|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/661 |
4.4.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/661
tat-3 ta’ April 2025
li japprova emendi mhux minuri tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għal isem imdaħħal fir-reġistru tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti (“Parmigiano Reggiano” (DOP))
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 52(3)(b) u 53(2), l-ewwel subparagrafu, tiegħu,
Billi:
|
(1) |
F’konformità mal-Artikolu 90(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li ħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012, dan tal-aħħar jibqa’ applikabbli għall-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ emenda mhux minuri tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel li waslu għand il-Kummissjoni u ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea qabel it-13 ta’ Mejju 2024. Barra minn hekk, f’konformità mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) 2021/2117 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), ir-regoli applikabbli qabel is-7 ta’ Diċembru 2021 jibqgħu japplikaw għall-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ emenda tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tad-denominazzjonijiet tal-oriġini li waslu għand il-Kummissjoni qabel it-8 ta’ Ġunju 2022. Billi l-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda mhux minuri tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tad-DOP “Parmigiano Reggiano” fit-2 ta’ Diċembru 2021, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 japplikaw bħal fil-verżjoni applikabbli qabel is-7 ta’ Diċembru 2021. |
|
(2) |
Billi l-emendi kkonċernati mhumiex minuri skont it-tifsira tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, skont l-Artikolu 50(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni tal-Italja għall-approvazzjoni ta’ emendi tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta “Parmigiano Reggiano”, irreġistrata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 (4). |
|
(3) |
Il-Kummissjoni ppubblikat l-applikazzjoni għall-emenda f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (5) kif meħtieġ mill-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. |
|
(4) |
Fit-8 ta’ Settembru 2023, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ oppożizzjoni u d-dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni relatata minn kumpanija bbażata fil-Ġermanja. |
|
(5) |
F’konformità mal-Artikolu 51(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkollhom interess leġittimu, jkunu residenti jew stabbiliti fi Stat Membru ieħor għajr dak minn fejn tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni, jistgħu jippreżentaw avviż ta’ oppożizzjoni lill-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti. Minħabba li l-avviż ta’ oppożizzjoni mill-kumpanija bbażata fil-Ġermanja ġie ppreżentat direttament lill-Kummissjoni u għalhekk mhux f’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 51(1), dan l-avviż ta’ oppożizzjoni jitqies inammissibbli. |
|
(6) |
Fit-28 ta’ Awwissu 2023, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ oppożizzjoni u d-dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni relatata mill-Awstrija. Il-Kummissjoni bagħtet l-avviż ta’ oppożizzjoni u d-dikjarazzjoni motivata relatata lill-Italja fid-29 ta’ Awwissu 2023. Fis-6 ta’ Ottubru 2023, l-Awstrija kkonfermat li d-dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni kienet kompluta u li ma xtaqitx tipprovdi xi informazzjoni addizzjonali. |
|
(7) |
Wara li eżaminat id-dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni u stabbiliet li hija ammissibbli, f’konformità mal-Artikolu 51(3) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni stiednet lill-Italja u lill-Awstrija, permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Novembru 2023, biex jipparteċipaw f’konsultazzjonijiet xierqa bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim. Fit-23 ta’ Frar 2024, fuq talba tal-Italja, il-Kummissjoni estendiet l-iskadenza għall-konsultazzjoni bi 30 jum addizzjonali. |
|
(8) |
Il-konsultazzjonijiet bejn l-Italja u l-Awstrija ntemmu mingħajr ma ntlaħaq ftehim. Għalhekk, il-Kummissjoni trid tieħu deċiżjoni f’konformità mal-Artikoli 52(3)(b) u 53(2), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, filwaqt li tqis ir-riżultati ta’ dawn il-konsultazzjonijiet. |
|
(9) |
L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott attwali tirrikjedi perjodu tranżitorju tat-tagħlif ta’ 4 xhur għall-bhejjem minn ktajjen tal-produzzjoni għajr il-katina “Parmigiano Reggiano”. L-emenda tal-Artikolu 9 tat-taqsima “Regoli dwar it-Tagħlif tal-Baqar” tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tistabbilixxi r-rekwiżit li l-introduzzjoni tal-bhejjem mill-ktajjen tal-produzzjoni għajr il-katina “Parmigiano Reggiano” fi mħaleb jew fl-unitajiet tal-istokkjar mill-ġdid trid issir mhux aktar tard mill-jum li fih l-annimal jagħlaq 10 xhur. It-Taqsima “Regoli dwar it-Tagħlif tal-Baqar” tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tapplika għat-tagħlif tal-annimali maħsuba biex jipproduċu l-ħalib għall-ipproċessar f’“Parmigiano Reggiano”. Il-katina “Parmigiano Reggiano” tinkludi mħaleb li jipproduċu l-“Parmigiano Reggiano”. |
|
(10) |
Fil-ġustifikazzjoni tal-emenda l-Italja enfasizzat il-ħtieġa li jiġu ppreservati l-elementi uniċi tal-ġobon “Parmigiano Reggiano”, jiġifieri, l-impatt tat-territorju bi projbizzjonijiet fuq is-silaġġ u enfasi fuq il-foraġġ tal-mergħat; il-ġestjoni tal-bhejjem b’nutrizzjoni u kura xierqa tal-annimali; u d-dieta speċifika li trawwem kundizzjonijiet mikrobijoloġiċi favorevoli għall-produzzjoni tal-ġobon. L-Italja indikat li l-bidliet proposti huma maħsuba biex jadattaw l-annimali għad-dieta, jissodisfaw l-istandards tad-DOP, jissimplifikaw il-kontrolli tal-konformità u jnaqqsu l-kwistjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità. |
|
(11) |
L-argumenti tal-Awstrija kif jinsabu fid-dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni tagħha u fil-konsultazzjonijiet imwettqa mal-Italja jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej. |
|
(12) |
L-Awstrija sostniet li l-applikazzjoni għal emenda mhux minuri tintroduċi kundizzjonijiet li jikkostitwixxu restrizzjoni mhux awtorizzata fuq il-moviment liberu tal-merkanzija. L-opponent irrefera għall-Artikoli 34 u 36 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), għall-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u għad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). |
|
(13) |
F’dan il-kuntest, l-Awstrija argumentat li r-restrizzjoni introdotta mill-emenda tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex tiġi stabbilita r-rabta mal-ambjent ġeografiku. |
|
(14) |
L-Awstrija argumentat ukoll li l-faċilitazzjoni tal-kontrolli skont is-sistema tal-produzzjoni ċċertifikata ma tistax tiġġustifika r-restrizzjoni proposta. Sabiex issostni dik l-affermazzjoni, l-Awstrija invokat l-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 li skontu r-rekwiżit tal-imballaġġ li jsir fiż-żona ġeografika ddefinita jrid ikun ibbażat fuq il-ħtieġa li tiġi ssalvagwardjata l-kwalità, li tiġi żgurata l-oriġini jew li jiġi żgurat il-kontroll u ma jridx jikkostitwixxi restrizzjoni mhux ġustifikabbli fuq il-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi, u l-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 (7) li jirrikjedi kwalunkwe restrizzjoni għall-oriġini tal-materja prima pprovduta fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ prodott li l-isem tiegħu huwa rreġistrat bħala indikazzjoni ġeografika protetta li għandu jiġi ġġustifikat fir-rigward tar-rabta maż-żona ġeografika. |
|
(15) |
L-Italja kkonfermat li r-raġunament għall-bidla fir-rigward tal-bhejjem li joriġinaw minn ktajjen ta’ produzzjoni oħra li ġie pprovdut fl-applikazzjoni għal emenda mhux minuri huwa validu u pprovdiet argumentazzjoni addizzjonali fir-rigward tal-impatt tal-produzzjoni tal-materja prima fuq il-prodott finali u l-ħtieġa li jissaħħu l-kontrolli tal-kwalità tal-prodott. |
|
(16) |
Il-Kummissjoni vvalutat l-argumenti pprovduti fid-dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni mill-Awstrija fid-dawl tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, filwaqt li qieset l-informazzjoni li rċeviet dwar il-konsultazzjonijiet bejn il-partijiet interessati, u waslet għall-konklużjonijiet li ġejjin. |
|
(17) |
Fir-rigward tal-allegata restrizzjoni mhux awtorizzata fuq il-moviment liberu tal-merkanzija, l-Artikolu 34 tat-TFUE jipprojbixxi r-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjonijiet u l-miżuri kollha li għandhom effett ekwivalenti. Madankollu, l-Artikolu 34 tat-TFUE jenħtieġ li jiġi applikat fid-dawl tal-Artikolu 36 tat-TFUE, li jipprevedi eċċezzjonijiet għall-moviment liberu tal-merkanzija, u jippermetti restrizzjonijiet ġustifikati minn raġunijiet bħall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali. Id-DOP huma dritt ta’ proprjetà intellettwali kopert minn dik l-eċċezzjoni. |
|
(18) |
L-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 jiddefinixxi denominazzjoni tal-oriġini bħala isem li jidentifika prodott (a) li joriġina f’post, f’reġjun jew, f’każijiet eċċezzjonali, f’pajjiż speċifiku; (b) li l-kwalità jew il-karatteristiċi tiegħu huma essenzjalment jew esklużivament dovuti għal ambjent ġeografiku partikolari bil-fatturi naturali u umani inerenti tiegħu; u (c) li l-fażijiet ta’ produzzjoni tiegħu jseħħu kollha fiż-żona ġeografika ddefinita. Barra minn hekk, l-istess Artikolu jirrikjedi li l-materja prima għall-prodotti kkummerċjalizzati taħt DOP trid tiġi miż-żona ġeografika ddefinita, u tista’ tiġi minn barra din iż-żona biss b’mod eċċezzjonali u soġġetta għal kundizzjonijiet. L-annimali ħajjin, il-laħam u l-ħalib jitqiesu bħala materja prima għal dan l-għan. |
|
(19) |
Mhuwiex ikkontestat li s-sistema speċjali tat-tagħlif tal-baqar hija kundizzjoni neċessarja biex jiġi żgurat li l-ħalib li jipproduċu jkollu l-kwalitajiet meħtieġa għall-produzzjoni tal-“Parmigiano Reggiano” u b’hekk tiġi stabbilita r-rabta mal-ambjent ġeografiku. Lanqas ma huwa kkontestat li l-baqar għandhom bżonn perjodu ta’ adattament sabiex is-sistema tat-tagħlif tipproduċi l-effett mixtieq. Dan huwa l-objettiv tar-rekwiżit tal-perjodu tranżitorju tat-tagħlif ta’ 4 xhur stabbilit fil-verżjoni attwali tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Dan ir-rekwiżit għandu jitneħħa u jiġi sostitwit mir-rekwiżit li l-baqar irid ikollhom massimu ta’ 10 xhur qabel ma jiġu introdotti fil-katina tal-produzzjoni tal-“Parmigiano Reggiano”. Dan ir-rekwiżit il-ġdid jiżgura li l-istess objettiv jinkiseb b’mod aktar effiċjenti u effettiv, billi tiżdied il-konformità mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u l-kontrollabbiltà tagħha. |
|
(20) |
F’dan ir-rigward, jidher li l-kontrolli mwettqa biex jiġi żgurat li s-sistema attwali tiġi rispettata, żvelaw għadd kbir ta’ fallimenti, u għadd dejjem akbar ta’ każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità, li fihom l-operaturi ma mmaniġġjawx kif xieraq is-segregazzjoni tal-annimali taħt il-perjodu tranżitorju tat-tagħlif. B’konsegwenza ta’ dan, il-ġobon ġie prodott minn ħalib miksub minn baqar soġġetti għall-perjodu tranżitorju tat-tagħlif ta’ 4 xhur, u, għalhekk, ma kienx eliġibbli għall-protezzjoni tad-DOP. L-introduzzjoni tal-baqar fl-età massima ta’ 10 xhur, meta t-treddigħ ikun għadu ma sarx, tista’ titqies li tipprovdi aktar garanziji għall-kwalità u l-awtentiċità tal-prodott meta mqabbla ma’ perjodu tranżitorju tat-tagħlif ta’ 4 xhur. Ma jkun hemm l-ebda riskju li l-operatur jimmaniġġja ħażin is-segregazzjoni tal-annimali matul il-perjodu tranżitorju tat-tagħlif u l-flussi tal-ħalib tagħhom, li jista’ jikkawża problemi bil-ġobon, xi ħaġa li tista’ sseħħ bħalissa jekk baqra tkun diġà qed tredda’ meta tinġieb fir-razzett. Barra minn hekk, din il-miżura se żżid b’mod sostanzjali l-kontrollabbiltà tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott billi mhux se jkun hemm bżonn li tiġi kkontrollata s-segregazzjoni tal-annimali u l-flussi separati tal-ħalib biex jiġi żgurat li jintuża biss ħalib minn annimali eliġibbli għall-produzzjoni tal-“Parmigiano Reggiano”. |
|
(21) |
Barra minn hekk, f’konformità mal-ġurisprudenza stabbilita, l-indikazzjonijiet ġeografiċi huma maħsuba biex jiggarantixxu li l-prodott deżinjat bħala tali jkun ġej minn żona ġeografika speċifika u jkollu ċerti karatteristiċi partikolari. Dawn jistgħu jgawdu reputazzjoni kbira fost il-konsumaturi li hija bbażata fuq il-kwalità tal-prodott. Għall-konsumaturi, ir-rabta bejn ir-reputazzjoni tal-prodotti u l-kwalità tal-prodotti tiddependi wkoll mill-assigurazzjoni tiegħu li l-prodotti mibjugħa taħt id-denominazzjoni tal-oriġini huma awtentiċi. F’konformità mal-ġurisprudenza stabbilita, restrizzjoni trid titqies bħala kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni minkejja l-effetti restrittivi tagħha fuq il-kummerċ jekk jintwera li hija meħtieġa u proporzjonata u kapaċi żżomm ir-reputazzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkonċernata (8). Fil-każ tal-“Parmigiano Reggiano”, ir-rekwiżit li jiġu introdotti l-baqar b’età massima ta’ 10 xhur fil-katina tal-produzzjoni għandu l-għan ukoll li jippreserva r-reputazzjoni tal-“Parmigiano Reggiano” billi jiffaċilita l-kontrolli fuq il-kwalità u l-awtentiċità tiegħu u jneħħi r-riskju li l-ħalib li ma jkollux il-kwalitajiet meħtieġa jintuża għall-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat. Ir-rekwiżit għalhekk isegwi objettiv leġittimu. |
|
(22) |
Barra minn hekk, ma jintweriex li hemm miżuri alternattivi inqas restrittivi li kapaċi jistabbilixxu perjodu ta’ adattament u fl-istess ħin jiżguraw li l-operatur jimmaniġġja kif suppost is-segregazzjoni tal-annimali taħt il-perjodu tranżitorju tat-tagħlif. Barra minn hekk, l-emenda kkontestata tippermetti lill-Awstrija tkompli tesporta l-baqar tagħha lejn l-Italja, billi tikkonforma mar-rekwiżit il-ġdid li tbigħ l-ifrat f’età iżgħar. |
|
(23) |
Fir-rigward tar-referenza magħmula mill-Awstrija għall-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014, jenħtieġ li jiġi nnotat li dawn id-dispożizzjonijiet, li jikkonċernaw rispettivament l-imballaġġ fir-rigward tad-DOP u l-materja prima fir-rigward tal-IĠP, mhumiex applikabbli fil-każ inkwistjoni. |
|
(24) |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, l-applikazzjoni għal emenda mhux minuri għad-DOP “Parmigiano Reggiano” ma titqiesx li timponi restrizzjoni mhux awtorizzata fuq il-moviment liberu tal-merkanzija skont it-tifsira tal-Artikolu 34 flimkien mal-Artikolu 36 tat-TFUE jew li tikser l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. |
|
(25) |
Fir-rigward tal-konformità mad-Direttiva (UE) 2015/1535, jenħtieġ li jiġi nnotat li f’konformità mal-Artikolu 2(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, id-Direttiva 98/34/KE, li sussegwentement tħassret u ġiet sostitwita bid-Direttiva (UE) 2015/1535, ma tapplikax għall-iskemi tal-kwalità stabbiliti b’dan ir-Regolament. Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, mhuwiex meħtieġ li jiġi vvalutat jekk l-emenda proposta tkunx permessa f’konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva msemmija hawn fuq. |
|
(26) |
Għaldaqstant, l-emenda tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-isem “Parmigiano Reggiano” (DOP) jenħtieġ li tiġi approvata. |
|
(27) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika dwar il-Kwalità għal prodotti agrikoli, l-inbid u x-xorb spirituż, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-emendi tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-isem “Parmigiano Reggiano” DOP huma b’dan approvati.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ April 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1151/oj.
(2) Ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (ĠU L, 2024/1143, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1143/oj).
(3) Ir-Regolament (UE) 2021/2117 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli, (UE) Nru 1151/2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, (UE) Nru 251/2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u (UE) Nru 228/2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 262, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2117/oj).
(4) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 tat-12 ta’ Ġunju 1996 dwar ir-reġistrazzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta’ oriġini taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 (ĠU L 148, 21.6.1996, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1996/1107/oj).
(5) ĠU C 202, 9.6.2023, p. 53.
(6) Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika, ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1. ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/1535/oj).
(7) Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 tat- 18 ta' Diċembru 2013 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-istabbiliment ta' simboli tal-Unjoni għal denominazzjonijiet protetti tal-oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi protetti u speċjalitajiet tradizzjonali ggarantiti u fir-rigward ta' ċerti regoli dwar il-ksib, ċerti regoli proċedurali u ċerti regoli tranżitorji oħrajn (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2014/664/oj).
(8) Ara, inter alia, is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2003, Ravil, C-469/00, ECLI:EU:C:2003:295, il-paragrafi 49 u 51 u s-Sentenza tal-20 ta’ Mejju 2003, Consorzio del Prosciutto di Parma u Salumificio S. Rita, C-108/01, ECLI:EU:C:2003:296, il-paragrafi 64 u 66.
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/661/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)