European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/889

13.5.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2025/889

tat-12 ta’ Mejju 2025

li tappoġġa n-network Ewropew ta’ gruppi ta’ riflessjoni indipendenti dwar in-nonproliferazzjoni u d-diżarm

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva.

(2)

Fid-19 ta’ Novembru 2018, il-Kunsill adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-armi tan-nar, armi ħfief u ta’ kalibru żgħir illeċiti u l-munizzjon tagħhom, intitolata “Aktar sigurtà fuq l-armi biex nipproteġu liċ-ċittadini”.

(3)

Fit-8 ta’ Diċembru 2008, il-Kunsill adotta l-konklużjonijiet tiegħu u dokument intitolat “Linji ta’ azzjoni ġodda mill-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva u s-sistemi ta’ kunsinna tagħhom” li jgħid li azzjoni mill-Unjoni biex tiġi prevenuta l-proliferazzjoni tista’ tibbenefika mill-appoġġ ipprovdut minn network mhux governattiv ta’ nonproliferazzjoni, li jlaqqa’ istituzzjonijiet ta’ politika barranija u ċentri ta’ riċerka li jispeċjalizzaw fl-oqsma strateġiċi tal-Unjoni filwaqt li jibni fuq networks utli li diġà jeżistu. Network bħal dan jista’ jiġi estiż għal istituzzjonijiet f’pajjiżi terzi.

(4)

Fis-26 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/430/PESK (1), li stabbiliet in-network Ewropew ta’ gruppi ta’ riflessjoni indipendenti għan-nonproliferazzjoni u pprevediet li l-implimentazzjoni teknika ta’ dik id-Deċiżjoni għandha ssir mill-Konsorzju tal-UE għan-Nonproliferazzjoni (il-“Konsorzju”). Dik id-Deċiżjoni ġiet segwita bid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2014/129/PESK (2), (PESK) 2017/632 (3), (PESK) 2017/1195 (4), (PESK) 2018/299 (5), (PESK) 2021/648 (6) u (PESK) 2022/597 (7), b’appoġġ għall-attivitajiet tan-network Ewropew ta’ gruppi ta’ riflessjoni indipendenti dwar in-nonproliferazzjoni u d-diżarm.

(5)

L-għażla tal-Konsorzju bħala l-uniku benefiċjarju ta’ għotja f’dan il-każ hija ġġustifikata minħabba r-rieda tal-Unjoni, kif appoġġata mill-Istati Membri, li tkompli l-kooperazzjoni produttiva tal-Konsorzju man-network Ewropew ta’ gruppi ta’ riflessjoni indipendenti dwar in-nonproliferazzjoni. Il-Konsorzju huwa mmexxi minn sitt gruppi ta’ riflessjoni u jibni fuq network stabbilit ta’ aktar minn 100 grupp ta’ riflessjoni, ċentru ta’ riċerka u dipartiment universitarju, li jikkombinaw kważi l-għarfien espert mhux governattiv kollu dwar in-nonproliferazzjoni u d-diżarm fl-Unjoni, inkluż l-entitajiet fl-Istati Membri kollha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Għall-finijiet ta’ kontribut għall-implimentazzjoni mtejba tal-Istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva kif ukoll l-Istrateġija tal-UE kontra l-armi tan-nar, armi ħfief u ta’ kalibru żgħir illeċiti u l-munizzjon tagħhom, l-appoġġ għall-attivitajiet tan-network Ewropew ta’ gruppi ta’ riflessjoni indipendenti dwar in-nonproliferazzjoni u d-diżarm b’dan qed ikompli sabiex jissaħħu l-objettivi li ġejjin:

(a)

titħeġġeġ ir-riċerka politika u dik relatata mas-sigurtà u d-dibattitu fis-soċjetajiet ċivili u, b’mod partikolari, fost l-esperti, ir-riċerkaturi u l-akkademiċi, dwar miżuri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva (AQM) u s-sistemi ta’ kunsinna tagħhom, u l-proliferazzjoni ta’ armi konvenzjonali, inkluż dwar il-kontroll tal-esportazzjoni;

(b)

tingħata opportunità lil dawk li jipparteċipaw fil-korpi preparatorji rilevanti tal-Kunsill jikkonsultaw in-network Ewropew ta’ gruppi ta’ riflessjoni indipendenti dwar in-nonproliferazzjoni u d-diżarm dwar kwistjonijiet imsemmija fil-punt (a);

(c)

jiġu appoġġati r-riflessjoni u t-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-Kunsill dwar kwistjonijiet imsemmija fil-punt (a), b’mod partikolari billi jiġu pprovduti rapporti, rakkomandazzjonijiet, jew it-tnejn li huma, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) u lill-Istati Membri;

(d)

isir kontribut għat-tisħiħ tas-sensibilizzazzjoni tal-pajjiżi terzi dwar l-isfidi tal-proliferazzjoni u d-diżarm u tiġi promossa l-ħtieġa li ssir ħidma biex dawk l-isfidi jiġu indirizzati f’kooperazzjoni mal-Unjoni, inkluż fil-kuntest ta’ fora multilaterali;

(e)

isir kontribut għall-iżvilupp ta’ għarfien espert u kapaċità istituzzjonali relatat ma’ kwistjonijiet imsemmija fil-punt (a) fi gruppi ta’ riflessjoni u gvernijiet fl-Unjoni u f’pajjiżi terzi, inkluż billi tissaħħaħ l-edukazzjoni relatata, titqajjem kuxjenza fost il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ, u tiġi promossa l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ riċerkaturi u prattikanti, speċjalment nisa.

2.   Il-proġett li għandu jiġi appoġġat mill-Unjoni għandu jinkludi l-attivitajiet speċifiċi li ġejjin:

(a)

l-organizzazzjoni ta’ konferenza annwali kull sena kalendarja;

(b)

l-organizzazzjoni ta’ laqgħa konsultattiva annwali kull sena kalendarja;

(c)

l-organizzazzjoni ta’ seminars ad hoc, avvenimenti sekondarji u briefings tal-esperti;

(d)

il-pubblikazzjoni ta’ dokumenti ta’ politika;

(e)

il-promozzjoni u t-tisħiħ tal-edukazzjoni, permezz ta’ infrastruttura u korsijiet ta’ tagħlim elettroniku, ċentru ta’ riżorsi għat-tagħlim, u kors ta’ taħriġ ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-proliferazzjoni;

(f)

il-promozzjoni ta’ kwistjonijiet relatati man-nonproliferazzjoni u d-diżarm għan-nisa żgħażagħ u għall-ġenerazzjoni li jmiss, permezz ta’ programm ta’ internship u l-Inizjattiva Nisa Żgħażagħ u l-Ġenerazzjoni li Jmiss;

(g)

iż-żjarat annwali tas-Sħab tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diżarm fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni fi Brussell;

(h)

ħidma biex jintlaħqu n-nies u komunikazzjoni, inkluż l-operat tas-sit web u tal-pjattaforma tan-network tal-Konsorzju tal-UE għan-Nonproliferazzjoni (il-“Konsorzju”), u l-produzzjoni ta’ podcast.

Deskrizzjoni dettaljata tal-proġett tinsab fl-Anness.

Artikolu 2

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(2) għandha titwettaq mill-Konsorzju, magħmul mill-Fondation pour la recherche stratégique (FRS), il-Peace Research Institute Frankfurt (PRIF), l-International Institute for Strategic Studies Europe (IISS-Europe), l-iStockholm International Peace Research Institute (SIPRI), l-International Affairs Institute (IAI) f’Ruma u l-Vienna Center for Disarmament and Non-Proliferation (VCDNP).

3.   Il-Konsorzju għandu jwettaq l-implimentazzjoni teknika tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(2) taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentat Għoli. Għal dan il-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-Konsorzju.

4.   L-Istati Membri u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandhom jipproponu prijoritajiet u suġġetti ta’ interess speċifiku għall-valutazzjoni fil-programmi ta’ riċerka tal-Konsorzju, li għandhom jiġu indirizzati f’dokumenti ta’ ħidma u seminars, f’konformità mal-politika tal-Unjoni.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett li jkopri l-attivitajiet imsemmijin fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta’ EUR 4 500 000.

2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont ta’ referenza li jinsab fil-paragrafu 1 għandha tiġi amministrata f’konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni korretta tan-nefqa stabbilita fil-paragrafu 1. Għal din il-fini, hija għandha tikkonkludi ftehim ta’ għotja mal-Konsorzju. Il-ftehim għandu jistipula li l-Konsorzju għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, adatta skont id-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim.

Artikolu 4

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti regolari mħejjijin mill-Konsorzju. Dawk ir-rapporti għandhom jifformaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill.

2.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġett imsemmijin fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 5

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 3(3). Madankollu, din id-Deċiżjoni għandha tiskadi sitt xhur wara l-adozzjoni tagħha jekk tali ftehim ma jkunx ġie konkluż sa dak iż-żmien.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Mejju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

B. NOWACKA


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/430/PESK tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi netwerk Ewropew ta’ gruppi ta’ riflessjoni indipendenti għan-nonproliferazzjoni b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 202, 4.8.2010, p. 5, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/430/oj).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/129/PESK tal-10 ta’ Marzu 2014 li tippromwovi n-netwerk Ewropew ta’ gruppi ta’ riflessjoni indipendenti dwar in-nonproliferazzjoni b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva (ĠUJ L 71, 12.3.2014, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/129(1)/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/632 tat-3 ta’ April 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2014/129/PESK li tippromwovi n-netwerk Ewropew ta’ gruppi ta’ riflessjoni indipendenti dwar in-nonproliferazzjoni b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 90, 4.4.2017, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/632/oj).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1195 tal-4 ta’ Lulju 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2014/129/PESK li tippromwovi n-netwerk Ewropew ta’ gruppi ta’ riflessjoni indipendenti dwar in-nonproliferazzjoni b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 172, 5.7.2017, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/1195/oj).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/299 tas-26 ta’ Frar 2018 li tippromwovi n-netwerk Ewropew ta’ gruppi ta’ riflessjoni indipendenti dwar in-nonproliferazzjoni u d-diżarm b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni ta’ armi ta’ qerda massiva (ĠU L 56, 28.2.2018, p. 46, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/299/oj).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/648 tas-16 ta’ April 2021 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2018/299 li tippromwovi n-netwerk Ewropew ta’ gruppi ta’ riflessjoni indipendenti dwar in-nonproliferazzjoni u d-diżarm b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni ta’ armi ta’ qerda massiva (ĠU L 133, 20.4.2021, p. 57, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/648/oj).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/597 tal-11 ta’ April 2022 il-promozzjoni tan-netwerk Ewropew ta’ gruppi ta’ riflessjoni indipendenti dwar in-nonproliferazzjoni u d-diżarm (ĠU L 114, 12.4.2022, p. 75, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/597/oj).


ANNESS

DOKUMENT TA’ PROĠETT

KONSORZJU TAL-UE GĦAN-NONPROLIFERAZZJONI U D-DIŻARM (FAŻI V)

Il-Konsorzju tal-UE għan-Nonproliferazzjoni u d-Diżarm (EUNPDC) inħoloq mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea bil-għan li jiġi stabbilit Network Ewropew ta’ gruppi ta’ riflessjoni indipendenti biex jinkoraġġixxu d-djalogu politiku u relatat mas-sigurtà u d-diskussjoni fit-tul ta’ miżuri għall-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta’ armi ta’ qerda massiva (AQM) u s-sistemi ta’ kunsinna tagħhom. Tali djalogu u diskussjoni jkopru wkoll kwistjonijiet relatati ma’ armi konvenzjonali, inkluż armi ħfief u ta’ kalibru żgħir (SALW). Imniedi fl-2010 bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/430/PESK, l-appoġġ imġedded tal-UE għall-proġett għal tliet fażijiet oħra fl-2014 (bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE 2014/129/PESK), fl-2018 (bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE 2018/299/PESK) u fl-2022 (bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE (PESK) 2022/597). L-implimentazzjoni tal-Fażi IV ser tiġi konkluża f’Mejju 2025.

Bħalissa l-EUNPDC jikkonsisti fil-Fondation pour la Recherche Stratégique (FRS), l-Istituto Affari Internazionali (IAI), l-International Institute for Strategic Studies Europe (IISS-Europe), il-Peace Research Institute Frankfurt (PRIF), is-Stockholm International Peace Research Institute (SIPRI) u il-Vienna Center for Disarmament and Non-Proliferation (VCDNP). Matul is-snin in-Network espanda biex jinkludi 116-il membru fost il-gruppi ta’ riflessjoni, iċ-ċentri ta’ riċerka u d-dipartimenti universitarji bbażati fl-Istati Membri kollha tal-UE u bħalissa f’seba’ pajjiżi oħra (il-Georgia, l-Iżvizzera, in-Norveġja, ir-Renju Unit, is-Serbja, it-Turkija, l-Ukrajna).

Ir-rwol tal-Konsorzju huwa li jikkoordina u jippromwovi n-Network u jagħmel l-għarfien espert tiegħu disponibbli għall-UE, bil-ħsieb li jinforma d-diskussjoni tal-korpi rilevanti tiegħu dwar politiki ta’ nonproliferazzjoni, kontroll tal-esportazzjoni tal-armi u diżarm u jipprovdi ideat, analiżi u rakkomandazzjonijiet. Il-Konsorzju wettaq dan il-kompitu permezz ta’ firxa varjata ta’ attivitajiet, inkluż konferenzi u laqgħat internazzjonali, attivitajiet edukattivi, pubblikazzjonijiet u ħidma biex jintlaħqu n-nies. Matul il-Fażi IV tal-proġett, l-ambitu tal-ħidma tal-Konsorzju twessa’ biex iwieġeb għall-ħtieġa li jinbnew aktar kapaċità, sensibilizzazzjoni u opportunitajiet fil-qasam tan-nonproliferazzjoni, il-kontroll (tal-esportazzjoni) tal-armi u d-diżarm fost il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ prattikanti u akkademiċi. Ingħatat ukoll attenzjoni partikolari għall-ħtieġa li jiġu involuti aktar nisa f’dan il-qasam. Prijorità oħra kienet li jinħolqu sensibilizzazzjoni u kapaċità fil-qasam tax-xjenzi naturali dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà, u li din il-kompetenza tintrabat mal-komunità tan-nonproliferazzjoni, tal-kontroll (tal-esportazzjoni) tal-armi u tad-diżarm. Dan sar partikolarment importanti minħabba l-iżviluppi rapidi fil-qasam tat-teknoloġiji emerġenti.

L-iżviluppi u l-isfidi kontinwi fil-qasam tan-nonproliferazzjoni, tal-kontroll (tal-esportazzjoni) tal-armi u tad-diżarm jagħmlu l-ħidma ta’ mobilizzazzjoni, ta’ riċerka u biex jintlaħqu n-nies tal-Konsorzju u tan-Network partikolarment rilevanti għall-UE u l-Istati Membri tagħha. Filwaqt li tibni fuq il-ħidma mwettqa fil-fażijiet preċedenti tal-proġett, il-Fażi V tal-EUNPDC, kif ippreżentata f’dan id-dokument, tirrifletti kif l-attivitajiet tagħha jistgħu jkomplu jippermettu lill-Konsorzju u lin-Network jinfurmaw il-ħidma tal-UE f’dan il-qasam importanti u jkomplu jtejbu l-impronta dinjija tagħha billi jżidu l-involviment mal-gvernijiet, iċ-ċentri ta’ riċerka, l-istituzzjonijiet edukattivi u l-udjenzi (inkluż il-ġenerazzjoni żagħżugħa) f’reġjuni oħra. L-attivitajiet ser jinfurmaw id-dibattiti ta’ politika fl-Ewropa u madwar id-dinja; isaħħu l-bini ta’ networks u l-kollaborazzjoni fir-riċerka; javvanzaw l-edukazzjoni dwar in-nonproliferazzjoni u d-diżarm; u jsaħħu l-kapaċitajiet u l-għarfien espert fl-UE u lil hinn minnha.

1.   Ġestjoni ġenerali

Bħala parti mill-Ġestjoni Ġenerali, SIPRI ser ikompli jissorvelja u jikkoordina l-attivitajiet tal-Konsorzju u n-Network Ewropew ta’ gruppi ta’ riflessjoni indipendenti dwar in-nonproliferazzjoni u d-diżarm (in-Network), inkluż permezz tal-organizzazzjoni ta’ laqgħat tal-Kumitat ta’ Tmexxija bejn ir-rappreżentanti tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), il-Kummissjoni Ewropea u l-Konsorzju u t-twettiq tal-obbligi ta’ rapportar. Dan jinkludi l-ġestjoni u l-aġġornament tan-network eżistenti ta’ gruppi ta’ riflessjoni indipendenti, kif ukoll l-espansjoni ulterjuri tad-diversità tan-Network f’termini ta’ dixxiplini akkademiċi u kopertura ġeografika, l-iżgurar tal-perspettivi tan-nisa u ż-żgħażagħ, u d-disponibbiltà ta’ għarfien espert dwar il-ġeneru fin-network, u b’enfasi partikolari fuq involviment imsaħħaħ ma’ entitajiet fl-Ewropa tal-Lvant u tax-Xlokk kif ukoll ma’ entitajiet minn xjenzi naturali u tekniċi. L-involviment tan-Network ser jinkludi wkoll il-promozzjoni u l-kondiviżjoni ta’ prattiki sensittivi għad-diversità u orjentati lejn l-inklużjoni fin-network, u fil-qasam tan-nonproliferazzjoni u d-diżarm b’mod ġenerali.

Il-ġestjoni ġenerali tinkludi wkoll żmien għall-membri kollha tal-Konsorzju biex iwettqu kompiti ġenerali ta’ ġestjoni (eż. jattendu laqgħat ta’ koordinazzjoni, jippreżentaw kontributi lill-koordinatur) u biex ikopru l-ispejjeż ta’ viżibbiltà, inkluż ir-rappreżentazzjoni tal-Konsorzju f’avvenimenti internazzjonali. Ir-rappreżentanti ta’ membri tal-Konsorzju, is-SEAE u l-Kummissjoni Ewropea ser ikomplu wkoll jipprovdu kontribut dwar il-kontenut u l-organizzazzjoni tal-Konferenza Annwali u proġetti oħra (eż. il-Laqgħa konsultattiva, is-sensiela ta’ pubblikazzjonijiet u seminars ad hoc), bħala parti mill-funzjoni tal-Kumitat tal-Programm EUNPDC.

2.   Deskrizzjoni tal-komponenti tal-proġett

L-għanijiet li ġejjin huma trażversali għall-komponenti kollha tal-proġett:

L-iżgurar tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-diversità f’termini ta’ kopertura ġeografika fl-attivitajiet kollha

L-appoġġ għall-ġenerazzjoni li jmiss ta’ esperti fil-qasam tan-nonproliferazzjoni u d-diżarm

It-tisħiħ ulterjuri tar-riċerka interdixxiplinari, il-kollaborazzjoni u l-edukazzjoni bejn ix-xjenzi naturali u dawk soċjali billi jiżdied l-għadd ta’ istituzzjonijiet tax-xjenza naturali u dik teknika fin-network u billi jissaħħaħ l-involviment tax-xjenza naturali u dik teknika fl-attivitajiet tal-EUNPDC; u

L-estensjoni tas-sħubijiet, il-ħidma biex jintlaħqu n-nies u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet għal networks, istituzzjonijiet u esperti f’reġjuni differenti madwar id-dinja, eż. permezz tal-organizzazzjoni ta’ u l-parteċipazzjoni f’seminars ad hoc f’reġjuni oħra, permezz tal-ftuħ ta’ internships u korsijiet ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-proliferazzjoni għal ċittadini mhux Ewropej, inkluż min-Nofsinhar Globali, permezz tal-ospitar ta’ avvenimenti paralleli konġunti u l-involviment ta’ kelliema mhux Ewropej f’avvenimenti bħal dawn; permezz tat-traduzzjoni ta’ korsijiet ta’ apprendiment elettroniku; u permezz ta’ żieda fid-diversità tar-riżorsi tat-tagħlim disponibbli fuq is-sit web tal-EUNPDC.

2.1   Organizzazzjoni ta’ Konferenza annwali dwar in-nonproliferazzjoni u d-diżarm (tmexxija: IAI)

Għan u deskrizzjoni tal-komponenti tal-proġetti

Il-Konferenza Annwali, bil-parteċipazzjoni ta’ esperti governattivi u gruppi ta’ riflessjoni indipendenti u esperti akkademiċi oħra mill-UE u stati assoċjati kif ukoll pajjiżi terzi, ser tiddiskuti u tidentifika aktar miżuri għall-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-AQM u s-sistemi ta’ kunsinna tagħhom u objettivi marbuta ta’ diżarm, u tindirizza l-isfidi marbuta mal-armi konvenzjonali, inkluż il-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu u l-akkumulazzjoni eċċessiva tas-SALW u l-munizzjon tagħhom, kif ukoll riskji u opportunitajiet relatati mat-teknoloġiji emerġenti.

Fil-Fażi V (2025-2028) din l-attività ser tkopri l-organizzazzjoni ta’ Konferenza Annwali darba fis-sena. Il-Konsorzju għandu l-għan li jorganizza l-Konferenza bi preżenza fiżika iżda bil-possibbiltà li jxandar direttament parti minnha. Barra minn hekk:

Il-laqgħat annwali tan-Network ser isiru bi preżenza fiżika (eżatt wara l-Konferenza Annwali) jew f’format virtwali.

Il-laqgħa tal-Ġenerazzjoni li Jmiss ser tiġi organizzata eżatt wara l-Konferenza Annwali u ser tkun marbuta ma’ attivitajiet oħra li jinvolvu esperti żgħażagħ (ara l-intestatura 2.6 ta’ dan id-dokument).

Il-mentees u l-mentors tal-Programm ta’ Mentoraġġ tal-EUNPDC ser jiġu mistiedna jipparteċipaw fil-Konferenza u f’laqgħat separati organizzati fil-marġini tal-Konferenza biex jieħdu vantaġġ mill-preżenza fiżika tagħhom.

Riżultati tal-komponenti tal-proġett

Iż-żamma ta’ konferenza internazzjonali kbira mmexxija mill-Ewropa dwar in-nonproliferazzjoni u d-diżarm li ser tkompli tkun il-post ewlieni għall-promozzjoni ta’ diskussjoni strateġika dwar miżuri fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-AQM u s-sistemi ta’ kunsinna tagħhom u objettivi relatati ta’ diżarm u biex jiġu indirizzati l-isfidi relatati mal-armi konvenzjonali, fosthom il-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu u l-akkumulazzjoni eċċessiva tas-SALW u l-munizzjon tagħhom, kif ukoll riskji u opportunitajiet relatati mat-teknoloġiji emerġenti.

Iż-żieda fil-viżibbiltà u s-sensibilizzazzjoni fil-politiki tal-Unjoni fil-qasam tan-nonproliferazzjoni tal-AQM u s-SALW u fil-qasam tal-azzjoni fil-qasam kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku jew nukleari (CBRN) fost l-uffiċjali tal-gvern, l-akkademiċi u s-soċjetà ċivili ta’ pajjiżi terzi.

Il-promozzjoni tar-rwoli tan-Network u tal-Unjoni f’dan il-qasam.

It-tisħiħ tal-għarfien espert dwar in-nonproliferazzjoni, il-kontroll (tal-esportazzjoni) tal-armi u d-diżarm, b’mod partikolari f’pajjiżi fejn dan mhuwiex biżżejjed, inkluż pajjiżi terzi, b’enfasi fuq l-appoġġ għall-ġenerazzjoni li jmiss.

L-għoti ta’ rakkomandazzjonijiet orjentati lejn l-azzjoni li jtejbu l-implimentazzjoni tal-Istrateġiji tal-UE dwar in-nonproliferazzjoni tal-AQM u s-SALW, u li jiffurmaw pass utli ‘il quddiem għan-nonproliferazzjoni u l-azzjoni relatata mal-armi konvenzjonali mill-Unjoni u l-komunità internazzjonali.

Iż-żieda fis-sensibilizzazzjoni u l-għarfien tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, tal-Istati Membri, is-soċjetà ċivili u l-pajjiżi terzi dwar it-theddid relatat mal-AQM u l-mezzi ta’ kunsinna tagħhom, li jippermettulhom jantiċipaw aħjar.

2.2   Organizzazzjoni ta’ Laqgħa Konsultattiva annwali dwar in-nonproliferazzjoni u d-diżarm (tmexxija: FRS)

Għan u deskrizzjoni tal-komponenti tal-proġetti

Il-Laqgħat Konsultattivi, bil-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti tal-UE, tal-Istati Membri u ta’ esperti mhux governattivi, jiddiskutu u jesploraw soluzzjonijiet għal sfidi fi żmien qasir u medju għall-Unjoni fl-oqsma tan-nonproliferazzjoni u d-diżarm, b’mod partikolari l-AQM u l-vetturi ta’ kunsinna tagħhom, armi konvenzjonali inkluż is-SALW, tipi ġodda ta’ armi u ta’ sistemi ta’ kunsinna.

Fil-Fażi V tal-proġett din l-attività ser tkopri l-organizzazzjoni ta’ Laqgħa Konsultattiva darba fis-sena, maqsuma f’żewġ partijiet, rispettivament ikopru kwistjonijiet relatati mal-CONOP u l-COARM, u t-tħejjija ta’ rapporti u/jew rakkomandazzjonijiet assoċjati. L-aġendi ta’ dawn l-avvenimenti ser jitħejjew f’kooperazzjoni mill-qrib mas-SEAE u l-gruppi ta’ ħidma tal-PESK tal-Kunsill fl-oqsma tan-nonproliferazzjoni u d-diżarm (CONOP) u l-esportazzjoni ta’ armi konvenzjonali (COARM). Meta jkun rilevanti ser jiġu kkonsultati korpi addizzjonali (eż. it-Task Force Spazjali tas-SEAE). B’mod speċifiku:

Il-Laqgħa Konsultattiva annwali ser tkun magħmula minn mhux aktar minn jumejn maqsuma bejn is-sessjonijiet tal-CONOP u l-COARM. Ser tipprevedi l-parteċipazzjoni fiżikament ta’ massimu ta’ 50 individwu minn gruppi ta’ riflessjoni Ewropej, l-Istati Membri tal-UE u l-istituzzjonijiet tal-UE speċjalizzati fid-diżarm tal-AQM u kwistjonijiet ta’ nonproliferazzjoni u armi konvenzjonali, inkluż is-SALW, kif ukoll teknoloġiji emerġenti f’kull waħda mis-sessjonijiet orjentati lejn il-CONOP u l-COARM.

Il-Laqgħa Konsultattiva ser issir f’format bi preżenza fiżika biex jiżdiedu kemm jista’ jkun l-iskambji bejn il-parteċipanti.

Riżultati tal-komponenti tal-proġett

L-iskambju ta’ informazzjoni u analiżi dwar ix-xejriet attwali ta’ nonproliferazzjoni fost dawk li jipprattikaw il-politika u l-esperti mhux governattivi mill-Istati Membri, kif ukoll persunal speċjalizzat mis-SEAE u istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni.

Id-diskussjoni dwar l-aħjar modi u mezzi biex jiġu implimentati l-politiki tal-Unjoni kontra l-proliferazzjoni.

L-għoti ta’ reazzjonijiet kostruttivi lill-Unjoni dwar l-istrateġiji tagħha kontra l-proliferazzjoni tal-AQM u s-SALW minn gruppi ta’ riflessjoni Ewropej indipendenti, u suġġerimenti minn prattikanti lir-riċerkaturi dwar l-aktar suġġetti rilevanti għall-politika għal aktar riċerka.

L-identifikazzjoni ta’ kwistjonijiet rilevanti fil-qasam tan-nonproliferazzjoni, il-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi u d-diżarm u l-esplorazzjoni ta’ soluzzjonijiet għall-isfidi relatati.

Il-produzzjoni ta’ rapporti orjentati lejn il-politika flimkien ma’ grupp ta’ rakkomandazzjonijiet orjentati lejn l-azzjoni lir-rappreżentanti tar-RGħ.

2.3   Organizzazzjoni ta’ seminars ad hoc, avvenimenti paralleli u briefings tal-esperti

Għan u deskrizzjoni tal-komponenti tal-proġetti

Is-seminars iservu għan konsultattiv bejn in-Netwerk, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, fuq bażi ad hoc, kemm għall-analiżi tal-prospettivi/għas-sensibilizzazzjoni kif ukoll biex jiġu indirizzati kwistjonijiet urġenti fuq l-aġenda politika. L-avvenimenti jipprovdu opportunità għan-Netwerk, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE biex jilħqu udjenzi fil-mira fl-Unjoni u barra minnha. Dawn huma kkomplementati minn briefings bil-miktub u bil-fomm tal-esperti lill-UE u lill-korpi rilevanti tal-UE dwar il-firxa sħiħa ta’ kwistjonijiet ta’ nonproliferazzjoni, kontroll (tal-esportazzjoni) tal-armi u diżarm, u minn avvenimenti paralleli organizzati f’fora internazzjonali ewlenin bħall-Assemblea Ġenerali tan-NU u laqgħat ta’ stati partijiet għal trattati internazzjonali, jew konferenzi kbar dwar in-nonproliferazzjoni u d-diżarm.

Il-proġett jipprevedi l-organizzazzjoni ta’ mhux aktar minn disa’ seminars ad hoc tal-esperti jew avvenimenti paralleli bit-tħejjija ta’ dokument ta’ informazzjoni assoċjat. Għal Fażi V:

Is-seminars ser jiġu organizzati bi preżenza fiżika, f’format virtwali jew f’format ibridu.

Bħala parti mill-organizzazzjoni tas-seminars, ser jiġi kkummissjonat dokument ta’ informazzjoni ad hoc lill-esperti rilevanti affiljati man-Network, il-Konsorzju jew, jekk meħtieġ, istituti oħra li jiffoka fuq is-suġġett tas-seminar. Dawn id-dokumenti ta’ informazzjoni ser jiġu ċċirkolati qabel is-seminar bħala dokument ta’ sfond jew wara biex jagħtu ħarsa ġenerali tal-punti ewlenin.

Is-SEAE jista’ jitlob ukoll dokumenti ta’ informazzjoni awtonomi minflok dokument ta’ informazzjoni bil-miktub li jiffoka fuq is-suġġett ta’ Seminar Ad Hoc.

Barra minn hekk il-proġett jipprevedi briefings bil-fomm (virtwalment jew bi preżenza fiżika) lill-CONOP, il-COARM u korpi oħra tal-UE, kif xieraq, minn esperti affiljati mal-membri tan-Network jew tal-Konsorzju u fuq talba tas-SEAE.

Avvenimenti paralleli f’fora internazzjonali jiġu organizzati mill-Konsorzju f’format ibridu jew bi preżenza fiżika.

Riżultati tal-komponenti tal-proġett

L-iskambju ta’ analiżi u l-esplorazzjoni ta’ soluzzjonijiet għall-isfidi attwali tan-nonproliferazzjoni, il-kontroll (tal-esportazzjoni) tal-armi u d-diżarm fost il-prattikanti tal-politika u l-esperti mhux governattivi mill-Istati Membri, kif ukoll persunal speċjalizzat mis-SEAE u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

L-identifikazzjoni ta’ kwistjonijiet u xejriet ewlenin fil-qasam tan-nonproliferazzjoni u d-diżarm.

Il-produzzjoni ta’ rapporti orjentati lejn il-politika flimkien ma’ grupp ta’ rakkomandazzjonijiet orjentati lejn l-azzjoni lir-rappreżentanti tar-RGħ. Dawn ir-rapporti ser ikunu mxerrda fl-istituzzjonijiet rilevanti tal-Unjoni u l-Istati Membri.

L-ilħuq tal-udjenzi fil-mira fl-Unjoni u lil hinn minnha.

L-involviment ma’ gvernijiet u ċentri ta’ riċerka lil hinn mill-Unjoni.

2.4   Pubblikazzjoni ta’ Dokumenti ta’ Politika tal-UE dwar in-Nonproliferazzjoni u d-Diżarm (tmexxija: SIPRI)

Għan u deskrizzjoni tal-komponenti tal-proġetti

Il-proġett jipprevedi t-tħejjija u l-pubblikazzjoni ta’ minn lanqas 15-il dokument ta’ politika. Id-dokumenti ta’ politika ser jiġu kkummissjonati mill-Konsorzju u mħejjija, primarjament, mill-Konsorzju jew min-Network, bil-ħsieb li tiġi żgurata rappreżentazzjoni bilanċjata u varjata ta’ fehmiet f’termini ta’ għarfien espert tematiku u reġjonali, u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Is-sensiela ta’ dokumenti ta’ politika ser tistieden ukoll kontribuzzjonijiet minn speċjalisti tal-“ġenerazzjoni li jmiss”. Id-dokumenti ser ikopru s-suġġetti fil-mandat tal-Konsorzju. Kull dokument ser jipproponi rakkomandazzjonijiet/għażliet ta’ politika. Id-dokumenti ta’ politika kollha ser jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-Konsorzju.

Riżultati tal-komponenti tal-proġett

Djalogu politiku u relatat mas-sigurtà li huwa msaħħaħ u komprensiv dwar miżuri għall-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-AQM u s-sistemi ta’ kunsinna tagħhom, il-kontroll tal-armi u d-diżarm, l-iktar permezz ta’ esperti, riċerkaturi u akkademiċi kif ukoll gvernijiet.

Sensibilizzazzjoni, għarfien u fehim akbar fost il-partijiet ikkonċernati tal-UE u mhux tal-UE, inkluż is-soċjetà ċivili, in-network Ewropew ta’ gruppi ta’ riflessjoni indipendenti dwar in-nonproliferazzjoni, ir-riċerkaturi u l-gvernijiet dwar kwistjonijiet relatati ma’ politiki tal-Unjoni dwar in-nonproliferazzjoni, il-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi u d-diżarm.

Għażliet politiċi u/jew ta’ politika operazzjonali lir-RGħ, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-Istati Membri.

Kontribut għall-iżvilupp ta’ azzjonijiet ta’ nonproliferazzjoni, kontroll (tal-esportazzjoni) tal-armi u diżarm fil-livell tal-Unjoni assistit minn ideat, informazzjoni u analiżi, abbażi tal-firxa wiesgħa ta’ għarfien espert solidu disponibbli fin-Netwerk.

2.5   Promozzjoni u tisħiħ tal-edukazzjoni dwar in-nonproliferazzjoni u d-diżarm

Il-komponent tal-proġett jikkonsisti fl-attivitajiet li ġejjin:

2.5.1    Aġġornament kontinwu tal-infrastruttura u l-korsijiet tal-apprendiment elettroniku tal-EUNPD (tmexxija: PRIF)

Għan u deskrizzjoni tal-attività tal-proġett

Din l-attività ser tiffoka fuq it-tixrid u l-użu fuq il-livell dinji ta’ għodda ta’ apprendiment elettroniku, li ġiet żviluppata fil-fażijiet preċedenti. Il-kors bħalissa jikkonsisti minn 20 unità ta’ tagħlim dwar il-kwistjonijiet rilevanti kollha rigward in-nonproliferazzjoni u d-diżarm. Il-fażi V ser tiffoka fuq iż-żamma, l-aġġornament u l-estensjoni tal-firxa tal-Unitajiet tal-Apprendiment tal-Pjattaforma tal-UE għall-Apprendiment Elettroniku dwar in-Nonproliferazzjoni u d-Diżarm billi fl-istess ħin toffri verżjonijiet lingwistiċi differenti (permezz tat-traduzzjoni mill-bniedem jew bl-IA) u iżżid l-għażliet għat-twassil tal-informazzjoni, eż. billi żżid elementi grafiċi jew interattivi ġodda. Skont id-disponibbiltà teknika, il-preżentazzjoni tal-unitajiet kollha bħala awdjo (minbarra l-podcasts animati attwali li jippreżentaw biss elementi magħżula) abbażi ta’ diskors iġġenerat mill-IA. L-20 unità kollha ser jiġu aġġornati regolarment biex jipprovdu lill-istudenti bil-fatti u ċ-ċifri l-aktar reċenti.

Għal darb’oħra ser tingħata attenzjoni speċjali lill-aċċessibbiltà, jiġifieri t-titjib għall-utenti b’insuffiċjenza fil-vista jew fis-smigħ. It-tkomplija tal-ħidma biex jintlaħqu n-nies u l-appoġġ għal istituzzjonijiet edukattivi ser jippermettu integrazzjoni faċli tal-apprendiment elettroniku fi Programmi ta’ Masters Universitarji u offerti edukattivi oħrajn, u jħeġġu l-użu tal-kors tal-apprendiment elettroniku madwar id-dinja.

Riżultati tal-attività tal-proġett

Il-manutenzjoni, l-ottimizzazzjoni u l-aġġornament ta’ kors ta’ apprendiment elettroniku eżistenti tal-EUNPD li jkopri l-aspetti rilevanti kollha tan-nonproliferazzjoni u d-diżarm.

L-espansjoni tal-possibbiltajiet ta’ kif jiġi riċevut il-materjal.

Ħidma biex jintlaħqu n-nies u assistenza lil edukaturi biex jużaw ir-riżorsi edukattivi tal-UE dwar in-nonproliferazzjoni u d-diżarm.

Ħidma biex jintlaħqu n-nies u assistenza lil ġurnalisti u diplomatiċi żgħażagħ biex jużaw ir-riżorsi edukattivi tal-UE dwar in-nonproliferazzjoni u d-diżarm.

L-għoti ta’ appoġġ għat-tagħlim dwar in-nonproliferazzjoni, il-kontroll (tal-esportazzjoni) tal-armi u d-diżarm f’seminars universitarji.

L-għoti ta’ appoġġ biex jiġi kkombinat l-apprendiment elettroniku u t-taħriġ fil-klassijiet (“apprendiment imħallat”).

Iż-żieda fl-għarfien fil-fond dwar il-politika tal-UE dwar in-nonproliferazzjoni u d-diżarm fl-Unjoni u f’pajjiżi terzi.

Il-forniment ta’ riżors edukattiv miftuħ li jkun aġġornat kontinwament għall-partijiet ikkonċernati kollha involuti fir-riċerka u l-programmazzjoni tan-nonproliferazzjoni.

2.5.2    “Klinika tat-tagħlim” (ċentru tar-riżorsi tat-tagħlim) (tmexxija: PRIF)

Għan u deskrizzjoni tal-attività tal-proġett

Din l-attività ser tkompli l-ħidma biex issaħħaħ l-edukazzjoni dwar in-nonproliferazzjoni, il-kontroll (tal-esportazzjoni) tal-armi u d-diżarm fl-UE billi żżid u tiddiversifika l-bażi tal-għarfien dwar dawn il-kwistjonijiet fl-Ewropa u madwar id-dinja u tappoġġa lill-ġenerazzjoni li jmiss ta’ esperti u dawk li jfasslu l-politika. S’issa, permezz ta’ tfittxija estensiva online, ġew identifikati 114-il kors rilevanti mgħallma dan l-aħħar fl-universitajiet fl-UE. Il-letturi rispettivi ġew ikkuntattjati individwalment. Bi tweġiba, waslu 43 sillabu u ngħatat l-approvazzjoni għall-pubblikazzjoni ta’ 21 minnhom. Dawn l-21 jinsabu fuq is-sit web tal-Konsorzju.

Barra minn hekk, ġew ipprovduti żewġ sillabi ta’ referenza u sommarji qosra tat-testi ewlenin. Fil-Fażi V, il-proġett mhux biss ser jiġbor sillabi addizzjonali għal korsijiet fl-universitajiet Ewropej u tal-Amerka ta’ Fuq iżda ser jiffoka wkoll fuq l-espansjoni tat-tiftix għal pajjiżi mhux tal-Punent. L-analiżi statistika ser tiġi kontinwament irfinuta u aġġornata. Ser jiġi propost materjal addizzjonali għal-letturi u l-għalliema.

Riżultati tal-attività tal-proġett

Firxa estensiva ta’ kurrikuli ta’ korsijiet disponibbli bħala eżempji u ispirazzjoni pprovduti fuq is-sit web tal-Konsorzju.

Evalwazzjoni statistika ta’ korsijiet eżistenti dwar, eż. suġġetti mgħallma jew approċċi teoretiċi, inkluż dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, ser tiġi ppubblikata fuq is-sit web tal-Konsorzju u ppreżentata f’konferenzi jew sessjonijiet ta’ ħidma.

L-aġġornament, f’kollaborazzjoni mal-professuri, tas-“sillabi ta’ referenza” għal dawk li jkunu qed jgħallmu għall-ewwel darba.

Sommarji qosra ta’ letteratura rilevanti ħafna ppubblikati fuq is-sit web tal-Konsorzju.

2.5.3    Kors ta’ taħriġ għas-sensibilizzazzjoni dwar il-proliferazzjoni (tmexxija: SIPRI)

Għan u deskrizzjoni tal-attività tal-proġett

Din l-attività ser tkopri l-organizzazzjoni ta’ sitt korsijiet ta’ sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji ta’ proliferazzjoni u s-sigurtà tar-riċerka għall-istudenti tax-xjenzi naturali, u d-dixxiplini tal-inġinerija u t-teknoloġija. Ser issaħħaħ ukoll ir-rabtiet bejn ix-xjenzi soċjali u dawk naturali. Fil-Fażi V, tlieta minn dawn il-korsijiet ser jiġu organizzati bi preżenza fiżika fi Stokkolma; tlieta ser isiru virtwalment. Dan jindirizza lakuna importanti peress li korsijiet bħal dawn vera rarament jiġu offruti mill-universitajiet.

Riżultati tal-attività tal-proġett

It-tisħiħ tal-ħiliet fil-ġenerazzjoni li jmiss ta’ akkademiċi tax-xjenzi naturali u oqsma rilevanti oħrajn fi strumenti u politiki ta’ nonproliferazzjoni.

Kontribut għall-mira tal-politika tal-Unjoni dwar in-nonproliferazzjoni permezz ta’ aktar sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji ta’ proliferazzjoni u s-sigurtà tar-riċerka fost id-dixxiplini li jippreżentaw riskji kbar ta’ proliferazzjoni u soġġetti għal żviluppi teknoloġiċi importanti; kif ukoll ta’ opportunitajiet biex jiġu indirizzati r-riskji ta’ proliferazzjoni permezz ta’ żviluppi teknoloġiċi.

Kombinazzjoni ta’ apprendiment mill-bogħod (apprendiment elettroniku) u taħriġ fuq il-post (“tagħlim imħallat”).

2.6   Promozzjoni ta’ kwistjonijiet relatati man-nonproliferazzjoni u d-diżarm immirata lejn nisa żgħażagħ u l-ġenerazzjoni li jmiss

Il-proġett jikkonsisti fl-attivitajiet li ġejjin:

2.6.1    Programm ta’ Internship (tmexxija: PRIF)

Għan u deskrizzjoni tal-attività tal-proġett

Din l-attività tipprevedi internships Ewropej dwar in-nonproliferazzjoni u d-diżarm għal mhux aktar minn 28 student jew professjonisti li għadhom kemm bdew fil-karriera tagħhom, kull wieħed għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet xhur. L-internships ser jiġu stabbiliti u dokumentati mill-Konsorzju, u ser jikkombinaw il-parteċipazzjoni f’avvenimenti u f’sessjonijiet ta’ ħidma, assenjazzjonijiet tal-qari u tal-kitba, u l-integrazzjoni ta’ proġetti. L-istituzzjonijiet kollha li jappartjenu għan-Network huma eliġibbli bħala istituti ospitanti. L-interns ser jiġu mistiedna — sa fejn possibbli — għall-konferenzi u s-seminars organizzati mill-Konsorzju li jkunu qed isiru matul l-internship tagħhom.

Riżultati tal-attività tal-proġett

Iż-żieda fil-ħila fil-ġenerazzjoni li jmiss ta’ akkademiċi u prattikanti fil-politika u l-programmazzjoni tan-nonproliferazzjoni.

Iż-żieda fl-għarfien fil-fond dwar il-politiki tal-Unjoni dwar in-nonproliferazzjoni u d-diżarm.

Fehim aħjar tal-istrateġiji tal-Unjoni, il-politiki u l-approċċi dwar in-nonproliferazzjoni f’pajjiżi terzi.

Il-ħolqien ta’ networks ta’ prattikanti u akkademiċi żgħażagħ u l-faċilitazzjoni ta’ kooperazzjoni prattika.

2.6.2    L-Inizjattiva dwar in-Nisa Żgħażagħ u l-Ġenerazzjoni li Jmiss (tmexxija: VCDNP)

Għan u deskrizzjoni tal-attività tal-proġett

Xprunata mill-perċezzjoni ġenerali tal-iżbilanċi fl-età u bejn il-ġeneri fost l-esperti u l-prattikanti fil-qasam tan-nonproliferazzjoni, il-kontroll (tal-esportazzjoni) tal-armi u d-diżarm, l-Inizjattiva għandha l-għan li tesponi lill-istudenti sal-ewwel grad, tal-ewwel grad u postgradwati għal kwistjonijiet ta’ nonproliferazzjoni, kontroll tal-esportazzjoni tal-armi u diżarm, biex iżżid is-sensibilizzazzjoni tagħhom dwarhom, u tinkoraġġixxi l-involviment tagħhom f’avvenimenti u sessjonijiet ta’ ħidma dwar suġġetti rilevanti. Fil-Fażi V, l-Inizjattiva ser tkompli torganizza żjarat ta’ ħidma biex jintlaħqu n-nies, u dan bi preżenza fiżika u/jew virtwalment, fl-universitajiet fl-Ewropa biex tissaħħaħ il-viżibbiltà tal-qasam u jiżdiedu l-opportunitajiet għall-akkademiċi żgħażagħ. L-attività ser tkompli torganizza webinars dwar suġġetti tematiċi, li dejjem jinkludu informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ karriera jew perkorsi għaż-żgħażagħ.

Biex tiżdied il-preżenza tan-nisa fil-qasam, fil-Fażi V il-proġett ser ikompli l-programm ta’ mentoraġġ b’suċċess kbir, li kull sena jqabbel 20 żagħżugħa ma’ 20 mentor sabiex jgħinu fit-titjib tan-networks tal-individwi, iżidu l-fehim tal-qasam u jfittxu parir dwar il-karriera. Il-programm ta’ mentoraġġ ser ikun akkumpanjat minn sessjonijiet ta’ esperti, attivitajiet soċjali u sessjonijiet ta’ ħidma għat-tisħiħ tal-ħiliet kif ukoll opportunitajiet għal laqgħat bi preżenza fiżika.

Barra minn hekk, fil-Fażi V, xi avvenimenti virtwali ta’ tisħiħ tal-ħiliet u tal-kapaċitajiet ser ikunu miftuħa għal-livelli kollha tal-karriera, u b’hekk ser jestendu l-udjenzi lil hinn mill-ġenerazzjoni li jmiss.

Riżultati tal-attività tal-proġett

Aktar diversità, inklużività u għarfien espert fis-settur tan-nonproliferazzjoni u d-diżarm, u riżerva aktar b’saħħitha u aktar varjata ta’ esperti futuri fil-qasam tan-nonproliferazzjoni, il-kontroll (tal-esportazzjoni) tal-armi u d-diżarm.

Fehim aħjar tal-qasam u l-politiki rilevanti tal-UE fost il-ġenerazzjoni li jmiss.

Aktar sensibilizzazzjoni dwar l-opportunitajiet għall-akkademiċi u l-prattikanti żgħażagħ, speċjalment in-nisa, biex isiru aktar involuti fil-qasam tan-nonproliferazzjoni, il-kontroll tal-armi u d-diżarm.

Networks imsaħħa fost l-akkademiċi/prattikanti żgħażagħ u bejn l-akkademiċi/prattikanti żgħażagħ u l-esperti stabbiliti.

Involviment imtejjeb ma’ akkademiċi u prattikanti żgħażagħ interessati li jitgħallmu aktar dwar il-qasam u li jidħlu f’dan il-qasam.

2.7   Żjara tal-parteċipanti fil-programm ta’ Boroż ta’ Studju tan-NU dwar id-Diżarm fi Brussell (tmexxija: VCDNP)

Għan u deskrizzjoni tal-komponenti tal-proġetti

Il-proġett, fil-qafas tal-programm ta’ Boroż ta’ Studju tan-NU dwar id-Diżarm, jipprovdi żjara ta’ studju ta’ bejn jumejn u tlett ijiem fi Brussell, il-Belġju, biex il-parteċipanti ikunu jistgħu jitgħallmu aktar dwar l-UE, il-politiki, il-funzjonament u l-istituzzjonijiet tagħha. Iż-żjara ser tiġi skedata bħala parti mill-komponent Ewropew tal-programm ta’ boroż ta’ studju. Il-programm għandu l-għan li jipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva tal-istituzzjonijiet ewlenin tal-UE u l-korpi li jfasslu l-politika, speċjalment dawk relatati man-nonproliferazzjoni u d-diżarm, u jipprovdi preżentazzjonijiet tematiċi dwar il-ħidma tal-UE fil-qasam, inkluż programmi ta’ appoġġ offruti lil pajjiżi terzi.

Riżultati tal-komponenti tal-proġett

Aktar għarfien u viżibbiltà tal-funzjonament u l-istituzzjonijiet fl-UE u l-politiki tagħha kif ukoll programmi ta’ appoġġ dwar in-nonproliferazzjoni u d-diżarm f’pajjiżi terzi.

Għarfien espert imtejjeb dwar kwistjonijiet tal-AQM u s-SALW f’pajjiżi sħab u dawk terzi.

Aktar kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tan-NU għall-Affarijiet ta’ Diżarm u kontribut għall-isforzi edukattivi fil-qafas tal-Programm ta’ Boroż ta’ Studju tan-NU dwar id-Diżarm.

2.8   Ħidma biex jintlaħqu n-nies u komunikazzjoni (tmexxija: FRS)

Il-komponent tal-proġett jikkonsisti fl-attivitajiet li ġejjin:

2.8.1    Sit web, pjattaforma tan-Network u ħidma biex jintlaħqu n-nies (tmexxija: FRS)

Għan u deskrizzjoni tal-attività tal-proġett

Din l-attività tipprovdi l-mezzi għall-web hosting, id-disinn web, il-manutenzjoni teknika u l-aġġornamenti kontinwi tas-sit web tal-Konsorzju (https://www.nonproliferation.eu/) u n-networks soċjali. Il-membri tan-Network ser ikunu aktar involuti permezz tal-pjattaforma kollaborattiva diġitali, billi jinteraġixxu fil-forum, jaqsmu r-riżorsi tagħhom u l-avvenimenti li ġejjin, kif ukoll billi jipprovdu aġġornamenti dwar l-esperti tagħhom u l-istitut tagħhom. Is-sit web, il-pjattaforma tan-network u n-networks soċjali għandhom jiżguraw ukoll il-viżibbiltà tal-UE. Il-fażi V ser tiffoka fuq l-armonizzazzjoni tad-diversi pjattaformi ta’ komunikazzjoni tan-network u ttejjeb aktar it-tixrid tar-riżorsi tan-netwerk, il-pubblikazzjonijiet u l-attivitajiet sabiex tiżdied il-viżibbiltà fil-komunitajiet tal-politika u biex tiġi ffaċilitata l-kollaborazzjoni fir-riċerka. Barra minn hekk:

Pubblikazzjonijiet, avvenimenti u opportunitajiet ta’ xogħol tal-Konsorzju u membri oħra tan-Network ser ikomplu jiġu promossi fuq id-diversi pjattaformi.

Konferenzi organizzati mill-Konsorzju ser ikomplu jiġu promossi u dokumentati fuq is-sit web (dokumenti ta’ sfond, aġenda, preżentazzjonijiet, filmati ta’ laqgħat miftuħa fejn xieraq).

L-opportunitajiet edukattivi fil-Konsorzju, inkluż il-kors tat-apprendiment elettroniku, ir-riżorsi tat-tagħlim, l-Inizjattiva Nisa Żgħażagħ u l-Ġenerazzjoni li Jmiss, l-opportunitajiet ta’ boroż ta’ studju u internships ser ikomplu jiġu promossi f’taqsima apposta tas-sit web.

Il-ġestjoni ta’ pjattaforma fejn il-gruppi ta’ riflessjoni dwar in-nonproliferazzjoni u d-diżarm jistgħu jaqsmu kontinwament il-fehmiet u l-analiżi indipendenti tagħhom dwar il-proliferazzjoni tal-AQM u kwistjonijiet tal-armi konvenzjonali, inkluż is-SALW.

Il-bullettin regolari ser ikompli jinkludi taqsima ddedikata għall-intervisti, editorjal, lista ta’ pubblikazzjonijiet, aħbarijiet dwar l-aħħar żviluppi fil-politika tal-UE dwar in-nonproliferazzjoni u d-diżarm, lista ta’ sejħiet għal applikazzjonijiet għal impjieg, u aħbarijiet mill-membri tan-network.

2.8.2    Produzzjoni ta’ podcast tal-EUNPDC (tmexxija: IISS-Europe)

Għan u deskrizzjoni tal-attività tal-proġett

Din l-attività tipprevedi l-kontinwazzjoni ta’ podcast tal-EUNPDC mibdi fil-Fażi IV, li jindirizza kwistjonijiet tematiċi fi ħdan il-mandat tal-Konsorzju. Il-podcast huwa sensiela li tqanqal il-ħsieb u li teżamina l-aktar kwistjonijiet urġenti relatati man-nonproliferazzjoni, il-kontroll (tal-esportazzjoni) tal-armi u d-diżarm, inkluż suġġett rilevanti għall-proliferazzjoni tal-AQM u s-sistemi ta’ kunsinna tagħhom, kif ukoll l-impatt tat-teknoloġiji emerġenti. Kull episodju fih diskussjonijiet fil-fond ma’ esperti u prattikanti ewlenin. Fil-Fażi V tal-proġett, is-sensiela tal-podcast, ospitata mill-IISS-Europe, ser tipproduċi sa 36 episodju.

Riżultati tal-attivitajiet tal-proġett

Sensibilizzazzjoni u għarfien akbar fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-Istati Membri, is-soċjetà ċivili u l-pajjiżi terzi dwar it-theddid relatat mal-armi konvenzjonali, l-AQM u l-mezzi ta’ kunsinna tagħhom, li jippermettulhom jantiċipaw aħjar.

Sensibilizzazzjoni, għarfien u fehim akbar mis-soċjetà ċivili, in-network Ewropew ta’ gruppi ta’ riflessjoni indipendenti dwar in-nonproliferazzjoni u l-gvernijiet dwar kwistjonijiet relatati ma’ politiki tal-Unjoni dwar in-nonproliferazzjoni, il-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi u d-diżarm.

It-tisħiħ tal-għarfien espert dwar in-nonproliferazzjoni, il-kontroll (tal-esportazzjoni) tal-armi u d-diżarm, b’mod partikolari f’pajjiżi fejn dan mhuwiex biżżejjed, inkluż pajjiżi terzi, b’enfasi fuq l-appoġġ għall-ġenerazzjoni li jmiss biex tipproduċi għarfien dwar dan il-qasam.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/889/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)