill-Istat tad-drittijiet esklużivi relatati mal-lotterija li wasslu għal kumpens (30).

(50)

Fl-aħħar nett, għall-kuntrarju ta’ dak li tiddikjara l-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ (31), huma jqisu li l-FDJ ħallset remunerazzjoni lill-Istat għad-drittijiet esklużivi tiegħu fil-forma ta’ imposti fiskali u mhux fiskali mill-1978. L-FDJ effettivament ħallset diversi għexieren ta’ biljuni lill-Istat matul il-perjodu 1978-2019 permezz ta’ imposti speċifiċi fuq il-logħob; l-Istat allegatament wettaq irtirar unilaterali ta’ FRF […] miljun fl-1983 u FRF […] miljun fl-1985; mill-1988 sal-2017, l-FDJ ħallset […] tal-profitt distribwibbli tagħha lill-azzjonisti tagħha u għalhekk lill-Istat fl-ammont ta’ 72 %.

4.2.   Il-partijiet li huma tal-fehma li d-dubji espressi fid-deċiżjoni tal-ftuħ huma fondati

4.2.1.   EGBA

(51)

L-EGBA ssostni, billi tibbaża ruħha fuq il-preċedent dwar l-OPAP, li r-remunerazzjoni mħallsa mill-FDJ bħala korrispettiv għad-drittijiet esklużivi hija insuffiċjenti.

(52)

L-EGBA tinnota li r-remunerazzjoni pagabbli mill-FDJ hija ferm aktar baxxa mill-valur preżenti nett tad-drittijiet esklużivi, li jħalli lill-FDJ profitt ogħla mill-profitt raġonevoli. L-EGBA ssostni li l-metodu adottat mill-awtoritajiet Franċiżi sabiex jiddeterminaw l-ammont tar-remunerazzjoni dovuta (il-metodu differenzjali) u l-istimi magħmula minnhom (valur tad-drittijiet ta’ qabel u ta’ wara l-Liġi PACTE) huma żbaljati.

(53)

Hija tqis li d-dubji kollha espressi mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ u msemmija fil-premessi (26) sa (32) ta’ din id-deċiżjoni huma fondati.

4.2.2.   AFJEL/BCG

(54)

L-AFJEL u l-BCG isostnu li r-remunerazzjoni ta’ EUR 380 miljun pagabbli mill-FDJ għall-għoti ta’ drittijiet esklużivi għal perjodu ta’ 25 sena (2019-2044) hija insuffiċjenti.

(55)

L-AFJEL u l-BCG ikomplu jsostnu li r-remunerazzjoni ta’ EUR 380 miljun ma hijiex konformi mal-prezz tas-suq. L-ewwel nett, huma jsostnu li l-metodu ta’ kalkolu użat sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-kumpens huwa żbaljat peress li jmur kontra l-preċedent tal-OPAP. Huma jikkontestaw l-argument tal-awtoritajiet Franċiżi li d-drittijiet tal-FDJ ta’ wara l-Liġi PACTE jiffurmaw parti mill-kontinwità tad-drittijiet ta’ qabel il-Liġi PACTE u li ma jikkostitwixxux drittijiet ġodda: fil-fehma tagħhom, il-Liġi PACTE tintroduċi qafas legali ġdid li jintroduċi bidliet kbar fir-reġim ta’ qabel il-Liġi PACTE. Huma jsostnu wkoll li l-kalkolu tar-remunerazzjoni għandu jqis l-għajnuna illegali kollha rċevuta matul il-perjodu 2010-2019. It-tieni, huma jsostnu li l-FDJ ma għandu l-ebda dritt għal kumpens fil-każ ta’ rtirar tad-drittijiet esklużivi. It-tielet, huma jargumentaw li l-evalwazzjoni tar-remunerazzjoni hija żbaljata peress li l-awtoritajiet Franċiżi qiesu b’mod żbaljat li r-riforma jista’ jkollha impatt negattiv fuq l-FDJ minkejja li d-drittijiet esklużivi li l-FDJ tista’ tuża u r-remunerazzjoni li tista’ tikseb minnhom huma protetti, konfermati u estiżi fl-ambitu tagħhom, u minkejja li ngħatat sistema fiskali aktar vantaġġuża. Ir-raba’, Franza ma vvalutatx l-estensjoni tal-ambitu tal-possibbiltajiet tal-logħob offruti lill-FDJ taħt id-drittijiet esklużivi ta’ wara l-Liġi PACTE.

4.2.3.   BETCLIC

(56)

Fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħha, BETCLIC infurmat lill-Kummissjoni dwar azzjonijiet li għadhom għaddejjin quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) li jfittxu li jikkontestaw id-digrieti adottati abbażi tal-Ordni tal-2019 (ara l-premessa (16) ta’ din id-deċiżjoni).

(57)

BETCLIC bagħtet lill-Kummissjoni r-rikorsi ppreżentati quddiem il-Kunsill tal-Istat li fihom hija ssostni, billi bbażat ruħha fuq il-preċedent tal-OPAP, li r-remunerazzjoni mħallsa mill-FDJ bħala korrispettiv għad-drittijiet esklużivi hija insuffiċjenti.

5.   KUMMENTI TAL-AWTORITAJIET FRANĊIŻI

(58)

Fl-iskambji tagħhom mal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Franċiżi wieġbu fis-26 ta’ Mejju 2020 għall-ittri tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Frar 2020 u tat-13 ta’ Marzu 2020. Huma ssottomettew osservazzjonijiet fit-3 ta’ Novembru 2021 dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ tas-26 ta’ Lulju 2021 u ssottomettew osservazzjonijiet addizzjonali fit-22 ta’ April 2022.

(59)

L-ewwel nett, l-awtoritajiet Franċiżi jargumentaw li l-Liġi PACTE ma ħassritx u ma allokatx drittijiet ġodda iżda emendat il-qafas legali tad-drittijiet li diġà kellha l-FDJ. Fil-fehma tagħhom, (i) id-detentur tad-drittijiet (l-FDJ), in-natura legali tad-drittijiet esklużivi u l-ambitu tagħhom jibqgħu l-istess; (ii) id-durata tad-drittijiet biss tnaqqset (minn durata mhux limitata għal 25 sena) u (iii) il-qafas legali, b’mod partikolari dak fiskali u l-ħolqien ta’ awtorità regolatorja, ġie żgurat u l-ambitu tad-drittijiet speċifikat mil-Liġi PACTE. L-awtoritajiet Franċiżi jibbażaw ruħhom fuq l-analiżi ġenerali tal-Liġi PACTE, li ġiet iċċarata permezz tal-ħidma parlamentari (32) u tal-pożizzjonijiet tal-Kunsill tal-Istat (33), fuq l-iskeda tad-dħul fis-seħħ tad-diversi emendi għad-drittijiet esklużivi, li seħħew f’dati differenti, u fuq l-interpretazzjoni tal-kunsens tas-CPT dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja dovuta mill-FDJ skont il-Liġi PACTE (34).

(60)

It-tieni, fir-rigward tar-remunerazzjoni tad-drittijiet esklużivi, l-awtoritajiet Franċiżi jqisu li l-kalkolu tal-korrispettiv finanzjarju għall-FDJ permezz tal-metodu differenzjali ma kienx issottovaluta r-remunerazzjoni.

(61)

L-awtoritajiet Franċiżi jinnotaw li l-metodu ta’ valutazzjoni tal-korrispettiv ma huwiex komparabbli ma’ dak tal-preċedent tal-OPAP, peress li l-FDJ gawda minn drittijiet esklużivi qabel il-Liġi PACTE għal żmien indeterminat u li ma ngħatatx drittijiet esklużivi ġodda iżda dawn id-drittijiet ġew salvagwardjati u limitati fiż-żmien. Barra minn hekk, huma jqisu li l-valur tas-salvagwardja tad-drittijiet esklużivi tal-FDJ ittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-korrispettiv finanzjarju.

(62)

It-tielet, l-awtoritajiet Franċiżi jsostnu li, skont il-metodu differenzjali, il-valur teoretiku tad-drittijiet ta’ wara l-Liġi PACTE ma kienx sottovalutat peress li l-Liġi PACTE ma tatx lill-FDJ il-possibbiltà li tiżviluppa logħob ġdid.

(63)

L-awtoritajiet Franċiżi jsostnu li l-istima tal-ammont tal-kumpens saret mis-CPT b’mod indipendenti u skont approċċ b’diversi kriterji bl-użu ta’ metodi oġġettivi fuq il-bażi ta’ rapporti mfassla mill-banek konsultattivi tal-Istat Franċiż.

(64)

Ir-raba’, l-awtoritajiet Franċiżi josservaw li, għalkemm l-ebda remunerazzjoni ma kienet formalment imħallsa skont il-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat qabel il-Liġi PACTE, l-FDJ, sa mill-bidu tagħha, ħallset pagamenti għoljin lill-Istat permezz ta’ loġika ta’ limitu massimu fuq l-imħatri.

(65)

Huma jsostnu wkoll li l-kawża FDJ ma tistax titqabbel mal-kawża OPAP, li kienet tikkonċerna l-għoti ta’ drittijiet ġodda u l-estensjoni tad-drittijiet li kienu waslu biex jiskadu, filwaqt li fil-kawża FDJ, Franza sempliċiment emendat, permezz tal-Liġi PACTE, id-drittijiet ta’ żamma mogħtija lill-FDJ. Huma jsostnu wkoll li r-remunerazzjoni ta’ EUR 380 miljun hija komparabbli ma’ dik aċċettata mill-Kummissjoni f’dak preċedenti dwar l-OPAP. L-awtoritajiet Franċiżi jikkalkulaw li, fir-rigward tal-prodott gross mil-logħob (PBJ, produit brut des jeux) tal-FDJ u tal-OPAP (35), il-kumpensi pagabbli minn dawn iż-żewġ operaturi huma qrib, jekk mhux qrib ħafna.

(66)

Il-ħames, l-awtoritajiet Franċiżi jsostnu li l-miżura eżaminata ma għandha l-ebda effett fuq il-kompetizzjoni peress li l-FDJ, bħala operatur li jgawdi minn drittijiet esklużivi, titqiegħed f’sitwazzjoni ta’ monopolju legali, li jimplika nuqqas ta’ kompetizzjoni fis-suq u għas-suq. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Franċiżi jargumentaw li l-vantaġġ finanzjarju għall-FDJ li jirriżulta mill-għoti ta’ drittijiet esklużivi ma huwiex tali li jagħmilha aktar diffiċli għall-operaturi minn Stati Membri oħra li jidħlu fis-suq Franċiż peress li ma humiex f’kompetizzjoni mal-logħob offrut mill-FDJ taħt drittijiet esklużivi.

(67)

Is-sitt, f’nota tal-15 ta’ April 2022, l-awtoritajiet Franċiżi josservaw li s-salvagwardja tad-drittijiet esklużivi tal-FDJ mil-Liġi PACTE ma kinitx tikkonsisti fir-revoka tad-drittijiet, peress li l-leġiżlatur jibqa’ kompetenti sabiex jirrevokahom qabel l-iskadenza tagħhom. Barra minn hekk, il-Liġi Nru 2010-476, tat-12 ta’ Mejju 2010, kif emendata bid-Digriet tal-2019, diġà kienet tipprevedi mekkaniżmu ta’ sospensjoni jew ta’ rtirar tal-awtorizzazzjonijiet tal-logħob tal-FDJ mir-regolatur fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet li fihom l-operat tal-logħob kien awtorizzat u mekkaniżmu ta’ sospensjoni jew ta’ projbizzjoni tal-operat ta’ logħba mill-Ministru għall-Baġit għal raġunijiet ta’ salvagwardja tal-ordni pubbliku. Dawn il-mekkaniżmi huma applikabbli għal-logħob kollu operat mill-FDJ abbażi tad-drittijiet esklużivi tagħha. L-impatt pożittiv tas-salvagwardja li jirriżulta mil-Liġi PACTE jikkonsisti, minn naħa, fil-bidla minn drittijiet esklużivi mogħtija preċedentement permezz ta’ digriet għal żmien indeterminat għal drittijiet esklużivi previsti mil-liġi għal tul massimu ta’ 25 sena (li jirriżulta fi premium tar-riskju mnaqqas fil-kost tal-kapital tal-FDJ) u, min-naħa l-oħra, fl-istabbiliment ta’ qafas fiskali stabbilizzat. Dan l-impatt kellu jiġi kkunsidrat fl-evalwazzjoni tar-remunerazzjoni dovuta mill-FDJ li twettqet mis-CPT. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Franċiżi jfakkru li, fil-fehma tagħhom, il-kontrolli eżistenti fuq l-offerta tal-logħob tal-FDJ ġew imsaħħa b’mod sinifikanti bir-riforma u li l-ambitu tad-drittijiet esklużivi tal-FDJ ġie limitat b’mod aktar strett minħabba l-Liġi PACTE (36).

(68)

Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Franċiżi infurmaw lill-Kummissjoni bid-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Istat Nru 436434, Nru 436450, Nru 436814, Nru 436822, Nru 436866, Nru 436439, Nru 436441 u Nru 436449 tal-14 ta’ April 2023 li jiċħdu t-talbiet kollha tal-ilmentaturi (37) u jaffermaw mill-ġdid b’mod partikolari li d-drittijiet esklużivi tal-FDJ kienu kontinwi qabel u wara l-Liġi PACTE, li, skont l-awtoritajiet Franċiżi, jikkonferma kalkolu tar-remunerazzjoni tad-drittijiet esklużivi abbażi tal-metodu differenzjali.

6.   VALUTAZZJONI TAL-MIŻURA

(69)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE): “kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”.

(70)

Konsegwentement, sabiex tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, miżura għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

(a)

il-miżura inkwistjoni trid tingħata permezz ta’ riżorsi tal-Istat u tkun attribwibbli lill-Istat;

(b)

il-miżura trid tagħti vantaġġ ekonomiku lill-benefiċjarju/i tagħha;

(c)

dak il-vantaġġ irid ikun selettiv; u

(d)

il-miżura inkwistjoni trid twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni jew thedded li tagħmel dan u trid tkun tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

6.1.   L-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

6.1.1.   Kunċett ta’ intrapriża u ta’ attività ekonomika

(71)

Skont ġurisprudenza stabbilita, “il-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-kundizzjoni ġuridika ta’ din l-entità u mill-mod ta’ finanzjament tagħha” (38). Għalhekk, jekk entità partikolari tikkostitwixxix impriża jew le jiddependi kompletament fuq in-natura tal-attivitajiet tagħha. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ beni jew servizzi f’suq partikolari tikkostitwixxi attività ekonomika” (39).

(72)

L-FDJ toffri, bi ħlas, logħob tal-lotteriji (logħob tal-polza u logħob istantanju) u servizz ta’ mħatri sportivi (minbarra t-tiġrijiet taż-żwiemel) fis-suq tal-logħob tal-azzard (ara, f’dan is-sens, it-Taqsima 2.1 ta’ din id-Deċiżjoni).

(73)

Għaldaqstant, l-FDJ hija tabilħaqq impriża li teżerċita attività ekonomika skont l-Artikolu 107(1) TFUE.

6.1.2.   Użu tar-riżorsi tal-Istat u imputabbiltà tal-miżura lill-Istat

(74)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, huma biss il-miżuri mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat li jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. L-għoti ta’ vantaġġ direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u l-imputabbiltà ta’ tali miżura lill-Istat huma żewġ kundizzjonijiet separati u kumulattivi għall-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat (40).

(75)

Fir-rigward tal-kriterju relatat mal-imputabbiltà tal-miżura lill-Istat, il-Kummissjoni tinnota li r-riforma tad-drittijiet esklużivi ġiet introdotta mil-Liġi PACTE, l-Ordinanza tal-2019 u d-Digriet ta’ Implimentazzjoni Nru 2019-1060 tas-17 ta’ Ottubru 2019 (41). Għalhekk, il-miżura hija attribwibbli lill-Istat, li huwa l-oriġini ta’ dawk l-atti regolatorji.

(76)

Fir-rigward tal-kriterju tar-riżorsi tal-Istat, wieħed irid ifakkar li, meta l-Istat jagħti drittijiet speċjali, huwa jista’ jaġixxi bħala regolatur u jiddeċiedi b’mod leġittimu li ma jimmassimizzax id-dħul li normalment kien jinġabar mingħajr ma jaqa’ taħt ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, bil-kundizzjoni li l-operaturi kollha kkonċernati jiġu ttrattati f’konformità mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u li jkun hemm rabta ċara bejn il-kisba tal-objettiv regolatorju u r-rifjut tad-dħul (42). F’każijiet bħal dawn, il-proċedura tal-għażla trid tkun ibbażata fuq kriterji stabbiliti ex ante b’mod trasparenti u mhux diskriminatorju (43). Jekk dan ikun il-każ, id-detenturi tad-drittijiet ma jibbenefikawx minn għajnuna mill-Istat f’konformità mal-Artikolu 107(1) TFUE. Madankollu, huwa ċar li dawn il-kundizzjonijiet ma humiex issodisfati f’dan il-każ. Barra minn hekk, l-għoti ta’ dritt esklużiv huwa, min-natura tiegħu stess, diskriminatorju, b’tali mod li l-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq ma jistgħux jiġu ssodisfati. Għandu jiġi ċċarat li, sabiex jiġi kkaratterizzat l-involviment tar-riżorsi tal-Istat, ma hemmx bżonn li jsir trasferiment pożittiv ta’ fondi; ir-rinunzja tad-dħul li normalment kien jitħallas lill-Istat tikkostitwixxi trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat (44).

(77)

Konsegwentement, il-miżura inkwistjoni hija attribwibbli lill-Istat Franċiż u tingħata permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

6.1.3.   Selettività tal-miżura

(78)

Sabiex tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat, miżura trid tkun selettiva, jiġifieri trid tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE.

(79)

Il-miżura soġġetta għad-Deċiżjoni (l-għoti ta’ drittijiet esklużivi lill-FDJ għal perjodu ta’ 25 sena għal remunerazzjoni ta’ EUR 380 miljun) tikkonċerna biss lill-FDJ.

(80)

Fil-każ ta’ għajnuna individwali, is-selettività tal-miżura hija preżunta. Fi kwalunkwe każ, l-FDJ huwa l-uniku wieħed li jibbenefika mid-drittijiet esklużivi għall-operat ta’ logħob tal-lotterija kkummerċjalizzat fuq network fiżiku ta’ distribuzzjoni u online, kif ukoll għall-operat ta’ mħatri sportivi kkummerċjalizzati fuq network fiżiku ta’ distribuzzjoni.

6.1.4.   Distorsjoni tal-kompetizzjoni u effett fuq il-kummerċ

(81)

Miżura mogħtija mill-Istat titqies li twassal għal distorsjoni jew thedded li twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni meta x’aktarx li ttejjeb il-pożizzjoni kompetittiva tal-benefiċjarju tagħha meta mqabbel ma’ intrapriżi kompetituri oħra (45). Fil-prattika, distorsjoni tal-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE ġeneralment tinstab meta l-Istat jagħti benefiċċju finanzjarju lil intrapriża f’settur liberalizzat fejn teżisti jew tista’ teżisti kompetizzjoni (46).

(82)

Il-Kummissjoni tinnota li, minn meta daħlet fis-seħħ il-Liġi Nru 2010-476 tat-12 ta’ Mejju 2010, is-settur tal-logħob tal-azzard online infetaħ għall-kompetizzjoni (imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel, imħatri sportivi u logħob tal-poker online). L-FDJ tikkompeti fis-suq tal-imħatri sportivi online (minbarra t-tiġrijiet taż-żwiemel). Għaldaqstant, kull benefiċċju finanzjarju marbut mal-għoti tad-drittijiet esklużivi huwa ta’ natura li jsaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tal-FDJ meta mqabbla ma’ dik ta’ intrapriżi kompetituri oħra, b’mod partikolari fis-suq tal-imħatri sportivi online.

(83)

F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Franċiżi sostnew li l-miżura ma hijiex ta’ natura li ssaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tal-FDJ meta mqabbla ma’ dik ta’ intrapriżi kompetituri oħra.

(84)

L-awtoritajiet Franċiżi jsostnu li (i) l-FDJ tinsab f’sitwazzjoni ta’ monopolju legali għall-attivitajiet eżaminati, bl-esklużjoni ta’ kull kompetizzjoni fis-suq u għas-suq u (ii) li l-attivitajiet tal-FDJ fuq il-bażi tad-drittijiet esklużivi tal-FDJ jikkostitwixxu swieq rilevanti distinti mill-attivitajiet l-oħra tal-logħob tal-azzard soġġetti għall-kompetizzjoni (imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel, imħatri sportivi u logħob tal-poker online).

(85)

Barra minn hekk, sa mill-ħolqien tagħha, l-FDJ ma hijiex prekluża milli tkun attiva fi Stati Membri oħra tal-Unjoni fi swieq miftuħa għall-kompetizzjoni jew milli tikkompeti ma’ operaturi oħra għall-għoti ta’ drittijiet esklużivi fi Stati Membri oħra. Jidher li l-FDJ hija attiva f’diversi pajjiżi oħra barra Franza (pereżempju, fl-2023, hija akkwistat lil Premier Lotteries Ireland, li għandha d-drittijiet esklużivi li topera l-lotterija nazzjonali Irlandiża sal-2034) u topera fi swieq oħra minbarra s-servizzi bi drittijiet esklużivi, bħall-imħatri sportivi online.

(86)

Għalhekk, il-miżura tista’ tfixkel il-kompetizzjoni fis-settur tal-logħob tal-azzard, b’mod partikolari fis-suq tal-lotteriji u tal-imħatri sportivi.

(87)

Fir-rigward tal-kriterju tal-effett fuq il-kummerċ, skont ġurisprudenza stabbilita, ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit li l-għajnuna għandha effett reali fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, iżda li jiġi eżaminat jekk din l-għajnuna tistax taffettwa dan il-kummerċ (47). F’dan il-każ, il-Liġi Nru 2010-476, tat-12 ta’ Mejju 2010, ippermettiet lill-operaturi ta’ Stati Membri oħra jidħlu fis-suq Franċiż billi fetħet is-settur tal-logħob tal-azzard online għall-kompetizzjoni. Għaldaqstant, il-benefiċċju finanzjarju għall-FDJ li jirriżulta mill-għoti ta’ drittijiet esklużivi jista’ jagħmel aktar diffiċli d-dħul ta’ dawn l-operaturi fis-suq u jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(88)

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni tqis li l-miżura tfixkel jew tista’ tfixkel il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

6.1.5.   Preżenza ta’ vantaġġ ekonomiku

(89)

F’konformità mal-Artikolu 107(1) TFUE, sabiex jiġi evalwat jekk miżura tal-Istat tikkostitwixxix għajnuna lil impriża, għandu jiġi ddeterminat jekk l-impriża inkwistjoni tibbenefikax minn vantaġġ ekonomiku li ma jħallihiex iġġarrab spejjeż li normalment kien ikollhom jitħallsu mir-riżorsi finanzjarji proprji tagħha jew jekk tibbenefikax minn vantaġġ li ma kinitx tibbenefika minnu f’kundizzjonijiet normali tas-suq, jiġifieri fin-nuqqas ta’ intervent mill-Istat (48).

(90)

Fil-kuntest tal-għoti ta’ drittijiet esklużivi, jidher li jinħoloq vantaġġ meta l-benefiċjarju tat-tariffi ma jħallasx remunerazzjoni suffiċjenti li tista’ titqies li hija konformi ma’ prezz tas-suq (49).

(91)

Permezz tad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar l-approċċ adottat biex jiġi evalwat l-ammont ta’ din ir-remunerazzjoni (metodu differenzjali) mill-awtoritajiet Franċiżi u jekk ir-remunerazzjoni ta’ EUR 380 miljun kinitx konformi mal-prezz tas-suq (50). B’hekk, il-Kummissjoni innotat f’din id-deċiżjoni li r-remunerazzjoni għall-għoti tad-drittijiet esklużivi mogħtija kienet tidher sostanzjalment inqas minn prezz li jista’ jitqies bħala prezz tas-suq, li jagħti vantaġġ favur l-FDJ.

6.1.5.1.   Metodoloġija għall-kalkolu tar-remunerazzjoni

6.1.5.1.1.   Ġustifikazzjoni tal-metodu differenzjali għall-kalkolu tal-kumpens għall-perjodu 2019-2044

(92)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni kienet tal-fehma preliminari li d-drittijiet mogħtija lill-FDJ mil-Liġi PACTE kienu drittijiet ġodda bħala riżultat tal-bidla fil-qafas legali u l-karatteristiċi l-ġodda tad-drittijiet esklużivi li jirriżultaw mir-riforma (b’mod partikolari d-durata, ir-remunerazzjoni dovuta u l-garanzija tad-drittijiet (51)).

(93)

Il-Kummissjoni ddikjarat fid-deċiżjoni tal-ftuħ li l-argumenti tal-awtoritajiet Franċiżi bbażati fuq kontinwità tad-drittijiet dehru ineffettivi u minnhom ikkonkludiet li s-sistema tad-drittijiet esklużivi preeżistenti għal-Liġi PACTE kienet, b’riżultat tal-Liġi PACTE, sostanzjalment affettwata u emendata b’tali mod li s-sistema tad-drittijiet esklużivi ta’ wara l-Liġi PACTE kienet tikkostitwixxi għajnuna ġdida.

(94)

Il-Kummissjoni tinnota li, kif indikat mill-awtoritajiet Franċiżi wara l-bidu tal-proċediment formali, id-drittijiet esklużivi tal-FDJ kienu jeżistu qabel il-Liġi PACTE: dawn id-drittijiet jirriżultaw minn testi preċedenti għal-Liġi PACTE, b’mod partikolari mid-Digrieti tad-9 ta’ Novembru 1978 u tal-1 ta’ April 1985. Filwaqt li dawn id-digrieti tħassru wara l-adozzjoni tal-Liġi PACTE (u għalhekk fi żmien meta l-Liġi PACTE kien diġà l-mezz legali għal dawn id-drittijiet), id-drittijiet esklużivi nfushom ma tħassrux iżda ġew emendati biss. L-awtoritajiet Franċiżi jindikaw ukoll li d-drittijiet preċedenti kellhom “sustanza ekonomika reali” sa fejn l-FDJ kienet, bħala prinċipju, tkun intitolata għal kumpens li kieku dawn id-drittijiet kellhom jiġu rrevokati. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li kemm fil-qafas legali ta’ qabel il-Liġi PACTE kif ukoll fil-qafas legali l-ġdid li jirriżulta mil-Liġi PACTE, id-drittijiet esklużivi tal-FDJ setgħu u jistgħu legalment jiġu rrevokati (skont modalitajiet differenti): il-protezzjoni tad-drittijiet permezz tal-Liġi PACTE għalhekk ma tikkostitwixxix bidla fin-natura tad-drittijiet f’dan ir-rigward. Bl-istess mod, kif indikat mill-awtoritajiet Franċiżi, il-karatteristiċi ewlenin tad-drittijiet ma nbidlux mil-Liġi PACTE. Din il-liġi wasslet biss għal bidla fil-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet, fil-kuntest tal-privatizzazzjoni tal-FDJ, billi emendat il-qafas fiskali, billi speċifikat durata għal dawn id-drittijiet, billi stabbilixxiet qafas aktar iddettaljat għal-logħob taħt drittijiet esklużivi u billi waqqfet awtorità regolatorja (52).

(95)

Il-Kummissjoni tinnota li din l-analiżi hija kkonfermata mill-Kunsill tal-Istat fid-deċiżjonijiet tiegħu tal-14 ta’ April 2023 (ara l-premessa (68)) (53). Din tal-aħħar tqis ukoll li l-logħob tal-FDJ taħt drittijiet esklużivi permessi mil-Liġi PACTE huwa ddefinit u ddettaljat b’mod ċar u ma jippermettix lill-FDJ tiżviluppa, bħala parti mill-monopolju tagħha, logħob li jaqa’ taħt is-segmenti tal-logħob u tal-imħatri miftuħa għall-kompetizzjoni (54). Billi jikkunsidra li l-approċċ li skontu “temm l-allokazzjoni ta’ drittijiet esklużivi lill-FDJ mingħajr terminu limitat u liċenzja ġdida li kienet ingħatatilha” jikkostitwixxi “xenarju teoretiku, li ma huwiex dak adottat mil-Liġi PACTE”, is-CPT jikkonferma wkoll li l-Liġi PACTE sempliċiment immodifikat id-drittijiet esklużivi tal-FDJ.

6.1.5.1.2.   Applikazzjoni tal-metodu differenzjali għall-kalkolu tar-remunerazzjoni dovuta mill-FDJ

(96)

Filwaqt li jitqies il-metodu differenzjali ġġustifikat, tibqa’ l-kwistjoni dwar jekk l-implimentazzjoni tiegħu mill-awtoritajiet Franċiżi tevitax l-eżistenza ta’ vantaġġ għall-FDJ fid-dawl tad-dubji mqajma mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ (ara l-premessi (26) sa (32)).

(97)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-kalkoli li saru mill-awtoritajiet Franċiżi fl-implimentazzjoni tal-metodu differenzjali dwar: (i) il-valur teoretiku tad-drittijiet futuri wara l-impatt tal-Liġi PACTE (xenarju fattwali) (55); (ii) il-valur teoretiku tad-drittijiet futuri mingħajr l-impatt tal-Liġi PACTE (xenarju kontrofattwali – il-metodi 1 u 2) (56); u (iii) il-possibbiltà li l-FDJ tikseb kumpens abbażi tar-responsabbiltà stretta tal-Istat (xenarju kontrofattwali alternattiv – metodu 3).

(98)

Sabiex jiġi kkalkulat il-kumpens fil-mument tal-adozzjoni tal-Liġi PACTE, l-awtoritajiet Franċiżi, minn naħa, stmaw il-valur tal-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju ta’ wara l-Liġi PACTE (xenarju fattwali) abbażi ta’ kalkolu tal-valur preżenti nett (VPN) tad-drittijiet esklużivi futuri. Dan il-kalkolu huwa bbażat fuq l-aħħar pjan ta’ direzzjoni tan-negozju tal-attivitajiet bi drittijiet esklużivi użat għall-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni tal-FDJ fil-kuntest tal-proġett ta’ offerta pubblika inizjali. Il-Kummissjoni tinnota li l-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju ta’ wara l-liġi PACTE nbena b’mod realistiku u huwa konformi mar-realtajiet tas-suq minħabba li huwa bbażat fuq projezzjonijiet finanzjarji bbażati fuq analiżi tal-attività tal-FDJ ta’ tmien istituzzjonijiet finanzjarji (57) u huwa bbażat fuq il-parametri regolatorji u legali applikabbli għad-durata tad-drittijiet esklużivi, b’mod partikolari t-tassazzjoni speċifika tal-logħob li tirriżulta mil-Liġi PACTE innifisha.

(99)

Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet Franċiżi kkalkulaw il-VPN tad-drittijiet esklużivi futuri abbażi tal-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju ta’ qabel il-Liġi PACTE skont tliet metodi u 11-il xenarju differenti, li kull wieħed ivarja skont is-suppożizzjonijiet dwar ir-rata ta’ kummissjoni, jiġifieri s-sehem tal-ħlasijiet li takkumula l-FDJ wara l-imposti pubbliċi speċifiċi fuq il-logħob – u b’hekk ir-remunerazzjoni b’sald uniku tal-FDJ – (metodu 1), il-kost medju ponderat tal-kapital (“CMPC”, coût moyen pondéré du capital) (metodu 2), jew il-kumpens dovut mill-Istat f’każ ta’ revoka tad-drittijiet esklużivi fl-2019 (metodu 3). It-tielet metodu ntalab espressament mis-CPT, iżda ntuża biss bħala metodu komplementari.

(100)

Il-metodu 1 imsejjaħ “skont il-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju” evalwa, skont il-mudell tal-fluss ta’ flus skontat (DCF, discounted cash flow) u r-rata ta’ skont (CMPC) stmata għal madwar 7 %, id-differenza fil-valur tad-drittijiet esklużivi tal-FDJ abbażi tal-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju ta’ wara l-Liġi PACTE u l-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju ta’ qabel il-Liġi PACTE (58) affettwat minn diversi suppożizzjonijiet ta’ tnaqqis fil-grad li jirriżultaw minn bidliet negattivi potenzjali fil-qafas regolatorju u tat-taxxa fin-nuqqas tal-Liġi PACTE.

(101)

Dan it-tieni pjan ta’ direzzjoni tan-negozju (ta’ qabel il-Liġi PACTE, pjan ta’ direzzjoni tan-negozju kontrofattwali) huwa mibni f’żewġ stadji:

(a)

Huwa bbażat l-ewwel nett fuq il-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju tal-FDJ (b’kont meħud tal-emendi magħmula mil-Liġi PACTE) li jikkoreġi l-impatti kkawżati mil-Liġi PACTE (b’mod partikolari t-tassazzjoni u d-durata) sabiex jerġa’ lura għall-qafas fiskali u regolatorju oriġinali.

(b)

Dan il-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju huwa mbagħad il-bażi għal diversi xenarji li jirriflettu l-impatt negattiv ta’ serje ta’ deċiżjonijiet li l-Istat seta’ potenzjalment jieħu fuq l-evoluzzjoni tal-imposti pubbliċi jew fuq il-politika ta’ awtorizzazzjoni tal-logħob.

(102)

Tliet xenarji huma parti mill-kontinwità ta’ deċiżjonijiet li fil-fatt affettwaw lill-kumpanija fil-passat, bħal tnaqqis fir-remunerazzjoni tal-kumpanija, jew in-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni ta’ forom ġodda ta’ logħob. Tliet xenarji addizzjonali huma żviluppati fuq bażi statistika biex jiġu ddeterminati x-xenarji bl-ogħla probabbiltà ta’ okkorrenza. Is-sitt xenarji differenti huma miġbura fil-qosor fit-tabella li ġejja.

Tabella 1

Metodu 1 – Deskrizzjoni tas-sitt xenarji

Xenarji

Deskrizzjoni

1(a)

Ġew previsti xenarji differenti għat-tnaqqis fil-grad tar-rata ta’ kummissjoni tal-kumpanija skont l-iskala tar-rati ta’ ritorn lill-ġugaturi (TRJ, taux de retour aux joueurs), li kull wieħed minnhom ippreveda żidiet fit-taxxa b’intensità differenti f’konformità mal-bidliet li storikament affettwaw lill-kumpanija sabiex jiġu simulati l-miżuri li l-Istat seta’ jistabbilixxi fil-qafas prevalenti qabel il-Liġi PACTE.

1(b)

1(c)

2(a)

500 simulazzjoni tal-evoluzzjoni tal-perkors tar-rata ta’ kummissjoni tal-FDJ huma stabbiliti b’mod aleatorju għal kull xenarju abbażi tat-tliet suppożizzjonijiet dwar il-probabbiltà annwali ta’ tnaqqis fir-remunerazzjoni tal-FDJ.

2(b)

2(c)

(103)

Il-Kummissjoni taċċetta li dawn is-sitt xenarji huma bbażati fuq approċċi ta’ stima rilevanti għall-kalkolu tal-kumpens f’dan il-każ.

(104)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li huwa intrinsikament diffiċli li wieħed ibassar l-evoluzzjoni futura tar-rata ta’ kummissjoni tal-FDJ fuq perjodu twil ta’ żmien (59) peress li huwa varjabbli regolatorju, soġġett għal deċiżjonijiet politiċi.

(105)

Il-metodu 2 imsejjaħ “skont is-CMPC” fittex li javviċina d-differenza fil-valur indotta minn firxa tar-rata ta’ skont (bi pjan ta’ direzzjoni tan-negozju kostanti). Huwa għandu l-għan, bħall-metodu 1, li jkejjel l-impatt tas-salvagwardja tad-drittijiet esklużivi u tal-qafas tat-taxxa tal-FDJ, iżda li jsegwi approċċ ieħor (CMPC ogħla jirrifletti livell ogħla ta’ riskju li jikkorrispondi għal qafas fiskali u regolatorju inqas stabbli u prevedibbli). Id-differenza fir-rata ta’ skont tiġi vvalutata billi jitqabblu s-CMPC tal-kumpaniji li joperaw fl-istess settur iżda b’livell ta’ sigurtà differenti mill-qafas regolatorju tagħhom. L-aġġornament tal-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju ta’ qabel il-Liġi PACTE (60) jitwettaq b’CMPC li jirrifletti premium tar-riskju meta mqabbel mas-CMPC użat biex jiġi aġġornat il-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju ta’ wara l-Liġi PACTE. Il-premium tar-riskju ġie stmat b’żewġ modi: (xenarju 1) it-tqabbil b’differenza tal-beta tal-kumpaniji tal-lotteriji ([…]) u min-naħa l-oħra l-beta tal-logħob online u tal-ġugaturi tal-imħatri sportivi ([…]), filwaqt li jiġi nnotat li dawn tal-aħħar huma mistennija li jirrappreżentaw profil ta’ riskju ogħla (settur miftuħ għall-kompetizzjoni) meta mqabbla ma’ tal-ewwel (parzjalment f’monopolji) u (xenarji 2 u 3) billi jitqabblu d-differenzi tas-CMPC ippubblikat minn analisti tar-riċerka dwar il-fornituri Ewropej tal-enerġija jew tal-“utilitajiet”, b’ħarsa lejn utilitajiet “mhux regolati” ([…]) u min-naħa l-oħra l-kumpaniji meqjusa bħala rregolati prinċipalment fil-qasam tad-distribuzzjoni u t-trasport tal-enerġija, filwaqt li jiġi nnotat li dawn huma preżunti li jirrappreżentaw profil ta’ riskju ferm aktar baxx. Il-valuri kollha miksuba għax-xenarji differenti ta’ dan il-metodu fuq il-pjanijiet ta’ negozju jagħtu stima tal-ammont tal-kumpens.

(106)

Il-Kummissjoni tqis li l-metodu 2 huwa rilevanti wkoll għall-avviċinament tal-valur tal-kumpens u li filwaqt li ġew studjati diversi suppożizzjonijiet tas-CMPC (ara l-premessa (105)), l-enfasi tal-awtoritajiet Franċiżi fuq il-[…] bħala komparatur għall-kalkolu tas-CMPC tal-FDJ tista’ titqies raġonevoli, minħabba x-xebh tagħhom mal-FDJ. It-tqabbil mal-intrapriżi attivi fis-settur tal-enerġija huwa rilevanti wkoll, peress li d-distinzjoni bejn il-fornituri tal-enerġija u l-kumpaniji primarjament attivi fil-qasam tad-distribuzzjoni u t-trasport hija simili, f’termini ta’ profil tar-riskju, għat-tqabbil bejn il-logħob tal-azzard online u l-operaturi tal-imħatri sportivi u l-kumpaniji tal-lotteriji.

(107)

Il-metodu 3 imsejjaħ “komplementari”, mitlub mis-CPT, issimula l-konsegwenzi ta’ xenarju teoretiku li fih l-Istat u l-leġiżlatur kienu jiddeċiedu li jtemmu d-drittijiet esklużivi tal-FDJ bi ħlas ta’ kumpens u mbagħad jagħtu, f’fażi sekondarja, liċenzja operattiva lill-FDJ għal 25 sena (li ma tikkorrispondix għall-għażla magħmula mil-leġiżlatur meta vvota fuq il-Liġi PACTE). Il-kalkolu tal-kumpens jikkorrispondi għad-differenza bejn il-valur tal-liċenzja (ugwali għas-somma tal-flussi tal-flus skontati matul il-perjodu ta’ 25 sena u stmat fuq il-bażi tal-pjan tan-negozju tal-FDJ wara l-Liġi PACTE) u l-valur tal-kumpens imħallas lill-FDJ fuq il-bażi tar-responsabbiltà stretta tal-Istat, ugwali għall-valur tal-pjan tan-negozju ta’ qabel il-Liġi PACTE (is-somma tal-flussi tal-flus skontati fl-istess CMPC ta’ madwar 7 % b’mod perpetwu, li tinkorpora l-qafas tat-taxxa prevalenti qabel il-Liġi PACTE u li tissimula tnaqqis fil-grad tat-taxxa biex tirrifletti l-inċertezza tat-taxxa), immultiplikat b’telf impost fil-kumpens.

(108)

Il-Kummissjoni tenfasizza li huwa diffiċli ħafna li tittieħed pożizzjoni dwar is-solidità ta’ ipoteżi ta’ telf li jista’ jiġi rkuprat li l-FDJ issofri minħabba r-revoka tal-għoti ta’ drittijiet esklużivi mingħajr durata limitata. Effettivament, għalkemm l-awtoritajiet Franċiżi pprovdew provi li jindikaw li teoretikament jista’ jiġi kkunsidrat li l-FDJ għandu dritt għal kumpens, l-ammont ta’ tali kumpens kien ikun diffiċli ħafna li jiġi evalwat, b’mod partikolari minħabba d-diffikultà li jiġi evalwat il-proporzjon ta’ “dannu” meqjus bħala “anormali” (premessa 108 tad-deċiżjoni tal-ftuħ).

(109)

Wara l-analiżi tal-valutazzjoni tal-kumpens, l-awtoritajiet Franċiżi għalhekk waslu għal skali bil-medji li ġejjin: għall-metodu 1, EUR […] miljun; għall-metodu 2, EUR […] miljun u għall-metodu komplementari, EUR […] miljun.

(110)

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, is-CPT indika li kien eżamina l-provi ta’ impatt ippreżentati u l-metodi differenti sottomessi mill-awtoritajiet Franċiżi u li kien wasal, fl-evalwazzjoni tiegħu stess, għal kumpens ta’ EUR 380 miljun. L-awtoritajiet Franċiżi ma setgħux jispeċifikaw b’ċertezza l-parametri magħżula mis-CPT biex kiseb riżultat ta’ remunerazzjoni ta’ EUR 380 miljun, iżda Franza indikat li l-medja tal-medji (61) tal-approċċi ta’ valwazzjoni kienet ta’ EUR 377 miljun u għalhekk qrib il-kumpens stabbilit.

(111)

Il-Kummissjoni riedet li l-Istat Membru jiżviluppa metodu alternattiv (metodu 4) ibbażat fuq xenarju differenzjali teoretiku għall-kalkolu tal-kumpens, minħabba t-tħassib tagħha dwar id-durata tad-drittijiet esklużivi fin-nuqqas mil-Liġi PACTE (xenarju kontrofattwali) tal-metodi 1, 2 u 3. Tabilħaqq, fid-deċiżjoni tal-ftuħ (il-premessi 106 u 107), il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar ir-raġonevolezza tas-suppożizzjoni sottostanti tax-xenarju kontrofattwali li abbażi tagħha l-FDJ setgħet teżerċita d-drittijiet tagħha b’mod indefinit bl-istess termini.

(112)

Il-metodu 4 huwa bbażat fuq perjodu ta’ żmien rivedut tad-drittijiet esklużivi fix-xenarju kontrofattwali u, b’riżultat ta’ dan, evoluzzjoni aġġustata tar-rati ta’ kummissjoni, aġġustamenti li huma dettaljati fil-paragrafi li ġejjin.

(113)

B’durata tal-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet esklużivi qabel il-Liġi PACTE limitat għal 25 sena, il-metodu 4 ikun aktar konservattiv mill-ipoteżi użata fit-tliet metodi oriġinali, jiġifieri, fin-nuqqas tal-Liġi PACTE, l-FDJ kienet tkompli teżerċita d-drittijiet esklużivi kollha tagħha mingħajr ebda limitu ta’ żmien b’termini identiċi.

(114)

Fil-fatt, il-Kummissjoni tqis li hija inċerta jekk, anki kieku l-Liġi PACTE ma kinitx ġiet adottata, l-FDJ setgħetx teżerċita d-drittijiet esklużivi tagħha b’mod indefinit fil-qafas tas-sistema ta’ qabel il-Liġi PACTE, b’mod partikolari minħabba li l-qafas regolatorju kien soġġett għal aġġustamenti regolari fil-passat u li, skont l-Liġi PACTE, Franza tabilħaqq iddeċidiet li tillimita t-tul tad-drittijiet esklużivi (għal 25 sena) fil-kuntest taċ-ċessjoni tal-maġġoranza tal-kapital tal-FDJ lis-settur privat. Il-metodu 4 jippermetti li jitqies ċertu livell ta’ inċertezza billi jintroduċi, fix-xenarju kontrofattwali, fin-nuqqas tal-Liġi PACTE u tal-privatizzazzjoni tal-FDJ, is-suppożizzjoni li d-drittijiet esklużivi tagħha kienu xorta jkunu ntemmu wara 25 sena. Jekk jitqiesu l-evoluzzjonijiet ekonomiċi (bħad-dehra ta’ operaturi tal-logħob tal-azzard online wara l-liberalizzazzjoni tal-2010), il-Kummissjoni tqis li durata ta’ 25 sena hija iktar realistika milli durata mingħajr limitu ta’ żmien speċifikat. Tali perjodu jista’ jitqies bħala konservattiv fid-dawl tal-fatt li d-drittijiet esklużivi kienu ilhom fis-seħħ qabel l-2019 mis-snin 1970, jiġifieri aktar minn 40 sena.

(115)

F’dan il-kuntest, il-metodu 4 jiddependi fuq xenarji kontrofattwali b’durata ta’ 25 sena. Dan għandu l-effett li jtaffi l-ewwel impatt negattiv tal-Liġi PACTE fuq il-valur tad-drittijiet esklużivi, impatt ikkunsidrat mill-awtoritajiet Franċiżi fil-metodi 1, 2 u 3 (ara l-premessa (22)(a)), skont id-dubji espressi mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ (premessi 106 u 107 tad-deċiżjoni tal-ftuħ).

(116)

Huwa ċar li tali xenarju huwa aktar konservattiv mix-xenarji mfissra mis-CPT abbażi tal-metodi 1, 2 u 3 minħabba l-interruzzjoni tal-flussi ta’ flus pożittivi wara 25 sena.

(117)

Madankollu, il-metodu 4 jinkludi aġġustament ieħor, jiġifieri bidla fir-remunerazzjoni (rata ta’ kummissjoni) tal-FDJ fix-xenarju ta’ qabel il-Liġi PACTE. L-awtoritajiet Franċiżi bagħtu, fuq talba tal-Kummissjoni, parametri aġġustati tar-rata ta’ kummissjoni fid-dawl ta’ durata teoretika ta’ drittijiet esklussivi ta’ 25 sena.

(118)

Fil-fatt, jista’ jitqies li, f’sitwazzjoni fejn id-drittijiet esklużivi x’aktarx li jiġi interrotti aktar kmieni (25 sena minflok tul ta’ żmien mingħajr limitu), ir-riskji finanzjarji tal-FDJ ikunu komparattivament akbar peress li ż-żmien disponibbli għall-intrapriża biex tiġġenera r-redditi ikun iqsar. F’mudell bħal dan, wieħed jista’ mbagħad jargumenta li t-tnaqqis fir-rati ta’ kummissjoni (u għalhekk it-tnaqqis fir-remunerazzjoni tal-FDJ) ikun inqas milli f’sitwazzjoni fejn id-drittijiet huma maħsuba li jiġu eżerċitati b’mod perpetwu.

(119)

L-evoluzzjoni tar-rati hija bbażata fuq iż-żieda fl-ishma kif previst fil-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju li jintuża għall-kalkolu tal-kumpens (62). Għal dan l-għan, l-awtoritajiet Franċiżi rreferew għas-suppożizzjonijiet tal-metodi l-oħra, billi adattaw il-frekwenza tat-tnaqqis tar-rati ta’ kummissjoni biex iqisu t-tmiem imħabbar tad-drittijiet esklużivi għal tul ta’ żmien ta’ 25 sena.

(120)

Il-Kummissjoni tqis li t-teħid bħala bażi ta’ durata limitata tad-drittijiet fix-xenarju kontrofattwali fin-nuqqas tal-Liġi PACTE (fi kliem ieħor, li jitqies li l-FDJ kienet tkompli tibbenefika mill-kundizzjonijiet ta’ qabel il-Liġi PACTE iżda għal 25 sena biss sal-2044) huwa approċċ konservattiv biex jiġi żgurat in-nuqqas tal-għajnuna.

(121)

Fir-rigward tar-rata ta’ kummissjoni fix-xenarju limitat fiż-żmien, il-Kummissjoni tqis li tnaqqis inqas evidenti fir-rati tal-kummissjonijiet jista’ jiġi ġġustifikat fid-dawl tal-limitazzjoni tad-durata tad-drittijiet għal 25 sena fil-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju ta’ qabel il-Liġi PACTE. Fil-fatt, il-Kummissjoni tqis li d-durata tad-drittijiet u l-livell ta’ remunerazzjoni huma marbuta kunċettwalment, u dan jinfluwenza kemm ir-remunerazzjoni kif ukoll il-profittabbiltà tal-FDJ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li Franza adattat biss il-frekwenza tat-tnaqqis fir-rati, f’konformità maż-żieda prevista fl-imħatri u l-aġġustamenti li saru storikament qabel il-Liġi PACTE.

(122)

Is-suppożizzjonijiet sottostanti tal-metodu 4 jissarrfu f’valur tad-drittijiet fix-xenarju kontrofattwali (fin-nuqqas tal-Liġi PACTE) ta’ EUR […].

(123)

Peress li l-valur tad-drittijiet fix-xenarju fattwali (wara l-Liġi PACTE) huwa ta’ EUR […], il-metodu 4 jirriżulta f’kumpens b’ammont ta’ EUR 97 miljun (meta mqabbel mal-EUR 380 miljun ikkalkulati mis-CPT), għal total ta’ EUR 477 miljun.

6.1.5.1.3.   Konklużjoni

(124)

Bħala konklużjoni, il-kumpens li jirriżulta mill-metodu 4 huwa ta’ EUR 477 miljun, li huwa EUR 97 miljun ogħla mir-remunerazzjoni kkalkulata mis-CPT (EUR 380 miljun).

(125)

Sabiex issaħħaħ in-nuqqas ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tinnota li Franza impenjat ruħha li żżid il-valur tal-kumpens b’EUR 97 miljun meta mqabbel mar-remunerazzjoni kkalkulata mis-CPT.

7.   KONKLUŻJONIJIET

(126)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għoti tad-drittijiet esklużivi lill-FDJ permezz tal-Liġi PACTE ma kienx jagħti vantaġġ ekonomiku lill-Française des Jeux.

(127)

Għalhekk, il-miżura ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżura implimentata mir-Repubblika Franċiża favur Française des Jeux, miżjuda b’EUR 97 miljun, ma tikkostitwixxix għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Ottubru 2024.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Viċi President Eżekuttiv


(1)   ĠU C 487/13, 3.12.2021, p. 13 – Għoti allegatament illegali ta’ għajnuna mill-Istat lil Française des Jeux - Stedina biex jintbagħtu l-kummenti skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(2)  L-AFJEL hija assoċjazzjoni kummerċjali li tinkludi l-maġġoranza tal-operaturi tal-imħatri sportivi online li huma approvati fi Franza.

(3)  Il-BCG hija entità li tirrappreżenta 90 % tal-industrija tal-imħatri u tal-logħob tal-azzard fir-Renju Unit. B’mod partikolari, il-BCG tirrappreżenta operaturi tal-logħob online liċenzjati fir-Renju Unit.

(4)  Din l-informazzjoni hija disponibbli fir-rapport tal-attività integrata tal-FDJ għall-2023: https://www.fdjunited.com/2024/03/discover-the-2023-edition-of-the-fdj-groups-annual-integrated-report/.

(5)  Preżentazzjoni tal-kontijiet konsolidati tal-FDJ għall-2023: https://www.groupefdj.com/publications-et-resultats/.

(6)  Dawn id-drittijiet esklużivi ngħataw permezz tad-Digriet Nru 78-1067 tad-9 ta’ Novembru 1978 dwar l-organizzazzjoni u l-operazzjoni tal-lotterija nazzjonali u tal-lottu nazzjonali. It-termini u l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet ġew iċċarati fi ftehim iffirmat fid-29 ta’ Diċembru 1978 bejn l-Istat u s-Société de la Loterie nationale et du Loto national.

(7)  Dawn id-drittijiet esklużivi ngħataw permezz tad-Digriet Nru 85-390 tal-1 ta’ April 1985 dwar l-organizzazzjoni u l-operat tal-lottu tal-isports. Il-Ftehim tad-29 ta’ Diċembru 1978 (ara hawn fuq) ġie emendat biex jirrifletti l-estensjoni tal-ambitu tad-drittijiet esklużivi mogħtija. Sussegwentement ġie emendat mill-ġdid permezz ta’ żidiet, li jipprevedu b’mod partikolari: (i) l-estensjoni tal-ambitu tad-drittijiet esklużivi mogħtija; (ii) il-bidla fil-perjodu ta’ applikabbiltà tal-ftehim (inizjalment prevista għal perjodu ta’ 30 sena, l-aħħar emenda tad-9 ta’ Marzu 2006 tipprevedi li “l-ftehim jiġi konkluż għal perjodu mhux limitat”); (iii) l-emendi relatati mal-kundizzjonijiet ta’ stralċ tas-Société, b’mod partikolari l-kundizzjonijiet għall-kumpens f’każ li s-Société ma tibqax responsabbli, permezz ta’ digriet, għall-organizzazzjoni u l-operat tal-logħob mogħtija taħt drittijiet esklużivi.

(8)  Ara t-Taqsima 2.2 tad-deċiżjoni tal-ftuħ għal deskrizzjoni dettaljata tal-qafas legali applikabbli qabel ir-riforma tat-22 ta’ Mejju 2019.

(9)  Id-Digrieti Nru 78-1067 tad-9 ta’ Novembru 1978 u Nru 85-390 tal-1 ta’ April 1985 tħassru fit-23 ta’ Ġunju 2020. Il-ftehim, ibbażat fuq id-Digrieti Nru 78-1067 tad-9 ta’ Novembru 1978 u Nru 85-390 tal-1 ta’ April 1985, huwa mħassar.

(10)  B’mod partikolari, id-Digriet Nru 2019-1060 tas-17 ta’ Ottubru 2019 dwar il-metodi ta’ applikazzjoni tal-kontroll mill-Istat fuq il-kumpanija FDJ.

(11)  Ara t-Taqsima 2.3.1 tad-deċiżjoni tal-ftuħ: l-Artikolu 137 tal-Liġi PACTE jipprevedi li d-drittijiet esklużivi jingħataw għal perjodu limitat ta’ żmien lill-FDJ u l-Ordni tal-2019 tispeċifika l-ambitu tad-drittijiet esklużivi (l-Artikoli 7 u 8 tal-Ordni), jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li taħthom dawk id-drittijiet se jiġu eżerċitati u jispeċifika l-perjodu tal-eżerċizzju tad-drittijiet, jiġifieri 25 sena mill-pubblikazzjoni tal-Liġi PACTE (l-Artikolu 15 tal-Ordni). Id-Digriet Nru 2019-1060 tas-17 ta’ Ottubru 2019 dwar il-metodi ta’ applikazzjoni tal-kontroll mill-qrib tal-FDJ mill-Istat jistabbilixxi fl-Artikolu 3 tiegħu r-remunerazzjoni li għandha titħallas mill-FDJ bħala korrispettiv għad-drittijiet esklużivi mogħtija għal EUR 380 miljun.

Ftehim konkluż fis-17 ta’ Ottubru 2019 bejn l-Istat u l-FDJ jispeċifika l-metodi ta’ sfruttament tad-drittijiet esklużivi.

(12)  Ara t-Taqsima 2.3.2 tad-deċiżjoni tal-ftuħ: l-Artikolu 138(I), (III) u (IV) tal-Liġi PACTE jemenda l-bażi għat-taxxa (dħul gross mil-logħob u mhux aktar mill-imħatri) u r-rati applikabbli għat-tliet taxxi speċifiċi imposti fuq l-operaturi tal-imħatri sportivi fi Franza.

(13)  Minbarra l-għoti ta’ drittijiet esklużivi għal perjodu ta’ 25 sena għal remunerazzjoni insuffiċjenti (EUR 380 miljun), l-ilmenti kienu jikkonċernaw ukoll (i) garanzija espliċita u illimitata biex l-FDJ ma jkunx jista’ jitlef id-drittijiet esklużivi tiegħu jew saħansitra kwalunkwe liċenzja anki fil-każ ta’ kondotta ħażina serja u (ii) trattament fiskali preferenzjali għall-FDJ li jopera mħatri sportivi fiżiċi meta mqabbel mal-operaturi online. Iż-żewġ miżuri (l-allegata garanzija u l-allegat benefiċċju tat-taxxa) ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni tal-ftuħ. Fir-rigward tal-allegata garanzija, fid-deċiżjoni tal-ftuħ il-Kummissjoni tinnota li dan jirriżulta f’salvagwardja addizzjonali tad-drittijiet esklużivi mogħtija lill-FDJ. Din is-salvagwardja tagħti vantaġġ lill-FDJ billi żżid il-valur tad-drittijiet esklużivi, li għandhom jiġu vvalutati u kkunsidrati fil-kalkolu tar-remunerazzjoni dovuta għad-drittijiet esklużivi. Għalhekk, hija tqis li huwa neċessarju li tiġi analizzata s-salvagwardja tad-drittijiet flimkien mal-valutazzjoni tal-kumpens. Fir-rigward tal-allegat benefiċċju tat-taxxa, il-Kummissjoni tinnota li s-sitwazzjoni tat-taxxa tal-FDJ tqieset indirettament fil-valutazzjoni tal-kumpens peress li l-verifika tal-livell ta’ remunerazzjoni tad-drittijiet esklużivi qieset il-vantaġġi finanzjarji kollha mogħtija lill-FDJ.

(*)   Informazzjoni kunfidenzjali.

(14)  Fil-kuntest preċedenti, l-awtorità li għandha s-setgħa regolatorja setgħet tneħħi mill-FDJ il-benefiċċji ta’ dawn id-drittijiet fi kwalunkwe mument filwaqt li d-drittijiet issa jingħataw lill-FDJ bil-liġi, b’tali mod li huwa biss il-leġiżlatur li jista’ jirtira dawn id-drittijiet.

(15)  Qabel, l-imposti pubbliċi kienu stabbiliti kull sena. B’riżultat ta’ dan, l-Istat spiss emenda l-imposti pubbliċi applikabbli għall-FDJ, u b’hekk ħoloq inċertezza dwar il-profittabbiltà tiegħu.

(16)  Skala indikattiva wara l-aġġornament tal-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju tal-FDJ.

(17)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Jannar 2013, il-każ SA.33988 (ĠU C 1, 4.1.2013, p. 7), il-premessi 28 sa 29 u 32, ikkonfermata mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Jannar 2015, Club Hotel Loutraki et vs Il-Kummissjoni, T-58/13, ECLI:EU:T:2015:1, u mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il-Kummissjoni, il-Kawża C-131/15 P, EU:C:2016:989.

(18)  Il-profitt minimu meħtieġ biex ikopri l-ispejjeż operatorji u l-ispejjeż ta’ investiment li jirriżultaw mill-eżerċizzju tad-drittijiet flimkien ma’ profitt raġonevoli.

(19)  Il-fluss tal-flus skontat huwa metodu ta’ evalwazzjoni użat biex jiġi stmat il-valur ta’ assi jew intrapriża billi l-flussi ta’ flus futuri mistennija jiġu skontati għall-valur preżenti tagħhom. Hija tqis iż-żmien u r-riskju assoċjati ma’ dawn il-flussi futuri.

(20)  Ir-rapport Nru 1088 tal-15 ta’ Settembru 2018 f’isem il-Kumitat Speċjali tal-Assemblea Nazzjonali għall-eżaminazzjoni tal-abbozz tal-Liġi PACTE mis-Sur Barrot, is-Sa Dubost, is-Sa Lebec u s-Sur Sommer, p. 799.

(21)  Studju tal-impatt tal-abbozz ta’ liġi dwar it-tkabbir u t-trasformazzjoni tan-negozju, it-18 ta’ Ġunju 2018, p. 440.

(22)  Ara r-rapport ta’ informazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi dwar l-implimentazzjoni tal-Liġi Nru 2019-486 tat-22 ta’ Mejju 2019 dwar it-tkabbir u t-trasformazzjoni tal-intrapriżi: https://www.assemblee-nationale.fr/dyn/15/rapports/cion-eco/l15b2619_rapport-information.

(23)  CSG, CRDS, taxxi u imposti soċjali fuq l-imħatri sportivi, imposta allokata għall-iżvilupp tal-isport, valur miżjud tat-taxxa (VAT, value added tax), taxxa tal-boll b’mod partikolari.

(24)  Ara l-premessa 109 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(25)  Il-Kunsill tal-Istat, il-15 ta’ Mejju 2000, Confédération française des professionnels en jeux automatiques, Nru 202666.

(26)  Il-Kunsill tal-Istat, it-12 ta’ Marzu 2007, Syndicat des casinos Modern de France, Nru 295882.

(27)  Il-Qorti tal-Kassazzjoni, Cass. crim., it-3 ta’ Ġunju 2009, Nru 08-82.941.

(28)  Il-Kunsill tal-Istat, it-30 ta’ Diċembru 2011, il-kumpanija Stanley International Betting Limited, Nru 330604.

(29)  Il-Kunsill tal-Istat, l-10 ta’ Lulju 2013, Société Stanley International Betting Limited, Nru 357359.

(30)  Fl-1975, il-GIE Prelo li l-UBFT u l-FNAM kienu parti minnha, ngħatat id-dritt li topera l-Lottu għal 10 snin. Madankollu, fl-1978, l-Istat iddeċieda li jieħu lura d-drittijiet tal-GIE Prelo u li jagħti lis-Société de la Loterie nationale et du Loto national (minn hawn ’il quddiem l-“SLNLN”) kemm l-operat tal-Lottu nazzjonali kif ukoll dak tal-Lotterija Nazzjonali. L-irtirar tad-drittijiet wassal għal kumpens għall-membri tal-GIE Prelo: dawn ġew allokati (i) 49 % tal-kapital għal kontribuzzjoni nominali ta’ EUR […] miljun u (ii) kummissjoni fuq l-ishma tal-Lottu. Bejn l-1979 u l-2008, skont il-UBFT u l-FNAM, l-ex membri tal-tal-GIE Prolo rċevew, permezz ta’ riproċessar tal-inflazzjoni, ammont ta’ madwar EUR […] miljun bħala kumpens għat-telf parzjali tad-drittijiet esklużivi tagħhom fuq il-Loto.

(31)  Ara l-premessa 98 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(32)  Ara r-Rapporti Parlamentari Nru 1088 tal-15 ta’ Settembru 2018 f’isem il-Kumitat Speċjali tal-Assemblea Nazzjonali biex jiġi eżaminat l-abbozz tal-Liġi PACTE u Nru 254 f’isem il-Kumitat Speċjali tas-Senat li jittratta l-abbozz tal-Liġi PACTE.

(33)  L-Opinjoni tal-Kunsill tal-Istat Nru 394599 u Nru 395021, l-14 ta’ Ġunju 2018.

(34)  Ara l-Opinjoni Nru 2019-A.C.-1 tas-7 ta’ Ottubru 2019 tal-Kummissjoni dwar l-Investimenti u t-Trasferimenti.

(35)  L-awtoritajiet Franċiżi jikkalkulaw li EUR 75 miljun biss jikkorrispondu għall-valwazzjoni tal-OPAP għall-għoti tad-drittijiet esklużivi tagħha, li jikkorrispondu għal madwar 4,8 % tal-PBJ tagħha fl-2018, jiġifieri 0,48 % għal kull sena ta’ konċessjoni, filwaqt li t-EUR 380 miljun għall-kisba tad-drittijiet esklużivi tal-FDJ jikkorrispondu għal 7,4 % tal-PBJ tagħha fl-2018, jiġifieri 0,3 % għal kull sena ta’ konċessjoni.

(36)  Skont l-awtoritajiet Franċiżi, ir-Regolament ta’ qabel il-Liġi PACTE ma stabbilixxa l-ebda dispożizzjoni li tirregola n-numru massimu ta’ logħob tal-lotterija li seta’ jiġi operat mill-FDJ, filwaqt li l-Liġi PACTE stabbilixxa n-numru massimu ta’ logħob tal-lotteriji operati mill-FDJ: total ta’ 140 logħba tal-lotterija b’limitu massimu ta’ 40 logħba tan-network fiżiku u 100 għal-logħob online (ara l-Artikolu D.322-14 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Interna).

(37)  Bl-eċċezzjoni tat-talba dwar l-ammont tal-kumpens li fuqu l-Kunsill tal-Istat iddeċieda li jissospendi l-proċeduri sakemm tittieħed id-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

(38)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Settembru 2000, Pavlov et, il-Kawżi Magħquda C-180/98 sa C-184/98, ECLI:EU:C:2000:428, il-punt 74.

(39)  Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Ġunju 1987, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 118/85, ECLI:EU:C:1987:283, il-punt 7; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ġunju 1998, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-35/96, ECLI:EU:C:1998:303, il-punt 36; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Settembru 2000, Pavlov et, il-Kawżi C-180/98 sa C-184/98, ECLI:EU:C:2000:428, il-punt 75.

(40)  Ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (Stardust), C-482/99, ECLI:EU:C:2002:294, il-punt 24; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ April 2006, Deutsche Bahn vs il-Kummissjoni, T-351/02, ECLI:EU:T:2006:104, il-punt 103.

(41)  Ara f’dan is-sens il-premessi (16) sa (18) ta’ din id-deċiżjoni.

(42)  Ara, għal dak l-għan, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Lulju 2004 dwar l-għajnuna mill-Istat NN 42/2004 — Franza — Modifika tat-tariffi pagabbli minn Orange u SFR taħt il-liċenzji UMTS (ĠU C 275, 8.11.2005, p. 3), il-premessi 28, 29 u 30, ikkonfermata mill-Qrati tal-Unjoni (Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Lulju 2007, Bouygues vs Il-Kummissjoni, T-475/04, ECLI:EU:T:2007:196, il-punti 108 sa 111 u 123, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 2009, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni, C-431/07 P, ECLI:EU: C:2009:223, il-punti 94 sa 98 u 125). F’dan il-każ, rigward l-għoti ta’ liċenzji tal-frekwenzi UMTS, l-Istat fl-istess ħin wettaq ir-rwol ta’ regolatur tat-telekomunikazzjonijiet u amministratur ta’ dawn ir-riżorsi pubbliċi u segwa l-objettivi regolatorji stabbiliti fid-Direttiva 97/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ April 1997 dwar kwadru komuni għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali u l-liċenzji individwali fil-qasam tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet (ĠU L 117, 7.5.1997, p. 15). F’sitwazzjoni bħal din, il-Qrati tal-Unjoni kkonfermaw li l-għoti ta’ liċenzji mingħajr ma jiġi mmassimizzat id-dħul li seta’ inkiseb ma kienx jinvolvi l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat, peress li l-miżuri inkwistjoni kienu ġġustifikati bl-objettivi regolatorji stabbiliti fid-Direttiva 97/13/KE u kkonformaw mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Min-naħa l-oħra, fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Settembru 2011, Il-Kummissjoni vs In-Netherlands, C-279/08 P, ECLI:EU:C:2011:551, il-punti 88 et seq., il-Qorti ma identifikat l-ebda raġuni leġiżlattiva li kienet tiġġustifika l-għoti mingħajr korrispettiv ta’ drittijiet ta’ ħruġ liberament negozjabbli. Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Jannar 2015, Eventech Ltd vs The Parking Adjudicator, C-518/13, ECLI:EU:C:2015:9, il-punti 46 et seq.

(43)  Ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Lulju 2007, Bouygues SA vs Il-Kummissjoni, T-475/04, EU:T:2007:196, il-punt 104.

(44)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2000, Franza vs Ladbroke Racing u Il-Kummissjoni, C-83/98 P, ECLI:EU:C:2000:248, il-punti 48 sa 51.

(45)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Settembru 1980, Philip Morris, 730/79, ECLI:EU:C:1980:209, il-punt 11. Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2000, Alzetta, il-Kawżi Magħquda T 298/97, T-312/97, eċċ., ECLI:EU:T:2000:151, il-punt 80.

(46)  Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2000, Alzetta, il-Kawżi Magħquda T-298/97, T-312/97, eċċ., ECLI:EU:T:2000:151, il-punti 141 sa 147; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans, C-280/00, ECLI:EU:C:2003:415.

(47)  Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Jannar 2015, Eventech Ltd vs The Parking Adjudicator, C-518/13, ECLI:EU:C:2015:9, il-punti 65; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Mejju 2013, Libert et, il-Kawżi Magħquda C-197/11 u C-203/11, ECLI:EU:C:2013:288, il-punt 76.

(48)  Is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1996, C-39/94, Syndicat français de l’Express international (SFEI) et vs La Poste et, EU:C:1996:285, il-punti 60 u 61; is-sentenza tad-29 ta’ April 1999, C-342/96, ir-Renju ta’ Spanja vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, EU:C:1999:210, il-punt 41.

(49)  Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Mejju 2003, Connect Austria Gesellschaft für Telekommunikation GmbH vs Telekom-Control-Kommission, u Mobilkom Austria AG, C-462/99, ECLI:EU:C:2003:297, il-punti 92 u 93; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Lulju 2007, Bouygues u Bouygues Télécom SA vs Il-Kummissjoni, T-475/04, ECLI:EU:T:2007:196, il-punti 101, 104, 105 u 111.

(50)  Il-Kummissjoni tirreferi għall-premessi 98 sa 113 tad-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha għal spjegazzjoni dettaljata.

(51)  Il-karatteristiċi l-ġodda ġew iddeterminati minn dan li ġej: (i) id-durata tad-drittijiet (qabel mogħtija mingħajr durata preċiż, issa jingħataw għal perjodu ta’ 25 sena); (ii) ir-remunerazzjoni dovuta lill-Istat (qabel mogħtija mingħajr remunerazzjoni, id-Digriet Nru 2019-1060 tas-17 ta’ Ottubru 2019 issa jipprevedi remunerazzjoni ta’ EUR 380 miljun għall-għoti ta’ drittijiet esklużivi); (iii) l-inqas riskju ta’ bidla mill-Istat fil-qafas tat-taxxa u tal-ambitu tad-drittijiet mogħtija (ir-riforma tissalvagwardja d-drittijiet esklużivi u l-qafas tat-taxxa meta mqabbel mad-dispożizzjonijiet preċedenti).

(52)  Il-Kummissjoni tinnota wkoll f’dan ir-rigward li s-suppożizzjoni ta’ kumpens għall-FDJ fil-każ tal-irtirar tad-drittijiet tidher kredibbli b’mod partikolari fid-dawl tal-Lottu preċedenti ppreżentata mill-UBFT fil-premessa (49). Għalkemm il-livell possibbli li jista’ jilħaq tali kumpens huwa partikolarment diffiċli li jiġi evalwat, il-Kummissjoni taċċetta li dan jista’ jmur lil hinn mill-kumpens speċifiku għaċ-ċessjoni tal-assi meħtieġa għall-isfruttament tad-drittijiet previst fil-ftehim tad-29 ta’ Diċembru 1978 li rreferiet għalih fid-deċiżjoni tal-ftuħ.

(53)  Ara d-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Istat tal-14 ta’ April 2023, Nru 436434 u Nru 436439. Il-Kunsill tal-Istat ma ddeċidiex dwar l-eżistenza possibbli ta’ għajnuna mill-Istat u ssospenda l-proċeduri sakemm tittieħed id-deċiżjoni finali mill-Kummissjoni dwar dan il-punt. Ir-rapporteur pubbliku tiegħu min-naħa tiegħu qies li l-metodu użat biex jiġi stabbilit il-kumpens kien iġġustifikat u ma identifikax żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-kalkolu tiegħu.

(54)  Id-Deċiżjoni Nru 436439, il-paragrafu 21: “l-Artikoli L. 322-8 sa L. 322-9-3 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Interna, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-ordinanza, jiddefinixxu b’mod ċar u ddettaljat id-diversi logħob, kategoriji ta’ logħob u gruppi ta’ logħob taħt drittijiet esklużivi fdati lill-kumpanija LFDJ, li, barra minn hekk, jikkorrispondu għall-ambitu tal-logħob li din il-kumpanija kienet diġà awtorizzata topera skont il-leġiżlazzjoni preċedenti għal-Liġi tat-22 ta’ Mejju 2019 ”.

(55)  Il-valur tad-drittijiet ta’ wara l-Liġi PACTE ġie stmat bejn EUR […] u EUR […], abbażi tal-kost medju ponderat tal-kapital u tal-introjtu minn drittijiet esklużivi.

(56)  Il-valur stmat qabel il-Liġi PACTE tad-drittijiet futuri kien stmat bejn EUR […] sa EUR […].

(57)  Citi, CM-CIC, BNP Paribas Exane, Goldman Sachs, HSBC, Kepler, Oddo BHF u Société Générale.

(58)  L-evalwazzjoni tal-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju ta’ qabel il-Liġi PACTE titwettaq b’mod perpetwu biex jitqies il-fatt li l-qafas legali preċedenti ma kienx jipprevedi fit-teorija l-użu tad-drittijiet esklużivi.

(59)  Għalkemm id-data storika turi tnaqqis fir-rata ta’ kummissjonijiet fil-perjodi 2016-2019 u 1997-2006, l-aħħar perjodu huwa diffiċli biex jitqabbel minħabba r-riforma.

(60)  L-evalwazzjoni tal-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju ta’ qabel il-Liġi PACTE titwettaq b’mod perpetwu biex jitqies il-fatt li l-qafas legali preċedenti ma kienx jipprevedi fit-teorija l-użu tad-drittijiet esklużivi.

(61)  Il-medja tal-medji hija kkalkulata kif ġej: […].

(62)  Ta’ min ifakkar li storikament, il-Ministru għall-Baġit emenda regolarment il-livelli ta’ kummissjonijiet tal-FDJ (skont il-kategorija tal-logħba bejn l-1997 u l-2016, u mbagħad skont l-iskala tat-TRJ mill-2016). Dawn il-modifiki kellhom it-tendenza li jsegwu, lil hinn mill-avvenimenti ċikliċi, l-evoluzzjonijiet fl-imħatri mill-ġugaturi.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/892/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)