|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/645 |
18.6.2025 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/645
tal-1 ta’ April 2025
li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2023/1804 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tekniċi komuni għal interfaċċa komuni għall-programm ta’ applikazzjoni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Ir-Regolament (UE) 2023/1804 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi, u li jħassar id-Direttiva 2014/94/UE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20(6), il-punt (b), tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 20(2) tar-Regolament (UE) 2023/1804 jipprevedi li sal-14 ta’ April 2025, l-operaturi ta’ punti tal-irriċarġjar u punti ta’ riforniment aċċessibbli għall-pubbliku għall-fjuwils alternattivi, jew, f’konformità mal-arranġamenti bejniethom, is-sidien ta’ dawk il-punti, għandhom jiżguraw id-disponibbiltà ta’ data statika u data dinamika dwar l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi mħaddma minnhom, jew servizzi marbuta b’mod inerenti ma’ tali infrastruttura li huma jipprovdu jew li jesternalizzaw, mingħajr ħlas. |
|
(2) |
Sabiex jiġi pprovdut aċċess liberu u mingħajr restrizzjonijiet għal dik id-data u jkun jista’ jsir skambju awtomatizzat u uniformi tad-data bejn l-operaturi ta’ punti tal-irriċarġjar u tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku u l-utenti tad-data, l-Artikolu 20(3) tar-Regolament (UE) 2023/1804 jirrikjedi li kull operatur ta’ punti tal-irriċarġjar u tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku għall-fjuwils alternattivi, jew, f’konformità mal-arranġamenti bejniethom, is-sid ta’ dawk il-punti, jistabbilixxi interfaċċa għall-programm ta’ applikazzjoni (API). |
|
(3) |
Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi komuni għal interfaċċa komuni għall-programm ta’ applikazzjoni biex tippermetti skambju awtomatizzat u uniformi tad-data bejn l-operaturi ta’ punti tal-irriċarġjar u punti tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku għall-fjuwils alternattivi u l-utenti tad-data. |
|
(4) |
L-operaturi ta’ punti tal-irriċarġjar u tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku jew is-sidien ta’ dawk il-punti jistgħu jistabbilixxu l-APIs huma stess jew jużaw soluzzjoni protokoll għall-API żviluppata mill-atturi rilevanti tas-suq, inklużi fornituri terzi. Jenħtieġ li tali soluzzjonijiet protokoll għall-API jikkonformaw mar-rekwiżiti tekniċi komuni għall-API stabbiliti f’dan ir-Regolament. |
|
(5) |
Sabiex jiġu promossi b’mod speċifiku l-interoperabbiltà, il-konverġenza u trasparenza akbar tal-APIs abbażi ta’ soluzzjonijiet protokoll żviluppati minn atturi rilevanti tas-suq għall-punti tal-irriċarġjar u l-punti ta’ riforniment differenti aċċessibbli għall-pubbliku għall-fjuwils alternattivi, huwa meħtieġ li jiġu introdotti għadd ta’ rekwiżiti tekniċi komuni. Dawk ir-rekwiżiti tekniċi jenħtieġ li jiżguraw minimu ta’ kompatibbiltà, skalabbiltà, robustezza u sigurtà biex ikun jista’ jsir skambju awtomatizzat u uniformi tad-data bejn l-operaturi ta’ punti tal-irriċarġjar u punti ta’ riforniment aċċessibbli għall-pubbliku għall-fjuwils alternattivi u l-utenti tad-data madwar l-Unjoni. |
|
(6) |
Sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp prevedibbli tal-APIs għall-operaturi ta’ punti tal-irriċarġjar u tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku jew għas-sidien ta’ dawk il-punti, ir-rekwiżiti tekniċi komuni jenħtieġ li jiżguraw li s-soluzzjonijiet protokoll ikun fihom informazzjoni dwar l-APIs abbażi ta’ pjan ta’ żvilupp tekniku dettaljat li jkun aċċessibbli għall-pubbliku, pereżempju fuq sit web iddedikat, b’dettalji operazzjonali rilevanti bl-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni teknika u l-kontinwità maż-żmien. Dan ir-rekwiżit jenħtieġ li jiffaċilita wkoll l-aċċess tal-operaturi interessati tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi għal dokumentazzjoni aġġornata aċċessibbli għall-pubbliku u linji gwida għall-integrazzjoni u għall-użu bla xkiel mill-utenti tad-data, inkluż taħriġ komprensiv u materjali ta’ appoġġ tekniku. |
|
(7) |
Ir-rekwiżiti tekniċi komuni għal API komuni jenħtieġ li jiffaċilitaw ukoll il-ħidma teknika tal-Istati Membri meta jagħmlu d-data dwar l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi aċċessibbli bħala data miftuħa permezz tal-NAPs f’konformità mal-Artikolu 20(4) tar-Regolament (UE) 2023/1804 u d-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet addizzjonali fir-Regolamenti Delegati adottati abbażi ta’ dik id-Direttiva. |
|
(8) |
Sabiex jiġu antiċipati l-iżviluppi futuri u l-implimentazzjoni tal-Artikolu 20(5) tar-Regolament (UE) 2023/1804, jenħtieġ li r-rekwiżiti tekniċi komuni għal API komuni jikkontribwixxu wkoll għall-istruttura teknika tal-punt ta’ aċċess komuni Ewropew li l-Kummissjoni trid tistabbilixxi sal-31 ta’ Diċembru 2026. Jenħtieġ li dawn ir-rekwiżiti tekniċi komuni jgħinu fl-operat futur tal-punt ta’ aċċess komuni Ewropew sabiex l-utenti tad-data jkunu jistgħu jaċċessaw faċilment id-data u jqabblu l-informazzjoni dwar il-karatteristiċi tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi, bħall-prezz, l-aċċessibbiltà, id-disponibbiltà jew il-kapaċità tal-enerġija. |
|
(9) |
L-Artikolu 20(8) tar-Regolament (UE) 2023/1804 jirrikjedi li l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafi 6 u 7 jipprevedu perjodi tranżizzjonali raġonevoli qabel ma d-dispożizzjonijiet li jinsabu fihom, jew l-emendi tagħhom, isiru vinkolanti fuq l-operaturi jew is-sidien ta’ punti tal-iċċarġjar u punti ta’ riforniment għall-fjuwils alternattivi. Għalhekk, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-14 ta’ April 2025 peress li dik id-data tikkoinċidi mad-data tal-applikazzjoni tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament (UE) 2023/1804, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Rekwiżiti tekniċi komuni għal interfaċċa komuni għall-programm ta’ applikazzjoni
1. L-interfaċċa għall-programm ta’ applikazzjoni (API) imsemmija fl-Artikolu 20(3) tar-Regolament (UE) 2023/1804 għandha tikkonforma mar-rekwiżiti tekniċi komuni li ġejjin:
|
(a) |
għandha tkun teknikament kompatibbli, fejn rilevanti, mal-punti tal-irriċarġjar u tar-riforniment għal sistemi ta’ ġestjoni tas-software tal-fjuwils alternattivi u mal-punti ta’ aċċess nazzjonali; |
|
(b) |
għandha tiffaċilita l-użu għall-utenti tad-data sabiex tappoġġa l-iżvilupp ta’ servizzi ta’ informazzjoni ta’ kwalità għolja dwar il-fjuwils alternattivi; |
|
(c) |
għandha tkun skalabbli u kapaċi timmaniġġa ammonti dejjem akbar ta’ data f’ħin reali maż-żmien; |
|
(d) |
għandha tkun robusta u kapaċi tlaħħaq mal-iżbalji matul l-eżekuzzjoni; |
|
(e) |
għandha tkun sigura u tinkludi miżuri ta’ protezzjoni rilevanti biex jiġi evitat l-aċċess mhux intenzjonat għad-data; |
|
(f) |
għandha tgħaddi minn ittestjar u validazzjoni regolari biex jiġu żgurati l-kompatibbiltà u l-affidabbiltà kontinwi; |
|
(g) |
għandha tkun skalabbli biex tappoġġa l-integrazzjoni f’portal web iddedikat ta’ punt ta’ aċċess komuni Ewropew biex tiffunzjona bħala gateway tad-data li tiffaċilita l-aċċess għad-data msemmija fl-Artikolu 20(2) tar-Regolament (UE) 2023/1804. |
2. Meta l-operaturi ta’ punti tal-irriċarġjar u ta’ punti tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku jew, f’konformità mal-arranġamenti bejniethom, is-sidien ta’ dawk il-punti jiddependu fuq soluzzjoni protokoll għall-API msemmija fl-Artikolu 20(3) tar-Regolament (UE) 2023/1804, żviluppata minn attur ieħor tas-suq jew fornitur terz, huma għandhom jiżguraw, minbarra l-paragrafu 1, li tali soluzzjoni protokoll tikkonforma mar-rekwiżiti tekniċi komuni li ġejjin:
|
(a) |
għandu jkun fiha pjan ta’ żvilupp tekniku dettaljat u aċċessibbli għall-pubbliku bi skedi trasparenti li jinfurmaw l-implimentazzjoni teknika u l-kontinwità maż-żmien; |
|
(b) |
għandha tipprovdi dokumentazzjoni u linji gwida aġġornati u aċċessibbli għall-pubbliku għall-integrazzjoni u l-użu bla xkiel mill-utenti tad-data; |
|
(c) |
għandha tipprovdi taħriġ u appoġġ tekniku komprensiv lill-utenti tad-data biex tiffaċilita l-iżvilupp u l-implimentazzjoni b’suċċess tas-servizzi ta’ informazzjoni; |
|
(d) |
għandha tkun teknikament kompatibbli, fejn rilevanti, mar-rekwiżiti tal-arkitettura tal-punti ta’ aċċess nazzjonali (NAPs); |
|
(e) |
għandha tkun skalabbli bil-ħsieb għall-integrazzjoni f’portal web iddedikat ta’ punt ta’ aċċess komuni Ewropew għad-data dwar il-fjuwils alternattivi. |
3. Meta fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri jkunu diġà stipulaw l-użu ta’ API speċifika abbażi tar-rekwiżiti tekniċi nazzjonali fit-territorju tagħhom, tali rekwiżiti tekniċi nazzjonali għall-API għandhom japplikaw biss sa fejn jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-14 ta’ April 2025.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ April 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 234, 22.9.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1804/oj.
(2) Id-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport (ĠU L 207, 6.8.2010, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2010/40/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/645/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)