European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/683

16.4.2025

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/683

tat-8 ta’ April 2025

dwar il-koordinazzjoni tal-listi ta’ kontroll nazzjonali

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292, it-tielet sentenza, tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2021/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) tal-20 ta’ Mejju 2021 (“ir-Regolament”) jistabbilixxi reġim tal-Unjoni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, is-senserija, l-assistenza teknika, it-tranżitu u t-trasferiment ta’ oġġetti b’użu doppju. Is-sistema komuni ta’ kontrolli tal-esportazzjoni fuq oġġetti b’użu doppju stabbilita mir-Regolament tiżgura l-konformità mal-impenji u r-responsabbiltajiet internazzjonali tal-Istati Membri u tal-Unjoni, bħar-Riżoluzzjoni 1540 (2) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, u mal-impenji miftiehma f’reġimi multilaterali ta’ kontroll tal-esportazzjoni u trattati ta’ nonproliferazzjoni.

(2)

L-Artikolu 9 tar-Regolament jippermetti lill-Istati Membri jadottaw listi ta’ kontroll nazzjonali. Ladarba lista ta’ kontroll nazzjonali tiġi nnotifikata mill-Istat Membru li jadotta lill-Kummissjoni u lil Stati Membri oħra u ppubblikata f’kompilazzjoni ta’ listi ta’ kontroll nazzjonali f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 9, abbażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament, Stati Membri oħra jistgħu jeħtieġu awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni ta’ oġġetti ppubblikati fil-kompilazzjoni.

(3)

Kif propost fil-White Paper tal-Kummissjoni dwar il-Kontrolli tal-Esportazzjoni, (3) il-listi ta’ kontroll nazzjonali adottati mill-Istati Membri jistgħu jiġu appoġġati minn din ir-Rakkomandazzjoni bil-ħsieb li jittejbu l-koordinazzjoni u l-effettività u l-effiċjenza tas-sistema komuni ta’ kontrolli tal-esportazzjoni fuq oġġetti b’użu doppju.

(4)

Din ir-Rakkomandazzjoni tipprovdi qafas ta’ koordinazzjoni li jippermetti lill-Istati Membri, fuq bażi volontarja, jidentifikaw riskji simili u jikkoordinaw meta jfasslu listi ta’ kontroll nazzjonali. Din tiffaċilita wkoll l-iskambju ta’ informazzjoni fost l-Istati Membri u l-Kummissjoni qabel u wara l-adozzjoni ta’ tali listi ta’ kontroll nazzjonali. Barra minn hekk, din tippermetti lill-Istat Membru li jadotta jikkunsidra, u jibbenefika minn, kwalunkwe informazzjoni addizzjonali pprovduta minn Stati Membri oħra jew mill-Kummissjoni. Fejn rilevanti, tali koordinazzjoni tqis l-għarfien espert tekniku u l-kontrolli żviluppati fil-kuntest ta’ reġimi multilaterali ta’ kontroll tal-esportazzjoni.

(5)

Din ir-Rakkomandazzjoni hija mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom.

(6)

Din ir-Rakkomandazzjoni hija wkoll mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jadottaw listi ta’ kontroll nazzjonali skont ir-rekwiżiti proċedurali stabbiliti fil-liġi domestika tagħhom f’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament,

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jenħtieġ li jikkoordinaw il-listi ta’ kontroll nazzjonali f’konformità mal-Anness ta’ din ir-Rakkomandazzjoni sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2021/821.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ April 2025.

Għall-Kummissjoni

Maroš ŠEFČOVIČ

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Ir-Regolament (UE) 2021/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi reġim tal-Unjoni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, is-senserija, l-assistenza teknika, it-transitu u t-trasferiment ta’ oġġetti b’użu doppju (ĠU L 206, 11.6.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/821/oj).

(2)  Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) Res 1540 (28 ta’ April 2004, S/RES/1540).

(3)  COM(2024) 25 final, 24.1.2024.


ANNESS

FORMULAZZJONI TA’ LISTI TA’ KONTROLL NAZZJONALI

1.

F’konformità mal-approċċ għall-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju stabbilit fl-Anness I tar-Regolament, il-listi ta’ kontroll nazzjonali għandhom, kull fejn xieraq u rilevanti, ikunu bbażati fuq valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali u parametri tekniċi oġġettivi simili għal dawk tal-listi ta’ kontroll ipprovduti minn reġimi multilaterali ta’ kontroll tal-esportazzjoni, inklużi noti tekniċi jekk xieraq, u strutturati bħala entrati li huma identifikati individwalment b’kodiċi ta’ kontroll alfanumeriku. Kull fejn ikun rilevanti u fuq bażi volontarja, il-listi ta’ kontroll nazzjonali għandhom isegwu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kontrolli kkunsidrati fir-reġimi multilaterali ta’ kontroll tal-esportazzjoni.

QAFAS GĦALL-KOORDINAZZJONI

2.

L-Istati Membri li jipprevedu l-adozzjoni ta’ lista ta’ kontroll nazzjonali għandhom, fuq bażi volontarja, jinfurmaw lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar ir-riskji identifikati u l-kontrolli nazzjonali li jkunu qed jiġu kkunsidrati b’rispons għal dawk ir-riskji.

3.

Jekk disponibbli u fuq bażi volontarja, din l-informazzjoni tista’ tinkludi elementi bħal:

(a)

il-kamp ta’ applikazzjoni previst;

(b)

l-impatt tal-lista ta’ kontroll nazzjonali li qed tiġi kkunsidrata fuq l-operaturi ekonomiċi tal-UE;

(c)

informazzjoni rilevanti oħra għat-tħejjija tal-lista ta’ kontroll nazzjonali.

4.

L-Istati Membri li jidentifikaw riskji identiċi jew simili u li jkollhom l-intenzjoni li jikkontrollaw oġġetti simili għandhom, fuq bażi volontarja, jikkoordinaw meta jfasslu l-listi ta’ kontroll nazzjonali rispettivi tagħhom.

5.

L-Istati Membri li jinsabu fil-proċess li jfasslu listi ta’ kontroll nazzjonali għandhom, fuq bażi volontarja, jipprovdu aġġornamenti regolari lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar il-progress lejn il-finalizzazzjoni ta’ tali miżuri.

6.

L-Istati Membri li jippjanaw li jadottaw lista ta’ kontroll nazzjonali għandhom, fuq bażi volontarja, jikkondividu mal-Kummissjoni u mal-Istati Membri l-oħra abbozz bil-miktub tal-lista ta’ kontroll nazzjonali qabel l-adozzjoni tagħha.

7.

Il-Kummissjoni u Stati Membri oħra jistgħu jipprovdu kummenti rilevanti lill-Istat Membru li jkun qed jippjana li jadotta lista ta’ kontroll nazzjonali.

8.

Jekk Stat Membru li jkun qed jippjana li jadotta lista ta’ kontroll nazzjonali jirċievi kummenti minn Stati Membri oħra jew mill-Kummissjoni, għandu jikkunsidra tali kummenti, mingħajr preġudizzju għad-dritt tiegħu li jadotta listi ta’ kontroll nazzjonali skont ir-rekwiżiti proċedurali stabbiliti fil-liġi domestika tiegħu.

9.

L-Istati Membri li qed jikkoordinaw meta jfasslu l-listi ta’ kontroll nazzjonali rispettivi tagħhom għandhom, kull meta jkun possibbli filwaqt li jqisu r-rekwiżiti proċedurali stabbiliti fil-liġi nazzjonali, jimmiraw li jadottawhom u jinnotifikawhom fl-istess ħin skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament.

10.

Wara l-adozzjoni tal-listi ta’ kontroll nazzjonali, l-Istati Membri għandhom, fuq bażi volontarja, jiskambjaw informazzjoni dwar l-implimentazzjoni effettiva tal-kontrolli taħt il-lista ta’ kontroll nazzjonali kif ukoll taħt kwalunkwe miżura meħuda skont l-Artikolu 10 tar-Regolament.

11.

Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita tali skambju ta’ informazzjoni, inkluż billi tagħmel disponibbli mezzi siguri ta’ komunikazzjoni.

MEZZI TA’ KOMUNIKAZZJONI

12.

L-iskambju ta’ informazzjoni bil-miktub għall-benefiċċju tal-Istati Membri kollha u tal-Kummissjoni għandu jsir permezz tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 23(6) tar-Regolament.

13.

L-Istati Membri għandhom, fuq bażi volontarja, jipprovdu informazzjoni dwar il-progress tal-listi ta’ kontroll nazzjonali tagħhom lil Stati Membri oħra u lill-Kummissjoni.

14.

Fuq talba tal-Istat Membru li jkun qed jippjana li jadotta lista ta’ kontroll nazzjonali, il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Użu Doppju (jew korp preparatorju rilevanti ieħor tal-Kunsill) jista’ jipproponi li jiddiskuti abbozz speċifiku ta’ lista ta’ kontroll nazzjonali. B’kunsiderazzjoni tan-natura tal-informazzjoni li għandha tiġi skambjata u l-format mitlub mill-Istat Membru li qed jippjana li jadotta lista ta’ kontroll nazzjonali, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jiskambjaw informazzjoni fil-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar l-Oġġetti b’Użu Doppju stabbilit skont l-Artikolu 24 tar-Regolament jew f’formazzjoni xierqa oħra.

15.

Il-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar l-Użu Doppju msemmi hawn fuq u possibbilment formazzjonijiet oħra għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw il-kunfidenzjalità tad-diskussjonijiet u l-informazzjoni skambjata.

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2025/683/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)