European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/774

14.4.2025

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2025/774

tal-14 ta’ April 2025

li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/235/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/235/PESK tat-12 ta’ April 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ April 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/235/PESK.

(2)

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2022 enfasizzaw li l-Unjoni rrifjutat bil-qawwa l-prattika tal-Iran tad-detenzjoni arbitrarja ta’ ċittadini barranin, inkluż persuni b’nazzjonalità doppja, u appellat lill-Iran biex itemm il-prattika inkwetanti tad-detenzjoni ta’ persuni ċivili barranin innoċenti bil-ħsieb li jikseb vantaġġi politiċi. L-Unjoni fakkret lill-Iran fl-obbligi internazzjonali tiegħu skont il-Konvenzjonijiet ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi u Konsulari u ħeġġet lill-awtoritajiet Iranjani biex jirrispettaw dawn l-obbligi.

(3)

Fl-20 ta’ Frar 2023, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà ħareġ dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni li fiha ddikjara li l-għadd dejjem jiżdied ta’ ċittadini tal-Unjoni attwalment detenuti mill-Iran għal raġunijiet frivoli kien ta’ tħassib kbir. Ħafna minn dawk iċ-ċittadini tal-Unjoni għadhom miżmuma f’kundizzjonijiet degradanti b’ebda possibbiltà ta’ proċess ġust. Barra minn hekk, l-Unjoni appellat lill-Iran biex jirrispetta strettament l-obbligi internazzjonali tiegħu, b’mod partikolari skont il-Konvenzjonijiet ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi u Konsulari u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi li l-Iran huwa parti għalihom. Enfasizzat li l-politika segwita attwalment mill-Iran, inkluż ir-restrizzjonijiet imposti fuq l-aċċess konsulari għaċ-ċittadini tal-Istati Membri, iċ-ċaħda tal-protezzjoni konsulari u tad-dritt għal proċess ġust, għadha tikser direttament id-dritt internazzjonali. L-Unjoni tistenna li l-awtoritajiet Iranjani jiffaċilitaw l-eżerċizzju tal-funzjonijiet konsulari mill-Istati Membri kkonċernati billi jippermettulhom jikkomunikaw u jkollhom aċċess regolari għaċ-ċittadini tagħhom, kif meħtieġ skont id-dritt internazzjonali, inkluż il-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-1963 dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari, li l-Iran huwa parti għaliha. Minħabba r-riskju akut għas-sigurtà personali taċ-ċittadini tagħhom, l-Istati Membri kienu rrakkomandaw liċ-ċittadini tagħhom, f’konformità mal-valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali rispettivi tagħhom, biex jevitaw li jivvjaġġaw lejn l-Iran, filwaqt li nfurmawhom li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha kienu ser ikomplu jsegwu s-sitwazzjoni mill-qrib u jaġixxu kif xieraq.

(4)

F’dak il-kuntest, u f’konformità mal-impenn tal-Unjoni li tindirizza l-kwistjonijiet kollha ta’ tħassib mal-Iran, fosthom is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, jenħtieġ li seba’ persuni u żewġ entitajiet jiġu inklużi fil-lista ta’ persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/235/PESK.

(5)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2011/235/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni 2011/235/PESK huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi …, l-14 ta’ April 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)   ĠU L 100, 14.4.2011, p. 51, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/235/oj.


ANNESS

Il-persuni u l-entitajiet li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta’ persuni u entitajiet li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/235/PESK:

Persuni

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“238.

HOWZAN Abbasali

Funzjoni: Imħallef tal-fergħa 36 tal-Qorti tal-Appell tal-Provinċja ta’ Tehran

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Abbasali Howzan huwa Mħallef tal-fergħa 36 tal-Qorti tal-Appell tal-Provinċja ta’ Tehran.

F’din il-kariga, ikkonferma wara appell il-kundanni ta’ bosta avversarji politiċi (inkluż dawk konnessi mal-protesti ‘Nisa, Ħajja, Libertà’), attivisti, nisa li ma osservawx il-liġijiet Iranjani dwar il-ħiġab u persuni minn minoranzi reliġjużi, b’mod partikolari l-komunità Baha’i. F’diversi minn dawk il-każijiet, il-kundanni kienu bbażati fuq konfessjonijiet furzati miksuba taħt tortura u kienu riżultat ta’ proċeduri mwettqa bi ksur tal-garanzija ta’ proċess ġust.

Għaldaqstant, Abbasali Howzan huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

14.4.2025

239.

FARZADI Hedayatollah

Funzjoni: Kap tal-Ħabs ta’ Evin

Post tat-twelid: Basht, Iran

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Hedayatollah Farzadi huwa l-Kap tal-Ħabs ta’ Evin elenkat mill-UE.

Huwa direttament responsabbli għal ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem ta’ priġunieri politiċi, b’mod partikolari għar-restrizzjoni tad-drittijiet tagħhom ta’ komunikazzjoni u żjarat, u għal ordnijiet arbitrarji ta’ konfinament solitarju. Huwa responsabbli wkoll għad-deterjorament tal-kundizzjonijiet tad-detenzjoni tal-priġunieri politiċi.

Barra minn hekk, il-Ħabs ta’ Evin elenkat mill-UE huwa ċentru ta’ detenzjoni fejn inżammu ostaġġi u priġunieri politiċi, u fejn fis-snin l-imgħoddija seħħew ripetutament abbużi gravi tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż tortura, ċaħda tad-drittijiet ta’ komunikazzjoni, u ostruzzjoni tal-aċċess għall-kura medika.

B’riżultat ta’ dan, bl-involviment tiegħu fl-amministrazzjoni tal-Ħabs ta’ Evin elenkat mill-UE, Hedayatollah Farzadi stess hu responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran u hu assoċjat ma’ entità elenkata mill-UE responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

14.4.2025

240.

NEMATI Mehdi

Funzjoni: Kap tal-Fars Prisons Protection and Intelligence Department

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Mehdi Nemati ilu l-Kap tad-Dipartiment għall-Protezzjoni u l-Intelligence tal-Ħabsijiet ta’ Fars mill-2018.

Id-Dipartiment għall-Protezzjoni u l-Intelligence tal-Ħabsijiet ta’ Fars huwa responsabbli għall-amministrazzjoni tal-Ħabs Ċentrali ta’ Shiraz elenkat mill-UE, fejn id-drittijiet tal-bniedem jinkisru sistematikament u fejn ġiet eżegwita l-piena tal-mewt lil bosta avversarji tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran. Diversi ostaġġi minn pajjiżi Ewropej kienu detenuti illegalment f’dan il-ħabs, fejn l-aċċess tagħhom għal proċess ġust kien miċħud u fejn ġarrbu ksur gravi tad-drittijiet l-aktar bażiċi tagħhom. Barra minn hekk, dan il-ħabs qed jipparteċipa fir-repressjoni ta’ minoranzi etniċi u reliġjużi fin-Nofsinhar tal-Iran (inkluż Għarab, Kurdi, Baluċi, tribujiet seminomadi u Baha’i) permezz ta’ eżekuzzjonijiet kważi sistematiċi.

Għaldaqstant, il-Ħabs Ċentrali ta’ Shiraz huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

Minħabba r-rwol tiegħu fl-amministrazzjoni tal-Ħabs Ċentrali ta’ Shiraz elenkat mill-UE, li hu involut fil-ksur tad-drittijiet tal-bniedem tad-detenuti, Mehdi Nemati hu assoċjat ma’ entità responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

14.4.2025

241.

ZAREH Kamran

Funzjoni: Imħallef fil-Qorti tal-Appell ta’ Shiraz

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Kamran Zareh huwa Mħallef fil-Qorti tal-Appell ta’ Shiraz.

Fir-rwol tiegħu, ta sentenzi ħorox b’mod sistematiku lil dissidenti paċifiċi, u b’hekk implimenta l-kampanja ta’ repressjoni tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran kontra l-avversarji politiċi.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Appell ta’ Shiraz ġiet implikata f’bosta każijiet ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari fir-rigward tal-prosekuzzjoni ta’ dissidenti politiċi u individwi minn komunitajiet minoritarji (b’mod partikolari l-komunità Baha’i).

Għaldaqstant, bl-involviment tiegħu f’din il-qorti, Kamran Zareh hu responsabbli għal entità responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran u assoċjat magħha.

14.4.2025

242.

SADATI Sayyed Mahmood

Funzjoni: Imħallef fil-Qorti Rivoluzzjonarja ta’ Shiraz

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Sayyed Sadati huwa Mħallef fil-Qorti Rivoluzzjonarja ta’ Shiraz elenkata mill-UE.

Fir-rwol tiegħu, huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari konfessjonijiet furzati, ksur tal-garanziji ta’ proċess ġust u t-twettiq ta’ sentenzi tal-mewt, kontra attivisti, dissidenti politiċi u individwi minn komunitajiet minoritarji (b’mod partikolari l-komunità Baha’i). Barra minn hekk, ta sentenzi ħorox b’mod sistematiku lil dissidenti paċifiċi, u b’hekk implimenta l-kampanja ta’ repressjoni tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran kontra l-avversarji politiċi.

B’żieda ma’ dan, il-Qorti Rivoluzzjonarja ta’ Shiraz elenkata mill-UE hija implikata f’bosta każijiet ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem.

Għaldaqstant, bl-involviment tiegħu fil-Qorti Rivoluzzjonarja ta’ Shiraz, Sayyed Sadati hu responsabbli għal entità responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran u assoċjat magħha.

14.4.2025

243.

SALEHI Ali

Funzjoni: Prosekutur Pubbliku ta’ Tehran

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Ali Salehi huwa l-Prosekutur Pubbliku ta’ Tehran.

Fir-rwol tiegħu, ipparteċipa fil-prosekuzzjoni ta’ diversi nisa talli rrifjutaw li jikkonformaw mal-liġi dwar l-ilbies obbligatorju tal-ħiġab, studenti u dimostranti. Ipparteċipa wkoll fl-għoti ta’ sentenzi tal-mewt lill-priġunieri u l-implimentazzjoni ta’ dawk is-sentenzi kif ukoll l-awtorizzazzjoni tal-użu ta’ prattiki ta’ tortura kontra priġunieri.

Għaldaqstant, Ali Salehi huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

14.4.2025

244.

KHOSRAVANI Mohammad

Funzjoni: Prosekutur Speċjali tal-Qorti Rivoluzzjonarja ta’ Shiraz

Data tat-twelid: 16.9.1980

Post tat-twelid: Shiraz, Iran

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Nru tal-identità nazzjonali: 2296246941 (Iran)

Nru taċ-ċertifikat tat-twelid: 1565

Nru tas-serje taċ-ċertifikat tat-twelid: 225889221

Mohammad Khosravani huwa l-Prosekutur Speċjali tal-Qorti Rivoluzzjonarja ta’ Shiraz.

F’din il-kariga, kien responsabbli għal bosta każijiet ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem u implikat fihom. Dawn il-każijiet jikkonċernaw dissidenti politiċi, membri ta’ gruppi minoritarji u diversi individwi oħra. Wettaq direttament koerċizzjoni u pressjoni fuq detenuti, kiser id-drittijiet tad-difensuri u ssorvelja arresti arbitrarji. L-azzjonijiet tiegħu kienu parti mir-raġuni għala l-Qorti Rivoluzzjonarja ta’ Shiraz kisbet in-notorjetà għal sentenzi inġusti u ksur tad-drittijiet tal-bniedem.

Għaldaqstant, Mohammad Khosravani huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

14.4.2025”;

Entitajiet

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“44.

Shiraz Central Prison

(magħruf ukoll bħala Adel Abad Prison)

Tip ta’ entità: Ħabs

Post tar-reġistrazzjoni: Shiraz, provinċja ta’ Fars, Iran

Il-Ħabs Ċentrali ta’ Shiraz, Adel Abad, li jinsab f’Shiraz, fil-provinċja ta’ Fars, l-Iran, huwa ħabs fejn id-drittijiet tal-bniedem tad-detenuti jinkisru sistematikament u fejn twettqet il-piena tal-mewt fuq bosta avversarji tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, inkluż abbażi ta’ piena kollettiva.

Diversi ostaġġi minn pajjiżi Ewropej kienu detenuti illegalment f’dan il-ħabs, fejn l-aċċess tagħhom għal proċess ġust kien miċħud u fejn ġarrbu ksur gravi tad-drittijiet l-aktar bażiċi tagħhom.

Barra minn hekk, dan il-ħabs qed jipparteċipa fir-repressjoni ta’ minoranzi etniċi u reliġjużi fin-Nofsinhar tal-Iran (inkluż Għarab, Kurdi, Baluċi, tribujiet seminomadi u Baha’i) permezz ta’ eżekuzzjonijiet kważi sistematiċi.

14.4.2025

45.

1st branch of the Revolutionary Court of Shiraz

Tip ta’ entità: Ħabs

Post tar-reġistrazzjoni: Shiraz, provinċja ta’ Fars, Iran

L-ewwel fergħa tal-Qorti Rivoluzzjonarja ta’ Shiraz, li tinsab fil-provinċja ta’ Fars, l-Iran, kienet implikata f’bosta każijiet ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem, li jikkonċernaw b’mod partikolari l-proċessi inġusti u l-eżekuzzjonijiet ta’ dissidenti politiċi u l-persekuzzjoni ta’ individwi minn komunitajiet minoritarji (b’mod partikolari l-komunità Baha’i).

Dawn l-azzjonijiet jissottolinjaw ir-rwol tal-qorti fil-perpetwazzjoni tal-ksur sistemiku tad-drittijiet tal-bniedem, bl-użu tal-ġudikatura bħala strument ta’ repressjoni politika u soppressjoni tad-dissens politiku u l-komunitajiet minoritarji fl-Iran.

14.4.2025”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/774/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)