European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/467

13.3.2025

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/467

tat-12 ta’ Marzu 2025

li taċċetta talba mill-Iżvezja skont id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex ma tapplikax ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1695 fir-rigward tal-installazzjoni ta’ tagħmir tal-ETCS abbord sitt vetturi tat-tip 1144

(notifikata bid-dokument C(2025) 1484)

(It-test bl-Iżvediż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(4) tagħha,

Billi:

(1)

Fl-14 ta’ Marzu 2024, l-Iżvezja ressqet talba lill-Kummissjoni biex ma tapplikax b’mod temporanju l-punt 7.4.2.2. tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1695 (2) għas-sitt vetturi ÖBB 1144 eżistenti mixtrija minn Grenland Rail (il-“vetturi kkonċernati”). Dawk il-vetturi ma għandhomx tagħmir tal-ETCS (Sistema Ewropea ta’ Kontroll tal-Ferroviji) installat abbord.

(2)

It-talba mill-Iżvezja tressqet abbażi tal-Artikolu 7(1), il-punt (c), tad-Direttiva (UE) 2016/797 u kienet iġġustifikata min-nuqqas ta’ vijabbiltà ekonomika għall-introduzzjoni fis-suq ta’ vetturi biss ladarba jkunu mgħammra bl-ETCS kif meħtieġ fil-punt 7.4.2.2. tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1695.

(3)

F’konformità mal-punt 7.4.2.2. tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1695, kwalunkwe vettura eżistenti trid tkun mgħammra u lesta biex topera bl-ETCS (sistema ta’ protezzjoni tal-ferroviji tal-Klassi A) meta tiġi installata kwalunkwe sistema ġdida ta’ protezzjoni tal-ferroviji tal-Klassi B f’subsistema ta’ kontroll-kmand u sinjalazzjoni abbord.

(4)

Il-lokomottiva tat-tip 1144 hija lokomottiva universali b’4 fusien mibnija għal Österreichische Bundesbahnen (ÖBB, Linja Ferrovjarja tal-Istat Awstrijak). Bħalissa ż-żona li qed tuża dan it-tip ta’ lokomottiva hija l-Awstrija. Fl-Iżvezja hemm domanda għolja għal dan it-tip ta’ lokomottiva. Grenland Rail xtrat u qed tippjana li tuża l-vetturi fl-Iżvezja u fin-Norveġja.

(5)

Bħalissa inqas minn 5 % tan-network ferrovjarju Żvediż jinsab mgħammar b’ETCS ta’ maġenb il-binarji. Is-sistema nazzjonali ATC2 tal-Klassi B tibqa’ meħtieġa biex topera fuq in-network Żvediż. Il-vetturi kkonċernati jitħaddmu fuq il-partijiet tan-network Żvediż li ma għandhomx ETCS installata u li jew għandhom jew ma għandhomx is-sistema Żvediża ta’ protezzjoni tal-ferroviji ATC2 tal-Klassi B varata maġenb il-binarji. Skont il-Pjan ta’ Implimentazzjoni Nazzjonali tal-ERTMS Żvediż, dawk il-partijiet tan-network ma jkunux mgħammra bl-ETCS qabel l-2030.

(6)

Skont l-Iżvezja, iż-żmien meħtieġ għall-modifika retroattiva tal-vetturi kkonċernati bis-sistema ATC2 tal-Klassi B, inkluża l-awtorizzazzjoni tal-vetturi kollha kkonċernati, huwa ta’ 30 xahar iqsar miż-żmien meħtieġ biex jiġu mmodifikati b’mod retroattiv bl-ETCS. It-tul ta’ żmien ta’ stennija, li jirriżulta mill-modifika retroattiva tal-vetturi kkonċernati bl-ETCS u mill-awtorizzazzjoni sussegwenti tagħhom, iċaħħad lil Grenland Rail mill-introjtu mill-użu ta’ dawn il-vetturi, u b’hekk l-akkwist tagħhom ma jkunx vijabbli għal Grenland Rail.

(7)

Id-dewmien fid-disponibbiltà operazzjonali tal-vetturi kkonċernati jnaqqas ukoll il-provvista ta’ servizzi tal-merkanzija f’mument ta’ żieda fid-domanda għal tali servizzi. Dan ma jappoġġax l-objettiv ta’ politika tal-Unjoni u tal-Iżvezja li jiżdied it-tqassim modali tal-merkanzija bil-ferrovija.

(8)

Sakemm jiġu modifikati b’mod retroattiv bl-ETCS, il-vetturi kkonċernati se joperaw bl-użu tas-sistema tal-klassi B fin-network Żvediż peress li hija l-unika sistema ta’ sinjalazzjoni disponibbli qabel ma tkun ġiet introdotta l-ERTMS (Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju).

(9)

Il-lokomottivi msemmija fit-talba huma diġà identifikati b’numri ta’ referenza. Jenħtieġ li l-awtoritajiet Żvediżi jikkomunikaw kwalunkwe bidla fin-numru tal-vetturi kkonċernati.

(10)

L-Iżvezja impenjat ruħha għal pjan ta’ installazzjoni għall-modifika retroattiva tal-vetturi kkonċernati bl-ETCS abbord, minn tal-inqas fil-verżjoni 2.1 tas-sistema. Skont l-iskedi ta’ żmien l-aktar reċenti pprovduti, il-modifika retroattiva għall-ETCS tas-sitt lokomottivi hija mistennija li titlesta sal-1 ta’ Lulju 2028. Skont l-Iżvezja, l-installazzjoni tas-sistema ATC2 se tikkonfigura minn qabel l-installazzjoni tal-ETCS, u b’hekk l-installazzjoni ta’ din tal-aħħar issir aktar faċli. L-Iżvezja tikkonferma li l-vetturi kkonċernati diġà huma mgħammra b’GSM-R (Sistema Globali għall-Komunikazzjoni Mobbli – Linja Ferrovjarja), kif meħtieġ għan-network Żvediż.

(11)

L-Iżvezja diġà qed tħejji għall-ħtieġa futura li l-vetturi kkonċernati jiġu mgħammra b’FRMCS (Sistema ta’ Komunikazzjoni Mobbli Ferrovjarja Futura) biex tissostitwixxi l-GSM-R, abbażi tal-iskeda ta’ żmien stmata tal-introduzzjoni tal-FRMCS fil-qasam tal-użu ta’ dawk il-vetturi fl-Iżvezja u fin-Norveġja, u minħabba ċ-ċiklu tal-ħajja tal-vettura.

(12)

Abbażi tal-ġustifikazzjoni għat-talba pprovduta mill-Iżvezja u d-dispożizzjonijiet alternattivi proposti, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1), il-punt (c), u fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva (UE) 2016/797 huma ssodisfati fir-rigward tal-vetturi kkonċernati. Għalhekk, jenħtieġ li tiġi aċċettata t-talba mressqa mill-Iżvezja għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-punt 7.4.2.2. tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1695 għal dawk il-vetturi sal-1 ta’ Lulju 2028.

(13)

Sabiex jiġi ggarantit l-iżvilupp f’waqtu tal-proġett, jenħtieġ li l-Iżvezja tinforma lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena dwar l-ippjanar u l-progress fit-titjib tal-vetturi kkonċernati.

(14)

Kwalunkwe estensjoni tan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà kkonċernata lil hinn mill-1 ta’ Lulju 2028 tkun teħtieġ analiżi ekonomika ġdida u valutazzjoni ġdida tal-Kummissjoni.

(15)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 51(1) tad-Direttiva (UE) 2016/797,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-talba tal-Iżvezja għan-nuqqas temporanju tal-applikazzjoni tal-punt 7.4.2.2. tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1695 għas-sitt vetturi ÖBB 1144 identifikati bin-numru 9181 1144 003-1, 9181 1144 010-6, 9181 1144 018-9, 9181 1144 019-7, 9181 1144 020-5, u 9181 1144 024-7 hija aċċettata.

Artikolu 2

L-Iżvezja għandha tinforma lill-Kummissjoni dwar l-ippjanar u l-progress fit-titjib tas-sitt vetturi msemmija fl-Artikolu 1 sal-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena. L-Iżvezja għandha tikkomunika wkoll lill-Kummissjoni kwalunkwe bidla fin-numri ta’ referenza ta’ dawk il-vetturi.

Artikolu 3

Meta f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni, tinħareġ awtorizzazzjoni tal-vettura ta’ kwalunkwe waħda mis-sitt vetturi msemmija fl-Artikolu 1, dik l-awtorizzazzjoni tal-vettura għandha tkun valida għal mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2028.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Iżvezja.

Għandha tapplika sal-1 ta’ Lulju 2028.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Marzu 2025.

Għall-Kummissjoni

Apostolos TZITZIKOSTAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/797/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1695 tal-10 ta’ Awwissu 2023 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabilità relatata mas-subsistemi tal-kontroll-kmand u sinjalazzjoni tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni Ewropea u li jħassar ir-Regolament (UE) 2016/919 (ĠU L 222, 8.9.2023, p. 380, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/1695/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/467/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)