|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/811 |
28.4.2025 |
DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/811
tad-19 ta’ Frar 2025
li temenda l-Anness I tad-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tiġi nnotifikata lis-sistemi tar-rapportaġġ tal-vapuri
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/75/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 27(2) tagħha,
Billi:
|
(1) |
L-iżviluppi reċenti fit-trasport ta’ oġġetti perikolużi, inkluż iż-żejt, minħabba kunflitti ġeopolitiċi li jaffettwaw it-trasport marittimu jagħtu lok għal tħassib serju. B’mod partikolari, l-okkorrenza tal-hekk imsejħa flotta mistura jew imdella, kif definita fir-Riżoluzzjoni A.1192 (33) tal-Assemblea tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI), spiss magħmula minn vapuri f’kundizzjoni ħażina, toħloq riskji sostanzjali għas-sikurezza marittima u għall-ekosistemi tal-baħar. |
|
(2) |
L-istimi jissuġġerixxu li l-flotta mistura jew imdella kibret b’70 % matul l-aħħar ftit snin u tinkludi madwar 600 bastiment. L-operazzjoni mhux trasparenti tal-flotta mistura jew imdella toħloq diffikultajiet, speċjalment fl-istabbiliment u l-verifika tal-istatus taċ-ċertifikati, inklużi ċ-ċertifikati tal-assigurazzjoni. Iż-żieda fit-trasport taż-żejt minn tali vapuri mhux sikuri u mhux assigurati timmina l-istandards tas-sikurezza u ambjentali fis-seħħ permezz tal-istrumenti żviluppati mill-OMI. |
|
(3) |
B’konsegwenza ta’ dan, iż-żieda fl-esponiment tal-kosti Ewropej tal-Istati Membri għal danni ambjentali li ġejjin minn attività intensifikata tal-flotta mistura jew imdella, u li tipprovoka riskju akbar ta’ aċċidenti u inċidenti marittimi, hija meqjusa bħala theddida inaċċettabbli għas-sikurezza tal-ħajja fuq il-baħar u għall-ambjent. |
|
(4) |
Il-possibbiltajiet legali li tiġi attribwita r-responsabbiltà jew li jinkiseb kumpens f’każ ta’ inċident jistgħu jkunu limitati minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza rigward is-sjieda u l-kopertura tal-assigurazzjoni tal-bastimenti, u b’hekk, il-piż tar-rimedju tad-danni kkawżati minn tixrid potenzjali jitqiegħed fuq l-Istati Membri affettwati u l-Unjoni. |
|
(5) |
Id-Direttiva 2009/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) dwar l-assigurazzjoni tas-sidien ta’ vapuri għal pretensjonijiet marittimi fiha dispożizzjonijiet dwar in-notifika ta’ prova ta’ assigurazzjoni marittima għal kwalunkwe vapur – irrispettivament mill-bandiera – li jbaħħar lejn kwalunkwe port ta’ Stat Membru tal-UE, kif ukoll fil-baħar territorjali tal-Istati Membri tal-UE, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti tad-dritt internazzjonali. Madankollu, ma tkoprix vapuri fi tranżitu. |
|
(6) |
Fl-Artikolu 5 tagħha, id-Direttiva 2002/59/KE tirrikjedi li l-vapuri kollha li jidħlu fiż-żona ta’ kwalunkwe Stat(i) Membru/i tal-UE jikkonformaw mas-sistemi mandatarji tar-rapportaġġ tal-bastimenti billi jirrapportaw l-informazzjoni meħtieġa. Barra minn hekk, l-Artikolu 16 jirrikjedi li kwalunkwe vapur li jonqos milli jinnotifika, jew li ma jkollux, ċertifikati tal-assigurazzjoni jew garanziji finanzjarji f’konformità mar-regoli internazzjonali jew tal-UE, jitqies li jkun ta’ periklu potenzjali għat-trasport marittimu jew ta’ theddida għas-sikurezza marittima, għas-sikurezza tal-individwi jew għall-ambjent. |
|
(7) |
Ir-rekwiżiti eżistenti ma jkoprux b’mod adegwat sitwazzjonijiet ta’ vapuri li, irrispettivament mill-bandiera tagħhom, ibaħħru tul il-kosti tal-Istati Membri, fi tranżitu, iżda ma jidħlu fl-ebda port ta’ Stat Membru, u dawn jeħtieġ li jiġu indirizzati. |
|
(8) |
L-iżviluppi internazzjonali reċenti jenfasizzaw il-ħtieġa għal miżuri robusti biex jiġu indirizzati r-riskji maħluqa minn bastimenti mhux assigurati u mhux sikuri. Ir-Riżoluzzjoni A.1192 (33) tal-Assemblea tal-OMI (Diċembru 2023) tħeġġeġ azzjonijiet biex jiġu evitati operazzjonijiet illegali fis-settur marittimu mill-flotta mistura jew imdella. Il-linji gwida riveduti mill-Kumitat Legali tal-OMI (LEG.1/Circ.16, Ġunju 2024) jistabbilixxu standards aġġornati għar-rikonoxximent taċ-ċertifikati tal-assigurazzjoni ta’ responsabbiltà ċivili u għall-validazzjoni tal-fornituri tas-sigurtà finanzjarja, inklużi l-Klabbs ta’ Protezzjoni u Indennizz (P&I), filwaqt li r-Riżoluzzjonijiet tal-Assembleadwar il-Fond tal-1992 u l-Fond Supplimentari (ir-Riżoluzzjonijiet Nru 14 u Nru 6 rispettivament, Novembru 2024) isaħħu r-reġim internazzjonali tar-responsabbiltà u tal-kumpens stabbilit skont il-Konvenzjoni dwar ir-Responsabbiltà Ċivili (CLC, Civil Liability Convention) tal-1992, il-Konvenzjoni dwar il-Fond tal-1992, u l-Protokoll dwar il-Fond Supplimentari. Sabiex jiġi żgurat l-allinjament ma’ dawn l-istandards internazzjonali u jiġu indirizzati r-riskji emerġenti b’mod effettiv, huwa neċessarju li d-Direttiva 2002/59/KE tiġi aġġornata biex tirrifletti dawn l-iżviluppi. |
|
(9) |
L-OMI stabbiliet diversi sistemi Mandatarji tar-Rapportaġġ tal-Bastimenti (MSR) biex ittejjeb is-sikurezza marittima/it-tħejjija għat-tniġġis u tippermetti lill-Istati kostali jimmonitorjaw it-traffiku marittimu b’mod effettiv, b’mod partikolari l-bastimenti li jġorru merkanzija perikoluża jew li tniġġes bħaż-żejt. Dawk is-sistemi huma mfassla biex jiffaċilitaw l-iskambju ta’ informazzjoni vitali relatata mal-movimenti tal-vapuri u mal-merkanzija, filwaqt li jiżguraw li l-awtoritajiet rilevanti jiġu infurmati minnufih. Fl-Unjoni, din l-informazzjoni tiġi trażmessa permezz ta’ sistemi ta’ rapportaġġ nazzjonali konnessi mas-sistema tal-Unjoni għall-Iskambju ta’ Informazzjoni Marittima, SafeSeaNet. Il-punt 4 tal-Anness I tad-Direttiva 2002/59/KE jiddeskrivi t-tip ta’ informazzjoni li l-vapuri jridu jipprovdu lill-awtoritajiet permezz tas-sistemi ta’ rapportaġġ rilevanti. Sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet operattivi u tas-sikurezza li qed jevolvu, huwa neċessarju li dak l-Anness jiġi emendat biex jinkludi informazzjoni ġdida, u b’mod aktar speċifiku dwar iċ-ċertifikati tal-assigurazzjoni, meqjusa essenzjali biex jiġu żgurati s-sikurezza marittima, il-protezzjoni ambjentali, u r-rispons effettiv ta’ emerġenza. |
|
(10) |
Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva 2002/59/KE tiġi emendata kif xieraq, |
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Fil-punt 4 tal-Anness I tad-Direttiva 2002/59/KE, il-punt X huwa sostitwit b’dan li ġej:
|
“— |
X. Mixxellanji:
|
Artikolu 2
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard minn 6 (sitt) xhur, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.
Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-jum wara dak tal-adozzjoni tagħhom.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif trid issir dik ir-referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jaddottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Frar 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/59/oj.
(2) Id-Direttiva 2009/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar l-assigurazzjoni tas-sidien ta’ vapuri għal pretensjonijiet marittimi (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 128, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/20/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2025/811/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)