|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/822 |
28.4.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/822
tal-25 ta’ April 2025
li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 401/2013 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Myanmar/Burma
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 401/2013 tat-2 ta’ Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Myanmar/Burma u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 194/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4i tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fit-2 ta’ Mejju 2013, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 401/2013. |
|
(2) |
Il-Kunsill irrieżamina l-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 401/2013. Abbażi ta’ dak ir-rieżami, jenħtieġ li l-entrati għal 14-il persuna jiġu emendati. |
|
(3) |
Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 401/2013 jiġi emendat skont dan, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 401/2013 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ April 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
A. SZŁAPKA
(1) ĠU L 121, 3.5.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/401/oj.
ANNESS
Fl-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 401/2013, l-entrati għall-14-il persuna li ġejjin fil-lista taħt l-intestatura “A. Persuni fiżiċi msemmija fl-Artikolu 4a”, huma sostitwiti b’dan li ġej:
|
|
Isem |
Informazzjoni ta’ identifikazzjoni |
Raġunijiet |
Data tal-inklużjoni fil-lista |
|
“18. |
Sein Win |
Data tat-twelid: 24.7.1956; Post tat-twelid: Pyin Oo Lwin, Myanmar/Burma; Nazzjonalità: Myanmar; Sess: raġel |
Il-Logutenent Ġeneral Sein Win huwa membru tat-Tatmadaw u eks Ministru għad-Difiża (bejn l-24 ta’ Awwissu 2015 u l-1 ta’ Frar 2021). Minn Frar 2021 huwa kien il-president tal-Myanmar War Veterans Organization. Fl-1 ta’ Frar 2021, huwa pparteċipa f’laqgħa tal-Kunsill Nazzjonali għad-Difiża u s-Sigurtà (NDSC), mal-membri l-oħra tat-Tatmadaw. Il-laqgħa tal-NDSC kienet antikostituzzjonali peress li ma inkludietx il-membri ċivili tiegħu. Matul dik il-laqgħa, Myint Swe ġie ddikjarat Aġent President. Myint Swe mbagħad iddikjara stat ta’ emerġenza u għadda s-setgħat leġiżlattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji tal-Istat lill-Kap Kmandant tas-Servizzi tad-Difiża Min Aung Hlaing. Il-proċedura għad-dikjarazzjoni tal-istat ta’ emerġenza nkisret peress li, skont il-Kostituzzjoni, il-President biss għandu l-awtorità li jiddikjara stat ta’ emerġenza. Bil-parteċipazzjoni tiegħu fil-laqgħa tal-NDSC li matulha ġie deċiż li jiġi ddikjarat l-istat ta’ emerġenza u li s-setgħat leġiżlattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji tal-Istat jgħaddu lill-Kap Kmandant tas-Servizzi tad-Difiża, Sein Win ikkontribwixxa għall-irrifjutar tar-riżultati tal-elezzjonijiet li saru fit-8 ta’ Novembru 2020 u għat-twaqqigħ tal-gvern demokratikament elett. Għaldaqstant, huwa responsabbli għad-dgħajfien tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Myanmar/Burma. Fl-2018, in-NU kif ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili internazzjonali rrapportaw ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem u ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali li twettqu fl-Istati ta’ Kachin, Rakhine u Shan kontra l-popolazzjoni ta’ Rohingya mill-forzi militari u tal-pulizija sa mill-2011 u kkonkludew li l-biċċa l-kbira ta’ dak il-ksur jammonta għall-aktar reati gravi skont id-dritt internazzjonali. Bħala Ministru għad-Difiża mill-24 ta’ Awwissu 2015 sal-1 ta’ Frar 2021, Sein Win hu responsabbli għal dak il-ksur u abbużi serji kontra l-popolazzjoni ta’ Rohingya. |
22.3.2021 |
|
20. |
Mya Tun Oo |
Nazzjonalità: Myanmar/Burma; Data tat-twelid: 4.5.1961 jew 5.5.1961; Sess: raġel |
Il-Ġeneral Mya Tun Oo hu membru tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw). Huwa kien Ministru għad-Difiża mill-1 ta’ Frar 2021 sat-3 ta’ Awwissu 2023 u huwa membru tal-Kunsill Amministrattiv tal-Istat (SAC). Fl-1 ta’ Frar 2023, huwa nħatar ukoll Viċi Prim Ministru. Sa mill-1 ta’ Awwissu 2023, huwa assuma wkoll ir-rwol ta’ Ministru tal-Unjoni għat-Trasport u l-Komunikazzjoni tal-Unjoni. Huwa jissorvelja wkoll korpi superviżorji oħra kkontrollati mill-ġunta relatati mal-investiment barrani u l-kummerċ barrani. Fl-1 ta’ Frar 2021, il-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw), immexxija mill-Kap Kmandant Min Aung Hlaing, wettqu kolp ta’ stat fil-Myanmar billi rrifjutaw ir-riżultati tal-elezzjonijiet li saru fit-8 ta’ Novembru 2020 u billi waqqgħu l-gvern elett demokratikament. Bħala parti mill-kolp ta’ stat, il-Viċi President Myint Swe, fil-kariga ta’ Aġent President, iddikjara stat ta’ emerġenza fl-1 ta’ Frar 2021 u ttrasferixxa s-setgħat leġiżlattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji tal-istat lill-Kap Kmandant tas-Servizzi tad-Difiża, il-Ġeneral Anzjan Min Aung Hlaing. Fit-2 ta’ Frar 2021, ġie stabbilit l-SAC biex jeżerċita dawk is-setgħat, biex b’hekk il-gvern elett demokratikament ma jitħalliex iwettaq il-mandat tiegħu. Mya Tun Oo pparteċipa fil-laqgħa tal-Kunsill Nazzjonali għad-Difiża u s-Sigurtà (NDSC) fil-31 ta’ Jannar 2022, li estendiet l-istat ta’ emerġenza sal-31 ta’ Lulju 2022. Bħala membru tal-NDSC u l-SAC, il-Ġeneral Mya Tun Oo kien direttament involut u responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-funzjonijiet statali, u għalhekk hu responsabbli għad-dgħajfien tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-Myanmar/Burma. Barra minn hekk, l-SAC adotta deċiżjonijiet li jirrestrinġu d-dritt għal-libertà tal-espressjoni, inkluż l-aċċess għall-informazzjoni, u d-dritt għal-libertà ta’ għaqda paċifika. Il-forzi militari u l-awtoritajiet li joperaw taħt il-kontroll tal-SAC wettqu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem mill-1 ta’ Frar 2021 ‘l hawn, billi qatlu dimostranti ċivili u mhux armati, illimitaw il-libertà ta’ għaqda u tal-espressjoni, inkluż permezz tar-restrizzjoni tal-aċċess għall-Internet, u permezz tal-arresti arbitrarji u d-detenzjoni ta’ mexxejja tal-oppożizzjoni u avversarji tal-kolp ta’ stat. Bħala membru tal-SAC, il-Ġeneral Mya Tun Oo hu direttament responsabbli għal dawk id-deċiżjonijiet repressivi u għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem. Barra minn hekk, bħala eks Ministru għad-Difiża, Mya Tun Oo jġorr ir-responsabbiltà għall-attakki mill-forzi militari fl-Istat ta’ Kayah fil-25 ta’ Diċembru 2021 fejn inqatlu aktar minn 30 persuna, fosthom tfal u persunal umanitarju, u qtil tal-massa u tortura ta’ persuni ċivili fil-Myanmar kollu. Fir-rwol preċedenti tiegħu bħala Ministru għad-Difiża, il-Ġeneral Mya Tun Oo kien responsabbli għall-bumbardamenti, l-attakki mill-ajru, u istanzi oħra ta’ vjolenza fuq skala kbira li twettqu mill-forzi armati tal-Myanmar matul l-2022. Għalhekk huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar/Burma. Fl-2018, in-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili internazzjonali rrapportaw ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem u ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali li twettqu fl-Istati ta’ Kachin, Rakhine u Shan kontra l-popolazzjoni ta’ Rohingya mill-forzi militari u tal-pulizija sa mill-2011 u kkonkludew li l-biċċa l-kbira ta’ dak il-ksur jammonta għall-aktar reati gravi skont il-liġi internazzjonali. Mya Tun Oo kien il-Kap Kmandant Konġunt tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw), it-tielet l-ogħla pożizzjoni fit-Tatmadaw, minn Awwissu 2016 sal-ħatra tiegħu bħala l-Ministru għad-Difiża. F’dik il-kapaċità, hu ssorvelja l-operazzjonijiet militari li twettqu fl-Istat ta’ Rakhine u kkoordina d-diversi forzi armati, li jinkludu l-Armata, il-Flotta Navali u l-Forza tal-Ajru, kif ukoll l-użu tal-artillerija. Għalhekk, hu responsabbli għal dawk il-ksur u l-abbużi serji kontra l-popolazzjoni ta’ Rohingya. |
22.3.2021 |
|
24. |
Moe Myint Tun |
Data tat-twelid: 24.5.1968; Nazzjonalità: Myanmar; Sess: raġel |
Il-Logutenent Ġeneral Moe Myint Tun kien membru tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) u membru tal-Kunsill Amministrattiv Statali (SAC). Fl-1 ta’ Frar 2021, il-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw), immexxija mill-Kap Kmandant Min Aung Hlaing, wettqu kolp ta’ stat fil-Myanmar billi rrifjutaw ir-riżultati tal-elezzjonijiet li saru fit-8 ta’ Novembru 2020 u billi waqqgħu l-gvern elett demokratikament. Bħala parti mill-kolp ta’ stat, il-Viċi President Myint Swe, fil-kariga ta’ Aġent President, iddikjara stat ta’ emerġenza fl-1 ta’ Frar u ttrasferixxa s-setgħat leġiżlattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji tal-istat lill-Kap Kmandant tas-Servizzi tad-Difiża, il-Ġeneral Anzjan Min Aung Hlaing. Fit-2 ta’ Frar, ġie stabbilit l-SAC biex jeżerċita dawk is-setgħat, biex b’hekk il-gvern elett demokratikament ma tħalliex iwettaq il-mandat tiegħu. Bħala membru tal-SAC, il-Logutenent Ġeneral Moe Myint Tun kien direttament involut u responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-funzjonijiet statali, u għalhekk hu responsabbli għad-dgħajfien tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-Myanmar/Burma. Barra minn hekk, l-SAC adotta deċiżjonijiet li jirrestrinġu d-dritt għal-libertà tal-espressjoni, inkluż l-aċċess għall-informazzjoni, u d-dritt għal-libertà ta’ għaqda paċifika. Il-forzi militari u l-awtoritajiet li joperaw taħt il-kontroll tal-SAC wettqu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem mill-1 ta’ Frar 2021 ‘l hawn, billi qatlu dimostranti ċivili u mhux armati, illimitaw il-libertà ta’ għaqda u tal-espressjoni, inkluż permezz tar-restrizzjoni tal-aċċess għall-Internet, u permezz tal-arresti arbitrarji u d-detenzjoni ta’ mexxejja tal-oppożizzjoni u avversarji tal-kolp ta’ stat. L-influwenza kontinwa tiegħu fir-reġim tal-Ġunta tidher mill-fatt li l-membri tal-familja tiegħu qed jirċievu offerti ta’ kostruzzjoni sostanzjali, li tipikament jiġu riċevuti biss permezz ta’ konnessjonijiet ma’ uffiċjali ta’ livell għoli. Bħala eks membru tal-SAC, il-Logutenent Ġeneral Moe Myint Tun hu direttament responsabbli għal dawk id-deċiżjonijiet repressivi u għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem. Fl-2018, in-NU kif ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili internazzjonali rrapportaw ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem u ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali li twettqu fl-Istati ta’ Kachin, Rakhine u Shan kontra l-popolazzjoni ta’ Rohingya mill-forzi militari u tal-pulizija sa mill-2011 u kkonkludew li l-biċċa l-kbira ta’ dak il-ksur jammonta għall-aktar reati gravi skont id-dritt internazzjonali. Il-Logutenent Ġeneral Moe Myint Tun serva bħala Kmandant tal-Bureau tal-Operazzjonijiet Speċjali 6 (BSO 6) u kien il-Kap Kmandant (Armata) tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) sal-2019. F’dik il-kapaċità, hu ssorvelja l-operazzjonijiet fl-Istat ta’ Rakhine. Għalhekk, hu responsabbli għal dawk il-ksur u l-abbużi serji kontra l-popolazzjoni ta’ Rohingya. |
22.3.2021 |
|
25. |
Than Hlaing |
Nazzjonalità: Myanmar/Burma; Data tat-twelid: 1965; Sess: raġel |
Il-Logutenent Ġeneral Than Hlaing hu membru tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw). Huwa nħatar Viċi Ministru għall-Affarijiet Interni u Kap tal-Pulizija fit-2 ta’ Frar 2021 u rriżenja minn dawk il-pożizzjonijiet fil-5 ta’ Mejju 2022. Bħalissa huwa parti mill-forzi ta’ riżerva. Fl-1 ta’ Frar 2021, il-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw), immexxija mill-Kap Kmandant Min Aung Hlaing, wettqu kolp ta’ stat fil-Myanmar billi rrifjutaw ir-riżultati tal-elezzjonijiet li saru fit-8 ta’ Novembru 2020 u billi waqqgħu l-gvern elett demokratikament. Bħala parti mill-kolp ta’ stat, il-Viċi President Myint Swe, fil-kariga ta’ Aġent President, iddikjara stat ta’ emerġenza fl-1 ta’ Frar 2021 u ttrasferixxa s-setgħat leġiżlattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji tal-istat lill-Kap Kmandant tas-Servizzi tad-Difiża, il-Ġeneral Anzjan Min Aung Hlaing. Fit-2 ta’ Frar 2021, ġie stabbilit l-SAC biex jeżerċita dawk is-setgħat, biex b’hekk il-gvern elett demokratikament ma jitħalliex iwettaq il-mandat tiegħu. Il-Logutenent Ġeneral Than Hlaing, li nħatar mill-SAC, kien impenjat f’azzjonijiet u politiki li jdgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Myanmar/Burma, kif ukoll azzjonijiet li jheddu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-Myanmar/Burma. Barra minn hekk, il-forzi tal-pulizija li aġixxew taħt l-awtorità tal-Logutenent Ġeneral Than Hlaing wettqu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem mill-1 ta’ Frar 2021 ‘l hawn, billi qatlu persuni ċivili u dimostranti mhux armati, illimitaw il-libertà ta’ għaqda paċifika u tal-espressjoni, wettqu arresti arbitrarji u ddetenew mexxejja tal-oppożizzjoni u avversarji tal-kolp ta’ stat. Fir-rwoli preċedenti tiegħu bħala Viċi Ministru għall-Affarijiet Interni u Kap tal-Pulizija, il-Logutenent Ġeneral Than Hlaing kien direttament responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet li jikkonċernaw politiki repressivi u azzjonijiet vjolenti li twettqu mill-pulizija kontra dimostranti paċifiċi, u għalhekk hu responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar/Burma. |
22.3.2021 |
|
32. |
Sai Long Hseng |
Nazzjonalità: Myanmar/Burma; Data tat-twelid: 18.4.1947; Post tat-twelid: Kengtung, Myanmar/Burma; Sess: raġel; Karta tal-verifika taċ-ċittadinanza: Katana (Naing) 0052495; Numru tal-karta tar-reġistrazzjoni nazzjonali: 13/KATANA (N)-005249; Funzjoni: eks Membru tal-Kunsill Amministrattiv tal- Istat |
Sai Long Hseng kien membru tal-Kunsill Amministrattiv tal-Istat (SAC) u tal-Korp Konsultattiv Ċentrali tiegħu. Fl-1 ta’ Frar 2021, il-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw), immexxija mill-Kap Kmandant Min Aung Hlaing, wettqu kolp ta’ stat fil-Myanmar billi rrifjutaw ir-riżultati tal-elezzjonijiet li saru fit-8 ta’ Novembru 2020 u billi waqqgħu l-gvern elett demokratikament. Bħala parti mill-kolp ta’ stat, il-Viċi President Myint Swe, fil-kariga ta’ Aġent President, iddikjara stat ta’ emerġenza fl-1 ta’ Frar 2021 u ttrasferixxa s-setgħat leġiżlattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji tal-istat lill-Kap Kmandant tas-Servizzi tad-Difiża, il-Ġeneral Anzjan Min Aung Hlaing. Fit-2 ta’ Frar 2021, ġie stabbilit l-SAC biex jeżerċita dawk is-setgħat, biex b’hekk il-gvern elett demokratikament ma jitħalliex iwettaq il-mandat tiegħu. Bħala membru tal-SAC u tal-Korp Konsultattiv Ċentrali tiegħu, Sai Long Hseng kien direttament involut u responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-funzjonijiet statali, u għalhekk hu responsabbli għad-dgħajfien tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-Myanmar/Burma. Barra minn hekk, l-SAC adotta deċiżjonijiet li jirrestrinġu d-dritt għal-libertà tal-espressjoni, inkluż l-aċċess għall-informazzjoni, u d-dritt għal-libertà ta’ għaqda paċifika. Il-forzi militari u l-awtoritajiet li joperaw taħt il-kontroll tal-SAC wettqu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem mill-1 ta’ Frar 2021 ‘l hawn, billi qatlu dimostranti ċivili u mhux armati, illimitaw il-libertà ta’ għaqda u tal-espressjoni, inkluż permezz tar-restrizzjoni tal-aċċess għall-Internet, u permezz tal-arresti arbitrarji u d-detenzjoni ta’ mexxejja tal-oppożizzjoni u avversarji tal-kolp ta’ stat. Barra minn hekk, l-SAC impona l-liġi marzjali f’partijiet tal-pajjiż li tat lill-forzi militari l-awtorità sħiħa fuq żoni speċifiċi, inkluż il-funzjonijiet amministrattivi, ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi. Fiż-żoni taħt il-liġi marzjali, il-persuni ċivili, inkluż ġurnalisti u dimostranti paċifiċi, jiġu mħarrka mill-qrati militari, ħaġa li effettivament iċċaħħadhom mid-dritt għal proċess ġust, inkluż id-dritt ta’ appell. Azzjonijiet vjolenti mill-forzi militari u tal-pulizija li jheddu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà żdiedu b’mod sinifikanti f’żoni fejn ġiet iddikjarata l-liġi marzjali. Bħala membru tal-SAC u tal-Korp Konsultattiv Ċentrali tiegħu, Sai Long Hseng huwa direttament responsabbli għal dawk id-deċiżjonijiet repressivi u għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem. |
19.4.2021 |
|
40. |
Tin Aung San |
Nazzjonalità: Myanmar/Burma; Data tat-twelid: 16.10.1960; Sess: raġel; Karta tal-identità nazzjonali: 12/La Ma Na (N) 89 489 |
L-Ammirall Tin Aung San huwa l-Kap Kmandant tal-Flotta Navali tal-Myanmar, membru tal-Kunsill Amministrattiv tal-Istat (SAC) u Ministru għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Qabel, huwa serva bħala Ministru għat-Trasport u l-Komunikazzjoni u bħala Ministru għad-Difiża. Fl-1 ta’ Frar 2021, il-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw), immexxija mill-Kap Kmandant Min Aung Hlaing, wettqu kolp ta’ stat fil-Myanmar billi rrifjutaw ir-riżultati tal-elezzjonijiet li saru fit-8 ta’ Novembru 2020 u billi waqqgħu l-gvern elett demokratikament. Bħala parti mill-kolp ta’ stat, il-Viċi President Myint Swe, fil-kariga ta’ Aġent President, iddikjara stat ta’ emerġenza fl-1 ta’ Frar 2021 u ttrasferixxa s-setgħat leġiżlattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji tal-istat lill-Kap Kmandant tas-Servizzi tad-Difiża, il-Ġeneral Anzjan Min Aung Hlaing. Fit-2 ta’ Frar 2021, ġie stabbilit l-SAC biex jeżerċita dawk is-setgħat, biex b’hekk il-gvern elett demokratikament ma jitħalliex iwettaq il-mandat tiegħu. Bħala Ministru tal-Gvern għat-Trasport u l-Komunikazzjoni, huwa kien responsabbli għall-komunikazzjoni u n-networks u b’hekk ħa deċiżjonijiet u implimenta politiki li ddefinixxew il-libertà tal-aċċess għad-data online. Waqt li okkupa dan ir-rwol, kien hemm għadd kbir ta’ waqfien u tnaqqis intenzjonali fil-veloċità tal-Internet, kif ukoll ordnijiet għall-fornituri biex jipprevjenu li Facebook, Twitter u Instagram ikunu online. F’Jannar 2022, ġie ċċirkolat abbozz ġdid tal-liġi dwar iċ-ċibersigurtà, li jippermetti l-abbuż tat-teknoloġija ta’ sorveljanza sabiex jitwettaq monitoraġġ fuq individwi u jitpoġġew fil-mira, u b’hekk jitrażżnu l-libertà ta’ espressjoni tagħhom kif ukoll l-aċċess għall-informazzjoni. Għalhekk huwa direttament responsabbli għal-limitazzjoni tal-libertà tal-istampa u l-aċċess għall-informazzjoni online, kif ukoll għall-ksur tad-dritt għall-privatezza tal-poplu tal-Myanmar. Għaldaqstant, huwa dgħajjef id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Myanmar/Burma. Bħala membru tal-SAC u Viċi Prim Ministru kif ukoll eks Ministru għad-Difiża, Tin Aung San kien direttament involut fi u responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-funzjonijiet statali u għalhekk hu responsabbli għad-dgħajfien tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-Myanmar/Burma. Huwa wkoll direttament responsabbli għad-deċiżjonijiet repressivi meħuda mill-SAC, inkluż leġiżlazzjoni li tikser id-drittijiet tal-bniedem u tillimita l-libertajiet taċ-ċittadini tal-Myanmar, u għall-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mill-forzi tas-sigurtà tal-Myanmar. |
21.6.2021 |
|
44. |
Aung Naing Oo |
Data tat-twelid: 13.10.1962 jew 9.6.1969; Nazzjonalità: Myanmar/Burma; Post tat-twelid: Kyaukse, Mandalay, Myanmar/Burma; Sess: raġel; Indirizz: L 103, Kenyeikthar Lane 6, FMI city, Yangon, Myanmar/Burma; Numru tal-passaport: DM002656; Karta tal-identità nazzjonali: 7/PaKhaNa (Naing) 13345; 5/SaKaNa (Naing) 017289 |
Aung Naing Oo huwa l-eks Ministru għall-Kummerċ. Huwa kien il-Ministru għall-Investiment u r-Relazzjonijiet Ekonomiċi Barranin mit-2 ta’ Frar 2021 sat-18 ta’ Awwissu 2022. Huwa nħatar mill-Kunsill Amministrattiv tal-Istat (SAC), immexxi mill-Kap Kmandant Min Aung Hlaing, li ħa f’idejh is-setgħat leġiżlattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji tal-Istat mit-2 ta’ Frar 2021. Bħala eks Ministru tal-Gvern, huwa jifforma parti mir-reġim militari li ħataf il-poter matul kolp ta’ stat militari u waqqa’ l-mexxejja eletti b’mod leġittimu fil-Myanmar/Burma. Bħala Ministru għall-Investiment u r-Relazzjonijiet Ekonomiċi Barranin, huwa kien responsabbli biex jgħin lin-negozji u jiffaċilita l-investimenti fil-Myanmar/Burma u għaldaqstant jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-ħtiġijiet finanzjarji tar-reġim militari. Fid-dikjarazzjonijiet u l-atti tiegħu, huwa appoġġa pubblikament il-kolp ta’ stat u r-reġim militari, inkluż billi ddikjara li l-media internazzjonali esaġerat il-kriżi u insista wkoll li l-moviment ta’ diżubbidjenza ċivili qed jasal fi tmiemu. Barra minn hekk, huwa impedixxa lid-diriġenti ta’ kumpaniji barranin tat-telekomunikazzjoni milli jitilqu mill-pajjiż mingħajr permess u fi Frar 2021 keċċa mill-Ministeru lill-impjegati taċ-ċivil li pprotestaw. Għaldaqstant, l-azzjonijiet, il-politiki u l-attivitajiet tiegħu jdgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Myanmar/Burma, u huwa involut f’azzjonijiet li jheddu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-Myanmar/Burma. |
21.2.2022 |
|
64. |
Ni Lin Aung |
Nazzjonalità: Myanmar/Burma; Sess: raġel |
Il-Maġġur Ġeneral Ni Lin Aung ilu jaħdem fil-Kmand Ċentrali tal-Lvant minn Awwissu 2022. Huwa l-eks Kmandant tal-Kmand tal-Lvant tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw). Parti mill-ġuriżdizzjoni tal-Kmand tal-Lvant hija l-Istat ta’ Kayah. F’attakk fl-24 ta’ Diċembru 2021 qrib il-villaġġ ta’ Moso fit-township ta’ Phruso, l-Istat ta’ Karenni (Kayah), inqatlu mill-inqas 35 persuna, fosthom persuni ċivili, tfal u żewġ ħaddiema tal-għajnuna umanitarja tal-NGO Save the Children. It-Tatmadaw huma responsabbli għall-attakk. Fil-pożizzjoni tiegħu bħala Kmandant tal-Kmand tal-Lvant, il-Maġġur (qabel il-Brigadier) Ġeneral Ni Lin Aung ikkmanda direttament l-unitajiet fl-Istat ta’ Kayah, inkluż dawk responsabbli għal dak il-massakru. Fil-21 ta’ Lulju 2023, il-Maġġur Ġeneral Ni Lin Aung inħatar Viċi Ministru għall-Affarijiet Interni u ngħata r-responsabbiltà konġunta ta’ Kap tal-Pulizija, u, fit-3 ta’ Awwissu 2024, huwa reġa’ lura għall-funzjoni militari preċedenti tiegħu. Bħala eks Viċi Ministru u membru tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw), huwa jifforma parti mir-reġim militari li ħataf il-poter matul kolp ta’ stat militari u waqqa’ l-mexxejja eletti b’mod leġittimu tal-Myanmar/Burma. Il-Ġeneral Maġġur Ni Lin Aung huwa għaldaqstant responsabbli għad-dgħajfien tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Myanmar/Burma u għall-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u l-involviment f’azzjonijiet li jheddu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-Myanmar/Burma. |
21.2.2022 |
|
75. |
Phone Myat |
Nazzjonalità: Myanmar/Burma; Sess: raġel |
Il-Logutenent Ġeneral Phone Myat ilu l-Kmandant tal-Bureau tal-Operazzjonijiet Speċjali 5 (BSO 5) minn Jannar 2025 u kien Kmandant tal-Bureau tal-Operazzjonijiet Speċjali 3 (BSO 3) tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) minn April 2021 sa Jannar 2025. Qabel, huwa serva bħala Viċi Ministru fil-Ministeru għall-Affarijiet Interni bejn Lulju 2020 u April 2021, u kien il-kmandant tal-Kmand tal-Punent bejn Mejju 2019 u Lulju 2020. Bħala kmandant tal-BSO 5, Phone Myat jikkmanda u jikkontrolla l-forzi militari fiż-żona ta’ Yangon. Bħala kmandant tal-BSO 3, Phone Myat ikkmanda u kkontrolla l-forzi militari tal-Kmand tal-Lbiċ (Ayeyarwaddy), il-Kmand tan-Nofsinhar (Bago u Magway) u l-Kmand tal-Punent (Rakhine u Chin). Il-forzi militari taħt il-kmand tiegħu wettqu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, delitti u atroċitajiet, inkluż qtil, attakki fuq l-art u mill-ajru kontra persuni ċivili u massakri fir-reġjun tal-Magway, l-Istat ta’ Chin u r-reġjun ta’ Bago. Fil-kapaċità tiegħu bħala Kmandant tal-BSO 5 u eks Kmandant tal-BSO 3, Phone Myat huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, għal attivitajiet li jdgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Myanmar/Burma, kif ukoll għal azzjonijiet li jheddu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-Myanmar/Burma. |
8.11.2022 |
|
77. |
Thet Pon |
Nazzjonalità: Myanmar/Burma; Sess: raġel |
Il-Logutenent Ġeneral Thet Pon huwa l-Kmandant tal-Bureau tal-Operazzjonijiet Speċjali 6 (BSO 6) minn Jannar 2025 u kien Kmandant tal-Bureau tal-Operazzjonijiet Speċjali 5 (BSO 5) tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) minn Ġunju 2020 sa Jannar 2025. Qabel, kien Kmandant tal- Kmand tal-Majjistral sal-2017 u l-Kmandant Reġjonali ta’ Yangon bejn l-2017 u Ġunju 2020. Bħala Kmandant tal-BSO 6, Thet Pon jikkmanda u jikkontrolla l-forzi militari fiż-żona ta’ Nay Pyi Taw. Bħala Kmandant tal-BSO 5, Thet Pon ikkmanda u kkontrolla l-forzi militari u t-tribunali militari fir-Reġjun ta’ Yangon. F’Marzu 2021, il-Kunsill Amministrattiv tal-Istat introduċa l-liġi marzjali fil-Myanmar, fejn ittrasferixxa s-setgħa eżekuttiva u ġudizzjarja lill-kap tal-kmandi militari reġjonali rilevanti. Sa Lulju 2022, tribunali militari fir-Reġjun ta’ Yangon ikkundannaw 119-il individwu għall-mewt, ħafna minnhom għal raġunijiet politiċi, inklużi erba’ membri tal-oppożizzjoni demokratika li ġew ġustizzjati fir-Reġjun ta’ Yangon. Barra minn hekk, il-forzi militari fir-Reġjun ta’ Yangon wettqu atti vjolenti u qtil kontra dimostranti paċifiċi, bħall-użu ta’ forza letali matul protesti kontra l-ġunta fit-township ta’ Hlaing Tharyar ta’ Yangon fl-14 ta’ Marzu 2021. Fil-kapaċità tiegħu bħala Kmandant tal-BSO 6 u eks Kmandant tal-BSO 5, Thet Pon huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, għal attivitajiet li jdgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Myanmar/Burma, kif ukoll għal azzjonijiet li jheddu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-Myanmar/Burma. |
8.11.2022 |
|
78. |
Htein Win |
Nazzjonalità: Myanmar/Burma; Sess: raġel |
L-Ammirall Htein Win huwa l-Kap Kmandant tal-Flotta Navali kif ukoll eks Kap tat-Taħriġ tal-Forzi Armati u eks Kmandant tal-Kmand tan-Nofsinhar tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw). Bħala kmandant reġjonali, huwa kkmanda u kkontrolla l-forzi militari fir-reġjuni ta’ Bago u Magway. Il-forzi militari f’dawk ir-reġjuni wettqu attakki mill-ajru, rejds, ħruq, għadd kbir ta’ qtil u l-użu ta’ tarki umani. Ir-Reġjun ta’ Magway huwa hotspot partikolari għal operazzjonijiet brutali kontra l-oppożizzjoni mmexxija mill-militar, bl-użu ta’ strateġija ‘Oqtol Kollox, Aħraq Kollox, Israq Kollox’ (Kill All, Burn All, Loot All). Fil-kapaċità tiegħu bħala Kap Kmandant tal-Flotta Navali kif ukoll eks Kap tat-Taħriġ tal-Forzi Armati u eks Kmandant tal-Kmand tan-Nofsinhar, Htein Win huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, għal attivitajiet li jdgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Myanmar/Burma, kif ukoll għal azzjonijiet li jheddu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-Myanmar/Burma. |
8.11.2022 |
|
81. |
Nyunt Win Swe |
Nazzjonalità: Myanmar/Burma; Sess: raġel |
Il-Logutenent Ġeneral Nyunt Win Swe ilu l-Kmandant tal-Bureau tal-Operazzjonijiet Speċjali 4 (BSO 4) mill-2023. F’dik il-kapaċità, huwa jikkmanda u jikkontrolla l-forzi militari fiż-żona ta’ Yangon. Huwa kien il-Kmandant tar-Reġjun ta’ Yangon tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) minn Ġunju 2020 sal-bidu tal-2023. F’dik il-kapaċità, Nyunt Win Swe kkmanda u kkontrolla l-forzi militari fir-Reġjun ta’ Yangon u ssorvelja t-tribunali militari għar-Reġjun ta’ Yangon. F’Marzu 2021, il-Kunsill Amministrattiv tal-Istat introduċa l-liġi marzjali fil-Myanmar, fejn ittrasferixxa s-setgħa eżekuttiva u ġudizzjarja lill-kap tal-kmandi militari reġjonali rilevanti. Sa Lulju 2022, tribunali militari fir-Reġjun ta’ Yangon ikkundannaw 119-il individwu għall-mewt, ħafna minnhom għal raġunijiet politiċi, inklużi erba’ membri tal-oppożizzjoni demokratika li ġew ġustizzjati fir-Reġjun ta’ Yangon. Barra minn hekk, il-forzi militari fir-Reġjun ta’ Yangon wettqu atti vjolenti u qtil kontra dimostranti paċifiċi, bħall-użu ta’ forza letali matul protesti kontra l-ġunta fit-township ta’ Hlaing Tharyar ta’ Yangon fl-14 ta’ Marzu 2021. Fil-kapaċitajiet tiegħu, Nyunt Win Swe huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, għal attivitajiet li jdgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Myanmar/Burma, kif ukoll għal azzjonijiet li jheddu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-Myanmar/Burma. |
8.11.2022 |
|
89. |
Maung Maung Aye |
Nazzjonalità: Myanmar/Burma; Post tat-twelid: Myanmar/Burma; Sess: raġel; Grad: Ġeneral |
Il-Ġeneral Maung Maung Aye kien il-Kap tal-Istat Maġġur għall-armata, il-forza navali u l-forza tal-ajru tal-Myanmar sa Diċembru 2024. F’Diċembru 2024, inħatar Ministru għad-Difiża. F’dawk il-pożizzjonijiet, Maung Maung Aye jifforma parti mir-reġim, li ħataf il-poter u waqqa’ lill-mexxejja eletti b’mod leġittimu fil-Myanmar/Burma fi Frar 2021. Huwa qed jieħu sehem attiv fix-xiri ta’ armi mir-Russja. Barra minn hekk, huwa jgħin ukoll biex tissaħħaħ il-pożizzjoni internazzjonali tal-Forzi Armati tal-Myanmar permezz ta’ laqgħat ma’ kontropartijiet minn pajjiżi oħra. Għaldaqstant huwa persuna fiżika li l-azzjonijiet, il-politiki jew l-attivitajiet tagħha jdgħajfu d-demokrazija jew l-istat tad-dritt fil-Myanmar/Burma, u li tinvolvi ruħha f’azzjonijiet li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tal-Myanmar/Burma, jew tappoġġahom. Huwa responsabbli wkoll għal għadd kbir ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem. |
20.2.2023 |
|
95. |
Kyaw Swar Lin (magħruf ukoll bħala Kyaw Swar Linn) |
Nazzjonalità: Myanmar/Burma; Post tat-twelid: Myanmar/Burma; Sess: raġel; Funzjoni: Kap tal-Istat Maġġur, eks Kap Kmandant tal-Armata u eks Ġeneral Inkarigat mill-Proviżjonijiet tal-forzi armati tal-Myanmar |
Il-Logutenent Ġeneral Kyaw Swar Lin kien Ġeneral Inkarigat mill-Proviżjonijiet minn Mejju 2020 sa Diċembru 2024, meta ġie promoss għal Kap tal-Istat Maġġur għall-armata, il-flotta navali u l-forza tal-ajru tal-Myanmar, pożizzjoni għolja fil-militar tal-Myanmar/Burma. Minn Ottubru 2023 sa Diċembru 2024, kien ukoll Kap Kmandant tal-Armata. Barra minn hekk, Kyaw Swar Lin imexxi l-Myanmar Economic Corporation (MEC), li hija waħda miż-żewġ konglomerati u kumpaniji azzjonarji ewlenin operati mill-militar, li jiġġeneraw dħul għall-forzi armati tal-Myanmar (Tatmadaw). Bħala Kap tal-Istat Maġġur, eks Kap Kmandant tal-Armata u eks Ġeneral Inkarigat mill-Proviżjonijiet, huwa jifforma parti mir-reġim militari li ħataf il-poter matul kolp ta’ stat militari u waqqa’ l-mexxejja eletti b’mod leġittimu tal-Myanmar/Burma. Kyaw Swar Lin huwa għaldaqstant persuna fiżika li l-politiki u l-attivitajiet tiegħu jdgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Myanmar/Burma, u li jipprovdi appoġġ għal azzjonijiet li jheddu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-Myanmar/Burma. |
20.7.2023.” |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/822/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)