European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/689

7.4.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/689

tal-4 ta’ April 2025

li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 359/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 359/2011 tat-12 ta’ April 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ April 2011, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 359/2011.

(2)

Abbażi ta’ rieżami tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/235/PESK (2), il-Kunsill jikkunsidra li jenħtieġ li l-miżuri restrittivi stipulati fiha jiġġeddu sat-13 ta’ April 2026.

(3)

Il-Kunsill ikkonkluda li jenħtieġ li l-entrati li jikkonċernaw żewġ persuni mniżżla fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 359/2011 jitneħħew u li jenħtieġ li l-entrati li jikkonċernaw 20 persuna jiġu aġġornati.

(4)

Għalhekk jenħtieġ li l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 359/2011 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 359/2011 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ April 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

A. SZŁAPKA


(1)   ĠU L 100, 14.4.2011, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/359/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/235/PESK tat-12 ta’ April 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran (ĠU L 100, 14.4.2011, p. 51, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/235/oj).


ANNESS

L-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 359/2011 (“Lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 2(1)”) huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-lista intitolata “Persuni”, jitħassru l-entrati 68 (dwar RAMIN Mohammad-Ali) u 169 (dwar NILFRUSHAN Abbas Mortaza);

(2)

fil-lista intitolata “Persuni”, l-entrati għall-20 persuna li ġejjin huma sostitwiti b’dan li ġej:

Persuni

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“23.

PIR-ABASSI Abbas

Sess: raġel

Funzjoni: Imħallef fil-Kumpless Ġudizzjarju ta’ Shahid Muftah; eks maġistrat ta’ awla kriminali, eks imħallef, il-Qorti Rivoluzzjonarja ta’ Tehran, il-fergħa 26.

Imħallef fil-Kumpless Ġudizzjarju ta’ Shahid Muftah. Eks maġistrat ta’ awla kriminali. Eks imħallef, il-Qorti Rivoluzzjonarja ta’ Tehran, il-fergħa 26. Huwa kien inkarigat bil-każijiet ta’ wara l-elezzjoni. Ħareġ sentenzi ta’ priġunerija fit-tul matul proċessi inġusti kontra attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u bosta pieni tal-mewt għal dimostranti.

12.4.2011

29.

BOZORGNIA Mostafa

Sess: raġel

Funzjoni: Kap tas-sala 350 tal-Ħabs ta’ Evin

Kap tas-sala 350 tal-Ħabs ta’ Evin, magħruf bħala l-post ta’ priġunerija tal-priġunieri politiċi tar-reġim u magħruf għall-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni partikolarment ħżiena tiegħu. F’diversi okkażjonijiet huwa uża vjolenza sproporzjonata fuq il-priġunieri.

12.4.2011

33.

ABBASZADEH- MESHKINI, Mahmoud

Sess: raġel

Membru tal-Parlament minn Frar 2020 sal-2024 u Kelliem tal-Kumitat tal-Parlament għas-Sigurtà Nazzjonali u l-Affarijiet Barranin li jkompli jappoġġa r-reġim Iranjan, inkluż billi jiġġustifika l-abbużi mwettqa mir-reġim kontra l-moviment ‘Nisa, Ħajja, Libertà’.

Konsulent għall-Kunsill Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Iran (sal-2019). Eks segretarju tal-Kunsill Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem. Eks Gvernatur tal-Provinċja ta’ Ilam. Eks Direttur Politiku tal-Ministeru għall-Intern. Bħala Kap tal-Kumitat tal-Artikolu 10 tal-Liġi dwar Attivitajiet ta’ Partiti u Gruppi Politiċi, huwa kien jieħu ħsieb l-awtorizzazzjoni ta’ dimostrazzjonijiet u avvenimenti pubbliċi oħra u r-reġistrazzjoni ta’ partiti politiċi.

Fl-2010, huwa ssospenda l-attivitajiet ta’ żewġ partiti politiċi riformisti marbuta ma’ Mir-Hossein Mousavi – l-Islamic Iran Participation Front u l-Islamic Revolution Mujahedeen Organisation. Mill-2009 ’l quddiem, ipprojbixxa b’mod konsistenti u kontinwu l-laqgħat kollha mhux governattivi, u b’hekk ċaħħad id-dritt kostituzzjonali għall-protesta u kkawża ħafna arresti ta’ dimostranti paċifiċi bi ksur tad-dritt għal-libertà ta’ assemblea.

Fl-2009, huwa rrifjuta wkoll li joħroġ permess għal ċerimonja biex l-oppożizzjoni tibki t-telfa tan-nies maqtula fi protesti matul l-elezzjonijiet presidenzjali.

10.10.2011

40.

HABIBI Mohammad Reza

Sess: raġel

Funzjoni: Prim Imħallef ta’ Isfahan, eks Avukat Ġenerali ta’ Isfahan; eks Deputat Prosekutur ta’ Isfahan; eks Kap tal-uffiċċju f’Yazd tal-Ministeru għall-Ġustizzja

Prim Imħallef ta’ Isfahan, eks Avukat Ġenerali ta’ Isfahan, eks Viċi Prosekutur ta’ Isfahan u eks Kap tal-uffiċċju f’Yazd tal-Ministeru għall-Ġustizzja. Fid-diversi rwoli tiegħu fil-ġudikaturi ta’ Isfahan u Yazd, inkluż fir-rwol attwali tiegħu bħala Prim Imħallef ta’ Isfahan, huwa pparteċipa direttament u huwa responsabbli għall-ksur tad-drittijiet taċ-ċittadini, b’mod partikolari d-dritt għal-libertà tal-kelma, id-dritt għall-protesta, id-dritt għall-ħajja u l-ksur tal-projbizzjoni fuq it-tortura. Mohammad Reza Habibi kellu wkoll rwol dirett fis-soppressjoni u l-ksur serju tad-dritt għall-protesta matul il-protesti fil-pajjiż kollu f’Jannar 2017 u Novembru 2019. Għalhekk, fir-rwol tiegħu bħala Prim Imħallef ta’ Isfahan, huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

10.10.2011

46.

KAMALIAN Behrouz

(magħruf ukoll bħala: Hackers Brain, Behrooz_Ice)

Post tat-twelid: Tehran (Iran)

Data tat-twelid: 1983

Sess: raġel

Funzjoni: Kap taċ-ċibergrupp ‘Ashiyaneh’

Kap taċ-ċibergrupp ‘Ashiyaneh’ b’rabta mar-reġim Iranjan. ‘Ashiyaneh’ Digital Security, imwaqqfa minn Behrouz Kamalian hija responsabbli għal attakki ċibernetiċi intensivi kemm fuq opponenti u riformisti domestiċi kif ukoll istituzzjonijiet barranin. Il-ħidma tal-organizzazzjoni ‘Ashiyaneh’ ta’ Kamalian għenet lir-reġim fir-repressjoni tal-oppożizzjoni, li kienet tinvolvi ħafna istanzi ta’ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem.

10.10.2011

48.

MAHSOULI Sadeq

(magħruf ukoll bħala: MAHSULI, Sadeq)

Post tat-twelid: Oroumieh (Iran)

Data tat-twelid: 1959/1960

Sess: raġel

Funzjoni: Segretarju Ġenerali (u eks Deputat Segretarju Ġenerali) tal-Front Paydari (Front tal-Istabbiltà Iżlamika)

Segretarju Ġenerali tal-Front Paydari (Front tal-Istabbiltà Iżlamika) mill-2021 u Viċi Segretarju Ġenerali tal-Front Paydari qabel l-2021. Il-Front Paydari ilu żmien twil attiv fil-prattiki ta’ manipulazzjoni tal-istat, fl-infiltrazzjoni tal-istituzzjonijiet u fl-indottrinazzjoni tal-Islamic Revolutionary Guard Corps (IRGC). Wara l-moviment Nisa, Ħajja, Libertà, varat f’Settembru 2022, il-Front Paydari, kellu rwol kritiku taħt it-tmexxija ta’ Mahsouli biex jgħaddi l-liġijiet ħorox tal-ħiġab u tal-kastità.

Mahsouli huwa eks konsulent tal-Eks President Mahmoud Ahmadinejad. Huwa wkoll eks membru tal-Kunsill ta’ Espedjenza u eks Viċi Kap tal-Front ta’ Perseveranza. Huwa kien Ministru għall-Benesseri u s-Sigurtà Soċjali bejn l-2009 u l-2011 u Ministru għall-Intern sa Awwissu 2009. Bħala Ministru għall-Intern, Mahsouli kellu awtorità fuq il-forzi tal-pulizija, l-aġenti tas-sigurtà tal-Ministeru għall-Intern, u l-aġenti pajżana kollha. Il-forzi taħt it-tmexxija tiegħu kienu responsabbli għall-attakki fuq id-dormitorji tal-Università ta’ Tehran fl-14 ta’ Ġunju 2009 u t-tortura tal-istudenti fil-kantina tal-Ministeru (il-livell ta’ taħt l-art magħruf nru 4). Dimostranti oħrajn ġew abbużati b’mod sever fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni ta’ Kahrizak, li kien operat mill-pulizija taħt il-kontroll ta’ Mahsouli.

10.10.2011

54.

TAMADDON Morteza

(magħruf ukoll bħala: TAMADON Morteza)

Post tat-twelid: Shahr Kord-Isfahan (Iran)

Data tat-twelid: 1959

Sess: raġel

Funzjoni: Membru tal-bord fl-Università għat-Teknoloġija Khajeh Nasireddin Tusi; eks Kap tal-Kunsill tas-Sigurtà Pubblika provinċjali ta’ Tehran. Eks Gvernatur Ġenerali tal-IRGC tal-Provinċja ta’ Tehran.

Politiku assoċjat mill-qrib mal-eks President Iranjan Ahmadinejad. Membru tal-bord fl-Università għat-Teknoloġija Khajeh Nasireddin Tusi. Eks Kap tal-Kunsill tas-Sigurtà Pubblika provinċjali ta’ Tehran. Eks Gvernatur Ġenerali tal-IRGC tal-Provinċja ta’ Tehran. Fil-kapaċità tiegħu bħala Gvernatur u Kap tal-Kunsill tas-Sigurtà Pubblika provinċjali ta’ Tehran, kellu r-responsabbiltà ġenerali għall-attivitajiet kollha ta’ repressjoni li saru mill-IRGC fil-Provinċja ta’ Tehran, inkluż ir-repressjoni ta’ protesti politiċi minn Ġunju 2009.

10.10.2011

57.

HAJMOHAM- MADI Aziz

(magħruf ukoll bħala Aziz Hajmohammadi, Noorollah Azizmohammadi)

Post tat-twelid: Tehran (Iran)

Data tat-twelid: 1948

Sess: raġel

Funzjoni: Avukat f’Tehran mill-2020; eks imħallef fil-fergħa 71 tal-Qorti Kriminali tal-Provinċja ta’ Tehran.

Avukat f’Tehran mill-2020. Eks imħallef fil-fergħa 71 tal-Qorti Kriminali tal-Provinċja ta’ Tehran. Matul il-ħidma tiegħu fil-ġudikatura sa mill-1971, huwa kien involut f’diversi proċessi ta’ dimostranti, inkluż dak ta’ Abdol-Reza Ghanbari, għalliem arrestat f’Jannar 2010 u kkundannat għall-mewt għall-attivitajiet politiċi tiegħu. Huwa għandu rekord ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-ħruġ ta’ sentenzi inumani, pieni tal-mewt u sentenzi ta’ ħabs għal priġunieri politiċi.

10.10.2011

58.

BAGHERI Mohammad-Bagher

Data tat-twelid: 1941

Sess: raġel

Funzjoni: Viċi Kap tal-Ġudikatura għall-Affarijiet Internazzjonali u Segretarju tal-Persunal tad-Drittijiet tal-Bniedem

Fl-2019, Mohammad-Bagher Bagheri nħatar Viċi Kap tal-Ġudikatura għall-Affarijiet Internazzjonali u Segretarju tal-Persunal tad-Drittijiet tal-Bniedem, minflok Mohammad Javad Larijani f’din il-pożizzjoni b’digriet ta’ Ebrahim Raisi. Huwa kien imħallef fil-Qorti Suprema bejn Diċembru 2015 u l-2019. Eks viċi president tal-amministrazzjoni ġudizzjarja tal-provinċja ta’ South Khorasan, responsabbli għall-prevenzjoni tal-kriminalità. Minbarra li f’Ġunju 2011 irrikonoxxa 140 eżekuzzjoni għal reati li jġorru l-piena tal-mewt bejn Marzu 2010 u Marzu 2011, huwa rrappurtat li twettqu approssimament 100 eżekuzzjoni oħra fl-istess perjodu u fl-istess provinċja ta’ South Khorasan, mingħajr ma ġew infurmati l-familji jew l-avukati ta’ dawk eżekutati. Għaldaqstant huwa kompliċi fi ksur gravi tad-dritt għal proċess ġust u kkontribwixxa għal għadd kbir ta’ pieni tal-mewt.

10.10.2011

73.

FARHADI Ali

Sess: raġel

Funzjoni: Kap tal-Organizzazzjoni Penali tal-Gvern; eks Viċi Kap tal-Ispettorat tal-Affarijiet Legali u l-Ispezzjoni Pubblika tal-Ministeru għall-Ġustizzja ta’ Tehran ekx prokuratur ta’ Karaj

Fl-2024, Ali Farhadi nħatar mill-Ministru għall-Ġustizzja Iranjan bħala kap tal-Organizzazzjoni Penali tal-Gvern, li hija organizzazzjoni li ma għandhiex imparzjalità u li ma tirrispettax id-drittijiet taċ-ċittadini. Eks Viċi Kap tal-Ispettorat tal-Affarijiet Legali u l-Ispezzjoni Pubblika tal-Ministeru għall-Ġustizzja ta’ Tehran. Eks prosekutur ta’ Karaj. Responsabbli għal ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż prosekuzzjonijiet ta’ proċessi fejn ingħatat il-piena tal-mewt. Kien hemm għadd kbir ta’ eżekuzzjonijiet fir-reġjun ta’ Karaj matul il-mandat tiegħu bħala prosekutur.

23.3.2012

79.

RASHIDI AGHDAM, Ali Ashraf

Sess: raġel

Funzjoni: Viċi Direttur tal-Health, Correction and Education for Tehran Prisons (Saħħa, Korrezzjoni u Edukazzjoni għall-Ħabsijiet ta’ Tehran; eks kap tal-Ħabs ta’ Evin u l-Ħabs ta’ Diesel Abad f’Kermanshah

Viċi Direttur tal-Health, Correction and Education for Tehran Prisons mill-2015. Eks kap tal-Ħabs ta’ Evin (2012-2015) u l-Ħabs ta’ Diesel Abad f’Kermanshah. Matul il-kariga tiegħu, il-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet iddeterjoraw u r-rapporti semmew trattament ħażin intensifikat tal-priġunieri. F’Ottubru 2012, disa’ priġunieri nisa għamlu strajk tal-ġuħ fil-Ħabs ta’ Evin bi protesta għall-ksur tad-drittijiet tagħhom u t-trattament vjolenti tagħhom mill-gwardjani tal-ħabs.

12.3.2013

107.

VAHIDI Ahmad

وحیدى احمد

Post tat-twelid: Shiraz (Iran)

Data tat-twelid: 27.7.1958

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Pożizzjoni: Ministru għall-Intern

Funzjoni: Membru tal-Kunsill ta’ Espedjenza; eks Ministru għall-Intern

Ahmad Vahidi nħatar membru tal-Kunsill ta’ Espedjenza għal mandat ta’ ħames snin fit-22 ta’ Settembru 2022. Huwa kien il-Ministru Iranjan għall-Intern mill-25 ta’ Awwissu 2021 sal-2024. Bħali tali, kien responsabbli għal-Law Enforcement Forces tal-Iran (LEF).

Matul il-mandat tiegħu, għadd bla preċedent ta’ uffiċjali militari u ta’ sigurtà nħatru gvernaturi provinċjali li għad għandhom rwoli ewlenin fil-koordinazzjoni ta’ attivitajiet ta’ kontroll tal-folol mill-forzi speċjali tal-pulizija, il-milizzja Basij u l-Islamic Revolutionary Guard Corps (IRGC).

Ksur sfaċċat u serju tad-drittijiet tal-bniedem mil-LEF, bħal sparar indiskriminat b’munizzjon attiv fuq dimostranti paċifiċi, inkluż tfal, ġie ddokumentat b’mod mifrux minn mindu bdew il-protesti dwar il-mewt ta’ Mahsa Amini f’nofs Settembru 2022. Aktar minn 70 dimostrant mietu u mijiet sfaw midruba serjament, inkluż tfal. Sa mill-bidu tad-dimostrazzjonijiet, il-forzi tal-pulizija ddetenew ukoll b’mod arbitrarju bosta difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ġurnalisti. Vahidi ppromwova wkoll pubblikament approċċ aħrax lejn persuni li jipparteċipaw fid-dimostrazzjonijiet.

Għalhekk iġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

14.11.2022

125.

MOHAMMADIAN Abbas-Ali

محمدیان عباس-علی

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Funzjoni: Kmandant tal-Pulizija ta’ Greater Tehran; eks kap tal-Law Enforcement Forces (LEF) tal-Iran fil-provinċja ta’ Alborz (Karaj)

Abbas-Ali Mohammadian ilu l-kmandant tal-pulizija ta’ Greater Tehran minn Jannar 2023. Huwa l-eks kap tal-Law Enforcement Forces (LEF) tal-Iran fil-provinċja ta’ Alborz (Karaj), kariga li kellu mill-2017 sal-2023.

Alborz (Karaj) hija provinċja fejn ilhom iseħħu dimostrazzjonijiet kbar minn Settembru 2022 li ntlaqgħu bi vjolenza eċċessiva mill-pulizija. Il-forzi tas-sigurtà spiss sparaw direttament fuq dimostranti paċifiċi, u dan wassal għal ħafna mwiet, fosthom tfal.

Bħala kmandant tal-pulizija ta’ Greater Tehran, huwa responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ politiki li jiksru d-drittijiet tan-nisa.

Bħala eks kap tal-LEF fil-provinċja ta’ Alborz (Karaj) u l-kmandant attwali tal-pulizija ta’ Greater Tehran, Abbas-Ali Mohammadian huwa għalhekk responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

14.11.2022

140.

MIRAHMADI Seyyed Majid

مجید سید میراحمدى

Post tat-twelid: Iran

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Grad: Brigadier Ġeneral

Funzjoni: Kap tal-Kwartieri Ġenerali Ċentrali ta’ Arbaeen; eks Viċi Ministru għall-Intern tal-Iran

Il-Brigadier Ġeneral Seyyed Majid Mirahmadi huwa l-kap tal-Kwartieri Ġenerali Ċentrali ta’ Arbaeen - kariga tradizzjonalment okkupata minn membri tal-forzi tas-sigurtà. Kien il-Viċi Ministru tal-Iran għall-Intern sal-2024, responsabbli għas-sorveljanza tal-forzi tas-sigurtà u tal-pulizija tal-Iran, atturi li huma involuti fil-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

Il-forzi tas-sigurtà u l-forzi tal-pulizija tal-Iran qed irażżnu l-protesti b’mod vjolenti, jisparaw direttament fuq id-dimostranti paċifiċi u jarrestaw b’mod arbitrarju lil persuni mingħajr ma jagħtu każ id-drittijiet tal-bniedem tagħhom.

Fid-dikjarazzjonijiet tiegħu, Mirahmadi jirreferi għall-protesti bħala rvellijiet li għandhom jintemmu, u jikkriminalizza u jhedded lil dawk li jipparteċipaw fi protesti paċifiċi. Huwa personalment qed jaħbi wkoll il-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mill-forzi taħt l-awtorità tiegħu, pereżempju, billi jgħid li d-dimostranta ta’ 16-il sena Nika Shakrami wettqet suwiċidju. Ir-rapporti jindikaw li huwa ferm probabbli li mietet f’idejn il-forzi tas-sigurtà.

Għalhekk iġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

12.12.2022

145.

KARIMI Mohsen

محصن کریمی

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Grad: Brigadier Ġeneral

Funzjoni: Konsulent Għoli għall-Kmandant tal-Forzi tal-Art tal-Islamic Revolutionary Guard Corps (IRGC); eks Kmandant tal-Islamic Revolutionary Guard Corps (IRGC) fil-provinċja ta’ Markazi

Minn Mejju 2024, il-Brigadier Ġeneral Mohsen Karimi huwa l-Konsulent Għoli għall-Kmandant tal-Forzi tal-Art tal-Islamic Revolutionary Guard Corps (IRGC). Huwa l-eks kmandant tal-IRGC fil-provinċja ta’ Markazi, magħruf ukoll bħala l-Korp Ruhollah. Il-Korp Ruhollah huwa unità militari tal-IRGC bil-kwartieri ġenerali tiegħu jinsabu f’Arak u huwa responsabbli għall-kmand u l-kontroll tal-unitajiet kollha tal-IRGC u l-Basij li jinsabu fil-provinċja ta’ Markazi.

Huwa responsabbli għar-repressjoni vjolenti min-naħa tal-forzi tas-sigurtà tal-protesti fl-2022 li wasslet għall-mewt taż-żagħżugħ ta’ 19-il sena Mehrshad Shahidi f’ċentru ta’ detenzjoni tal-IRGC f’Arak.

Għalhekk iġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

12.12.2022

177.

MOSTAFAVI Seyed Mojtaba

سید مجتبی مصطفوى

(magħruf ukoll bħala MORTAZAVI, Mojtaba; MOSTAF, Mojtaba)

Data tat-twelid: 2.4.1987

Post tat-twelid: Tehran, Iran

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Karta tal-identità nazzjonali: Nru 0080467741 (Iran)

Funzjoni: Membru tal-Ministeru għall-Intelligence u s-Sigurtà (MOIS) tal-Iran; kofundatur u uffiċjal kap eżekuttiv (CEO) ta’ Ravin Academy

Seyed Mojtaba Mostafavi huwa membru tal-Ministeru għall-Intelligence u s-Sigurtà (MOIS) tal-Iran, u kofundatur u uffiċjal kap eżekuttiv ta’ Ravin Academy elenkata mill-UE, entità li tħarreġ individwi fiċ-ċibersigurtà u l-hacking, u tirrekluta minn fost dawn l-apprendisti għall-MOIS.

Il-MOIS huwa involut b’mod estensiv fl-infiltrazzjoni ta’ gruppi ta’ oppożizzjoni interni, il-monitoraġġ ta’ theddid domestiku u dissidenti espatrijati u l-arrest ta’ spiji u dissidenti allegati.

Għalhekk Seyed Mojtaba Mostafavi jġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

20.2.2023

185.

NESARI Habibollah Jan

Image 1

Post tat-twelid: Iran

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Grad: Brigadier Ġeneral

Funzjoni: Kmandant tal-Università għat-Taħriġ tal-Uffiċjali tal-Pulizija Imam Hassan Mujtaba; eks viċi kmandant responsabbli mit-taħriġ u l-edukazzjoni tal-Law Enforcement Forces of the Islamic Republic of Iran (LEF)

Il-Brigadier Ġeneral Habibollah Jan Nesari ilu l-kmandant tal-Università għat-at- Taħriġ tal-Uffiċjali tal-PulizijaImam Hassan Mujtaba mill-aħħar tal-2023. Huwa l-eks viċi kmandant responsabbli għat-taħriġ u l-edukazzjoni għal-Law Enforcement Forces of the Islamic Republic of Iran (LEF) elenkati mill-UE, pożizzjoni li kellu mill-2019 sal-2023.

Bejn l-2016 u t-30 ta’ Diċembru 2019, huwa serva bħala viċi kmandant tal-Unitajiet Speċjali tal-LEF.

Fil-kapaċità tiegħu ta’ viċi kmandant, huwa kien responsabbli għas-superviżjoni tal-forzi fl-użu ta’ armi letali u mhux letali matul il-protesti fil-pajjiż kollu f’Novembru 2019, li rriżultaw fil-mewt ta’ mijiet ta’ dimostranti. Huwa nstab ħati ta’ delitti kontra l-umanità mit-Tribunal Internazzjonali tal-Poplu dwar l-Atroċitajiet tal-Iran għar-rwol tiegħu fir-repressjoni tad-dimostranti fil-kapaċità tiegħu bħala viċi kmandant. Bħala parti mill-forzi tas-sigurtà, il-forzi tal-pulizija nstabu li fasslu u implimentaw pjan biex iwettqu delitti kontra l-umanità kif ukoll qtil, priġunerija, għajbien furzat, tortura u vjolenza sesswali sabiex irażżnu l-protesti u jaħbu d-delitti mwettqa matul il-protesti f’Novembru 2019.

Bħala viċi kmandant responsabbli għat-taħriġ u l-edukazzjoni jew għal-LEF u bħala kmandant tal-Università għat-Taħriġ tal-Uffiċjali tal-Pulizija Imam Hassan Mujtaba, Nesari kien personalment responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mil-LEF. Il-LEF li hu ħarreġ, ħadu sehem fir-repressjoni vjolenti kontra d-dimostranti matul il-protesti li qamu f’Settembru 2022, inkluż permezz tal-użu letali ta’ forza kontra dimostranti Iranjani.

Għalhekk iġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

20.2.2023

202.

SHARIF Ramezan

شریف رمظان

Post tat-twelid: Iran

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Funzjoni: Kap tal-Islamic Revolutionary Guard Corps (IRGC) Sacred Defense Documentation and Research Center ċ-(Ċentru tad-Dokumentazzjoni u r-Riċerka tad-Difiża Sagra tal-Islamic Revolutionary Guard Corps (IRGC); eks kelliem tal-IRGC

Ramezan Sharif ilu l-kap taċ-Ċentru tad-Dokumentazzjoni u r-Riċerka tad-Difiża Sagra tal-Islamic Revolutionary Guard Corps (IRGC) minn Lulju 2024. Huwa eks kelliem tal-IRGC.

L-IRGC kien involut sew fis-soppressjoni attiva u vjolenti tal-protesti fl-Iran fl-2022 u 2023 u għalhekk iġorr responsabbiltà għall-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem.

Fir-rwol tiegħu, Sharif qed jostor u jiskuża ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mill-IRGC.

Għalhekk, Ramezan Sharif iġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

20.2.2023

203.

JOMEIRI Fathollah

Image 2

Post tat-twelid: Iran

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Grad: Brigadier Ġeneral

Funzjoni: Kap tal-Organizzazzjoni tal-Protezzjoni tal-Intelligence tal-Islamic Revolutionary Guard Corps (IRGC)/Unità tas-Sigurtà tal-IRGC

Il-Brigadier Ġeneral Fathollah Jomeiri huwa l-kap tal-Organizzazzjoni tal-Protezzjoni tal-Intelligence tal-Islamic Revolutionary Guard Corps (IRGC), magħrufa wkoll bħala l-Unità tas-Sigurtà tal-IRGC.

Din l-unità hija responsabbli għall-protezzjoni tal-infrastruttura vitali u żoni ewlenin tal-pajjiż, individwi importanti, bħall-VIPs tar-reġim, iżda fuq kollox għall-protezzjoni tar-reġim.

L-IRGC kien involut sew fis-soppressjoni attiva u vjolenti tal-protesti fl-Iran fl-2022 u 2023 u għalhekk iġorr responsabbiltà għall-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem.

Fir-rwol tiegħu, Jomeiri qed imexxi, jiffaċilita u jiskuża ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mill-IRGC.

Għalhekk, Fathollah Jomeiri jġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

20.2.2023

224.

NIKVARZ Mohsen

محسن نیک ورز

Post tat-twelid: Iran

Sess: raġel

Nazzjonalità: Iranjana

Funzjoni: Kap tal-Judicial Protection and Information Department of the Prosecutor’s Office (id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ġudizzjarja u l-Informazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur) fil-Provinċja ta’ Kerman; eks Prosekutur Pubbliku ta’ Sirjan

Mohsen Nikvarz ilu l-kap tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ġudizzjarja u l-Informazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur fil-Provinċja ta’ Kerman minn Jannar 2024.

Bħala l-Prosekutur Pubbliku ta’ Sirjan, Mohsen Nikvarz kien responsabbli għal bosta arresti arbitrarji ta’ avukati u żgura pieni tal-mewt f’Sirjan matul il-protesti tal-2019. Fl-2023, ġie promoss għal Kap taċ-Ċentru għall-Protezzjoni u l-Intelligence tal-Ġudikatura tal-provinċja ta’ Kerman.

Fil-kuntest tal-protesti li faqqgħu f’Settembru 2022, Nikvarz kien involut fil-każ ta’ Maryam Arvin, fejn ħarrikha għall-attivitajiet tagħha bħala avukat tad-difiża għad-dimostranti. Wara l-arrest tagħha, li Nikvarz iġorr responsabbiltà personali għalih, Maryam Arvin ġiet ittorturata brutalment fil-ħabs.

Għalhekk, Mohsen Nikvarz iġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

22.5.2023”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/689/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)