|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/664 |
31.3.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/664
tal-31 ta’ Marzu 2025
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2882 li jissospendi l-miżuri ta’ politika kummerċjali rigward ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka imposti bir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886 u (UE) 2020/502
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 654/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta' Mejju 2014 dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni għall-applikazzjoni u l-infurzar ta’ regoli kummerċjali internazzjonali u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Komunità fil-qasam ta' politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b'mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fl-20 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886 (2) li jipprevedi l-applikazzjoni ta’ dazji doganali addizzjonali fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka (“l-Istati Uniti”). |
|
(2) |
Fis-7 ta’ April 2020, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/502 (3) li jipprevedi l-applikazzjoni ta’ dazji doganali addizzjonali fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċerti prodotti li joriġinaw fl-Istati Uniti. |
|
(3) |
Id-dazji doganali addizzjonali imposti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886 u bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/502 kellhom l-għan li jikkontrobilanċjaw il-miżuri ta’ salvagwardja fil-forma ta’ dazji doganali addizzjonali li l-Istati Uniti kienu introduċew abbażi tat-Taqsima 232 tal-Att dwar l-Espansjoni tal-Kummerċ tal-1962 tal-Istati Uniti fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti speċifikati tal-azzar u tal-aluminju li joriġinaw mill-Unjoni, b’effett mill-1 ta’ Ġunju 2018, u fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti derivattivi tal-azzar u tal-aluminju li joriġinaw mill-Unjoni, b’effett mit-8 ta’ Frar 2020. |
|
(4) |
Fit-18 ta’ Diċembru 2023, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2882 li jissospendi, sal-31 ta’ Marzu 2025, id-dazji ad valorem addizzjonali imposti bir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886 u (UE) 2020/502 (4). |
|
(5) |
Fl-10 ta’ Frar 2025, l-Istati Uniti introduċew mill-ġdid il-miżuri ta’ salvagwardja tagħhom fil-forma ta’ dazji doganali addizzjonali fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar u tal-aluminju u ta’ prodotti derivattivi tal-azzar u tal-aluminju li joriġinaw, fost oħrajn, mill-Unjoni, fil-livelli inizjali ta’ 25 % u 10 % ad valorem, rispettivament, b’effett mit-12 ta’ Marzu 2025 (5). |
|
(6) |
Jeħtieġ li l-Unjoni tikkalibra l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet tagħha ta’ riekwilibriju skont il-GATT 1994, sabiex tqis l-iżviluppi tal-imgħoddi u dawk imħabbra tar-relazzjoni kummerċjali bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti. |
|
(7) |
Għalhekk huwa meħtieġ li s-sospensjoni li għaddejja tiġi estiża għal perjodu qasir ieħor sabiex jiġu pprovduti fost oħrajn opportunitajiet addizzjonali għall-kooperazzjoni mal-Istati Uniti, inkluż bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni għall-kontroversja dwar it-tariffi rispettivi u qabel ma d-dazji doganali jibdew jiġu applikati mill-ġdid mill-15 ta’ April 2025. |
|
(8) |
Għaldaqstant, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2882 jenħtieġ li jiġi emendat kif xieraq. |
|
(9) |
Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tal-Unjoni li l-miżuri ta’ salvagwardja mill-Istati Uniti jibqgħu inkompatibbli mal-Ftehim tad-WTO, u indipendenti minnha. |
|
(10) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ostakli għall-Kummerċ, stabbilit bir-Regolament (UE) 2015/1843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2882 huwa emendat kif ġej:
|
1. |
Fl-Artikolu 1, il-“31 ta’ Marzu 2025” hija sostitwita bl-“14 ta’ April 2025”. |
|
2. |
Fl-Artikolu 2, il-“31 ta’ Marzu 2025” hija sostitwita bl-“14 ta’ April 2025”. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Marzu 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 189, 27.6.2014, p. 50, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/654/oj.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/886 tal-20 ta’ Ġunju 2018 dwar ċerti miżuri ta’ politika kummerċjali rigward ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/724 (ĠU L 158, 21.6.2018, p. 5, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg_impl/2018/886/oj?eliuri=eli%3Areg_impl%3A2018%3A886%3Aoj&locale=mt).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/502 tas-6 ta’ April 2020 dwar ċerti miżuri ta’ politika kummerċjali li jikkonċernaw ċerti prodotti li joriġinaw fl-Istati Uniti tal-Amerka (ĠU L 109, 7.4.2020, p. 10, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg_impl/2020/502/oj?eliuri=eli%3Areg_impl%3A2020%3A502%3Aoj&locale=mt).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2882 tat-18 ta’ Diċembru 2023 li jissospendi l-miżuri ta’ politika kummerċjali rigward ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka imposti bir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/886 u (UE) 2020/502 (ĠU L, 2023/2882, 19.12.2023, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2882/oj?eliuri=eli%3Areg_impl%3A2023%3A2882%3Aoj&locale=mt).
(5) Il-Proklamazzjoni Nru 10896 tal-10 ta’ Frar 2025, L-Aġġustament tal-Importazzjonijiet tal-Azzar fl-Istati Uniti, u l-Annessi tagħha; Il-Proklamazzjoni Nru 10895 tal-10 ta’ Frar 2025, L-Aġġustament tal-Importazzjonijiet tal-Aluminju fl-Istati Uniti, u l-Annessi tagħha.
(6) Ir-Regolament (UE) 2015/1843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2015 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Unjoni fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b’mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (kodifikazzjoni) (ĠU L 272, 16.10.2015, p. 1, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2015/1843/oj?eliuri=eli%3Areg%3A2015%3A1843%3Aoj&locale=mt).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/664/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)