European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/786

14.4.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/786

tal-14 ta' April 2025

li jissospendi l-miżuri ta’ riekwilibriju kummerċjali li jikkonċernaw ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti imposti bir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/778 u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2882

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) 654/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(3) u (4) tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-20 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/886 (2) li jipprevedi l-applikazzjoni ta’ dazji doganali addizzjonali fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka (“l-Istati Uniti”).

(2)

Fis-7 ta’ April 2020, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/502 (3) li jipprevedi l-applikazzjoni ta’ dazji doganali addizzjonali fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċerti prodotti li joriġinaw fl-Istati Uniti.

(3)

Id-dazji doganali addizzjonali imposti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886 u bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/502 kellhom l-għan li jikkontrobilanċjaw il-miżuri ta’ salvagwardja fil-forma ta’ dazji doganali addizzjonali li l-Istati Uniti kienu introduċew abbażi tat-Taqsima 232 tal-Att dwar l-Espansjoni tal-Kummerċ tal-1962 tal-Istati Uniti fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti speċifikati tal-azzar u tal-aluminju li joriġinaw mill-Unjoni, b’effett mill-1 ta’ Ġunju 2018, u fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti derivattivi tal-azzar u tal-aluminju li joriġinaw mill-Unjoni, b’effett mit-8 ta’ Frar 2020.

(4)

Fit-18 ta’ Diċembru 2023, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2882 (4) li jissospendi, sal-31 ta’ Marzu 2025, id-dazji ad valorem addizzjonali imposti bir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886 u (UE) 2020/502.

(5)

Fl-10 ta’ Frar 2025, l-Istati Uniti introduċew mill-ġdid il-miżuri ta’ salvagwardja tagħhom fil-forma ta’ dazji doganali addizzjonali fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar u tal-aluminju u ta’ prodotti derivattivi tal-azzar u tal-aluminju li joriġinaw, fost oħrajn, mill-Unjoni, fil-livelli inizjali ta’ 25 % u ta’ 10 % ad valorem, rispettivament, b’effett mit-12 ta’ Marzu 2025 għal perjodu mhux limitat (5).

(6)

Fis-26 ta’ Marzu 2025, l-Istati Uniti introduċew miżura ta’ salvagwardja ġdida fil-forma ta’ dazji doganali addizzjonali fuq l-importazzjonijiet ta’ karozzi u prodotti ta’ parts tal-karozzi li joriġinaw, fost l-oħrajn, fl-Unjoni, fil-livell ta’ 25 %, b’effett mit-3 ta’ April 2025, għall-karozzi u fid-data speċifikata fir-Reġistru Federali għall-parts tal-karozzi, iżda mhux aktar tard mit-3 ta’ Mejju 2025, għal perijodu mhux limitat (6).

(7)

Fil-31 ta’ Marzu 2025, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/664 (7) li jissospendi, sal-14 ta’ April 2025, id-dazji ad valorem addizzjonali imposti bir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886 u (UE) 2020/502.

(8)

Fit-2 ta’ April 2025, l-Istati Uniti introduċew dazji doganali addizzjonali fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti kollha li joriġinaw mill-Unjoni, fil-livell ta’ 20 %, b’effett mid-9 ta’ April 2025, għal perjodu mhux limitat (8).

(9)

Fid-9 ta’ April 2025, l-Istati Uniti introduċew tnaqqis għal 90 jum tad-dazji doganali addizzjonali fil-livell ta’ 20 % għal-livell ta’ 10 %, fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw mill-Unjoni Ewropea, b’effett mill-10 ta’ April 2025 (9).

(10)

Fl-14 ta’ April 2025, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/778 (10) dwar miżuri ta’ riekwilibriju kummerċjali li jikkonċernaw ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886, li jipprevedi l-applikazzjoni ta’ dazji doganali addizzjonali fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċerti prodotti oħra li joriġinaw mill-Istati Uniti u l-emendar ta’ ċerti dazji doganali addizzjonali kif imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/886.

(11)

Fid-dawl tal-iżviluppi, bħal dawk deskritti fil-premessa 9, u l-evoluzzjoni tar-relazzjoni kummerċjali bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti, jenħtieġ li l-Unjoni tikkalibra l-miżuri ta’ rispons tagħha, kif ukoll tiżgura li jkun hemm opportunitajiet għal kooperazzjoni mal-Istati Uniti, inkluż bil-ħsieb li tissolva l-kontroversja dwar it-tariffi rispettivi.

(12)

Għaldaqstant, l-applikazzjoni tad-dazju doganali ad valorem imposti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/778, (EU) 2018/886 u (EU) 2020/502 jenħtieġ li jiġu sospiżi sal-14 ta’ Lulju 2025.

(13)

Bħala konsegwenza, il-partijiet relevanti tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/778 jenħtieġ li jiġu sospiżi u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2882 jenħtieġ li jiġi emendat.

(14)

Fid-dawl ta’ raġunijiet imperattivi ta’ urġenza ġġustifikati mill-ħtieġa li tiġi sospiża l-applikazzjoni imminenti tal-miżuri rilevanti ta’ riekwilibriju sabiex jingħata spazju għal opportunitajiet effettivi għall-kisba tal-objettivi deskritti fil-premessa 11, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw immedjatament. Għall-istess raġunijiet, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom jidħlu fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(15)

Dan ir-Regolament huwa bla ħsara għall-pożizzjoni tal-Unjoni fil-kunsiderazzjoni li l-miżuri ta’ salvagwardja tal-Istati Uniti għadhom inkompatibbli mal-Ftehim li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

(16)

F’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, mhux aktar tard minn 14 jum wara l-adozzjoni tiegħu, jenħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta dan ir-Regolament lill-Kumitat dwar l-Ostakoli għall-Kummerċ għall-opinjoni tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-applikazzjoni tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/778 għandha tiġi sospiża sal-14 ta’ Lulju 2025.

Artikolu 2

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2882 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1, “il-31 ta’ Marzu 2025” jiġi sostitwit b’“l-14 ta’ Lulju 2025”;

(2)

Fl-Artikolu 2, “il-31 ta' Marzu 2025” jiġi sostitwit b'“l-14 ta' Lulju 2025”.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' April 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 654/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni għall-applikazzjoni u l-infurzar ta’ regoli kummerċjali internazzjonali u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Komunità fil-qasam ta’ politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b’mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, (ĠU L 189, 27.6.2014, p. 50, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/654/oj).

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/886 tal-20 ta’ Ġunju 2018 dwar ċerti miżuri ta’ politika kummerċjali rigward ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/724 (ĠU L 158, 21.6.2018, p. 5, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/886/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/502 tas-6 ta’ April 2020 dwar ċerti miżuri ta’ politika kummerċjali li jikkonċernaw ċerti prodotti li joriġinaw fl-Istati Uniti tal-Amerka (ĠU L 109, 7.4.2020, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/502/oj).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2882 tat-18 ta’ Diċembru 2023 li jissospendi l-miżuri ta’ politika kummerċjali rigward ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka imposti bir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886 u (UE) 2020/502 (ĠU L, 2023/2882, 19.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2882/oj).

(5)  Il-Proklamazzjoni Nru 10896 tal-10 ta’ Frar 2025, L-Aġġustament tal-Importazzjonijiet tal-Azzar fl-Istati Uniti, u l-Annessi tagħha; Il-Proklamazzjoni Nru 10895 tal-10 ta’ Frar 2025, L-Aġġustament tal-Importazzjonijiet tal-Aluminju fl-Istati Uniti, u l-Annessi tagħha. Avviż mill-Uffiċċju tal-Industrija u s-Sigurtà tal-4 ta’ April 2025 dwar l-Implimentazzjoni tad-Dazji fuq Bottijiet tal-Aluminju tal-Birra u Vojta u tad-Derivattivi tal-Aluminju skont il-Proklamazzjoni 10895 li taġġusta l-Importazzjonijiet tal-Aluminju fl-Istati Uniti.

(6)  Proklamazzjoni Nru 10908 tas-26 ta’ Marzu 2025, Aġġustar tal-Importazzjonijiet ta’ Karozzi u ta’ Partijiet tal-Karozzi fl-Istati Uniti.

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/664 tal-31 ta’ Marzu 2025 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2882 li jissospendi l-miżuri ta’ politika kummerċjali rigward ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka imposti bir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886 u (UE) 2020/502 (ĠU L, 2025/664, 31.3.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/664/oj).

(8)  L-Ordni Eżekuttiva Presidenzjali 14257 tat-2 ta’ April 2025 li Tirregola l-Importazzjonijiet b’Tariffa Reċiproka biex tirrettifika Prattiki Kummerċjali li Jikkontribwixxi għal Deficits tal-Merkanzija Kummerċjali Annwali Kbar u Persistenti tal-Istati Uniti.

(9)  L-Ordni Eżekuttiva tad-9 ta’ April 2025 dwar il-Modifikazzjoni tar-rati tariffarji reċiproċi biex jiġu riflessi r-ritaljazzjoni u l-allinjament tas-sħab kummerċjali.

(10)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/778 tal-14 ta’ April 2025 dwar miżuri ta’ riekwilibriju kummerċjali li jikkonċernaw ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886 (ĠU L, 2025/778, 14.4.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/778/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/786/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)