European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/810

28.4.2025

EMENDI TAD-DISPOŻIZZJONIJIET PRATTIĊI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLI TAL-PROĊEDURA TAL-QORTI ĠENERALI [2025/810]

IL-QORTI ĠENERALI,

wara li rat l-Artikolu 243 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha;

wara li rat id-Dispożizzjonijiet Prattiċi għall-Implimentazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali;

billi kkunsidrat li, fil-kuntest tal-formulazzjoni mill-ġdid tad-Dispożizzjonijiet Prattiċi għall-Implimentazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma kellux jitfassal rapport għas-seduta sommarju fir-rinviji għal deċiżjoni preliminari, u dan sabiex issegwi l-approċċ imħaddan mill-Qorti tal-Ġustizzja, li ma baqgħetx tfasslu fil-kawżi kollha mressqa quddiemha, konformement mal-emenda tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea permezz tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 741/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Awwissu 2012 li jemenda l-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Anness I tiegħu (ĠU 2012, L 228, p. 1);

billi kkunsidrat li, fir-rikorsi diretti, ir-rapport għas-seduta sommarju jikkostitwixxi għodda ta’ ġestjoni tal-proċess li għandha tippermetti li titħejja sinteżi tal-kawża billi jinġabru jew jiġu fformulati mill-ġdid il-motivi u l-argumenti tal-partijiet;

billi kkunsidrat, madankollu, li t-tfassil b’mod ġenerali tiegħu għandu impatt ekonomiku, billi jikkawża volum ta’ xogħol ta’ traduzzjoni sinjifikattiv, kif ukoll impatt proċedurali, b’mod partikolari fuq it-tul tal-istanza, peress li jkollu jiġi ffinalizzat, tradott u nnotifikat, bħala prinċipju, tliet ġimgħat qabel is-seduta;

billi kkunsidrat li, sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvolġiment malajr u ffokati tal-istanza b’mod li jkun konsistenti ma’ ġestjoni proattiva tal-kawżi, għandu jiġi previst li rapport għas-seduta sommarju għandu jitfassal biss meta l-Qorti Ġenerali jew l-Imħallef Relatur iqisu li dan ikun opportun fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja;

wara li kkunsidrat li r-rapporti għas-seduta mfassla f’seduta komuni jikkostitwixxu l-uniku mezz li jippermetti li jinkiseb għarfien tal-motivi u tal-argumenti tal-partijiet kollha fil-kawżi li jkunu s-suġġett ta’ tali seduta;

wara li kkunsidrat li, fil-prattika, it-tfassil ta’ rapport għas-seduta wieħed f’ċerti seduti komuni jista’ jkun utli, iżda ma huwiex previst espliċitament fil-formulazzjoni attwali tad-dispożizzjoni;

wara li kkunsidrat li, fis-seduti komuni, ir-rapport għas-seduta ta’ kull kawża jitfassal bil-lingwa tal-kawża ta’ din il-kawża u jindirizza biss il-kontenut ta’ din l-istess kawża, filwaqt li l-lingwi tal-kawża fil-kawżi li jkunu s-suġġett ta’ seduta komuni jistgħu jkunu differenti;

wara li kkunsidrat li, għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, għandu għalhekk jiġi previst li rapport għas-seduta sommarju għandu jitfassal separatament għal kull waħda mill-kawżi kkonċernati mis-seduta komuni jew kollettivament għal dawn il-kawżi kollha, sakemm il-Qorti Ġenerali jew l-Imħallef Relatur ma jiddeċidux mod ieħor, u li dan ir-rapport għandu jiġi nnotifikat lill-partijiet kollha kkonvokati għal din is-seduta bil-lingwi tal-kawża kollha tal-kawżi kkonċernati;

TADOTTA DAWN L-EMENDI TAD-DISPOŻIZZJONIJIET PRATTIĊI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLI TAL-PROĊEDURA TAL-QORTI ĠENERALI:

Artikolu 1

Il-punti 210 u 211 tad-Dispożizzjonijiet Prattiċi għall-Implimentazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (1) huma emendati kif ġej:

“210.

Meta l-Qorti Ġenerali jew l-Imħallef Relatur iqisu li jkun opportun fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, l-Imħallef Relatur għandu jfassal rapport għas-seduta sommarju li jservi għall-preparazzjoni tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali. Il-Qorti Ġenerali għandha tagħmel l-aħjar li tista’ sabiex tliet ġimgħat qabel is-seduta tgħaddi lir-rappreżentanti tal-partijiet ir-rapport għas-seduta sommarju.

211.

Meta l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li torganizza seduta għas-sottomissjonijiet orali komuni għal diversi kawżi skont l-Artikolu 106a tar-Regoli tal-Proċedura, rapport għas-seduta sommarju għandu jitfassal separatament għal kull waħda mill-kawżi kkonċernati jew kollettivament għal dawn il-kawżi kollha, sakemm il-Qorti Ġenerali jew l-Imħallef Relatur ma jiddeċidux mod ieħor. Dawn ir-rapporti jew dan ir-rapport għandhom jiġu nnotifikati lill-partijiet kollha kkonvokati għal din is-seduta bil-lingwi tal-kawża kollha tal-kawżi kkonċernati.”

Artikolu 2

Dawn l-emendi tad-Dispożizzjonijiet Prattiċi għall-Implimentazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huma għandhom jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2025.

Magħmul fil-Lussemburgu, id-9 ta’ April 2025.

Ir-Reġistratur

V. DI BUCCI

Il-President

M. VAN DER WOUDE


(1)   ĠU L 2024/2097, 12.8.2024, rettifika fil-ĠU L 2024/90651, 24.10.2024.


ELI: http://data.europa.eu/eli/proc_rules/2025/810/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)