European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/627

31.3.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/627

tat-28 ta’ Marzu 2025

li jistabbilixxi, skont ir-Regolament (UE) 2024/573 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-rekwiżiti minimi għaċ-ċertifikati ta’ persuni fiżiċi u l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku ta’ tali ċertifikati, fir-rigward tal-installazzjoni, il-manutenzjoni jew is-servizzjar, it-tiswija jew id-dekummissjonar ta’ kommutatur elettriku stazzjonarju li fih gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra u l-irkupru ta’ gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra minn kommutatur elettriku stazzjonarju u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2066

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/573 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Frar 2024 dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra, li jemenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(8) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2024/573 jinkludi obbligi dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi biex iwettqu ċerti attivitajiet li jinvolvu gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra jew alternattivi rilevanti għall-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2024/573 introduċa regoli ġodda dwar l-installazzjoni, il-manutenzjoni jew is-servizzjar, it-tiswija jew id-dekummissjonar ta’ kommutatur elettriku stazzjonarju li fih gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra u l-irkupru ta’ gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra minn kommutatur elettriku stazzjonarju. Ir-regoli l-ġodda jkopru b’mod partikolari, kamp ta’ applikazzjoni estiż ta’ sustanzi.

(3)

Għalhekk, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2024/573, jeħtieġ jiġu aġġornati r-rekwiżiti minimi għaċ-ċertifikazzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tas-sustanzi u l-ħiliet u l-għarfien li għandhom jiġu koperti u li jiġu speċifikati r-regoli għaċ-ċertifikazzjoni u l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati.

(4)

Ir-Regolament (UE) 2024/573 issostitwixxa r-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2066 (3) jitħassar.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar il-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra, stabbiliti bl-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) 2024/573,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal persuni fiżiċi li jwettqu l-attivitajiet li ġejjin:

(a)

l-installazzjoni, il-manutenzjoni, is-servizzjar, it-tiswija u d-dekummissjonar ta’ kommutatur elettriku stazzjonarju li fih il-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra elenkati fl-Anness I, fit-Taqsima 1 tal-Anness II u fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2024/573;

(b)

l-irkupru tal-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra mill-kommutatur elettriku stazzjonarju.

2.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal kwalunkwe attività ta’ manifattura mwettqa fis-siti tal-manifattur għall-kommutatur elettriku stazzjonarju.

Artikolu 2

Ċertifikazzjoni għal persuni fiżiċi

1.   Il-persuni fiżiċi li jwettqu l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) għandu jkollhom ċertifikat kif imsemmi fl-Artikolu 3.

2.   Il-persuni fiżiċi li jwettqu waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) ma għandhomx ikunu soġġetti għar-rekwiżit stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, dment li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ikunu rreġistrati f’kors tat-taħriġ biex jiksbu ċertifikat li jkopri l-attività rilevanti; u

(b)

jwettqu l-attività taħt is-superviżjoni ta’ persuna li għandha ċertifikat li jkopri dik l-attività u li hija responsabbli b’mod sħiħ għat-twettiq tal-attività b’mod korrett.

Id-deroga prevista fl-ewwel subparagrafu għandha tapplika tul il-perjodi li fihom jitwettqu l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(1), u li b’kollox ma għandhomx jaqbżu l-24 xahar.

Artikolu 3

Ċertifikazzjoni ta’ persuni fiżiċi

1.   Korp taċ-ċertifikazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 4 għandu joħroġ ċertifikat lill-persuni fiżiċi li jkunu għaddew minn eżami teoretiku u prattiku li jkopri l-ħiliet minimi u l-għarfien stipulati fl-Anness I, li jkun organizzat minn korp tal-evalwazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 5.

2.   Iċ-ċertifikat għandu jinkludi tal-inqas dan li ġej:

(a)

l-isem tal-korp taċ-ċertifikazzjoni, l-isem sħiħ tad-detentur tiegħu, numru taċ-ċertifikat, u d-data tal-iskadenza, jekk ikun hemm;

(b)

l-attivitajiet li jista’ jwettaq id-detentur taċ-ċertifikat;

(c)

id-data tal-ħruġ u l-firma tal-emittent.

3.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-korpi taċ-ċertifikazzjoni jeżentaw lill-applikanti mir-rekwiżit li jgħaddu mill-eżami msemmi fil-paragrafu 1, meta l-applikant preċedentement ikun kiseb ħiliet u għarfien ekwivalenti għal dawk elenkati fl-Anness I.

L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-korpi taċ-ċertifikazzjoni jirrikjedu li l-applikanti jgħaddu biss minn eżami supplimentari, meta l-ħiliet u l-għarfien miksuba preċedentement tal-applikant ikunu parzjalment koperti skont dawk elenkati fl-Anness I.

Artikolu 4

Korp ta’ ċertifikazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw fid-dritt nazzjonali, jew jaħtru l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti, biex jaħtru korp taċ-ċertifikazzjoni awtorizzat li joħroġ iċ-ċertifikati lill-persuni fiżiċi involuti f’waħda jew aktar mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(1).

Il-korp taċ-ċertifikazzjoni għandu jkun imparzjali fit-twettiq tal-attivitajiet tiegħu.

2.   Il-korp taċ-ċertifikazzjoni għandu jistabbilixxi u japplika proċeduri għall-ħruġ, għall-waqfien u għall-irtirar taċ-ċertifikati.

3.   Il-korp taċ-ċertifikazzjoni għandu jżomm rekords li jippermettu l-verifika tal-istatus ta’ persuna fiżika ċċertifikata. Ir-rekords għandhom juru li l-proċess ta’ ċertifikazzjoni twettaq b’mod effettiv. Ir-rekords għandhom jinżammu għal perjodu minimu ta’ 5 snin.

Artikolu 5

Korp tal-evalwazzjoni

1.   Korp tal-evalwazzjoni maħtur f’kull Stat Membru għandu jorganizza l-eżamijiet għall-persuni fiżiċi msemmija fl-Artikolu 1. Korp taċ-ċertifikazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 4 jista’ jikkwalifika wkoll bħala korp tal-evalwazzjoni. Il-korp tal-evalwazzjoni għandu jkun indipendenti u imparzjali fit-twettiq tal-attivitajiet tiegħu.

2.   L-eżamijiet għandhom ikunu ppjanati u strutturati b’tali mod li jiġi żgurat li l-ħiliet u l-għarfien minimi stabbiliti fl-Anness I ikunu koperti. Il-korp tal-evalwazzjoni għandu jipprovdi l-post tal-eżamijiet li jiżgura s-sikurezza tal-applikanti.

3.   Il-korp tal-evalwazzjoni għandu jadotta l-proċeduri tar-rappurtar u jżomm ir-rekords biex ikun hemm dokumentazzjoni dwar l-individwu u dwar ir-riżultati ġenerali tal-evalwazzjoni.

4.   Il-korp tal-evalwazzjoni għandu jiżgura li l-eżaminaturi li jkunu ntgħażlu għal xi eżami jkollhom għarfien xieraq tal-metodi u tad-dokumenti rilevanti għall-eżami, kif ukoll kompetenza xierqa fil-qasam li se jiġi eżaminat. Huwa għandu jiżgura wkoll li t-tagħmir, l-għodda u l-materjali meħtieġa għall-eżamijiet prattiċi jkunu disponibbli.

Artikolu 6

Kundizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku

1.   Ir-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati bejn l-Istati Membri għandu japplika biss għaċ-ċertifikati maħruġa f’konformità mal-Artikolu 3, għall-attivitajiet speċifikati f’dawn iċ-ċertifikati.

2.   L-Istati Membri ma għandhom jimponu l-ebda evalwazzjoni jew tip ieħor ta’ proċeduri ta’ valutazzjoni jew rekwiżiti amministrattivi sproporzjonati fuq id-detenturi ta’ ċertifikati maħruġa minn Stat Membru ieħor biex jiġu rikonoxxuti dawk iċ-ċertifikati jew biex jippermettu l-aċċess għall-impjieg lid-detenturi ta’ dawk iċ-ċertifikati għall-attivitajiet speċifikati fihom.

3.   L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li d-detenturi ta’ ċertifikati maħruġa fi Stat Membru ieħor jipprovdu traduzzjoni taċ-ċertifikat b’lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni.

Artikolu 7

Ċertifikati eżistenti, korsijiet ta’ taħriġ ta’ aġġornament jew proċessi ta’ evalwazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korsijiet ta’ taħriġ ta’ aġġornament jew il-proċessi ta’ evalwazzjoni kif meħtieġ skont l-Artikolu 10(9) tar-Regolament (UE) 2024/573 jagħtu prova tal-għarfien u l-ħiliet prattiċi u teoretiċi tal-persuni fiżiċi ċċertifikati speċifikati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

2.   Skont l-Artikolu 10(9) tar-Regolament (UE) 2024/573, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detenturi taċ-ċertifikati eżistenti skont l-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2066 jitħallew ikomplu jużaw dawk iċ-ċertifikati biss jekk jaġġornaw l-għarfien u l-ħiliet tagħhom sal-livell tal-għarfien u l-ħiliet meħtieġa għaċ-ċertifikat kif imsemmi fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament u speċifikat fl-Anness I tiegħu.

Artikolu 8

Tħassir

1.   Ir-Regolament (UE) 2015/2066 jitħassar.

2.   Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw f’konformità mat-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Marzu 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L, 2024/573, 20.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/573/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 195, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/517/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2066 tas-17 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi, skont ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-rekwiżiti minimi u l-kundizzjonijiet għall-għarfien reċiproku għaċ-ċertifikazzjoni ta’ persuni fiżiċi li jwettqu l-installazzjoni, is-servisjar, il-manutenzjoni, it-tiswija jew id-dekummissjonar ta’ tagħmir tat-tqassim tal-elettriku li fih gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra jew l-irkupru ta’ gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra minn tagħmir għat-tqassim tal-elettriku stazzjonarju (ĠU L 301, 18.11.2015, p. 22, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/2066/oj).


ANNESS I

Ir-rekwiżiti minimi fir-rigward tal-ħiliet u l-għarfien li għandhom jiġu koperti mill-korpi tal-evalwazzjoni

L-eżami msemmi fl-Artikolu 5 għandu jinkludi dan li ġej:

(a)

eżami teoretiku b’mistoqsija waħda jew iktar dwar dik il-ħila jew dak l-għarfien, kif muri b’(T) fil-kolonna msejħa “Tip ta’ Test”;

(b)

test prattiku li matulu l-applikant għandu jwettaq il-biċċa xogħol korrispondenti bil-materjal, l-għodda u t-tagħmir relevanti, kif muri b’(P) fil-kolonna msejħa “Tip ta’ Test”.

Nru

Għarfien u Ħiliet Minimi

Tip ta’ Test

1.

Fehim bażiku tal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE u dik nazzjonali, b’mod partikolari r-Regolament dwar il-gassijiet F. Għarfien bażiku tal-kwistjonijiet ambjentali rilevanti (it-tibdil fil-klima, l-objettivi klimatiċi tal-UE, il-Ftehim ta’ Pariġi, l-emenda ta’ Kigali għall-Protokoll ta’ Montreal, il-potenzjal ta’ tisħin globali tal-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra, l-impatti tas-sustanzi per- u polifluworoalkilati (PFAS, per- and polyfluoroalkyl substances))

T

2.

Karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u ambjentali tal-gassijiet/tat-taħlitiet ta’ gassijiet ta’ iżolazzjoni u ta’ estinzjoni tal-ark użati f’kommutatur elettriku

T

3.

Fehim tad-disinn ta’ kommutatur elettriku inkluż it-teknoloġiji differenti ta’ iżolazzjoni u ta’ estinzjoni tal-ark

T

4.

Gassijiet użati għall-iżolazzjoni u għall-estinzjoni tal-ark f’kommutatur elettriku u l-proċeduri ta’ trattament sikuri u speċifiċi tagħhom

T

5.

Ittestjar tal-kwalità u tal-proporzjonijiet ta’ taħlit tal-gassijiet/tat-taħlitiet ta’ gassijiet ta’ iżolazzjoni u ta’ estinzjoni tal-ark skont l-istandards industrijali rilevanti, id-detezzjoni tal-prodotti ta’ dekompożizzjoni u tal-kontaminazzjonijiet

T, P

6.

Ħżin u trasportazzjoni tal-gassijiet/tat-taħlitiet ta’ gassijiet ta’ iżolazzjoni u ta’ estinzjoni tal-ark

T

7.

Tħaddim tat-tagħmir ta’ rkupru għal gassijiet/taħlitiet ta’ gassijiet differenti ta’ iżolazzjoni u ta’ estinzjoni tal-ark

T, P

8.

Irkupru tal-gassijiet/tat-taħlitiet ta’ gassijiet ta’ iżolazzjoni u ta’ estinzjoni tal-ark u purifikazzjoni/reklamazzjoni tal-gassijiet/tat-taħlitiet ta’ gass irkuprati, jekk applikabbli

T, P

9.

Ħidma fuq kompartimenti tal-gass miftuħa

T, P

10.

Użu mill-ġdid u rimi ta’ gassijiet/taħlitiet ta’ gassijiet differenti ta’ iżolazzjoni u ta’ estinzjoni tal-ark u kategoriji differenti ta’ użu mill-ġdid

T

11.

Tnaqqis tat-tnixxijiet u metodu tat-twettiq tal-kontrolli ta’ tnixxija

T, P

12.

Prodotti sekondarji newtralizzanti tal-gassijiet/tat-taħlitiet ta’ gassijiet ta’ iżolazzjoni u ta’ estinzjoni tal-ark, jekk applikabbli

T

13.

Monitoraġġ tal-gassijiet/tat-taħlitiet ta’ gassijiet ta’ iżolazzjoni u ta’ estinzjoni tal-ark, u l-obbligi xierqa tar-reġistrazzjoni tad-data skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew dik tal-Unjoni, jew il-ftehimiet internazzjonali

T

14.

Tħaddim tas-sistemi ta’ tħaffir issiġillati li jżommu l-gass milli jnixxi, jekk meħtieġ

T, P


ANNESS II

Tabella ta’ korrelazzjoni

Regolament (UE) 2015/2066

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2(1)

Artikolu 2(1)

Artikolu 2(2)

Artikolu 2(2)

Artikolu 2(3)

Artikolu 2(3)

Artikolu 3(1)

Artikolu 3(1)

Artikolu 3(2)

Artikolu 3(2)

Artikolu 3(3)

Artikolu 4(1)

Artikolu 4(1)

Artikolu 4(2)

Artikolu 4(2)

Artikolu 4(3)

Artikolu 4(3)

Artikolu 5(1)

Artikolu 5(1)

Artikolu 5(2)

Artikolu 5(2)

Artikolu 5(3)

Artikolu 5(3)

Artikolu 5(4)

Artikolu 5(4)

Artikolu 6(1)

Artikolu 6(2)

Artikolu 7(1)

Artikolu 7(1)

Artikolu 7(2)

Artikolu 8

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 9


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/627/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)