European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/754

25.7.2025

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/754

tas-16 ta’ April 2025

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2023/2631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jispeċifika r-regoli ta’ proċedura għall-eżerċizzju tas-setgħa li jiġu imposti multi jew pagamenti perjodiċi ta’ penali mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq fuq ir-rieżaminaturi esterni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2023/2631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Novembru 2023 dwar il-Bonds Ekoloġiċi Ewropej u d-divulgazzjonijiet fakultattivi għall-bonds ikkummerċjalizzati bħala ambjentalment sostenibbli u għall-bonds marbuta mas-sostenibbiltà (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 63(10) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex jingħata effett sħiħ għad-dritt li persuna tinstema’, kif iggarantit fl-Artikolu 63(5) tar-Regolament (UE) 2023/2631, persuna li tkun soġġetta għal investigazzjoni mill-ESMA minħabba li din il-persuna jista’ jkun li wettqet wieħed mit-tipi ta’ ksur elenkati fl-Artikolu 60(1) ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jkollha d-dritt li tagħmel kummenti bil-miktub f’limitu ta’ żmien raġonevoli ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat qabel ma l-uffiċjal tal-investigazzjoni jippreżenta s-sejbiet tiegħu lill-ESMA. Jenħtieġ li din il-persuna titħalla tiġi megħjuna minn avukat tal-għażla tagħha.

(2)

L-ESMA jenħtieġ li tivvaluta l-kompletezza tal-fajl ippreżentat mill-uffiċjal tal-investigazzjoni abbażi ta’ lista ta’ dokumenti. Biex jiġi żgurat li l-persuna soġġetta għall-investigazzjoni tkun tista’ tħejji d-difiża tagħha b’mod adegwat, jenħtieġ li l-ESMA, qabel ma tadotta deċiżjoni finali jekk timponix multa jew pagament perjodiku ta’ penali, tagħti lill-persuna d-dritt li tipprovdi aktar kummenti bil-miktub.

(3)

L-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) 2023/2631 jobbliga lill-ESMA li timponi pagamenti perjodiċi ta’ penali, fost l-oħrajn meta persuna soġġetta għal investigazzjoni tirrifjuta li tissottometti ruħha għal tali investigazzjoni jew li tipprovdi l-informazzjoni mitluba mill-ESMA. Sabiex jiġi ggarantit bis-sħiħ id-dritt ta’ difiża ta’ tali persuni, jenħtieġ li l-ESMA tagħti lill-persuna l-opportunità li tipprovdi sottomissjonijiet bil-miktub dwar il-kwistjoni soġġetta għal investigazzjoni jew dwar jekk tali pagament perjodiku ta’ penali huwiex xieraq fil-każ inkwistjoni qabel ma tiġi imposta tali penali perjodika.

(4)

Id-dritt tad-difiża jenħtieġ li jitqies skont il-ħtieġa, f’ċirkostanzi speċifiċi, għal azzjoni urġenti mill-ESMA. Meta azzjoni urġenti skont l-Artikolu 64(2) tar-Regolament (UE) 2023/2631 tkun iġġustifikata, id-dritt ta’ difiża tal-persuna soġġetta għall-investigazzjoni jenħtieġ li ma jkunx ta’ impediment għall-ESMA milli tieħu miżuri urġenti. F’każ bħal dan, biex tiġi evitata ħsara sinifikanti u imminenti fis-sistema finanzjarja, jenħtieġ li l-ESMA tkun tista’ tadotta deċiżjoni interim mingħajr ma tagħti lill-persuna soġġetta għall-investigazzjoni l-opportunità li tagħmel sottomissjonijiet. L-ESMA jenħtieġ li tagħti lill-persuna l-opportunità li tinstema’ mill-aktar fis possibbli wara li tadotta d-deċiżjoni interim u qabel ma tiġi adottata deċiżjoni konfermatorja.

(5)

Is-setgħa tal-ESMA li timponi pagament perjodiku ta’ penali jenħtieġ li tiġi eżerċitata b’kunsiderazzjoni xierqa għad-dritt tad-difiża u jenħtieġ li ma tinżammx aktar mill-perjodu meħtieġ. Meta l-ESMA tiddeċiedi li timponi pagament perjodiku ta’ penali, il-persuna kkonċernata jenħtieġ għalhekk li tingħata l-opportunità li tinstema’ u kwalunkwe pagament ta’ penali jenħtieġ li ma jibqax dovut mill-mument li l-persuna kkonċernata tikkonforma mad-deċiżjoni li l-ESMA tkun indirizzat lil din il-persuna.

(6)

Il-fajls ippreparati mill-ESMA u mill-uffiċjal tal-investigazzjoni fihom informazzjoni li hija indispensabbli għall-persuna kkonċernata fit-tħejjija għal proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi. Wara li persuna soġġetta għal investigazzjoni tkun irċeviet in-notifika tad-dikjarazzjoni tas-sejbiet mill-uffiċjal tal-investigazzjoni jew mill-ESMA, din il-persuna jenħtieġ li għalhekk tkun intitolata li jkollha aċċess għall-fajl, soġġett għall-interess leġittimu ta’ persuni oħrajn li jipproteġu s-sigrieti kummerċjali tagħhom. L-użu tad-dokumenti tal-fajls aċċessati jenħtieġ li jkun permess biss għal proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi fir-rigward ta’ ksur tar-Regolament (UE) 2023/2631.

(7)

Kemm is-setgħa li jiġu imposti multi kif ukoll il-pagamenti perjodiċi ta’ penali u s-setgħa li jiġu infurzati multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali jenħtieġ li jiġu eżerċitati fi ħdan żmien raġonevoli, u għalhekk jkunu soġġetti għal perjodu ta’ preskrizzjoni. Għal raġunijiet ta’ konsistenza, il-perjodi ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni u l-infurzar ta’ multi jew pagamenti perjodiċi ta’ penali jenħtieġ li jqisu l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni applikabbli għall-impożizzjoni u l-infurzar ta’ penali fuq entitajiet taħt superviżjoni u l-esperjenza tal-ESMA fl-applikazzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni.

(8)

Sabiex l-ESMA tiżgura s-salvagwardja tal-multi u tal-penali perjodiċi miġbura, jenħtieġ li l-ESMA tiddepożita l-ammonti li tirċievi minn dawn il-multi u l-penali perjodiċi f’kontijiet bl-imgħax li jinfetħu esklussivament għal multa unika jew għal pagament perjodiku ta’ penali. Bħala kwistjoni ta’ prudenza baġitarja, l-ESMA jenħtieġ li tittrasferixxi biss l-ammonti lill-Kummissjoni ladarba d-deċiżjonijiet ikunu finali minħabba li d-drittijiet ta’ appell ikunu ġew eżawriti jew skadew,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Regoli ta’ proċedura fi proċedimenti ta’ ksur quddiem l-uffiċjal tal-investigazzjoni

1.   Meta titlesta investigazzjoni dwar fatti li jistgħu jikkostitwixxu ksur wieħed jew aktar minn dawk elenkati fl-Artikolu 60(1) tar-Regolament (UE) 2023/2631 u qabel ma jissottometti l-fajl tiegħu lill-ESMA, (“dikjarazzjoni tas-sejbiet”), l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jinforma bil-miktub lill-persuna soġġetta għal investigazzjoni dwar is-sejbiet tiegħu u għandu jagħti lil din il-persuna l-opportunità li tagħmel sottomissjonijiet bil-miktub skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

2.   L-abbozz tad-dikjarazzjoni tas-sejbiet għandu jistabbilixxi l-fatti li jistgħu jikkostitwixxu ksur wieħed jew aktar elenkati fl-Artikolu 60(1) tar-Regolament (UE) 2023/2631, u għandu jkollu valutazzjoni tan-natura u tas-serjetà ta’ dawn il-fatti, abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 59(3) ta’ dan ir-Regolament.

3.   L-abbozz tad-dikjarazzjoni tas-sejbiet għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien raġonevoli ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat li matulu l-persuna soġġetta għal investigazzjoni tista’ tagħmel is-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha. L-uffiċjal ta’ investigazzjoni ma għandux ikun obbligat iqis sottomissjonijiet bil-miktub li jaslu wara l-iskadenza ta’ dan il-limitu ta’ żmien.

4.   Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, il-persuni soġġetti għal investigazzjoni jistgħu jistabbilixxu l-fatti kollha li jkunu rilevanti għad-difiża tagħhom, u għandhom, meta possibbli, jehmżu dokumenti bħala prova ta’ dawn il-fatti. Il-persuni soġġetti għal investigazzjoni jistgħu jipproponu li l-uffiċjal tal-investigazzjoni jisma’ persuni oħrajn li jistgħu jikkorroboraw il-fatti stabbiliti fis-sottomissjonijiet ttagħhom. Il-persuni soġġetti għal investigazzjoni jistgħu jiġu megħjuna minn avukat tal-għażla tagħhom fit-tħejjija tas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom.

5.   L-uffiċjal tal-investigazzjoni jista’ jistieden persuni soġġetti għal investigazzjoni li jkun ġie indirizzat lilhom abbozz tad-dikjarazzjoni tas-sejbiet kif imsemmi fil-paragrafu 1 biex jattendu seduta orali. Il-persuni soġġetti għal investigazzjoni jistgħu jiġu assistiti minn avukat tal-għażla tagħhom. Seduti orali ma għandhomx ikunu miftuħa għall-pubbliku.

6.   L-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jibgħat id-dikjarazzjoni ffinalizzata tas-sejbiet lill-persuna soġġetta għal investigazzjoni.

Artikolu 2

Regoli ta’ proċedura li għandhom jiġu segwiti mill-ESMA fir-rigward ta’ multi u miżuri superviżorji

1.   L-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jissottometti d-dokumenti li ġejjin lill-ESMA:

(a)

id-dikjarazzjoni tas-sejbiet u kopja tagħha indirizzata li l-uffiċjal tal-investigazzjoni indirizzza lill-persuna soġġetta għall-investigazzjoni;

(b)

kopja tas-sottomissjonijiet bil-miktub mill-persuna soġġetta għall-investigazzjoni;

(c)

il-minuti ta’ kwalunkwe seduta orali.

2.   Meta fajl ma jkunx komplut, l-ESMA għandha tagħmel talba motivata għal dokumenti addizzjonali lill-uffiċjal tal-investigazzjoni.

3.   Meta l-ESMA tqis li l-fatti deskritti fid-dikjarazzjoni tas-sejbiet tal-uffiċjal tal-investigazzjoni ma jikkostitwixxux ksur wieħed jew aktar kif elenkati fl-Artikolu 60(1) tar-Regolament (UE) 2023/2631, hija għandha tiddeċiedi li tagħlaq il-każ. L-ESMA għandha tinnotifika din id-deċiżjoni li tagħlaq il-każ lill-persuna soġġetta għall-investigazzjoni.

4.   Meta l-ESMA taqbel mas-sejbiet kollha tal-uffiċjal tal-investigazzjoni jew ma’ xi wħud minnhom, din għandha tinforma lill-persuna soġġetta għal investigazzjoni dwar dan. Tali komunikazzjoni għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien ta’ mill-inqas ġimagħtejn f’każ li l-ESMA taqbel mas-sejbiet kollha tal-uffiċjal tal-investigazzjoni, u mill-inqas erba’ ġimgħat f’każ li l-ESMA ma taqbilx ma’ xi wħud mis-sejbiet, f’liema perjodu l-persuna soġġetta għal investigazzjoni tista’ tagħmel sottomissjonijiet bil-miktub. L-ESMA ma għandhiex tkun obbligata tqis sottomissjonijiet bil-miktub li jkunu waslu wara l-iskadenza ta’ dan il-limitu ta’ żmien.

5.   L-ESMA tista’ tistieden lill-persuna soġġetta għal investigazzjoni li d-dikjarazzjoni tas-sejbiet kienet indirizzata lilha biex tattendi seduta orali. Il-persuna soġġetta għal investigazzjoni tista’ tiġi assistita minn avukat tal-għażla tagħha. Seduti orali ma għandhomx ikunu miftuħa għall-pubbliku.

6.   Meta l-ESMA tiddeċiedi li persuna soġġetta għal investigazzjoni tkun wettqet wieħed jew aktar mit-tipi ta’ ksur elenkati fl-Artikolu 60(1) tar-Regolament (UE) 2023/2631 u tkun adottat deċiżjoni li timponi multa f’konformità mal-Artikolu 60 ta’ dan ir-Regolament, hija għandha tinnotifika minnufih din id-deċiżjoni lill-persuna li tiġi imposta fuqha multa.

Artikolu 3

Regoli ta’ proċedura fi proċedimenti ta’ ksur li għandhom jiġu segwiti mill-ESMA fir-rigward ta’ pagamenti perjodiċi ta’ penali

1.   Qabel ma timponi pagament perjodiku ta’ penali skont l-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) 2023/2631, l-ESMA għandha tipprovdi lill-persuna soġġetta għall-proċedimenti b’dikjarazzjoni tas-sejbiet li tistabbilixxi r-raġunijiet għall-impożizzjoni ta’ dan il-pagament perjodiku ta’ penali u tiddikjara l-ammont tal-pagament perjodiku ta’ penali għal kull jum ta’ nuqqas ta’ konformità. Id-dikjarazzjoni għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien raġonevoli ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat li matulu l-persuna soġġetta għall-proċedimenti tista’ tagħmel sottomissjonijiet bil-miktub. L-ESMA ma għandhiex tkun obbligata tqis sottomissjonijiet bil-miktub li jkunu waslu wara l-iskadenza ta’ dan il-limitu ta’ żmien.

2.   L-ESMA tista’ tistieden lill-persuna soġġetta għall-proċedimenti biex tattendi seduta ta’ seduta orali. Il-persuna soġġetta għall-proċedimenti tista’ tiġi assistita minn avukat tal-għażla tagħha. Seduti orali ma għandhomx ikunu miftuħa għall-pubbliku.

3.   Deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 61(1) tar-Regolament (UE) 2023/2631 għandha tindika l-bażi ġuridika u r-raġunijiet għad-deċiżjoni, l-ammont u d-data tal-bidu tal-pagament perjodiku ta’ penali.

4.   L-ESMA ma għandhiex tibqa’ timponi pagament perjodiku ta’ penali ladarba r-rieżaminatur estern jew il-persuna soġġetta għall-proċedimenti tkun ikkonformat mad-deċiżjoni rilevanti msemmija fl-Artikolu 61(1) tar-Regolament (UE) 2023/2631.

Artikolu 4

Regoli ta’ proċedura li għandhom jiġu segwiti mill-ESMA fir-rigward ta’ deċiżjonjiet interim dwar miżuri superviżorji

1.   Meta l-ESMA tkun adottat deċiżjoni interim kif imsemmi fl-Artikolu 64(2) tar-Regolament (UE) 2023/2631, din għandha tinnotifika minnufih dik id-deċiżjoni interim lill-persuna soġġetta għaliha. L-ESMA għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien raġonevoli ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat li matulu l-persuna soġġetta għad-deċiżjoni interim tkun tista’ tagħmel sottomissjonijiet bil-miktub dwar din id-deċiżjoni. L-ESMA ma għandhiex tkun obbligata tqis sottomissjonijiet bil-miktub li jkunu waslu wara l-iskadenza ta’ dan il-limitu ta’ żmien.

2.   Fuq talba, l-ESMA għandha tagħti aċċess għall-fajl lill-persuna soġġetta għad-deċiżjoni interim. Id-dokumenti tal-fajl aċċessati għandhom jintużaw biss għall-iskopijiet tal-proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi li jikkonċernaw l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/2631.

3.   L-ESMA tista’ tistieden lill-persuna soġġetta għad-deċiżjoni interim biex tattendi seduta orali. Il-persuni soġġetti għad-deċiżjoni interim jistgħu jiġu assistiti minn avukat tal-għażla tagħhom. Seduti orali ma għandhomx ikunu miftuħa għall-pubbliku.

4.   L-ESMA għandha tieħu deċiżjoni finali kif imsemmi fl-Artikoli 59(1), 60(1) u 61(1) tar-Regolament (UE) 2023/2631 mill-aktar fis possibbli wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni interim. Meta l-ESMA tqis, wara li tkun semgħet lill-persuna soġġetta għad-deċiżjoni interim, li l-persuna soġġetta għad-deċiżjoni interim tkun wettqet ksur kif elenkat fl-Artikolu 60(1) tar-Regolament (UE) 2023/2631, hija għandha tadotta deċiżjoni konfermatorja li timponi waħda jew aktar mill-miżuri superviżorji stabbiliti fl-Artikolu 59 ta’ dak ir-Regolament. L-ESMA għandha tinnotifika minnufih din id-deċiżjoni konfermatorja lill-persuna soġġetta għad-deċiżjoni interim.

Meta l-ESMA tadotta deċiżjoni finali li ma tikkonfermax id-deċiżjoni interim, għandu jitqies li d-deċiżjoni interim tiġi mħassra.

Artikolu 5

Aċċess għall-fajl u użu tad-dokumenti

1.   Fuq talba, l-ESMA għandha tagħti aċċess għall-fajl lill-persuna soġġetta għall-investigazzjoni li l-uffiċjal tal-investigazzjoni jew l-ESMA tkun bagħtitilha dikjarazzjoni tas-sejbiet. L-ESMA għandha tagħti dan l-aċċess wara n-notifika ta’ kull dikjarazzjoni tas-sejbiet.

2.   Id-dokumenti tal-fajl aċċessati għandhom jintużaw mill-persuna msemmija fil-paragrafu 1 biss għall-finijiet ta’ proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi li jikkonċernaw l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/2631.

Artikolu 6

Perjodi ta’ preskrizzjoni biex jiġu imposti multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali

1.   Il-multi u l-pagamenti perjodiċi ta’ penali fuq ir-rieżaminaturi esterni u persuni oħrajn soġġetti għal investigazzjoni għandhom ikunu soġġetti għal perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin.

2.   Il-perjodu ta’ preskrizzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jibda fil-jum ta’ wara dak li fih jitwettaq il-ksur. Fil-każ ta’ ksur kontinwu jew ripetut, dak il-perjodu ta’ preskrizzjoni għandu jibda mill-jum li fih jieqaf il-ksur.

3.   Kwalunkwe azzjoni li l-ESMA tieħu għall-finijiet tal-investigazzjoni jew tal-proċedimenti fir-rigward ta’ ksur elenkat fl-Artikolu 60(1) tar-Regolament (UE) 2023/2631 għandha tinterrompi l-perjodu ta’ limitazzjoni għall-impożizzjoni ta’ multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali. Dak il-perjodu ta’ preskrizzjoni għandu jiġi interrott b’effett mid-data li fiha l-azzjoni tiġi nnotifikata lir-rieżaminatur estern jew lill-persuna soġġetta għall-investigazzjoni fir-rigward ta’ ksur tar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 60(1) tar-Regolament (UE) 2023/2631.

4.   Kull interruzzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 3 għandha tibda perjodu ta’ preskrizzjoni ġdid kif imsemmi fil-paragrafu 1. Dan il-perjodu ta’ preskrizzjoni ġdid għandu jiskadi mhux aktar tard mill-jum li fih ikun għadda perjodu ugwali għad-doppju tal-perjodu ta’ preskrizzjoni oriġinali mingħajr ma l-ESMA tkun imponiet multa jew pagament perjodiku ta’ penali. Dan il-perjodu għandu jiġi estiż biż-żmien li matulu l-perjodu ta’ limitazzjoni jkun ġie sospiż skont il-paragrafu 5.

5.   Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta’ multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali għandu jiġi sospiż sakemm id-deċiżjoni tal-ESMA tkun soġġetta għal proċedimenti pendenti quddiem il-Bord tal-Appell imsemmi fl-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), jew tkun soġġetta għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja f’konformità mal-Artikolu 65 tar-Regolament (UE) 2023/2631.

Artikolu 7

Perjodi ta’ preskrizzjoni għall-infurzar ta’ penali

1.   Is-setgħa tal-ESMA li tinforza deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikoli 60 u 61 tar-Regolament (UE) 2023/2631 għandha tkun soġġetta għal perjodu ta’ limitazzjoni ta’ ħames snin.

2.   Il-perjodu ta’ preskrizzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi kkalkulat mill-jum wara dak li fih d-deċiżjoni ssir finali.

3.   Il-perjodu ta’ limitazzjoni għall-infurzar tal-penali għandu jiġi interrott minn kwalunkwe azzjoni tal-ESMA mfassla biex tinforza pagament jew termini u kundizzjonijiet għall-pagament tal-multa jew tal-pagament perjodiku ta’ penali.

4.   Kull interruzzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 3 għandha tibda perjodu ta’ preskrizzjoni ġdid kif imsemmi fil-paragrafu 1.

5.   Il-perjodu ta’ limitazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi sospiż sakemm:

(a)

huwa permess iż-żmien għall-ħlas;

(b)

l-infurzar tal-pagament jiġi sospiż skont deċiżjoni pendenti tal-Bord tal-Appell tal-ESMA, f’konformità mal-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, f’konformità mal-Artikolu 65 tar-Regolament (UE) 2023/2631.

Artikolu 8

Ġbir ta’ multi u ħlasijiet perjodiċi ta’ penali

1.   L-ESMA għandha tiddepożita l-ammonti ta’ multi u ta’ pagamenti perjodiċi ta’ penali f’kont bl-imgħax li jinfetaħ mill-ESMA sakemm dawn il-multi u l-pagamenti ta’ penali jsiru finali. F’każ ta’ diversi multi jew pagamenti perjodiċi ta’ penali miġbura mill-ESMA b’mod parallel, l-ESMA għandha tiżgura li dawn dawn il-multi u l-pagamenti ta’ penali jiġu ddepożitati f’kontijiet jew f’subkontijiet differenti. Il-multi u l-pagamenti perjodiċi ta’ penali mħallsa ma għandhomx jiddaħħlu fil-baġit tal-ESMA u ma għandhomx jiġu rreġistrati bħala ammonti baġitarji.

2.   Ladarba l-ESMA tkun stabbiliet li l-multi jew il-pagamenti perjodiċi ta’ penali jkunu saru finali wara li jkunu ġew eżawriti d-drittijiet kollha ta’ appell, l-ESMA għandha tittrasferixxi dawn l-ammonti u l-imgħax potenzjali dovuti lill-Kummissjoni. Dawn l-ammonti għandhom imbagħad jiddaħħlu fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   L-ESMA għandha tirrapporta fuq bażi regolari lill-Kummissjoni dwar l-ammonti ta’ multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali imposti u l-istatus tagħhom.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ u japplika fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ April 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L, 2023/2631, 30.11.2023, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2023/2631/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2010/1095/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/754/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)