European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/531

25.3.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/531

tal-24 ta’ Marzu 2025

li jagħmel l-importazzjonijiet taċ-ċilindri tal-azzar mingħajr weldjatura ta’ pressjoni għolja li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,

Wara li informat lill-Istati Membri,

Billi:

(1)

Fis-6 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) ħabbret, permezz ta’ notifika ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2), il-bidu ta’ proċediment anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċilindri tal-azzar mingħajr weldjatura ta’ pressjoni għolja li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ”).

(2)

Dan il-bidu segwa lment imressaq fl-24 ta’ Ottubru 2024 minn ħames kumpaniji, Cylinders Holding a.s., Dalmine S.p.A. (Tenaris), Eurocylinder Systems AG (ECS), Faber Industrie S.p.A., u Worthington Cylinders GmbH li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ċilindri tal-azzar mingħajr weldjatura ta’ pressjoni għolja.

1.   PRODOTT SOĠĠETT GĦAL REĠISTRAZZJONI

(3)

Il-prodott soġġett għar-reġistrazzjoni (“il-prodott ikkonċernat”) huwa ċilindri tal-azzar mingħajr weldjatura, ta’ pressjoni għolja għall-gass ikkompressat jew likwifikat, tad-dijametri u l-kapaċitajiet tal-volum kollha, kemm jekk bil-kamin u kemm jekk le, irrispettivament mill-kisi jew mill-kisi intern, irrispettivament mill-irfinar u l-forma esterni, kemm jekk b’bużżieqa tal-gass inserita u kemm jekk le, irrispettivament minn jekk iċ-ċilindri ġewx attrezzati b’valv, b’ċirku tal-għonq, b’ċirku tas-sieq jew b’pajpijiet, kemm jekk imwaħħlin flimkien biex jiffurmaw mazz u kemm jekk le.. Reċipjenti li ma jistgħux jerġgħu jimtlew ta’ kapaċitajiet sa 120 ml, koperti mill-istandard Ewropew EN 16509:2014 u/jew numru-NU 2037 assenjat mill-Kumitat ta’ Esperti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi, huma esklużi mill-ambitu tal-prodott.

(4)

Il-prodott ikkonċernat attwalment ikklassifikat taħt il-kodiċijiet NM ex 7311 00 11 , ex 7311 00 13 , ex 7311 00 19 , ex 7311 00 30 u ex 8424 10 00 (il-kodiċijiet TARIC 7311 00 11 15, 7311 00 11 80, 7311 00 13 15, 7311 00 13 80, 7311 00 19 15, 7311 00 19 80, 7311 00 30 15, 7311 00 30 80, 8424 10 00 11 u 8424 10 00 21. Il-kodiċijiet NM u TARIC huma mogħtija għall-informazzjoni biss u mingħajr preġudizzju għal bidla sussegwenti fil-klassifikazzjoni tariffarja.

(5)

Il-Kummissjoni ċċarat li l-apparati tat-tifi tan-nar vojta li jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fid-definizzjoni tal-prodott huma parti mill-ambitu tal-prodott tal-investigazzjoni, irrispettivament minn jekk humiex ikklassifikati taħt il-kodiċi NM 8424 10 00 (il-kodiċijiet Taric 8424 10 00 11 u 8424 10 00 21) jew le.

2.   REĠISTRAZZJONI

(6)

Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jistgħu jsiru soġġetti għal reġistrazzjoni bl-għan li jiġi żgurat li, jekk l-investigazzjoni tirriżulta f’sejbiet li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping, dawk id-dazji jistgħu, jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet meħtieġa, jiġu imposti retroattivament fuq l-importazzjonijiet irreġistrati f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali applikabbli.

(7)

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħmel l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat soġġetti għal reġistrazzjoni fuq inizjattiva tagħha stess skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku. Il-kundizzjonijiet għall-ġbir retroattiv tad-dazji se jiġu vvalutati fir-regolament li jimponi dazji definittivi, jekk ikun hemm.

(8)

Kwalunkwe obbligazzjoni futura tiġi mis-sejbiet tal-investigazzjoni anti-dumping.

(9)

L-allegazzjonijiet fl-ilment li jitlob il-bidu ta’ investigazzjoni anti-dumping jistmaw marġnijiet tad-dumping ta’ bejn 37,5 % u 204,8 % u livell medju ta’ eliminazzjoni tad-dannu ta’ bejn 15,7 % u 68,6 % għall-prodott ikkonċernat għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2023 sat-30 ta’ Ġunju 2024. L-ammont ta’ obbligazzjoni futura possibbli normalment jiġi stabbilit fl-aktar livell baxx ta’ dawk iż-żewġ livelli f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku.

(10)

Jekk, matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni ssib evidenza ta’ distorsjonijiet fil-materja prima skont l-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku, l-ammont ta’ obbligazzjoni futura possibbli jiġi stabbilit fil-livell tal-marġni tad-dumping kif previst fl-Artikolu 7(2b) tar-Regolament bażiku jekk jiġi konkluż li dazju aktar baxx mill-marġni tad-dumping ma jkunx biżżejjed biex jitneħħa d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

(11)

F’dan l-istadju, il-Kummissjoni mhijiex f’pożizzjoni li tagħti stima tal-ammont ta’ obbligazzjoni futura possibbli. Għalhekk, l-ammonti msemmija fl-ilment huma biss għal skopijiet ta’ informazzjoni u ma jistgħux joħolqu aspettattivi dwar il-livell attwali ta’ obbligazzjoni li se jiġi stabbilit bħala riżultat tal-investigazzjoni.

3.   IPPROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI

(12)

Kwalunkwe data personali miġbura fil-kuntest ta’ din ir-reġistrazzjoni se tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-awtoritajiet doganali huma b’dan ordnati, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036, biex jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċilindri tal-azzar mingħajr weldjatura, ta’ pressjoni għolja għall-gass ikkompressat jew likwifikat, tad-dijametri u l-kapaċitajiet tal-volum kollha, kemm jekk bil-kamin u kemm jekk le, irrispettivament mill-kisi jew mill-kisi intern, irrispettivament mill-irfinar u l-forma esterni, kemm jekk b’bużżieqa tal-gass inserita u kemm jekk le, irrispettivament minn jekk iċ-ċilindri ġewx attrezzati b’valv, b’ċirku tal-għonq, b’ċirku tas-sieq jew b’pajpijiet, kemm jekk imwaħħlin flimkien biex jiffurmaw mazz u kemm jekk le, attwalment ikklassifikati taħt il-kodiċijiet NM ex 7311 00 11 , ex 7311 00 13 , ex 7311 00 19 , ex 7311 00 30 u ex 8424 10 00 (il-kodiċijiet TARIC 7311 00 11 15, 7311 00 11 80, 7311 00 13 15, 7311 00 13 80, 7311 00 19 15, 7311 00 19 80, 7311 00 30 15, 7311 00 30 80, 8424 10 00 11 u 8424 10 00 21) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

Reċipjenti li ma jistgħux jerġgħu jimtlew ta’ kapaċitajiet sa 120 ml, koperti mill-istandard Ewropew EN 16509:2014 u/jew numru-NU 2037 assenjat mill-Kumitat ta’ Esperti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi, huma esklużi mill-ambitu tal-prodott.

2.   Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Marzu 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.

(2)   ĠU C, C/2024/7403, 6.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/7403/oj.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/531/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)