|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/574 |
24.4.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru 310/2024
tas-6 ta' Diċembru 2024
dwar l-istabbiliment tar-rekwiżiti ġenerali għall-provi tal-oriġini maħruġin b’mod elettroniku skont l-Artikolu 17(4) tal-Appendiċi A tal-Protokoll 4 għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea [2025/574]
IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,
Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 9 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (il-“Ftehim ŻEE”) jirreferi għall-Protokoll 4 tal-Ftehim ŻEE, li jistabbilixxi r-regoli tal-oriġini. |
|
(2) |
Il-pandemija tal-COVID-19 żiedet l-urġenza għal ambjent doganali mingħajr karti fil-qasam tar-regoli tal-oriġini u l-maġġor parti tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (2) (il-“Konvenzjoni” u l-“Partijiet Kontraenti”, rispettivament) iddeċidew li jaċċettaw kopji elettroniċi taċ-ċertifikati tal-moviment. |
|
(3) |
Sakemm tidħol fis-seħħ l-emenda tal-Konvenzjoni li tipprevedi sett ġdid ta’ regoli tal-oriġini modernizzati u aktar flessibbli (l-“emenda tal-Konvenzjoni”) adottati mill-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Konvenzjoni bis-saħħa tad-Deċiżjoni Nru 1/2023 (3) tagħha, xi Partijiet Kontraenti qablu li jimplimentaw sett alternattiv ta’ regoli tal-oriġini abbażi tal-emenda tal-Konvenzjoni, (il-“Partijiet Kontraenti applikanti”) fuq bażi tranżitorja u bilaterali (ir-“Regoli tranżitorji”). Mill-1 ta’ Settembru 2021, daħlu fis-seħħ għadd ta’ protokolli bilaterali dwar ir-regoli tal-oriġini fost il-Partijiet Kontraenti applikanti, li jagħmlu r-Regoli tranżitorji applikabbli. Fir-rigward taż-Żona Ekonomika Ewropea (“ŻEE”), il-Protokoll 4 tal-Ftehim ŻEE ġie sostitwit bi Protokoll 4 ġdid bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 163/2022 (4). Ir-Regoli tranżitorji huma stabbiliti fl-Appendiċi A ta’ dak il-Protokoll 4 il-ġdid. |
|
(4) |
Il-Partijiet Kontraenti applikanti żviluppaw sistemi elettroniċi jew adattaw sistemi eżistenti, biex jibbilanċjaw il-ħtieġa għad-diġitalizzazzjoni mar-rekwiżiti tal-għamla taċ-ċertifikat tal-moviment deskritta fir-Regoli tranżitorji. |
|
(5) |
Filwaqt li jqisu l-iżvilupp tas-sistemi doganali elettroniċi, il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE jirrikonoxxu li l-ħruġ, il-preżentazzjoni u l-verifika tal-provi tal-oriġini fl-għamla ta’ ċertifikati tal-moviment jenħtieġ li jiġu modernizzati. |
|
(6) |
Il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE jtennu l-impenn tagħhom li jkomplu l-prattiki t-tajba introdotti skont il-miżuri eċċezzjonali li ġew stabbiliti matul il-pandemija tal-COVID-19, jirrikonoxxu l-importanza tal-introduzzjoni tal-mezzi elettroniċi u jtennu l-impenn tagħhom li jkomplu jaħdmu flimkien għal sistema komuni bbażata fuq il-provi tal-oriġini elettroniċi u l-kooperazzjoni amministrattiva elettronika fiż-żona pan-Ewro-Mediterranja (iż-“żona PEM”) (5). |
|
(7) |
Il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE jqisu li t-tibdil lejn l-użu ta’ provi tal-oriġini elettroniċi u ta’ kooperazzjoni amministrattiva diġitali skont il-qafas tar-Regoli tranżitorji jikkostitwixxi l-ewwel passi lejn diġitalizzazzjoni sħiħa tal-provi tal-oriġini fuq l-iskala taż-żona PEM, speċjalment fid-dawl tad-dħul fis-seħħ li jmiss tal-emenda tal-Konvenzjoni. |
|
(8) |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill taż-ŻEE Nru 1/95 (6) tistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tal-Protokoll 4 tal-Ftehim ŻEE għall-Prinċipat tal-Liechtenstein. |
|
(9) |
Il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE qablu li jimplimentaw l-Artikolu 17(4) tal-Appendiċi A tal-Protokoll 4 tal-Ftehim ŻEE fir-rigward tal-provi tal-oriġini maħruġa b’mod elettroniku sabiex il-prodotti oriġinarji jibbenefikaw minn dawk id-dispożizzjonijiet, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
F’konformità mal-Artikolu 17(4) tal-Appendiċi A tal-Protokoll 4 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (il-“Ftehim ŻEE”), il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE jaqblu li l-provi tal-oriġini msemmija fl-Artikolu 17(1), il-punt (a), ta’ dak l-Appendiċi jistgħu jinħarġu b’mod elettroniku.
Artikolu 2
1. Id-data minn meta Parti Kontraenti għall-Ftehim ŻEE tibda toħroġ ċertifikati elettroniċi tal-moviment għandha tiġi speċifikata fl-avviżi ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje C) u f’konformità mal-proċeduri ta’ dik il-Parti stess.
2. Mid-data speċifikata fl-avviżi msemmija fil-paragrafu 1, il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE għandhom jaċċettaw iċ-ċertifikati tal-moviment maħruġa b’mod elettroniku, meta jiġu ppreżentati waqt l-importazzjoni, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
|
(a) |
iċ-ċertifikati tal-moviment maħruġa b’mod elettroniku għandhom għamla simili għal dik tal-mudell stabbilit fl-Anness IV tal-Appendiċi A tal-Protokoll 4 tal-Ftehim ŻEE; |
|
(b) |
l-awtoritajiet doganali tal-Parti esportatriċi Kontraenti għall-Ftehim ŻEE jipprevedu sistema online bbażata fuq l-internet sikura biex tiġi verifikata l-awtentiċità taċ-ċertifikati tal-moviment maħruġa b’mod elettroniku; kif ukoll |
|
(c) |
iċ-ċertifikati tal-moviment maħruġa b’mod elettroniku jkollhom numru tas-serje uniku, u jekk ikunu disponibbli, karatteristiċi tas-sigurtà li bihom jistgħu jiġu identifikati. |
Artikolu 3
Parti Kontraenti għall-Ftehim ŻEE tista’ tiddeċiedi li tissospendi l-aċċettazzjoni taċ-ċertifikati tal-moviment maħruġa b’mod elettroniku meta kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet elenkati taħt l-Artikolu 2(2) ma tkunx issodisfata u għandha tinforma lill-Parti l-oħra Kontraenti għall-Ftehim ŻEE b’dan minn qabel. Id-data tal-bidu tas-sospensjoni għandha tiġi speċifikata f’avviż ippubblikat f’konformità mal-proċeduri ta’ dik il-Parti stess.
Artikolu 4
Għall-finijiet tal-kooperazzjoni amministrattiva skont l-Artikoli 34 u 35 tal-Appendiċi A tal-Protokoll 4 tal-Ftehim ŻEE, il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE jistgħu jiddeċiedu li jassistu lil xulxin permezz ta’ mezzi elettroniċi.
Artikolu 5
Id-data li minnha Parti Kontraenti għall-Ftehim ŻEE tapplika din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’avviż f’konformità mal-proċeduri ta’ dik il-Parti stess.
Artikolu 6
L-Artikoli 1 sa 5 għandhom japplikaw sad-data tad-dħul fis-seħħ tal-qbil bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE li jintuża ambjent diġitali pan-Ewro-Mediterranju għall-provi tal-oriġini żviluppati mal-Partijiet Kontraenti applikanti l-oħra, li bis-saħħa tiegħu l-provi tal-oriġini jistgħu jinħarġu u/jew jiġu ppreżentati b’mod elettroniku.
Artikolu 7
Peress li r-Regoli tranżitorji tal-oriġini għandhom jieqfu japplikaw fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-emenda tal-Konvenzjoni, l-Artikoli 1 sa 6 ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jibqgħu japplikaw bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE fil-qafas tal-Konvenzjoni sad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Konvenzjoni li tipprovdi r-rekwiżiti ġenerali għall-provi tal-oriġini maħruġa u/jew ippreżentati b’mod elettroniku.
Artikolu 8
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ ladarba jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE (*1).
Artikolu 9
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.
Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Diċembru 2024.
Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
Il-President
Anders H. EIDE
(3) Id-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-Regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji tas-7 ta’ Diċembru 2023 dwar l-emendar tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli tal-oriġini preferenzjali pan-Ewro-Mediterranji (ĠU L, 2024/390, 19.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/390/oj).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 163/2022 tad-29 ta’ April 2022 li temenda l-Protokoll 4 tal-Ftehim taż-ŻEE, dwar ir-regoli tal-oriġini (ĠU L 246, 22.9.2022, p. 133).
(5) L-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda, il-Konfederazzjoni Żvizzera (inkluż Liechtenstein), ir-Renju tan-Norveġja, il-Gżejjer Faeroe, l-Istat ta’ Iżrael, ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, il-Palestina (din id-deżinjazzjoni ma għandhiex tiġi interpretata bħala rikonoxximent ta’ Stat tal-Palestina u hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri fuq din il-kwistjoni), ir-Repubblika tal-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo (din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo), ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, ir-Repubblika tas-Serbja, il-Montenegro, il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna.
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill taż-ŻEE Nru 1/95 tal-10 ta’ Marzu 1995 dwar id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea għall-Prinċipat tal-Liechtenstein (ĠU L 86, 20.4.1995, p. 58).
(*1) Ma huwa indikat l-ebda rekwiżit kostituzzjonali.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/574/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)