European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/755

25.7.2025

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/755

tas-16 ta’ April 2025

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2023/2631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jispeċifika t-tip ta’ tariffi li għandhom jiġu imposti mill-ESMA fuq ir-rieżaminaturi esterni tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej, il-kwistjonijiet li fir-rigward tagħhom huma dovuti t-tariffi, l-ammont tat-tariffi, u l-mod li bih dawn it-tariffi għandhom jitħallsu

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2023/2631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Novembru 2023 dwar il-Bonds Ekoloġiċi Ewropej u d-divulgazzjonijiet fakultattivi għall-bonds ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli u għall-bonds marbuta mas-sostenibbiltà (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 66(3) tiegħu,

Billi:

(1)

It-tariffi li l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) għandha timponi fuq ir-rieżaminaturi esterni tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej jenħtieġ li jagħmlu tajjeb bis-sħiħ għall-kostijiet kollha mġarrba mill-ESMA għar-reġistrazzjoni, ir-rikonoxximent u s-superviżjoni tar-rieżaminaturi esterni, inkluż il-kost dirett u indirett. Il-kost indirett jenħtieġ li jikkonsisti fi tqassim raġonevoli tal-ispejjeż ġenerali fissi u varjabbli tal-ESMA relatati mal-attivitajiet superviżorji skont ir-Regolament (UE) 2023/2631.

(2)

It-tariffi imposti għall-attivitajiet tal-ESMA relatati mar-riezżaminaturi esterni jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’livell sabiex tiġi evitata akkumulazzjoni sinifikanti ta’ defiċit jew ta’ surplus. Meta jkun hemm surplus jew defiċit sinifikanti rikorrenti, il-livell tat-tariffi jenħtieġ li jiġi rivedut.

(3)

It-tariffi tar-reġistrazzjoni għar-rieżaminaturi esterni jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’livell li jkun xieraq biex jirrifletti l-kost imġarrab mill-ESMA meta tivvaluta l-applikazzjonijiet u biex tiġi żgurata konsistenza mal-mandati komparabbli ta’ superviżjoni diretta tagħha. It-tariffi għar-rieżaminaturi esterni li wara li jiġu rreġistrati japplikaw għal awtorizzazzjoni bħala rieżaminatur estern li jagħti l-approvazzjoni lil rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz jenħtieġ li jieħdu inkonsiderazzjoni li dawn diġà jkunu ġew evalwati u rreġistrati mill-ESMA.

(4)

Ir-rieżaminaturi esterni ta’ pajjiż terz jistgħu joffru servizzi skont ir-Regolament (UE) 2023/2631 abbażi tar-reġistrazzjoni msejsa fuq reġim ta’ ekwivalenza, abbażi tar-rikonoxximent, jew abbażi tal-awtorizzazzjoni ta’ approvazzjoni minn rieżaminatur estern stabbilit fl-Unjoni li jkun irreġistrat mal-ESMA. It-tariffi li għandhom jitħallsu lill-ESMA jenħtieġ li jirriflettu l-firxa differenti tal-isforz superviżorju u għalhekk il-kost assoċjat ma’ kull waħda minn dawn l-opzjonijiet. Għalhekk, it-tariffi għar-rieżaminaturi esterni ta’ pajjiż terz li japplikaw għar-reġistrazzjoni taħt reġim ta’ ekwivalenza jenħtieġ li jqisu l-isforz superviżorju u l-kost aktar baxxi peress li diġà jkunu rreġistrati u għaldaqstant ivvalutati u ssorveljati f’pajjiż terz. Ir-rieżaminaturi esterni ta’ pajjiż terz li japplikaw għar-rikonoxximent jenħtieġ li jħallsu l-istess tariffa bħar-rieżaminaturi esterni bbażati fl-Unjoni biex jiġi rifless il-fatt li l-isforz superviżorju u l-kost huma l-istess.

(5)

Sabiex jiġi evitat il-ħolqien ta’ ostakli għad-dħul fis-suq għar-rieżaminaturi esterni żgħar, huwa meħtieġ li jiġi introdott limitu tal-fatturat li meta r-rieżaminaturi esterni jkunu inqas minnu, ma jkunux soġġetti għal tariffi superviżorji annwali għat-tliet snin wara r-reġistrazzjoni jew ir-rikonoxximent tagħhom.

(6)

Skont l-Artikolu 66(3) tar-Regolament (UE) 2023/2631, il-limitu jenħtieġ li jkun ibbażat fuq il-fatturat annwali fil-livell ta’ grupp. Il-fatturat annwali jenħtieġ li jiġi ddeterminat abbażi ta’ dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati mfassla skont id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Sabiex tiġi żgurata l-proporzjonalità fit-tul, huwa meħtieġ li jiġi introdott limitu massimu fuq it-tariffi mkejla bħala sehem mill-fatturat applikabbli. Sabiex jiġi żgurat grad ta’ prevedibbiltà għall-ġbir tat-tariffi għall-ESMA, huwa meħtieġ ukoll li tiġi stabbilita tariffa minima għar-rieżaminaturi esterni kollha ’l fuq mil-limitu. Din it-tariffa minima jenħtieġ li tiġi stabbilita f’livell li jiżgura konsistenza mal-mandati komparabbli ta’ superviżjoni diretta tal-ESMA.

(7)

L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jġarrbu kostijiet meta jassistu lill-ESMA fil-kompiti superviżorji tagħha u, b’mod partikolari meta dawk l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jassistu lill-ESMA skont l-Artikolu 55(4) u l-Artikolu 56(5) tar-Regolament (UE) 2023/2631. Għaldaqstant, it-tariffi li l-ESMA timponi fuq ir-rieżaminaturi esterni tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej jenħtieġ li jkopru wkoll dawk il-kostijiet. Sabiex jiġi evitat li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jġarrbu telf jew jagħmlu profitt mit-twettiq tal-kompiti ddelegati jew meta jassistu lill-ESMA, l-ESMA jenħtieġ li tirrimborża l-kostijiet reali biss imġarrba minn dik l-awtorità nazzjonali kompetenti.

(8)

L-ESMA ġiet ikkonsultata dwar il-kontenut ta’ dan ir-Regolament skont l-Artikolu 66(4) tar-Regolament (UE) 2023/2631,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Tariffi għar-reġistrazzjoni, ir-rikonoxximent u l-awtorizzazzjoni

1.   Kwalunkwe persuna jew entità li tapplika għar-reġistrazzjoni bħala rieżaminatur estern għall-Bonds Ekoloġiċi Ewropej skont l-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2023/2631 għandha tħallas lill-ESMA tariffa ta’ EUR 40 000.

2.   Rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz li japplika għar-reġistrazzjoni bħala rieżaminatur estern għall-Bonds Ekoloġiċi Ewropej skont l-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) 2023/2631 għandu jħallas lill-ESMA tariffa ta’ EUR 10 000.

3.   Rieżaminatur estern ta’ pajjiż terz li japplika għar-rikonoxximent skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2023/2631 għandu jħallas lill-ESMA tariffa ta’ EUR 40 000.

4.   Rieżaminatur estern tal-Bonds Ekoloġiċi Ewropej li japplika – wara li jirreġistra – għall-awtorizzazzjoni bħala rieżaminatur estern li jagħti l-approvazzjoni skont l-Artikolu 43(1) tar-Regolament (UE) 2023/2631 għandu jħallas lill-ESMA tariffa ta’ EUR 20 000.

Artikolu 2

Tariffi superviżorji annwali

1.   Rieżaminatur estern b’fatturat annwali ġġenerat fil-livell tal-grupp ta’ inqas minn EUR 5 000 000 għandu jkun eżentat milli jkollu jħallas lill-ESMA tariffa superviżorja annwali. Dik l-eżenzjoni għandha tapplika sa tmiem it-tielet sena kalendarja sħiħa wara r-reġistrazzjoni jew ir-rikonoxximent kif applikabbli. Wara dik id-data, dawk ir-rieżaminaturi esterni għandhom iħallsu tariffa superviżorja annwali li tiġi kkalkolata f’konformità mal-paragrafu 2.

2.   L-ESMA għandha tikkalkula l-kost superviżorju annwali totali u t-tariffa superviżorja annwali għal rieżaminatur estern partikolari kif ġej:

(a)

il-kost superviżorju annwali totali għal sena partikolari (n) għandu jkun l-istima tan-nefqiet relatata mas-superviżjoni tal-attivitajiet tar-rieżaminaturi esterni skont ir-Regolament (UE) 2023/2631 kif inkluża fil-baġit tal-ESMA għal dik is-sena;

(b)

it-tariffa superviżorja annwali tar-rieżaminatur estern għal sena partikolari (n) għandha tkun il-kost superviżorju annwali totali ddeterminat skont il-punt (a), diviża bejn ir-rieżaminaturi esterni kollha ħlief dawk ir-rieżaminaturi esterni li huma eżentati skont il-paragrafu 1 fis-sena (n), b’mod proporzjonat mal-fatturat applikabbli tagħhom ikkalkulat f’konformità mal-Artikolu 3;

(c)

it-tariffa superviżorja annwali imposta fuq rieżaminatur estern ma għandhiex tirrappreżenta aktar minn 3 % tal-fatturat applikabbli tiegħu. Madankollu, l-ebda rieżaminatur estern ma għandu jħallas tariffa superviżorja annwali li tkun inqas minn EUR 30 000.

3.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, it-tariffa superviżorja tal-ewwel sena għandha tkun ugwali għat-tariffa msemmija fl-Artikolu 1(1) jew, fejn applikabbli, għat-tariffa msemmija fl-Artikolu 1(2) jew, fejn applikabbli, għat-tariffa msemmija fl-Artikolu 1(3), immultiplikata bl-għadd ta’ jiem bejn ir-reġistrazzjoni jew ir-rikonoxximent u tmiem is-sena u diviża bin-numru totali ta’ jiem f’dik is-sena.

4.   Rieżaminatur estern li jkun irreġistrat jew rikonoxxut matul ix-xahar ta’ Diċembru ma għandux iħallas it-tariffa superviżorja tal-ewwel sena.

Artikolu 3

Fatturat applikabbli

1.   Ir-rieżaminaturi esterni għandhom iżommu għalihom il-kontijiet awditjati li jkunu jiddistingwu b’mod ċar id-dħul iġġenerat mis-servizzi ta’ rieżami estern mid-dħul l-ieħor tagħhom.

2.   Il-fatturat applikabbli ta’ rieżaminatur estern għal sena partikolari (n) kif imsemmi fl-Artikolu 2(2) għandu jkun is-somma tad-dħul ta’ dak ir-rieżaminatur estern iġġenerat mill-għoti ta’ servizzi ta’ rieżami estern abbażi tal-kontijiet awditjati għas-sena (n-2).

3.   Sabiex tikkalkula l-koeffiċjenza tal-fatturat ta’ kull rieżaminatur estern, l-ESMA għandha tiddividi l-fatturat applikabbli ta’ dak ir-rieżaminatur estern fis-sena (n-2) bil-fatturat applikabbli tar-rieżaminaturi esterni kollha fis-sena (n-2) imnaqqas bil-fatturat tar-rieżaminaturi esterni li huma eżentati milli jħallsu tariffa superviżorja annwali skont l-Artikolu 2(1). Meta ma jkun disponibbli l-ebda kont awditjat għas-sena (n–2) għal rieżaminatur estern partikolari, l-ESMA għandha tuża l-kontijiet awditjati ta’ dan ir-rieżaminatur estern tas-sena (n–1).

4.   Meta r-rieżaminatur estern ma jkunx ħadem matul is-sena sħiħa (n–2) jew (n–1), l-ESMA għandha tikkalkula l-fatturat applikabbli ta’ dan ir-rieżaminatur estern f’konformità mal-paragrafu 2 billi testrapola għal dan ir-rieżaminatur estern, għas-sena kollha (n–2) jew (n–1), il-valuri kkalkulati għall-għadd ta’ xhur li matulhom ir-rieżaminatur estern jkun ħadem fis-sena (n–2) jew (n–1).

5.   Ir-rieżaminaturi esterni għandhom jipprovdu lill-ESMA l-kontijiet awditjati msemmija fil-paragrafu 1 fuq bażi annwali. Id-dokumenti għandhom jitressqu lill-ESMA b’mezzi elettroniċi mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru ta’ kull sena (n-1). Rieżaminatur estern li jkun irreġistrat jew rikonoxxut wara t-30 ta’ Settembru għandu jipprovdi lill-ESMA bil-kontijiet awditjati tiegħu immedjatament mar-reġistrazzjoni jew mar-rikonoxximent, u sa tmiem is-sena ta’ reġistrazzjoni jew ta’ rikonoxximent.

6.   L-ESMA għandha tikkonverti d-dħul iġġenerat minn servizzi ta’ rieżami estern, li jiġi rrapportat f’munita oħra għajr l-euro, f’euro, bl-użu tar-rata tal-kambju medja tal-euro applikabbli għall-perjodu li matulu jkun ġie rreġistrat dan id-dħul. Għal dan il-għan, l-ESMA għandha tuża’ r-rata ta’ referenza tal-kambju tal-euro ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.

Artikolu 4

Modalitajiet ġenerali ta’ pagament

It-tariffi kollha għandhom jitħallsu f’euro. Kwalunkwe pagament tard għandu jkun soġġett għall-imgħax ta’ inadempjenza stabbilit fl-Artikolu 99 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

Artikolu 5

Pagament ta’ tariffi għar-reġistrazzjoni, ir-rikonoxximent u l-awtorizzazzjoni

1.   It-tariffi għar-reġistrazzjoni, ir-rikonoxximent u l-awtorizzazzjoni għandhom ikunu dovuti fiż-żmien li r-rieżaminatur estern japplika għar-reġistrazzjoni, ir-rikonoxximent jew l-awtorizzazzjoni u għandhom jitħallsu kollha fi żmien 30 jum mid-data tal-ħruġ tal-fattura tal-ESMA.

2.   L-ESMA ma għandha tirrimborża l-ebda tariffa ta’ reġistrazzjoni, rikonoxximent jew awtorizzazzjoni lir-rieżaminaturi esterni li jiddeċiedu li jirtiraw l-applikazzjoni tagħhom għar-reġistrazzjoni, ir-rikonoxximent jew l-awtorizzazzjoni.

Artikolu 6

Pagament tat-tariffi superviżorji annwali

1.   It-tariffa superviżorja annwali msemmija fl-Artikolu 2 għandha tkun dovuta fil-bidu ta’ kull sena kalendarja u għandha titħallas kollha lill-ESMA fl-ewwel 3 xhur ta’ dik is-sena. L-ESMA għandha tipprovdi lil kull rieżaminatur estern b’fattura li tispeċifika t-tariffa superviżorja dovuta sa mhux aktar tard minn 30 jum qabel id-data tal-pagament finali.

2.   L-ESMA ma għandha taħt l-ebda ċirkostanza tirrimborża xi tariffa superviżorja annwali mħallsa.

Artikolu 7

Rimborż lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti

1.   L-ESMA biss għandha timponi t-tariffi msemmija fl-Artikoli 1 u 2.

2.   L-ESMA għandha tirrimborża lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-kostijiet reali mġarrba għat-twettiq tal-kompiti skont ir-Regolament (UE) 2023/2631, u b’mod partikolari għal kwalunkwe kompitu mwettaq skont l-Artikolu 55(4) jew l-Artikolu 56(5) ta’ dak ir-Regolament. Il-kostijiet li għandhom jiġu rimborżati għandhom jinkludu l-kostijiet fissi u l-kostijiet varjabbli kollha relatati mal-assistenza pprovduta lill-ESMA.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ April 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L, 2023/2631, 30.11.2023, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2023/2631/oj.

(2)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/dir/2013/34/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/755/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)