European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/675

7.4.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/675

tal-4 ta’ April 2025

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1302/2014 dwar speċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà fir-rigward tas-subsistema tal-“Vetturi ferrovjarji — lokomottivi u vetturi ferrovjarji għat-trasport tal-passiġġieri” tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/665/UE dwar ir-reġistru Ewropew tat-tipi ta’ vetturi ferrovjarji awtorizzati

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(11) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1302/2014 (2) jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabbiltà fir-rigward tas-subsistema tal-“Vetturi ferrovjarji — lokomottivi u vetturi ferrovjarji għat-trasport tal-passiġġieri” tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (“LOC&PAS TSI”, technical specifications for interoperability relating to the rolling stock – locomotives and passenger rolling stock).

(2)

Id-Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2017/1474 (3) tistabbilixxi l-objettivi speċifiċi li jenħtieġ li jiġu integrati fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabbiltà. F’konformità mal-Artikolu 4(5) tad-Deċiżjoni, ir-Regolament (UE) Nru 1302/2014 irid iqis il-bidliet fil-proċedura għat-tqegħid fis-suq ta’ subsistemi mobbli, inklużi l-kontrolli qabel l-ewwel użu tal-vetturi awtorizzati.

(3)

Minħabba l-ħtieġa li jiġi appoġġat it-trasport relatat mad-difiża fin-networks kollha bi speċifikazzjonijiet tekniċi differenti, is-settur ferrovjarju u l-industrija tal-provvista ferrovjarja indirizzaw talba lill-Kummissjoni biex tissimplifika l-proċess għall-awtorizzazzjoni tal-vetturi ferrovjarji għall-persunal li jakkumpanja l-ferroviji li jġorru t-tagħmir (eż. persunal militari li jeskorta tagħmir relatat mad-difiża, ħaddiema tat-tifi tan-nar, persunal tal-maniġer tal-infrastruttura jew tal-impriża ferrovjarja). L-iskambju tal-Kummissjoni mal-esperti identifika l-ħtieġa li jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni għal tali emenda għal kategorija usa’ ta’ każijiet ta’ użu.

(4)

Il-qafas attwali tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabbiltà (TSIs, technical specifications for interoperability) jippermetti l-awtorizzazzjoni ta’ tali vetturi inkluż il-verifika tal-konformità mar-regoli nazzjonali. Madankollu, il-proċess ta’ awtorizzazzjoni ġestit mill-Aġenzija tal-UE għall-Ferroviji (ERA, EU Agency for Railways) jirrikjedi li din tiġbor valutazzjonijiet mill-Awtoritajiet Nazzjonali tas-Sikurezza individwali, li jintroduċi kumplessità kbira, inċertezza u dewmien fit-teħid tad-deċiżjonijiet.

(5)

Ir-Regolament (UE) Nru 1302/2014 jistabbilixxi r-rekwiżiti li jridu jiġu ssodisfati għall-proċess tal-awtorizzazzjoni tal-vetturi kif ukoll jippromwovi l-interoperabbiltà tan-network ferrovjarju Ewropew iżda bħalissa ma jkoprix vetturi li ma jġorrux passiġġieri li huma maħsuba biex iġorru persunal iżda li mhumiex maħsuba biex jintużaw għas-servizz tal-passiġġieri, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-LOC&PAS TSI.

(6)

Id-definizzjoni tar-rekwiżiti komuni għall-awtorizzazzjonijiet uniċi tiffaċilita l-proċess tal-awtorizzazzjoni għall-vetturi li se joperaw fuq in-network kollu tal-Unjoni. Dan jillimita l-piż għall-kontrolli, għat-testijiet u għaċ-ċertifikazzjoni tal-awtorizzazzjoni minn qabel meħtieġa mir-regoli nazzjonali għall-minimu meħtieġ biex tiġi żgurata l-kompatibbiltà tar-rotot man-networks li għadhom mhumiex armonizzati. Skont dan il-kunċett, l-impriża ferrovjarja tikseb flessibbiltà għall-użu tal-vetturi filwaqt li tkun obbligata twettaq il-kontroll tal-kompatibbiltà tar-rotta.

(7)

Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti speċifikazzjonijiet tekniċi għall-awtorizzazzjoni unika ta’ vetturi li ma jġorrux passiġġieri, li huma maħsuba biex iġorru persunal, bħal persunal militari, persunal ferrovjarju jew ħaddiema tat-tifi tan-nar.

(8)

Sabiex ikun jista’ jsir proċess rapidu tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ vaguni tal-persunal fl-Unjoni kollha, ir-rekwiżiti speċifiċi applikabbli għall-vaguni tal-persunal jenħtieġ li jiġu aġġustati biex jirriflettu l-fatt li dawn l-unitajiet huma ppjanati li jitħaddmu fil-ferroviji tal-merkanzija u ma jkunux aċċessibbli għall-pubbliku.

(9)

Barra minn hekk, il-każ speċifiku Żvediż relatat ma’ detetturi tal-kaxxa tal-fus sħuna tnaqqas fil-kamp ta’ applikazzjoni, li jtejjeb ir-rekwiżiti komuni fil-livell tal-UE u b’hekk ikun ta’ benefiċċju għall-proċess ta’ awtorizzazzjoni tal-vettura.

(10)

Sabiex tiġi evitata l-ħtieġa li jiġu applikati r-regoli nazzjonali u biex tkun tista’ ssir awtorizzazzjoni unika għall-vaguni tal-persunal, jenħtieġ li jiġu definiti rekwiżiti limitati fir-rigward, b’mod partikolari, tat-tagħbija massima fuq il-fus u l-veloċità massima. Minħabba l-karatteristiċi tat-tagħmir li jinterferixxi mas-sistemi ta’ detezzjoni tal-ferroviji, jekk hemm konnessjoni elettrika bejn il-vagun u l-lokomottiva għandha tiġi żviluppata restrizzjoni speċifika. Sabiex jiġi żgurat li l-vagun tal-persunal ma jikkawża l-ebda interferenza mas-sistemi ta’ detezzjoni tal-ferroviji ta’ maġenb il-binarji, jenħtieġ li jiġu pprovduti speċifikazzjonijiet f’dokument tekniku tal-ERA. Dawk għandhom jiġu definiti b’tali mod li jippermettu l-awtorizzazzjoni unika tal-vagun tal-persunal mingħajr il-ħtieġa li jiġu applikati r-regoli nazzjonali.

(11)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1302/2014 jiġi emendat kif xieraq.

(12)

Il-vetturi maħsuba biex jintużaw f’ferroviji li joperaw servizzi shuttle għat-trasport ta’ karozzi u trakkijiet privati flimkien mas-sewwieqa u l-passiġġieri rispettivi tagħhom mhumiex koperti. Dawk il-vetturi — li jġorru sewwieqa u passiġġieri ta’ vetturi tat-triq — integrati f’ferroviji li joperaw servizzi shuttle għall-vetturi tat-triq jenħtieġ li jkunu soġġetti għal dispożizzjonijiet oħra għall-vetturi ta’ dan ir-Regolament. Il-vetturi integrati f’ferroviji li joperaw servizzi shuttle li jittrasportaw sewwieqa u passiġġieri abbord il-vetturi tat-triq mhumiex koperti mit-TSIs.

(13)

Minħabba li ma hija meħtieġa l-ebda kompetenza ġdida speċifika għall-valutazzjoni tal-konformità tal-kostitwenti tal-interoperabbiltà jew għall-verifika tas-subsistemi, jenħtieġ li ma jkun hemm l-ebda bidla fir-rigward tal-korpi notifikati għall-finijiet tar-Regolament (UE) Nru 1302/2014.

(14)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/665/UE (4) li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjoni tar-reġistru tat-tipi ta’ vetturi ferrovjarji awtorizzati, għandha tiġi emendata biex tinkludi wkoll it-tip il-ġdid “ġarr tal-persunal”.

(15)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit f’konformità mal-Artikolu 51(1) tad-Direttiva (UE) 2016/797,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1302/2014 huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/665/UE huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ April 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/797/oj.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1302/2014 tat-18 ta’ Novembru 2014 dwar speċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà fir-rigward tas-subsistema tal-“Vetturi ferrovjarji — lokomottivi u vetturi ferrovjarji għat-trasport tal-passiġġieri” tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 356, 12.12.2014, p. 228, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/1302/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2017/1474 tat-8 ta’ Ġunju 2017 li tissupplimenta d-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’rabta mal-objettivi speċifiċi għall-abbozzar, l-adozzjoni u r-reviżjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabbiltà (ĠU L 210, 15.8.2017, p. 5, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_del/2017/1474/oj).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/665/UE tal-4 ta’ Ottubru 2011 dwar ir-reġistru Ewropew tat-tipi ta’ vetturi ferrovjarji awtorizzati (ĠU L 264, 8.10.2011, p. 32, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2011/665/oj).


ANNESS I

L-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1302/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fil-punt 2.2.2 “Vetturi ferrovjarji” jiżdied il-paragrafu li ġej fi tmiem il-punt (A)(3):

“Vagun tal-Persunal huwa unità li kapaċi ġġorr persuni iżda mhux maħsuba biex tintuża għas-servizz tal-passiġġieri.”

(2)

Fil-punt 2.3.1 “Tipi ta’ vetturi ferrovjarji” jiżdied il-paragrafu li ġej fi tmiem il-punt (A)(3):

“Vetturi li jġorru persunal (mhux passiġġieri) inklużi f’ferrovija li ma toperax servizzi tal-passiġġieri:

Dan it-tip jinkludi vetturi mingħajr trazzjoni mhux aċċessibbli għall-pubbliku, użati primarjament għat-trasport tal-persunal (eż. persunal ta’ skorta militari, ħaddiema tat-tifi tan-nar, persunal tal-maniġer tal-infrastruttura jew tal-impriża ferrovjarja) u maħsuba biex jiġu integrati f’ferroviji li tipikament ma jkunux aċċessibbli għall-pubbliku u mhux maħsuba għat-trasport tal-passiġġieri; huma fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din it-TSI bħala vaguni tal-persunal, u jistgħu jiġu awtorizzati għat-tqegħid fis-suq mhux limitat għal żona partikolari tal-użu soġġett għall-kundizzjonijiet fil-punt 7.1.1.6.”

(3)

Fil-punt 4.2.12.2, jiżdied il-punt (28) ġdid wara l-punt (27):

“(28)

Għall-unitajiet li japplikaw il-kundizzjonijiet speċifikati fil-punt 7.1.1.6, għandhom jiġu pprovduti l-konformità/n-nonkonformità tal-unità mar-rekwiżiti tal-punti (13), (15), (26), (27) tal-punt 7.1.1.6.1.”

(4)

Jiżdied il-punt 7.1.1.6 ġdid wara l-punt 7.1.1.5.2:

“7.1.1.6

Kundizzjonijiet sabiex ikun hemm awtorizzazzjoni tat-tip ta’ vettura u/jew awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ vaguni tal-persunal mhux limitati għal żona partikolari ta’ użu

(1)

Il-punt 7.1.1.6 japplika għall-vaguni tal-persunal kif definiti fil-punt 2.2.2(A) (3) bil-kundizzjonijiet definiti fil-punt 2.3.1(A) (3),

(2)

Il-kundizzjonijiet sabiex ikun hemm awtorizzazzjoni tat-tip ta’ vettura u/jew awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq mhux limitata għal żona partikolari ta’ użu huma speċifikati fil-punti 7.1.1.6.1, 7.1.1.6.2 u 7.1.1.6.3 bħala rekwiżiti addizzjonali li jridu jiġu koperti fil-verifika tal-KE tas-subsistema tal-vetturi ferrovjarji. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom jitqiesu bħala komplementari għar-rekwiżiti definiti f’din it-TSI u għandhom jiġu ssodisfati fl-intier tagħhom.

(3)

Il-punt 7.1.1.5 ma japplikax.

(4)

L-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1304/2014, għandha tkun limitata għall-ħoss stazzjonarju u r-rekwiżiti tal-istorbju tat-tranżitu, li għandhom jiġu vvalutati abbażi tal-valuri ta’ limitu applikabbli għal għall-Unitajiet Multipli tad-Diżil (Diesel Multiple Units, DMUs) kif stabbilit fil-punt 4.2.1., it-tabella 2 fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1304/2014.

(5)

Il-konformità mal-kundizzjonijiet taħt il-punt 7.1.1.6.1 hija obbligatorja.

(6)

Il-konformità mal-kundizzjonijiet taħt il-punt 7.1.1.6.2 hija fakultattiva u ssir obbligatorja biss f’każ li l-vagun tal-persunal ikun maħsub biex jintuża fi tħaddim ġenerali.

(7)

Il-konformità mal-kundizzjonijiet taħt il-punt 7.1.1.6.3 hija fakultattiva u ssir obbligatorja biss f’każ li t-trasport tal-persunal f’operazzjoni ġenerali jkun maħsub li jiġi inkluż fil-ferroviji tal-passiġġieri.

7.1.1.6.1

Kundizzjonijiet applikabbli għall-vaguni tal-persunal maħsuba sabiex jintużaw f’formazzjonijiet predefiniti

(1)

Il-vettura għandha tikkorrispondi għal unità (kif definita f’din it-TSI) magħmula minn subsistema ta’ vetturi ferrovjarji biss mingħajr ma tiġi installata s-CCS abbord.

(2)

L-unità hija mingħajr trazzjoni.

(3)

L-unità għandha tkun iddisinjata għat-tħaddim fuq mill-anqas wieħed mill-gauges standard tal-binarji li ġejjin:

(a)

1 435 mm,

(b)

1 668 mm,

(c)

1 520 mm, 1 524 mm u 1 600 mm. Fejn japplikaw każijiet speċifiċi skont il-Kapitolu 7 jew ir-regoli nazzjonali f’konformità mal-punti mhux konklużi elenkati fl-Appendiċi I, li mhumiex elenkati fil-punt 7.1.1.6.1, l-unitajiet jiġu esklużi mill-użu tal-awtorizzazzjoni mhux limitata għal żona partikolari tal-użu.

(4)

Apparti li tkun konformi mal-kategorija tal-vetturi ferrovjarji P-I, l-unità għandha tkun konformi wkoll mal-kategorija F-I għall-każijiet ta’ tagħbija lonġitudinali kollha skont l-ispeċifikazzjoni msemmija fl-Appendiċi J-1, l-indiċi [1]. Barra minn hekk, il-verifika ta’ tħaddim sikur taħt il-forzi kompressivi lonġitudinali għandha ssir f’konformità mal-ispeċifikazzjoni msemmija fl-Appendiċi J-1, l-indiċi [75].

(5)

L-unità għandha tiġi mgħammra b’roti mikwijin fil-forġa u rrumblati vvalutati f’konformità mal-punt 6.1.3.1.

(6)

L-unità għandha tkun mgħammra b’roti b’dijametru minimu tar-rota ta’ aktar minn 760 mm.

(7)

L-unità għandha tkun kompatibbli mal-inklinazzjoni ferrovjarja li ġejja: 1/20, 1/30 u 1/40. In-nuqqas ta’ kompatibbiltà ma’ inklinazzjoni ferrovjarja waħda jew aktar għandu jeskludi n-network(s) ikkonċernat(i) taż-żona tal-użu.

(8)

L-unità għandha tiġi ddikjarata bħala konformi ma’ wieħed mill-profili ta’ referenza li ġejjin: G1, GA, GB, GC jew DE3 inkluż dawk użati għall-parti ta’ isfel GI1, GI2 jew GI3.

(9)

L-unità għandu jkollha tagħbija massima fuq il-fus ta’ 22,5 tunnellata.

(10)

L-unità għandu jkollha veloċità massima ta’ 140 km/h jew inqas.

(11)

L-unità għandha tkun mill-inqas tal-kategorija A kif imsemmi fil-punt 4.1.4.

(12)

L-unità għandha tkun mgħammra b’apparat ta’ awtosalvataġġ għall-persuni kollha abbord, li jissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet tal-punt 4.7.1 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2014.

(13)

Mhuwiex obbligatorju li l-unità tkun mgħammra b’sistema ta’ komunikazzjoni li tinstema’ kif speċifikat fil-punt 4.2.5.2. F’dak il-każ, għandhom jiġu stabbiliti mezzi operazzjonali biex tiġi żgurata l-komunikazzjoni. Il-konformità/in-nonkonformità mal-punt 4.2.5.2. għandha tiġi rreġistrata fid-dokumentazzjoni teknika deskritta fil-punt 4.2.12.2.

(14)

L-unità għandha tkun konformi mal-punt 4.2.5.3 ħlief għall-punti li ġejjin:

Il-punti 4.2.5.3.2(3) sa 4.2.5.3.2(5) mhumiex applikabbli.

Il-punt 4.2.5.3.3(1) mhuwiex applikabbli.

Il-punt 4.2.5.3.3(2) huwa applikabbli jekk l-unità tkun konnessa ma’ lokomottiva kompatibbli mas-sinjal ta’ attivazzjoni tal-allarm tal-passiġġieri. Fil-każ li l-unità ma tkunx konnessa direttament mal-lokomottiva, il-brejk ta’ emerġenza jiġi attivat awtomatikament meta jiġi attivat l-allarm.

Il-punt 4.2.5.3.4 mhuwiex applikabbli.

Il-punt 4.2.5.3.5 mhuwiex applikabbli.

Il-punt 4.2.5.3.6 mhuwiex applikabbli. Minflok, jekk is-sistema tal-allarm tal-passiġġieri ma tkunx qed taħdem, jew wara iżolament intenzjonat mill-persunal jew minħabba ħsara teknika, dan għandu jiġi indikat b’mod permanenti lill-persunal ittrasportat fl-unità.

(15)

Mhuwiex obbligatorju li l-unità tkun mgħammra b’apparat ta’ komunikazzjoni għall-passiġġieri kif speċifikat fil-punt 4.2.5.4. F’dak il-każ, għandhom jiġu stabbiliti mezzi operazzjonali biex tiġi żgurata l-komunikazzjoni. Il-konformità/in-nonkonformità mal-punt 4.2.5.4. għandha tiġi rreġistrata fid-dokumentazzjoni teknika deskritta fil-punt 4.2.12.2.

(16)

L-unità għandha tkun konformi mal-punt 4.2.5.5 ħlief għall-punti li ġejjin:

Il-punt 4.2.5.5.2 (6) jenħtieġ li jaqra: “Għall-fini ta’ dan il-punt, “ekwipaġġ tal-ferrovija” tfisser membru wieħed tal-persunal abbord jew il-persunal ittrasportat inkarigat mill-kontrolli relatati mas-sistema tal-bibien”.

Il-punt 4.2.5.5.7 mhuwiex applikabbli.

Il-punt 4.2.5.5.9 (1) japplika mingħajr restrizzjoni tal-veloċità għall-apparat. Dan ikun dejjem attiv.

(17)

Jekk l-unità tkun mgħammra b’lubrikanti tal-flanġ, għandu jkun possibbli li dawn jiġu attivati/diżattivati f’konformità mal-ispeċifikazzjoni msemmija fl-Appendiċi J-2, l-indiċi [A].

(18)

Jekk l-unità tkun mgħammra bi brejk tal-eddy current fuq il-binarji, għandu jkun possibbli li jiġi attivat/diżattivat f’konformità mal-ispeċifikazzjoni msemmija fl-Appendiċi J-2, l-indiċi [A].

(19)

Jekk l-unità tkun mgħammra bi brejk manjetiku tal-binarji, għandu jkun possibbli li jiġi attivat/diżattivat f’konformità mal-ispeċifikazzjoni msemmija fl-Appendiċi J-2, l-indiċi [A].

(20)

L-unitajiet mgħammra b’sistema tal-ibbrejkjar EN-UIC għandhom jiġu ttestjati f’konformità mal-ispeċifikazzjoni msemmija fl-Appendiċi J-1, l-indiċi [71].

(21)

L-unità għandha tkun konformi mal-ispeċifikazzjoni msemmija fl-Appendiċi J-2, l-indiċi [A].

(22)

Il-karatteristiċi tal-unità għandhom ikunu konformi mal-ispeċifikazzjoni msemmija fl-Appendiċi J-2, l-indiċi [F].

(23)

L-interfaċċi elettriċi bejn l-unitajiet u l-protokolli ta’ komunikazzjoni għandhom jiġu deskritti fid-dokumentazzjoni ġenerali deskritta fil-punt 4.2.12.2(3a), bir-referenza għall-istandards jew għal dokumenti normattivi oħrajn li jkunu ġew applikati.

(24)

Ir-riskju ta’ tagħmir elettriku abbord li jinterferixxi mas-sistemi ta’ detezzjoni tal-ferroviji ta’ maġenb il-binarji għandu jittaffa permezz tal-kompożizzjoni tal-ferrovija. Jekk ikun hemm konnessjoni elettrika bejn il-ġarr u l-lokomottiva, massimu ta’ tnejn minn dawn l-unitajiet użati f’ferrovija, imħaddma b’massimu ta’ lokomottiva waħda titqies bħala suppożizzjoni ta’ konformità, jekk il-bqija tal-kompożizzjoni tal-ferrovija tkun mingħajr potenza elettrika.

(25)

In-networks ta’ komunikazzjoni għandhom jikkonformaw mal-ispeċifikazzjoni msemmija fl-Appendiċi J-1, l-indiċi [53].

(26)

Għal unitajiet iddisinjati għat-tħaddim fuq il-gauge tal-binarji ta’ 1 435 mm, għandhom jitqiesu wkoll il-każijiet speċifiċi li ġejjin:

(a)

Il-konformità/in-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti rigward il-monitoraġġ tal-kundizzjoni tal-bering tal-fus b’tagħmir ta’ maġenb il-linja kif stabbilit fil-punt 7.3.2.3 għandhom jiġu rreġistrati fid-dokumentazzjoni teknika deskritta fil-punt 4.2.12.2. In-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti għandu jeskludi lil Franza u/jew lill-Iżvezja miż-żona tal-użu.

(b)

Għall-unitajiet maħsuba biex joperaw fil-Ġermanja fuq linji b’gradjent ta’ aktar minn 40 %, il-konformità/in-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti definiti fid-dokument imsemmi fl-Appendiċi J-2, l-indiċi [D] għandhom jiġu rreġistrati fid-dokumentazzjoni teknika deskritta fil-punt 4.2.12.2. In-nuqqas ta’ konformità ma jipprevenix l-aċċess tal-unità għan-network nazzjonali.

(c)

Għall-unitajiet maħsuba biex joperaw fl-Awstrija fuq linji speċifiċi identifikati fid-dokument imsemmi fl-Appendiċi J-2, l-indiċi [G] biex joperaw b’mod sikur fuq tali linji, il-kapaċità termali tal-brejk għandha tiġi vverifikata b’dan il-każ ta’ referenza: Kriterji ta’ Tauern South: inklinazzjoni ta’ 28 ‰ gradjent kostanti fuq distanza ta’ 25 km u veloċità massima ta’ 100/110 km/h. In-nonkonformità ma tipprevenix l-aċċess tal-unità għan-network nazzjonali iżda tirriżulta fl-aċċess limitat għal dawn it-taqsimiet speċifiċi.

(d)

Għall-unitajiet maħsuba biex joperaw fl-Awstrija, il-verifika tar-rekwiżit għall-ġeometrija ta’ kuntatt bejn ir-roti u l-binarji, għandha tikkunsidra, flimkien mal-punt 4.2.3.4.3, il-karatteristiċi tan-network li ġejjin:

V ≤ 160 km/h: 0,7 ≤ tan γe < 0,8

Il-konformità/in-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti għandhom jiġu rreġistrati fid-dokumentazzjoni teknika deskritta fil-punt 4.2.12.2. In-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti għandu jirriżulta f’limitazzjoni tal-veloċità tal-vettura.

(e)

Għall-unitajiet maħsuba biex joperaw fil-Ġermanja, il-verifika tar-rekwiżit għall-ġeometrija ta’ kuntatt bejn ir-roti u l-binarji, għandha tikkunsidra, flimkien mal-punt 4.2.3.4.3, il-karatteristiċi tan-network li ġejjin:

V ≤ 160 km/h: tan γe ≤ 0,8;

Il-konformità/in-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti għandhom jiġu rreġistrati fid-dokumentazzjoni teknika deskritta fil-punt 4.2.12.2. In-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti għandu jirriżulta f’limitazzjoni tal-veloċità tal-vettura.

(f)

Għal unitajiet maħsuba biex joperaw fl-Awstrija, is-sikurezza tal-mixi fuq il-binarji b’kurvi b’raġġ tal-kurva inqas minn 250 m għandha tiġi vverifikata f’konformità mal-ispeċifikazzjoni msemmija fl-Appendiċi J-1, l-indiċi [9]. Il-konformità/in-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti għandhom jiġu rreġistrati fid-dokumentazzjoni teknika deskritta fil-punt 4.2.12.2. In-nonkonformità mar-rekwiżiti għandha tirriżulta f’limitazzjoni għall-aċċess għar-rotot identifikati fid-dokument imsemmi fl-Appendiċi J-2, l-indiċi [G].

(27)

Għal unitajiet iddisinjati għat-tħaddim fuq gauge tal-binarji ta’ 1 668 mm, il-konformità mal-punti 7.3.2.5 u 7.3.2.6 hija obbligatorja u għandhom jitqiesu l-każijiet speċifiċi li ġejjin:

(a)

Il-konformità/in-nuqqas ta’ konformità mal-każ speċifiku dwar il-bogies iddisinjati biex jaħdmu fuq gauge tal-binarji ta’ 1 668 mm definit fil-punt 7.3.2.5a għandu jiġi rreġistrat fid-dokumentazzjoni teknika deskritta fil-punt 4.2.12.2. In-nonkonformità għandha teskludi n-network Spanjol tal-gauge tal-binarji ta’ 1 668 mm miż-żona tal-użu.

(28)

In-nuqqas ta’ konformità ma’ kwalunkwe kundizzjoni ambjentali speċifika kif stabbilit fil-punt 7.4 għandu jirriżulta f’restrizzjonijiet tal-użu fuq in-network li għalih ġiet iddefinita l-kundizzjoni speċifika, iżda mhux fl-esklużjoni ta’ dak in-network miż-żona tal-użu.

(29)

L-unità għandha tkun immarkata f’konformità mal-ispeċifikazzjoni msemmija fl-Appendiċi J-1, l-indiċi [5].

(30)

Għall-vaguni tal-persunal, id-detezzjoni ta’ nar għandha tattiva allarm akustiku u ottiku fil-ġarr kollu. Is-sinjal akustiku għandu jkun biżżejjed biex jirkupra l-persunal ittrasportat. Is-sinjal għandu jkun viżibbli b’mod ċar u jinstema’ fiż-żona li jkun ġie ddisinjat biex iwissi.

7.1.1.6.2

Kundizzjonijiet fakultattivi addizzjonali applikabbli għall-vaguni tal-persunal maħsuba sabiex jintużaw fi tħaddim ġenerali

(1)

Dawn il-kundizzjonijiet japplikaw b’żieda mal-punti 7.1.1.6.1.

(2)

Il-konformità mas-sett ta’ kundizzjonijiet stabbilit fil-punti (2) sa (10) hija fakultattiva u għandha biss l-għan li tiffaċilita l-iskambju tal-unitajiet maħsuba biex jintużaw f’formazzjonijiet tal-ferroviji li ma jkunux definiti fil-fażi tad-disinn, jiġifieri unitiajiet għat-tħaddim ġenerali. Il-konformità ma’ dawn id-dispożizzjonijiet ma tiżgurax l-interkambjabbiltà sħiħa tal-unitajiet u ma teżentax lill-impriża ferrovjarja mir-responsabbiltajiet tagħha fir-rigward tal-użu ta’ dawn l-unitajiet f’formazzjoni ferrovjarja kif definit fil-punt 6.2.7. Jekk l-applikant jagħżel din l-opzjoni, korp innotifikat għandu jivvaluta l-konformità fil-proċedura ta’ verifika tal-KE. Dan għandu jiġi rrapportat fiċ-ċertifikat u fid-dokumentazzjoni teknika.

(3)

L-unità għandha tiġi mgħammra b’sistema ta’ akkoppjament manwali kif definit fil-punti 4.2.2.2.3(b) u 5.3.2.

(4)

L-unità għandha tiġi mgħammra b’sistema tal-ibbrejkjar EN-UIC kif definit fl-ispeċifikazzjoni msemmija fl-Appendiċi J-1, l-indiċi [12] u l-indiċi [70]. Is-saħħa tal-ibbrejkjar għandha tiġi ttestjata f’konformità mal-ispeċifikazzjoni msemmija fl-Appendiċi J-1, l-indiċi [71].

(5)

L-unità għandha tissodisfa r-rekwiżiti ta’ din it-TSI tal-anqas fil-medda tat-temperatura T1 (– 25 °C sa + 40 °C; nominali) kif definit fil-punt 4.2.6.1 u fl-ispeċifikazzjoni msemmija fl-Appendiċi J-1, l-indiċi [18].

(6)

Id-dwal ta’ wara mitluba fil-punt 4.2.7.1 għandhom jiġu pprovduti permezz ta’ lampi ta’ wara fissi.

(7)

Jekk l-unità tkun mgħammra b’passarella, il-passarella għandha tissodisfa l-ispeċifikazzjoni msemmija fl-Appendiċi J-1, l-indiċi [54].

(8)

Il-provvista tal-enerġija “arblu wieħed” għandha tkun konformi mal-punt 4.2.11.6 (2).

(9)

L-interfaċċa fiżika bejn unitajiet għat-trażmissjoni tas-sinjali għandha tiżgura li l-kejbil u l-plagg ta’ mill-anqas linja waħda jkunu kompatibbli mal-kejbil ta’ 18-il konduttur definit fit-Tabella 2 tal-ispeċifikazzjoni msemmija fl-Appendiċi J-1, l-indiċi [61].

(10)

L-apparat ta’ kontroll tal-bibien speċifikat fil-punt 4.2.5.5.3 għandu jkun f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet deskritti fl-Appendiċi J-1, l-indiċi [17].

7.1.1.6.3

Kundizzjonijiet applikabbli għall-vaguni tal-persunal maħsuba biex jiġu inklużi f’ferroviji tal-passiġġieri

(1)

Dawn il-kundizzjonijiet japplikaw flimkien mal-punti 7.1.1.6.1 u 7.1.1.6.2 għall-unitajiet li jistgħu jiġu inklużi, meta ma jkunux okkupati, f’ferrovija tal-passiġġieri.

(2)

Kompożizzjoni tal-ferrovija bil-vagun tal-persunal fit-tarf tal-ferrovija u mingħajr potenza elettrika titqies bħala suppożizzjoni ta’ konformità.

(3)

L-unità għandha tkun tal-kategorija A jew tal-kategorija B. L-unitajiet tal-kategorija B għandhom ikunu mgħammra b’diviżjonijiet trasversali sħaħ f’konformità mal-punt 4.2.10.3.4 (3).”

(5)

Il-punt 7.3.2.3, għall-każ speċifiku tal-Iżvezja, it-tabella 19 hija emendata kif ġej:

“Tabella 19

Żoni fil-mira u projbittivi għal unitajiet maħsuba sabiex jitħaddmu fl-Iżvezja

YTA [mm]

WTA [mm]

LTA [mm]

YPZ [mm]

WPZ [mm]

LPZ [mm]

905 ± 20

≥ 40

sħaħ

905

≥ 100

≥ 500.”

(6)

Fl-Appendiċi J it-tabella J-1 għandha tiġi emendata kif ġej:

“[1]

EN 12663-1:2010+A1:2014

Applikazzjonijiet ferrovjarji - Rekwiżiti strutturali għal bodies ta’ vetturi ferrovjarji - Parti 1: Lokomottivi u vetturi ferrovjarji tal-passiġġieri (u metodi alternattivi għal vaguni tal-merkanzija)

[1.9]

Saħħa strutturali

7.1.1.6.1 (4)

5.2

[5]

EN 15877-2:2013

Applikazzjonijiet ferrovjarji - Immarkar fuq vetturi ferrovjarji - Parti 2: Immarkar estern fuq coaches, unitajiet immexxija mill-enerġija, lokomottivi u magni ta’ fuq il-binarji

 

 

[5.2]

Coaches maħsuba sabiex jintużaw fi tħaddim ġenerali

Vaguni tal-persunal maħsuba sabiex jintużaw f’formazzjonijiet predefiniti

7.1.1.5.1 (23)

7.1.1.6.1 (29)

4.4

[9]

EN 14363:2016+ A2:2022

Applikazzjonijiet ferrovjarji - Ittestjar u Simulazzjoni għall-aċċettazzjoni ta’ karatteristiċi waqt it-tħaddim tal-vetturi ferrovjarji - Testijiet tal-Imġiba waqt it-Tħaddim u testijiet stazzjonarji

[9.12]

Imġiba dinamika waqt it-tħaddim fuq kurvi b’raġġ ta’ inqas minn 250 m

7.1.1.6.1 (26)(f)

4, 5, 7

[12]

EN 14198:2016+A1:2018+A2:2021

Applikazzjonijiet ferrovjarji - Ibbrejkjar - Rekwiżiti għas-sistema tal-ibbrejkjar tal-ferroviji miġbuda minn lokomottivi

[12.2]

Coaches maħsuba sabiex jintużaw fi tħaddim ġenerali

Vaguni tal-persunal maħsuba sabiex jintużaw fi tħaddim ġenerali

7.1.1.5.2 (3)

7.1.1.6.2 (4)

5.3.2.6, 5.4

[17]

EN 14752:2019+A1:2021

Applikazzjonijiet ferrovjarji - Sistemi ta’ dħul mill-ġenb min-naħa tal-body għal vetturi ferrovjarji

[17.4]

Coaches maħsuba sabiex jintużaw fi tħaddim ġenerali – apparat ta’ kontroll tal-bibien

Vaguni tal-persunal maħsuba sabiex jintużaw fi tħaddim ġenerali – apparat ta’ kontroll tal-bibien

7.1.1.5.2 (9)

7.1.1.6.2 (10)

5.1.1, 5.1.2, 5.1.5, 5.1.6

[18]

EN 50125-1:2014

Applikazzjonijiet ferrovjarji - Kundizzjonijiet ambjentali għat-tagħmir - Parti 1: Vetturi ferrovjarji u tagħmir abbord

[18.3]

Kundizzjonijiet ambjentali – temperatura

7.1.1.5.2 (4)

7.1.1.6.2 (5)

4.3

[54]

EN 16286-1:2013

Applikazzjonijiet ferrovjarji - Sistemi ta’ passarella bejn vetturi - Parti 1: Applikazzjonijiet ewlenin

 

 

[54.1]

Konnessjonijiet għat-tqabbid ta’ passarelli mal-flanġ

7.1.1.5.2 (6)

7.1.1.6.2 (7)

Annessi A u B

[53]

IEC 61375-1:2012

Tagħmir elettroniku ferrovjarju – Network ta’ komunikazzjoni għal ferroviji (TCN) – Parti 1: Arkitettura ġenerali

[53.1]

Networks ta’ komunikazzjoni

7.1.1.5.1 (18)

7.1.1.6.1 (25)

5, 6

[61]

IRS UIC 50558:2017

Applikazzjoni Ferrovjarja - Vetturi Ferrovjarji - Interfaċċi tal-kontroll mill-bogħod u l-kejbils tad-data - Karatteristiċi tekniċi standard

[61.1]

Interfaċċa fiżika bejn unitajiet għat-trażmissjoni tas-sinjali

7.1.1.5.2 (8)

7.1.1.6.2 (9)

7.1.1

[70]

UIC 541-6:2010-10

Brejkijiet - Brejk elettropnewmatiku (brejk ep) u s-Sinjal tal-allarm tal-passiġġieri (Passenger alarm signal, PAS) għall-vetturi li jintużaw f’consists miġbuda

[70.1]

Coaches maħsuba sabiex jintużaw fi tħaddim ġenerali

Vaguni tal-persunal maħsuba sabiex jintużaw fi tħaddim ġenerali

7.1.1.5.2 (3)

7.1.1.6.2 (4)

3, 7

[71]

EN 17065:2018

Applikazzjonijiet ferrovjarji - Ibbrejkjar - Proċedura tat-test tal-coach tal-passiġġieri

[71.1]

Coaches maħsuba sabiex jintużaw f’formazzjonijiet predefiniti

Vaguni tal-persunal maħsuba sabiex jintużaw f’formazzjonijiet predefiniti

Vaguni tal-persunal maħsuba sabiex jintużaw fi tħaddim ġenerali

7.1.1.5.1 (13)

7.1.1.6.1 (20)

7.1.1.6.2 (4)

5, 6

[75]

EN 15839:2024

Applikazzjonijiet ferrovjarji - Ittestjar u simulazzjoni għall-aċċettazzjoni ta’ karatteristiċi tat-tħaddim ta’ vetturi ferrovjarji - Sikurezza waqt it-tħaddim taħt forza kompressiva lonġitudinali

[75.1]

Verifika ta’ tħaddim sikur taħt forzi kompressivi lonġitudinali

7.1.1.6.1 (4)

Kollha.”

(7)

Fl-Appendiċi 1, it-tabella J-2 għandha tiġi emendata kif ġej:

“[A]

ERA/ERTMS/033281 - V 5.0

Interfaċċi mas-Subsistemi ta’ Kontroll-Kmand u ta’ Sinjalazzjoni ta’ Maġenb il-Binarji u ma’ subsistemi oħrajn

TSI CCS, l-Appendiċi A, it-Tabella A 2, l-indiċi [77]

Kundizzjonijiet għal awtorizzazzjoni unika

Kundizzjonijiet applikabbli għall-vaguni tal-persunal maħsuba biex jintużaw f’formazzjonijiet predefiniti

7.1.1.5

7.1.1.6

[A.22]

unità mgħammra b’lubrikanti tal-flanġ

7.1.1.5 (10)

7.1.1.6.1 (17)

3.1.5

[A.23]

Unità mgħammra bi brejk tal-eddy current fuq il-binarji

7.1.1.5.1 (11)

7.1.1.6.1 (18)

3.2.3

[A.24]

Unità mgħammra bi brejk manjetiku tal-binarji

7.1.1.5.1 (12)

7.1.1.6.1 (19)

3.2.3

[A.25]

Disinn tal-unità

7.1.1.5.1 (15)

7.1.1.6.1 (21)

3.1

[D.1]

unitajiet maħsuba biex joperaw fil-Ġermanja fuq linji ferrovjarji bi gradjent ogħla minn 40 ‰

7.1.1.5.1 (20)(f)

7.1.1.6.1 (26)(b)

Klawżola rilevanti

[F]

Rekwiżiti għall-Vaguni tal-Persunal li jiżguraw il-kompatibbiltà mas-sistemi ta’ detezzjoni tal-ferroviji ERA/TD/2025-01/PECA v1.0

[F.1]

Kompatibbiltà tal-vaguni tal-persunali mas-sistemi ta’ detezzjoni tal-ferroviji

7.1.1.6.1 (22)

Kollox

[G]

Anforderungskatalog Triebfahrzeuge, Triebzüge und Reisezugwagen ÖBB-INFRA RW 50.02.01 (verżjoni tas-27.6.2024)

[G.1]

kapaċità termali tal-brejk

7.1.1.6.1 (26)(c)

6.1.3

[G.2]

Sikurezza waqt it-tħaddim fuq kurva ta’ inqas minn 250 m

7.1.1.6.1 (26) (f)

Appendiċi 6.”


ANNESS II

Fl-Anness III tad-Deċiżjoni 2011/665/UE, fit-tabella, fil-kolonna “kategorija”, it-tieni kategorija “vetturi tal-passiġġieri rmonkati” hija sostitwita bi “vetturi rmonkati” u għall-kodiċi 32 fil-kolonna “subkategorija” “Riżervat” hija sostitwita bi “Trasport tal-persunal”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/675/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)