European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/653

31.3.2025

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/653

tas-27 ta’ Marzu 2025

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1696 dwar ir-regoli ta’ ħidma tal-bord tal-għażla previsti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1696 (2) stabbiliet ir-regoli ta’ ħidma tal-bord tal-għażla għall-ħatra tal-Kap Prosekutur Ewropew u l-Prosekuturi Ewropej.

(2)

Filwaqt li la r-Regolament (UE) 2017/1939 u lanqas ir-Regola VI tar-regoli ta’ ħidma tal-bord tal-għażla ma jispeċifikaw liema awtorità hija responsabbli għall-abbozzar, l-adozzjoni u l-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-sejħa miftuħa għall-kandidati għall-pożizzjoni ta’ Kap Prosekutur Ewropew, il-Kummissjoni kienet responsabbli għall-abbozzar, l-adozzjoni u l-pubblikazzjoni tal-ewwel sejħa miftuħa għall-kandidati u tipprovdi s-segretarjat tal-bord tal-għażla, li jeżamina l-applikazzjonijiet.

(3)

Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi ċċarat li l-Kummissjoni hija responsabbli għall-abbozzar, l-adozzjoni u l-pubblikazzjoni tas-sejħa miftuħa għall-kandidati għall-pożizzjoni ta’ Kap Prosekutur Ewropew, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill fil-livell xieraq.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1696 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fir-Regola VI.1 fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1696, l-ewwel paragrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-abbozzar, l-adozzjoni u l-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-sejħa miftuħa għall-kandidati f’konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-abbozz tas-sejħa miftuħa għall-kandidati, qabel l-adozzjoni tagħha, fil-livell xieraq. Malli jirċievi l-applikazzjonijiet tal-kandidati, il-bord tal-għażla għandu janalizza l-applikazzjonijiet fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) 2017/1939, kif speċifikat ulterjorment mill-Kummissjoni fis-sejħa miftuħa għall-kandidati. Il-kandidati li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà għandhom jiġu esklużi mill-passi li jmiss tal-proċedura. Il-bord tal-għażla għandu jikklassifika lill-kandidati li jissodisfaw ir-rekwiżiti skont il-kwalifiki u l-esperjenza tagħhom, abbażi tad-dokumentazzjoni u l-informazzjoni pprovduti fl-applikazzjoni jew mogħtija wara li ssir talba skont ir-Regola V. Il-bord tal-għażla għandu jisma’ għadd suffiċjenti ta’ kandidati minn fost l-ogħla klassifikati sabiex ikun jista’ jistabbilixxi l-lista ristretta msemmija fir-Regola VII.1. Is-seduta ta’ smigħ għandha ssir personalment jew, fuq deċiżjoni motivata tal-bord tal-għażla, jew fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba tal-kandidat, permezz ta’ vidjokonferenza. Qabel ma l-bord tal-għażla jiddeċiedi fuq inizjattiva tiegħu stess li jwettaq seduta ta’ smigħ permezz ta’ vidjokonferenza, huwa għandu jħalli lill-kandidat jesprimi l-fehmiet tiegħu.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Marzu 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

P. HENNIG-KLOSKA


(1)   ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1939/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1696 tat-13 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli ta’ ħidma tal-bord tal-għażla previsti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 282, 12.11.2018, p. 8, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/1696/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/653/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)