|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/856 |
24.7.2025 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/856
tal-5 ta’ Mejju 2025
li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2024/2910 dwar l-implimentazzjoni tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, taħt il-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jipprevedi l-ħatt l-art tal-qabdiet kollha ta’ speċijiet li huma soġġetti għal limiti ta’ qbid (“l-obbligu ta’ ħatt l-art”). L-Artikolu 15 ta’ dak ir-Regolament ikopri l-attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni jew minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni barra l-ilmijiet tal-Unjoni f’ilmijiet li ma jaqgħux taħt is-sovranità jew il-ġuriżdizzjoni ta’ pajjiżi terzi. |
|
(2) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/2910 (2) jimplimenta l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni fiż-żona ta’ applikazzjoni tal-Ftehim tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM, General Fisheries Commission for the Mediterranean) f’konformità mal-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 billi jipprovdi sensiela ta’ derogi għall-obbligu ta’ ħatt l-art tal-ħut, f’konformità mar-Rakkomandazzjonijiet adottati matul il-laqgħat annwali tal-GFCM. |
|
(3) |
Fis-47 laqgħa annwali tal-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran li saret mill-4 sat-8 ta’ Novembru 2024, il-Partijiet Kontraenti għall-GFCM adottaw ir-Rakkomandazzjoni GFCM/47/2024/8. Il-paragrafu 2 ta’ dik ir-Rakkomandazzjoni jipprojbixxi ż-żamma abbord, it-trażbord, it-trasferiment, il-ħatt l-art, il-ħżin, il-bejgħ u l-wiri tal-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed ta’ daqs inqas minn 45 cm, imkejjel mill-ponta tal-ħalq sal-pinna tad-denb. |
|
(4) |
Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn dik ir-Rakkomandazzjoni u d-dritt tal-Unjoni, l-obbligu ta’ ħatt l-art fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jenħtieġ li ma japplikax għall-bastimenti tal-Unjoni li jipparteċipaw fis-sajd kopert minn dik ir-rakkomandazzjoni. |
|
(5) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2024/2910 jiġi emendat biex titqies id-deċiżjoni meħuda fil-GFCM. |
|
(6) |
Peress li din il-projbizzjoni bħalissa tapplika fiż-żona ta’ applikazzjoni tal-Ftehim tal-GFCM, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità legali, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament Delegat (UE) 2024/2910 huwa emendat kif ġej:
|
(1) |
fl-Artikolu 2, jiżdied il-punt (6) li ġej:
|
|
(2) |
jiddaħħal l-Artikolu 4a li ġej bejn l-Artikolu 4 u l-Artikolu 5: “Artikolu 4a Barbun imperjali 1. Dan l-Artikolu għandu japplika għall-barbun imperjali (Scophthalmus maximus) fil-Baħar l-Iswed. 2. B’deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, għandu jkun ipprojbit li l-barbun imperjali (Scophthalmus maximus) jiġi mmirat, jinżamm abbord, jiġi ttrażbordat, jiġi ttrasferit, jinħatt l-art, jiġi ttrasportat, jinħażen, jintwera jew jiġi offrut għall-bejgħ taħt id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni stabbilit ta’ 45 cm, imkejjel mill-ponta tal-ħalq sal-pinna tad-denb (it-tul totali).” |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2026.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Mejju 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1380/oj.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/2910 tat-28 ta’ Mejju 2024 dwar l-implimentazzjoni tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, taħt il-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (ĠU L, 2024/2910, 26.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/2910/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/856/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)