|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/479 |
13.3.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/479
tat-18 ta’ Frar 2025
dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tas-Serbja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2), il-punti (b) u (d), u l-Artikolu 79(2), il-punt (c), flimkien mal-Artikolu 218(6), il-punt (a), tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
|
(1) |
F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1639 (2), il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tas-Serbja (“il-Ftehim”) ġie ffirmat fil-25 ta’ Ġunju 2024, suġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 73(3) tar-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), f’ċirkostanzi li jirrikjedu l-iskjerament ta’ timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri mill-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta lejn pajjiż terz fejn il-membri tat-timijiet ser jeżerċitaw setgħat eżekuttivi, għandu jiġi konkluż ftehim dwar l-istatus mill-Unjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat abbażi tal-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. |
|
(3) |
Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (4); għalhekk l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
|
(4) |
F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Ladarba din id-Deċiżjoni tibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi, fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar din id-Deċiżjoni jekk hijiex ser timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha. |
|
(5) |
Il-Ftehim jenħtieġ li jiġi approvat. |
|
(6) |
F’konformita’ mat-Trattai, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel in-notifika prevista fl-Artikolu 22(1) tal-Ftehim, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tas-Serbja (“il-Ftehim”), huwa b’dan awtorizzat f’isem l-Unjoni (5).
Artikolu 2
Il-Kummissjoni għandha, f’isem l-Unjoni, tagħmel in-notifika prevista fl-Artikolu 22(1) tal-Ftehim, sabiex jiġi espress il-kunsens tal-Unjoni li tintrabat bil-Ftehim (6).
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Frar 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
A. DOMAŃSKI
(1) Approvazzjoni tal-21 ta’ Jannar 2025 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1639 tat-30 ta’ Mejju 2024 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tas-Serbja (ĠU L, 2024/1639, 5.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1639/oj).
(3) Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).
(5) It-test tal-Ftehim huwa ppubblikat fil-ĠU L, 2025/480, 13.3.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2025/480/oj.
(6) Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/479/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)