|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/559 |
24.3.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/559
tat-18 ta’ Marzu 2025
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali stabbilit skont il-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u t-Turkija fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjoni dwar l-użu taċ-ċertifikati ta' moviment A.TR maħruġa b'mod elettroniku
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u t-Turkija (1), (il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”) ġie ffirmat f’Ankara fit-12 ta’ Settembru 1963. Huwa jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni u l-kontenut tar-relazzjoni ta’ assoċjazzjoni. Ir-regoli dwar l-aħħar fażi finali tal-Unjoni Doganali UE-Turkija huma stabbiliti fid-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni KE-Turkija, tat-22 ta’ Diċembru 1995 (2), li daħlet fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 1995 (id-“Deċiżjoni Nru 1/95”). |
|
(2) |
Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija (“il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni”) twaqqaf skont l-Artikolu 6 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Skont l-Artikolu 24 tal-Ftehim ta’ Assoċazzjoni, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jista’ jiddeċiedi li jistabbilixxi kumitati biex jassistu fit-twettiq tal-kompiti tiegħu. |
|
(3) |
Id-Deċiżjoni Nru 2/69 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni tal-15 ta’ Diċembru 1969 (3) stabbiliet il-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali. |
|
(4) |
Skont l-Artikolu 28(3) tad-Deċiżjoni Nru 1/95 il-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali għandu jistabbilixxi l-miżuri xierqa biex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet doganali li jinsabuf’dak l-Artikolu. |
|
(5) |
L-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/2006 tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali tas-26 ta’ Lulju 2006 (4) jistabbilixxi li ċ-ċertifikat ta’ moviment A.TR jikkostitwixxi prova dokumentarja li l-kundizzjonijiet għall-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar iċ-ċirkolazzjoni libera stabbiliti fid-Deċiżjoni Nru 1/95 huma ssodisfati. |
|
(6) |
Fil-bidu tal-2020, minħabba l-pandemija tal-COVID-19, il-kuntatti bejn l-awtoritajiet doganali tal-pajjiżi sħab tal-UE u l-operaturi ekonomiċi ġew sospiżi f’għadd ta’ pajjiżi. Għalhekk tqies xieraq li jiġu adottati miżuri eċċezzjonali applikabbli fuq bażi reċiproka, fejn ċertifikati ta’ moviment setgħu jiġu aċċettati li kienu maħruġa b’mod elettroniku b’firma, timbru jew siġill diġitali tal-awtoritajiet kompetenti, jew fil-forma ta’ kopja taċ-ċertifikat oriġinali, maħruġa fil-forma stampata jew elettronika (jiġifieri kopja skennjata jew waħda disponibbli online). Dawk il-miżuri kienu applikabbli wkoll għaċ-ċertifikati ta’ moviment A.TR għall-fini taċ-ċirkolazzjoni libera tal-merkanzija fl-Unjoni Doganali bejn l-UE u t-Turkija. |
|
(7) |
Peress li ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-adozzjoni tal-miżuri eċċezzjonali ma baqgħux jitqiesu rilevanti, ġie deċiż li dawk il-miżuri ma jibqgħux japplikaw mill-1 ta’ Mejju 2024. |
|
(8) |
L-Unjoni u t-Turkija rrikonoxxew li l-esperjenza tal-kummerċ skont il-qafas tal-miżuri eċċezzjonali adottati minħabba l-pandemija tal-COVID-19 kienet pożittiva u qiesu li kien xieraq li jiġi stabbilit qafas legali biex dawn il-prattiki tajba jiġu introdotti mill-ġdid. Għal dak l-għan, deċiżjoni tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali tikkostitwixxi strument legali xieraq li permezz tiegħu jinkiseb dak l-għan. |
|
(9) |
Mit-8 ta’ Lulju 2024, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u tat-Turkija bdew jaċċettaw ċertifikati ta’ moviment A.TR maħruġa b’mod elettroniku. |
|
(10) |
Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità mal-prattiki tajbinli ġew stabbiliti mill-ġdid mit-8 ta’ Lulju 2024, il-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali huwa mistenni jadotta deċiżjoni dwar l-użu taċ-ċertifikati ta’ moviment A.TR maħruġa b’mod elettroniku b’effett retroattiv minn dik id-data. |
|
(11) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali, peress li d-deċiżjoni tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali ser ikollha effett legali, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan fil-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali stabbilit skont il-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u t-Turkija għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha u għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2025.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Marzu 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
A. SZŁAPKA
(1) ĠU L 361, 31.12.1977, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/1964/732/oj.
(2) Id-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar l-implimentazzjoni tal-fażi finali tal-Unjoni Doganali (ĠU L 35, 13.2.1996, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1995/1(5)/oj).
(3) Deċiżjoni mhux pubblikata.
(4) Id-Deċiżjoni Nru 1/2006 tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni Doganali KE-Turkija tas-26 ta’ Lulju 2006 li tistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija (ĠU L 265, 26.9.2006, p. 18, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/646/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/559/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)