European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/529

18.3.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2025/529

tas-17 ta’ Marzu 2025

dwar appoġġ tal-Unjoni għall-proġett tal-Istitut tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Riċerka dwar id-Diżarm “Torri tal-Għassa tax-Xjenza u t-Teknoloġija: Monitoraġġ tal-Innovazzjoni għad-Diżarm”

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

L-Istrateġija Globali tal-2016 għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea tenfasizza li l-Unjoni ser iżżid il-kontribut tagħha għas-sigurtà kollettiva.

(2)

L-Istrateġija tal-UE tal-2018 kontra l-armi tan-nar, armi ħfief u ta' kalibru żgħir illeċiti (SALW) u l-munizzjon tagħhom, intitolata “Aktar sigurtà fuq l-armi biex nipproteġu liċ-ċittadini”, qalet li l-Unjoni ser tuża l-istrumenti rilevanti biex tappoġġa r-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tat-teknoloġija affidabbli u kosteffettiva biex is-SALW u l-munizzjon tagħhom jinżammu taħt sigurtà u jittaffew ir-riskju ta' devjazzjoni. Barra minn hekk, il-Kunsill, fil-konklużjonijiet tiegħu li akkumpanjaw l-adozzjoni tiegħu ta’ dik l-Istrateġija, semma l-kuntest tas-sigurtà evolut, inkluż l-iżviluppi fid-disinn u t-teknoloġija tas-SALW li jaffettwaw il-kapaċità tal-gvernijiet li jindirizzaw it-theddid ta’ sigurtà.

(3)

Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, fir-rapport tal-2023 “Current developments in science and technology and their potential impact on international security and disarmament efforts” semma t-tħassib dejjem jikber li l-iżviluppi fix-xjenza u t-teknoloġija ta' rilevanza għas-sigurtà u d-diżarm qed jissuperaw il-kapaċità tal-oqfsa normattivi u ta' governanza biex jinftiehmu u jiġu ġestiti r-riskji.

(4)

L-Unjoni tixtieq tikkontribwixxi għas-sigurtà kollettiva u l-potenzjal li tibbenefika mill-opportunitajiet li t-teknoloġiji ġodda jippreżentaw, kif ukoll tindirizza l-isfidi li tali teknoloġiji jippreżentaw, b'mod partikolari għas-sistema multilaterali ta' diżarm u kontroll tal-armi.

(5)

L-Unjoni diġà appoġġat, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/2320 (1), proġett preċedenti tal-Istitut tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Riċerka dwar id-Diżarm (UNIDIR), intitolat “Iż-Żieda tal-Potenzjal tal-Innovazzjoni: Teknoloġiji Abilitanti u Sigurtà Internazzjonali” u implimentat mill-UNIDIR mill-2023 sal-2024. L-Unjoni tixtieq tkompli tesplora dan il-qasam sabiex tikkontribwixxi għal identifikazzjoni u analiżi aktar sistematiċi tal-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi u tal-impatt tagħhom f'kuntesti speċifiċi tad-diżarm. Għalhekk jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-Implimentazzjoni ta’ proġett ieħor tal-UNIDIR intitolat “Torri tal-Għassa tax-Xjenza u t-Teknoloġija: Monitoraġġ tal-Innovazzjoni għad-Diżarm”,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Bil-ħsieb tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea, u b'kunsiderazzjoni tal-Istrateġija tal-Unjoni kontra armi tan-nar, armi ħfief u ta' kalibru żgħir illeċiti u l-munizzjon tagħhom, intitolat “Aktar sigurtà fuq l-armi biex nipproteġu liċ-ċittadini”, kif ukoll l-Istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva, l-Unjoni għandha tappoġġa l-implimentazzjoni ta' proġett tal-Istitut tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Riċerka dwar id-Diżarm (UNIDIR) intitolat “Torri tal-Għassa tax-Xjenza u t-Teknoloġija: Monitoraġġ tal-Innovazzjoni għad-Diżarm”.

2.   L-attivitajiet tal-proġett li għandhom jiġu appoġġati mill-Unjoni għandu jkollhom l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

(a)

li jipprovdu riċerka u analiżi bbażati fuq l-evidenza biex il-politika u t-teħid tad-deċiżjonijiet ikunu appoġġati u informati permezz tal-monitoraġġ proattiv tal-innovazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija;

(b)

li jiffaċilitaw il-bini tal-għarfien u t-trasferiment tal-għarfien tal-aspetti xjentifiċi u teknoloġiċi tas-sigurtà u d-diżarm internazzjonali;

(c)

li javviċinaw lejn xulxin il-komunitajiet rilevanti għat-trasferiment tal-għarfien minn firxa wiesgħa fil-livell ġeografiku u dixxiplinari ta' esperti u Stati Membri involuti f'negozjati multilaterali marbuta mad-diżarm.

3.   L-attivitajiet tal-proġett għandhom jinkludu, b'mod partikolari:

(a)

l-iffaċilitar tal-istabbiliment ta' funzjoni ta' analiżi prospettiva teknoloġika kontinwa biex tiżgura li l-aktar avvanzi rilevanti fix-xjenza u t-teknoloġija jiġu identifikati, skrinjati u analizzati fl-istadji bikrija tal-iżvilupp jew tal-applikazzjoni tagħhom;

(b)

riċerka dwar l-aktar xejriet rilevanti fix-xjenza u t-teknoloġija kif jappartjenu għal kull qasam ta' diżarm li tkun qed tiġi studjata, b'kontribut għall-proċessi multilaterali u internazzjonali dwar teknoloġiji emerġenti u l-kontroll tal-armi;

(c)

żieda fid-djalogu, il-bini tal-għarfien u t-trasferiment tal-għarfien, inkluż l-istabbiliment ta' network globali ta' esperti li jista' jikkontribwixxi għal impatt sostnut tal-proġett lil hinn mill-perjodu ta' finanzjament.

4.   Deskrizzjoni dettaljata tal-proġett imsemmi fil-paragrafu 1 tinsab fl-Anness.

Artikolu 2

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġett msemmi fl-Artikolu 1 għandha ssir mill-UNIDIR.

3.   L-UNIDIR għandu jwettaq il-kompitu tiegħu taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli. Għal dak l-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandu jidħol fl-arranġamenti neċessarji mal-UNIDIR.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett iffinanzjat mill-Unjoni msemmi fl-Artikolu 1 għandu jkun ta' EUR 1 671 615.

2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont ta' referenza mniżżel fil-paragrafu 1 għandha tiġi amministrata f'konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni tajba tan-nefqa ffinanzjata mill-ammont stabbilit fil-paragrafu 1. Għal dak il-għan, hija għandha tikkonkludi ftehim ta' kontribuzzjoni mal-UNIDIR. Dak il-ftehim ta' kontribuzzjoni għandu jistipula li l-UNIDIR jrid jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, skont id-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta’ kontribuzzjoni msemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f'dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni ta’ dak il-ftehim.

Artikolu 4

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni abbażi ta' rapporti ta' kull tliet xhur mill-UNIDIR. Dawk ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill.

2.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1.

Artikolu 5

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara l-konklużjoni tal-ftehim ta’ kontribuzzjoni msemmi fl-Artikolu 3(3). Madankollu, għandha tiskadi sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu jekk l-ebda ftehim tali ma jiġi konkluż f’dak il-perjodu.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Marzu 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/2320 tal-25 ta’ Novembru 2022 dwar l-appoġġ tal-Unjoni għall-implimentazzjoni ta’ proġett “Iż-Żieda tal-potenzjal tal-Innovazzjoni: Teknoloġiji Abilitanti u Sigurtà Internazzjonali” (ĠU L 307, 28.11.2022, p. 142, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/2320/oj).


ANNESS

DOKUMENT TA’ PROĠETT

Proġett b’appoġġ għall-ħidma mwettqa mill-Istitut tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Riċerka dwar id-Diżarm (UNIDIR) fil-qasam tas-sigurtà u t-teknoloġiji emerġenti

“Torri tal-Għassa tax-Xjenza u t-Teknoloġija tal-UNIDIR: Monitoraġġ tal-Innovazzjoni għad-Diżarm”

Introduzzjoni

L-avvanzi fix-xjenza u t-teknoloġija huma faċilitaturi ewlenin tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali u tal-prosperità. Madankollu, kif indikat mis-Segretarju Ġenerali tan-NU fir-rapport tal-2023 dwar Current developments in science and technology and their potential impact on international security and disarmament efforts (L-iżviluppi attwali fix-xjenza u t-teknoloġija u l-impatt potenzjali tagħhom fuq is-sigurtà internazzjonali u l-isforzi għad-diżarm), hemm tħassib kontinwu li l-iżviluppi fix-xjenza u t-teknoloġija li huma rilevanti għas-sigurtà u d-diżarm qed jisbqu l-kapaċità tal-oqfsa normattivi u ta' governanza li jimmaniġġjaw ir-riskji. Il-benefiċċji ta' teknoloġiji ġodda u emerġenti ma jistgħux isiru għad-detriment tas-sigurtà globali. Min-naħa l-oħra, hemm letteratura dejjem tiżdied li tesplora l-benefiċċji potenzjali tax-xjenza u t-teknoloġija għad-diżarm u l-kontroll tal-armi, pereżempju biex jissaħħu l-monitoraġġ u l-verifika tal-konformità.

L-Istitut tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Riċerka dwar id-Diżarm (UNIDIR) huwa istituzzjoni awtonoma fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti li tagħmel riċerka indipendenti dwar id-diżarm u problemi relatati, b'mod partikolari kwistjonijiet ta' sigurtà internazzjonali. L-Istitut iwettaq ir-rwol tiegħu permezz ta' erba' oqsma ewlenin ta' attività: il-promozzjoni tal-għarfien, il-ġenerazzjoni ta' ideat, il-faċilitazzjoni tad-djalogu u l-għoti ta' pariri b'appoġġ għall-Istati Membri, in-Nazzjonijiet Uniti, l-organizzazzjonijiet reġjonali u l-komunitajiet tal-politika u tar-riċerka biex jidentifikaw soluzzjonijiet prattiċi u jippromwovu progress multilaterali dwar id-diżarm u l-kontroll tal-armi li jikkontribwixxu għal dinja aktar sostenibbli u paċifika.

L-UNIDIR jaqdi rwol ewlieni fl-appoġġ għall-isforzi biex jiġu mifhuma l-implikazzjonijiet ta' sigurtà tal-avvanzi teknoloġiċi rapidi u trasformattivi u jkun hemm rispons għalihom. Iżda dawn l-aħħar snin raw żieda bla preċedent fil-pass tal-iżvilupp teknoloġiku, li wassal biex ħafna stati membri jimmarkaw, fil-kuntest tal-biċċa l-kbira tal-proċessi ta' diżarm, il-ħtieġa għal identifikazzjoni u analiżi aktar sistematiċi tal-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi u l-impatt tagħhom f'kuntesti speċifiċi ta' diżarm.

Filwaqt li jibni fuq is-suċċess tal-proġett iffinanzjat mill-UE “Iż-Żieda tal-Potenzjal tal-Innovazzjoni: Teknoloġiji Abilitanti u Sigurtà Internazzjonali” implimentat mill-UNIDIR bejn l-2023 u l-2024, u fuq proġetti oħra ta' riċerka ta' suċċess bħal L-Esplorazzjoni ta' Mekkaniżmi ta' Valutazzjoni tax-Xjenza u t-Teknoloġija skont il-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi , il-proġett ta' 3 snin propost intitolat “ Torri tal-Għassa tax-Xjenza u t-Teknoloġija tal-UNIDIR: Monitoraġġ tal-Innovazzjoni għad-Diżarm ” jespandi l-kamp ta' applikazzjoni tal-investigazzjoni biex jinkludi sett usa' ta' oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija u jipprovdi għarfien espert lill-korpi kollha fil-qasam tad-diżarm kif meħtieġ u applikabbli.

Il-proġett propost huwa maħsub biex jibni fuq il-ħidma tal-proċessi differenti ta' diżarm, tal-korpi operazzjonali rispettivi tagħhom (eż. Segretarjati, Unitajiet ta' Appoġġ għall-Implimentazzjoni), is-sħubija u l-Presidenti u jkompli jappoġġaha. Peress li kull proċess ittratta l-kwistjoni tax-Xjenza u t-Teknoloġija b'modi differenti, il-koordinazzjoni u t-tneħħija tal-kunflitt ser jitfasslu biex jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tal-Istati f'reġimi u proċessi differenti. Ser tingħata attenzjoni partikolari biex tiġi evitata interferenza man-negozjati li għaddejjin dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmi formali ta' valutazzjoni tax-xjenza u t-teknoloġija (jew korpi ekwivalenti) fil-kuntest ta' trattati jew proċessi speċifiċi dwar id-diżarm u tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-ħidma eżistenti f'korpi stabbiliti (eż. il-Bord Konsultattiv Xjentifiku tal-OPCW). Barra minn hekk, dan il-proġett ser ikollu l-għan li jikkomplementa u jissupplimenta l-ħidma diġà mwettqa mis-Segretarjat tan-NU fir-rigward tar-Rapport annwali tas-Segretarju Ġenerali dwar l-iżviluppi attwali fix-xjenza u t-teknoloġija u l-impatt potenzjali tagħhom fuq is-sigurtà internazzjonali u l-isforzi għad-diżarm. Barra minn hekk, il-proġett ser ifittex li jikkoordina u jikkollabora mal-attivitajiet rilevanti mwettqa mill-Konsorzju tal-UE għan-Nonproliferazzjoni u d-Diżarm (EUNPDC), inkluż in-network assoċjat tiegħu, u l-Istitut tal-UE għall-Istudji fuq is-Sigurtà (EUISS) biex tiġi żgurata mhux biss il-komplementarjetà mal-attivitajiet eżistenti, iżda wkoll iż-żieda fil-vantaġġi miksuba mill-viżibbiltà u l-profil għall-UE dwar is-suġġett tax-xjenza u t-teknoloġija kif applikati għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali.

F'dan il-kuntest, il-proġett għandu tliet objettivi ewlenin, li huma allinjati mill-qrib mal-mandat ewlieni tal-Istitut. (1)

Objettiv 1: L-għoti ta' studji ta' riċerka u analiżi bbażati fuq l-evidenza biex jiġu appoġġati u informati t-tfassil ta' politika u t-teħid tad-deċiżjonijiet. Permezz ta' monitoraġġ proattiv tal-innovazzjoni fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġija f'diversi dixxiplini u oqsma teknoloġiċi ta' interess għal firxa wiesgħa ta' proċessi ta' diżarm, dan il-proġett ser jgħin biex jinforma d-diskussjonijiet ta' politika billi jenfasizza riskji u opportunitajiet ġodda jew emerġenti.

Objettiv 2: L-iffaċilitar tal-bini u t-trasferiment tal-għarfien dwar l-aspetti xjentifiċi u teknoloġiċi tas-sigurtà internazzjonali u d-diżarm. Dan il-proġett għandu l-għan li jnaqqas, jew jikkontribwixxi biex jitnaqqsu, l-asimmetriji sinifikanti fl-informazzjoni li jeżistu fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġija bejn il-proċessi kollha ta' diżarm. Dan, min-naħa tiegħu, ser isaħħaħ il-parteċipazzjoni sinifikanti f'diskussjonijiet multilaterali dwar dan is-suġġett u jtejjeb it-tħejjija ġenerali tal-istati biex jinvolvu ruħhom f'diskussjonijiet li għandhom l-għeruq tagħhom fl-għarfien xjentifiku u tekniku.

Objettiv 3: Il-bini ta' pontijiet bejn il-komunitajiet. Fi żmien meta qed jiżdiedu l-instabbiltà u n-nuqqas ta' fiduċja globali, b'espansjoni tal-atturi, distribuzzjoni akbar tal-għarfien u tal-għarfien espert, u għażliet aktar limitati ta' forom tradizzjonali ta' regolamentazzjoni, hemm ħtieġa urġenti li l-komunitajiet differenti jersqu lejn xulxin u jiskambjaw l-ideat tagħhom biex jinfurmaw l-aġendi rispettivi. Dan il-proġett ser jisfrutta l-pożizzjoni unika tal-UNIDIR biex jippermetti dan it-trasferiment tal-għarfien minn firxa varjata, kemm mil-lat ġeografiku kif ukoll minn dak dixxiplinari, ta' esperti u stati membri involuti f'negozjati multilaterali dwar id-diżarm.

F'konformità mal-mandat tal-UNIDIR, l-objettiv ewlieni tal-proġett ser ikun li jipprovdi lill-komunità tad-diżarm u tas-sigurtà internazzjonali b'riċerka indipendenti, oġġettiva u bbażata fuq l-evidenza b'appoġġ għan-negozjati li għaddejjin u dawk potenzjali futuri. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, minbarra li jmexxi direttament proġetti ta' riċerka, l-UNIDIR ser jistabbilixxi u jiffaċilita d-djalogu bejn network ta' esperti ġeografikament varjat u multidixxiplinari, kif spjegat aktar hawn taħt, biex jikkomplementa u jissupplimenta l-għarfien espert intern. Il-kooperazzjoni mill-qrib mal-Uffiċċju tan-NU għall-Affarijiet ta' Diżarm ser tiġi implimentata kif meħtieġ matul il-proġett kollu.

PROĠETT

Ir-rispons għall-isfidi u l-isfruttament tal-opportunitajiet ippreżentati mill-avvanzi xjentifiċi u teknoloġiċi fil-kuntest tad-diżarm, il-paċi u s-sigurtà huwa kompitu kumpless. F'termini ġenerali, dan jirrikjedi li jkunu jistgħu jiġu identifikati żviluppi emerġenti fix-xjenza u t-teknoloġija u li wieħed jifhem malajr kemm jista' jkun liema implikazzjonijiet, pożittivi jew negattivi, tali żviluppi jista' jkollhom għall-arkitettura internazzjonali attwali ta' paċi u sigurtà u għall-makkinarju ta' diżarm.

Il-proġett ser juża metodoloġiji multidixxiplinari u transdixxiplinari għall-istudju ta' innovazzjonijiet xjentifiċi u teknoloġiċi differenti. Il-proġett ser jippermetti wkoll l-esplorazzjoni u l-analiżi tal-kwistjoni dejjem aktar rilevanti tal-konverġenza teknoloġika, definita bħala l-fenomenu li bih it-teknoloġiji li oriġinarjament ma kinux relatati, jiġu integrati aktar mill-qrib u saħansitra unifikati hekk kif jiżviluppaw u javvanzaw, kif ukoll tal-konverġenza tad-dominji, definita bħala t-tħabbil dejjem akbar bejn oqsma differenti ta' applikazzjoni tat-teknoloġija (eż. il-bijo u l-IA, l-ispazju u ċ-ċibernetika, eċċ.).

L-ambitu tal-proġett ser jinkludi l-oqsma ta' diżarm u ta' sigurtà internazzjonali li ġejjin: l-armi konvenzjonali, l-AQM (Kimiċi, Bijoloġiċi, Nukleari) u l-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni kif rilevanti. Fi ħdan dawn l-oqsma, eżempji ta' oqsma speċifiċi tax-xjenza u t-teknoloġija li ser jiġu mmonitorjati jinkludu, iżda mhumiex limitati għal: l-Intelliġenza Artifiċjali, ix-xjenza tal-materjali u l-inġinerija, ix-xjenzi tal-ħajja, ir-robotika u s-sistemi awtonomi. L-oqsma ta' applikazzjoni li ser jiġu mmonitorjati jinkludu: ir-riċerka u l-esperimentazzjoni, l-iżvilupp tal-pjattaformi u l-prestazzjoni tagħhom, is-sistemi ta' kmand u kontroll, id-detezzjoni, il-monitoraġġ u l-verifika.

L-attivitajiet kollha tal-proġett ser jinġabru taħt żewġ linji ta' ħidma ewlenin kif deskritt aktar hawn taħt.

1.   Linja ta' ħidma nru 1: Monitoraġġ tax-xejriet u żieda fil-fehim tal-Iżviluppi xjenifiċi u teknoloġiċi u l-impatti tagħhom fuq id-diżarm u l-kontroll tal-armi

1.1.   Għan

L-għan ta' din il-linja ta' ħidma huwa li jiġu identifikati teknoloġiji ġodda u emerġenti, kif ukoll applikazzjonijiet ġodda ta' teknoloġiji aktar stabbiliti, biex jinftiehmu aħjar l-impatti pożittivi u negattivi potenzjali tagħhom fuq id-diżarm u l-kontroll tal-armi. Din il-linja ta' ħidma ser tkun iddedikata l-aktar sabiex dawk li jfasslu l-politika u li jieħdu d-deċiżjonijiet jingħataw għarfien aċċessibbli dwar l-oqsma tat-teknoloġija li qed jiġu eżaminati, mibni fuq evidenza teknikament u xjentifikament soda.

1.2.   Riżultati mistennija:

a)

Fehim aħjar tar-rabtiet u l-konverġenzi fost it-teknoloġiji differenti, inkluż tar-riskji u l-benefiċċji potenzjali tagħhom.

b)

Aktar tħejjija ta' dawk li jfasslu l-politika u tad-diplomatiċi minn reġjuni differenti tad-dinja biex jinvolvu ruħhom b'mod sinifikanti f'diskussjonijiet relatati max-xjenza u t-teknoloġija fi ħdan il-proċessi rilevanti ta' diżarm.

1.3.   Deskrizzjoni tal-linja ta' ħidma

Din il-linja ta' ħidma ser tkun magħmula minn tliet attivitajiet ewlenin. L-ewwel waħda ser tippermetti l-ħolqien ta' funzjoni ta' analiżi kontinwa tal-prospettivi teknoloġiċi biex tiżgura li l-aktar avvanzi rilevanti fix-xjenza u t-teknoloġija jiġu identifikati, skrinjati u analizzati fl-ewwel stadji tal-iżvilupp jew tal-applikazzjoni. Din l-attività ser tirriżulta f'massimu ta' żewġ kompendji tax-xejriet l-aktar rilevanti fix-xjenza u t-teknoloġija peress li jappartjenu għal kull qasam tad-diżarm li qed jiġi studjat (tmien kompendji b'kollox għat-tul kollu tal-proġett). Is-sejbiet ta' din l-attività ser ikunu komplementari għall-ħidma mwettqa fi proċessi multilaterali uffiċjali u mhux ser jiddupplikawha, u ser jintużaw biex jikkontribwixxu għas-sett usa' ta' attivitajiet multilaterali rilevanti bħar-rapport annwali tas-SĠ tan-NU dwar ir-rwol tax-xjenza u t-teknoloġija fil-kuntest tal-paċi internazzjonali u s-sigurtà, l-Aġenda Komuni, inkluż l-aġenda ġdida għall-paċi, kif ukoll inizjattivi internazzjonali oħra bħall-iterazzjonijiet futuri tas-Summit dwar l-IA responsabbli fil-qasam militari (REAIM).

It-tieni attività taħt din il-linja ta' ħidma ser tinkludi t-twettiq ta' proġetti ta' riċerka speċifiċi, immirati u li jipprovdu approfondiment dwar suġġetti magħżula meqjusa rilevanti, f'waqthom u li jħallu impatt għal kull żona ta' diżarm u identifikati bl-appoġġ tan-network ta' esperti rilevanti (aktar dettalji pprovduti hawn taħt). Din l-attività ser tipproduċi dokument ta' riċerka fis-sena, għal kull qasam tad-diżarm. Ser isiru disponibbli sommarji eżekuttivi bil-lingwi uffiċjali kollha tan-NU sabiex jaslu u jintlaħqu aktar (it-traduzzjoni tar-rapporti sħaħ ser issir skont il-ħin u r-riżorsi disponibbli).

It-tielet attività ser tinkludi l-organizzazzjoni ta' sa żewġ sessjonijiet ta' informazzjoni virtwali dwar it-teknoloġiji fis-sena, għal kull qasam tad-diżarm maħsuba biex joffru l-opportunità lill-komunità diplomatika f'Ġinevra u fi New York biex titgħallem u tiddiskuti, f'kuntest informali u f'kuntatt dirett mal-esperti, dwar teknoloġiji abilitanti speċifiċi rilevanti għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali. Il-parti tal-preżentazzjoni ta' kull avveniment ser tiġi rreġistrata u ssir disponibbli fuq il-kanal YouTube tal-UNIDIR, filwaqt li l-parti Q&A ta' kull avveniment mhux ser tiġi inkluża fir-reġistrazzjoni biex tiġi żgurata diskussjoni aktar miftuħa fost il-parteċipanti.

2.   Linja ta' ħidma nru 2: Żieda fid-djalogu, il-bini u t-trasferiment tal-għarfien

2.1.   Għan

F'konformità mal-objettivi 2 u 3 tal-proġett, l-għan ta' din il-linja ta' ħidma huwa li jiffaċilita l-bini u t-trasferiment tal-għarfien dwar aspetti xjentifiċi u teknoloġiċi tas-sigurtà internazzjonali u d-diżarm billi jgħaqqad firxa varjata, kemm mil-lat ġeografiku kif ukoll minn dak dixxiplinari, ta' esperti mal-istati membri involuti f'negozjati multilaterali dwar id-diżarm.

2.2.   Riżultati mistennija:

a)

Kontribut akbar minn grupp varjat ta' esperti reġjonali u dixxiplinari għad-diskussjonijiet dwar ix-xjenza u t-teknoloġija fil-proċessi ta' diżarm.

b)

L-istabbiliment ta' network globali ta' esperti li jista' jikkontribwixxi għall-impatt sostnut tal-proġett lil hinn mill-perjodu ta' finanzjament.

c)

L-iżvilupp jew it-tisħiħ ta' rabtiet u kollaborazzjonijiet bejn l-istati membri u l-esperti reġjonali mill-komunità tax-xjenza u t-teknoloġija.

2.3.   Deskrizzjoni tal-linja ta' ħidma

Din il-linja ta' ħidma ser tinkludi tliet attivitajiet ewlenin. L-ewwel nett, il-proġett ser ifittex li joħloq subnetworks ta' esperti fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġija pertinenti għal kull qasam tad-diżarm fl-ambitu ta' dan il-proġett. Filwaqt li jibni fuq il-mudell tal-UNIDIR tan-Netwerks Globali ta' Riċerka dwar id-Diżarm, kull subnetwork ser jiġi ġestit minn riċerkatur tal-UNIDIR speċjalizzat fil-qasam tad-diżarm rilevanti. Fil-ħolqien tas-subnetworks ser tingħata attenzjoni partikolari lid-diversità tal-ġeneru u lid-diversità ġeografika. L-esperti indipendenti ser jiġu identifikati permezz tan-network estensiv ta' kollaboraturi u sħab tal-UNIDIR u riċerka mmirata għal esperti (eż. akkademiċi ewlenin identifikati rieżami tar-riċerka l-aktar rilevanti u reċenti) kif ukoll permezz ta' sejħa miftuħa kif meħtieġ u xieraq. Dawn is-subnetworks ser jintużaw bħala lieva biex jappoġġaw kemm l-identifikazzjoni kif ukoll il-prijoritizzazzjoni ta' kwistjonijiet speċifiċi li għandhom jiġu indirizzati permezz ta' proġetti ta' riċerka u/jew avvenimenti, abbażi tal-valutazzjoni tal-ħtiġijiet l-aktar rilevanti u urġenti f'kull forum dwar id-diżarm. Barra minn hekk, l-esperti li jagħmlu parti minn dawn is-subnetworks ser jintużaw bħala eżaminaturi tal-assigurazzjoni tal-kwalità tar-riċerka mwettqa mill-UNIDIR u, fejn rilevanti, jistgħu jiġu kkuntrattati bħala investigaturi prinċipali għal proġetti speċifiċi.

It-tieni attività taħt din il-linja ta' ħidma ser tinkludi l-organizzazzjoni ta' djalogu ibridu bejn diversi partijiet ikkonċernati fis-sena, għal kull qasam ta' diżarm li jikkomplementa l-attivitajiet ta' riċerka biex jitrawwem l-iskambju ta' fehmiet u t-trasferiment tal-għarfien fost komunitajiet differenti ta' partijiet ikkonċernati. Skont il-każ, dawn id-djalogi jistgħu jiġu organizzati bħala avvenimenti bi tħejjija għal/b'appoġġ għal laqgħat u konferenzi previsti għall-proċessi rilevanti. It-traskrizzjonijiet tad-djalogi bejn diversi partijiet ikkonċernati ser jiġu editjati u jsiru disponibbli bl-Ingliż u mill-inqas b'żewġ lingwi uffiċjali addizzjonali tan-NU.

It-tielet attività għal din il-linja ta' ħidma ser tiffoka l-aktar fuq iż-żieda tal-viżibbiltà tal-proġett u d-disseminazzjoni tas-sejbiet tiegħu. Bħala tali, ser tinkludi l-organizzazzjoni ta' avveniment wieħed fis-sena matul l-Ewwel Kumitat tal-Assemblea Ġenerali tan-NU fi New York biex jappoġġa n-negozjati matul id-diskussjonijiet tematiċi rilevanti kif ukoll avveniment wieħed fis-sena fi Brussell għall-komunità diplomatika u politika tal-UE. Abbażi tal-opportunità, din is-sensiela ta' avvenimenti annwali tista' tintuża biex jitnieda l-ġbir ta' kompendji annwali jew jitwettqu approfondimenti dwar temi, teknoloġiji jew oqsma ta' diżarm speċifiċi. Fl-aħħar nett, din il-linja ta' ħidma ser tinkludi l-parteċipazzjoni f'massimu ta' żewġ avvenimenti fis-sena mmexxija minn entitajiet jew organizzazzjonijiet oħra li jipprovdu pjattaforma rilevanti biex jiġu disseminati s-sejbiet tal-ħidma u tiżdied il-viżibbiltà tal-proġett innifsu u tal-UE. Eżempju ta' pjattaforma bħal din jista' jkun l-edizzjonijiet futuri tas-Summit REAIM.

Involviment mal-UE

Dan il-proġett huwa mfassal kemm biex iservi ta' lieva għal sinerġiji potenzjali ma' inizjattivi jew proġetti oħra mmexxija mill-UE (eż. EUNPDC, EUISS, jew proġetti speċifiċi ffinanzjati mill-UE), kif ukoll jipprovdi opportunitajiet għall-UE biex tkompli tikkonsolida l-profil pubbliku u t-tmexxija tagħha f'dan il-qasam. B'mod partikolari, minbarra l-produzzjoni ta' materjal bil-miktub skont il-linji gwida dwar l-immarkar, matul il-proġett l-UE ser tingħata l-opportunità li tinvolvi ruħha fl-avvenimenti kollha organizzati. Eżempji ta' impenji jistgħu jinkludu: kummenti tal-ftuħ u/jew tal-għeluq, il-moderazzjoni, il-kontribut tal-esperti, u l-ospitar. Filwaqt li dawn l-għażliet kollha ser ikunu disponibbli għall-avvenimenti kollha, u b'kont meħud tad-diffikultà li jiġi pprovdut il-persunal għall-għadd ta' impenji ppjanati bħala parti minn dan il-proġett, nirrakkomandaw li l-avveniment annwali organizzat matul l-Ewwel Kumitat jitqies bħala l-opportunità “ewlenija” biex jiġi promoss ir-rwol ta' mexxej tal-UE fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġija bħala rilevanti għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali.

Tul tal-proġett

Il-proġett huwa maħsub li jdum tliet snin, bl-implimentazzjoni tibda kmieni fl-2025.

Monitoraġġ u Evalwazzjoni

Il-Monitoraġġ u l-Evalwazzjoni tal-proġett propost ser jitwettqu f'konformità mal-“ Politika dwar il-Monitoraġġ u l-Evalwazzjoni tar-Riżultati tal-Għarfien tal-UNIDIR ” fuq il-livell tal-Istitut, li ġiet approvata mill-Kunsill ta' Direzzjoni tal-UNIDIR f'Ġunju 2018. (2)


(1)  Ara l-mandat tal-UNIDIR: https://unidir.org/unidir-statute/

(2)  Id-dokument jista' jiġi pprovdut fuq talba.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/529/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)