European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/504

14.3.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/504

tal-11 ta’ Marzu 2025

li temenda l-Protokoll Nru 5 dwar l-Istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 308 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-talba tal-Bank Ewropew tal-Investiment,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea (2),

Filwaqt li jaġixxi skont il-proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) kien soġġett għar-rieżami tal-2022 tal-oqfsa tal-adegwatezza kapitali tal-banek multilaterali tal-iżvilupp ikkummissjonat mill-G20 (ir-“rieżami tas-CAF”), Waħda mir-rakkomandazzjonijiet tar-rieżami tas-CAF kienet li l-banek multilaterali tal-iżvilupp ineħħu l-limiti ta’ self fissi mill-istatuti tagħhom.

(2)

Ir-rakkomandazzjoni tar-rieżami tas-CAF dwar it-tneħħija tal-limiti ta’ self fissi mill-istatuti tal-banek multilaterali tal-iżvilupp saret bil-ħsieb li l-korpi governattivi rispettivi tagħhom jingħataw awtorità sħiħa fuq il-metrika tal-ġestjoni tar-riskju u l-metrika tal-ingranaġġ.

(3)

B’reazzjoni għal dik ir-rakkomandazzjoni, banek multilaterali tal-iżvilupp oħra qed jieħdu azzjoni biex jemendaw l-istatuti tagħhom fir-rigward tal-limiti ta’ self fissi.

(4)

L-Artikolu 16(5) tal-Istatut tal-BEI jistabbilixxi limitu fuq l-operazzjonijiet ta’ dejn iffirmat totali (il-“proporzjon ta’ ingranaġġ”), limitu fuq l-operazzjonijiet ta’ ekwità żborżata u allokazzjoni speċifika ta’ riżerva għal attivitajiet speċjali.

(5)

Kif deskritt fil-Pjan Direzzjonali Strateġiku 2024 – 2027 tal-Grupp tal-BEI (il-“Pjan Direzzjonali Strateġiku”), hemm appell unanimu biex il-Grupp tal-BEI jaqdi rwol saħansitra aktar importanti fit-tneħħija tad-diskrepanza fl-investiment fl-Ewropa, biex isaħħaħ il-produttività, il-koeżjoni soċjali u territorjali, l-azzjoni dwar il-klima, il-paċi, is-sigurtà, u l-awtonomija strateġika miftuħatal-Ewropa, biex iwieġeb għal sfidi globali u biex isemma’ leħnu aktar fil-kuntest ġeopolitiku l-ġdid.

(6)

L-għan tal-Pjan Direzzjonali Strateġiku huwa li jwieġeb għal dak l-appell billi l-Grupp tal-BEI jkun jista’ juża l-kapital tiegħu b’mod effiċjenti, filwaqt li jħares is-solidità finanzjarja tiegħu u jżomm kapital ta’ lqugħ adegwat.

(7)

Huwa mistenni li l-attivitajiet tal-Grupp tal-BEI fil-qafas tal-Pjan Direzzjonali Strateġiku jkunu ristretti ħafna mill-proporzjon ta’ ingranaġġ, li jillimita d-daqs tal-iskopertura nominali ġenerali tal-Grupp tal-BEI għal 250 %. Il-proporzjon ta’ ingranaġġ la jqis il-kwalità tal-portafoll tal-Grupp tal-BEI u lanqas it-titjib tal-kreditu bħal garanziji mill-baġit tal-Unjoni, u jirrappreżenta restrizzjoni partikolari għall-investiment fl-ekwità, bħal dak fil-qafas tal-Fond Ewropew tal-Investiment.

(8)

Fil-21 ta’ Ġunju 2024, il-Bord tal-Gvernaturi tal-BEI ddeċieda unanimament li jżid il-proporzjon ta’ ingranaġġ għal 290 %, sabiex il-Grupp tal-BEI jkun jista’ jibni fuq il-pożizzjoni kapitali b’saħħitha tiegħu u fuq il-qafas robust ta’ ġestjoni tar-riskju u ta’ governanza, juża l-potenzjal sħiħ tiegħu biex jappoġġa l-prijoritajiet tal-Unjoni u jneħħi d-diskrepanza fl-investiment. Dik iż-żieda hija soġġetta għad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni tal-Kunsill.

(9)

Qabel ma jsir kwalunkwe aġġustament għall-proporzjon ta’ ingranaġġ, ikun tajjeb li jiġi stabbilit kunsens fost l-azzjonisti tal-BEI. Għalhekk, ir-rekwiżit ta’ approvazzjoni unanima tal-proporzjon ta’ ingranaġġ mill-Bord tal-Gvernaturi huwa ġġustifikat.

(10)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Istatut tal-BEI jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 16(5) tal-Protokoll Nru 5 dwar l-Istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment, anness mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’li ġej:

“L-ammont totali ta’ self u garanziji mogħtija mill-Bank m’għandux jaqbeż proporzjon massimu fir-rigward tal-kapital sottoskritt, tar-riżervi, tal-ammonti mhux allokati u tal-eċċess fil-kont ta’ qligħ u telf tiegħu li għandu jiġi stabbilit mill-Bord tal-Gvernaturi li jaġixxi b’mod unanimu. Dan l-ammont totali għandu jitnaqqas b’ammont daqs l-ammont sottoskritt, (imħallas jew mhux), għal kull parteċipazzjoni fl-ekwità mill-Bank.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Marzu 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

A. DOMAŃSKI


(1)  L-opinjoni tal-14 ta’ Novembru 2024 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  L-opinjoni tas-27 ta’ Novembru 2024 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/504/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)