European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/452

5.3.2025

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/452

tad-19 ta’ Diċembru 2024

li jikkoreġi r-Regolament Delegat (UE) 2021/642 li jemenda l-Anness III tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ ċerta informazzjoni li jeħtieġ tingħata dwar it-tikkettar tal-prodotti organiċi

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 23(2), il-punt (a) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/642 (2) jissostitwixxi l-punt 2.1 tal-Anness III tar-Regolament (UE) 2018/848. F’dak l-Anness, l-aħħar paragrafu tal-punt 2.1.3 huwa relatat mal-informazzjoni msemmija fil-punti 2.1.1 u 2.1.2 preċedenti li jistabbilixxu regoli dwar l-imballaġġ u t-trasport ta’ prodotti organiċi u prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni u dwar indikazzjonijiet addizzjonali għal għalf kompost awtorizzat fil-produzzjoni organika. B’mod partikolari, dak il-paragrafu jintroduċi rekwiżit dwar il-preżentazzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-punti 2.1.1 u 2.1.2. Dan ma kellux jiġi inkluż fil-punt 2.1.3 li jirrigwarda indikazzjonijiet addizzjonali għat-taħlita ta’ żrieragħ tal-pjanti tal-magħlef biss. Jenħtieġ li dak il-paragrafu jkun punt separat. Għalhekk, jenħtieġ li dak l-iżball jiġi kkoreġut.

(2)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2021/642 jiġi kkoreġut skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Korrezzjonijiet tar-Regolament Delegat (UE) 2021/642

Fl-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2021/642, il-punt 2 tal-Anness III tar-Regolament (UE) 2018/848 huwa kkoreġut kif ġej:

(1)

l-aħħar paragrafu tal-punt 2.1.3 jitħassar;

(2)

jiżdied li punt li ġej:

“2.1.4.

L-informazzjoni msemmija fil-punti 2.1.1 u 2.1.2 tista’ tiġi ppreżentata biss fuq dokument ta’ akkumpanjament, jekk dan id-dokument tista’ ssirlu konnessjoni mingħajr ebda dubju mal-imballaġġ, mal-kontenitur jew mat-trasport bil-vettura, tal-prodott. Dan id-dokument ta’ akkumpanjament għandu jinkludi l-informazzjoni dwar il-fornitur jew it-trasportatur.”

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/848/oj.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/642 tat-30 ta’ Ottubru 2020 li jemenda l-Anness III tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ ċerta informazzjoni li jeħtieġ tingħata dwar it-tikkettar tal-prodotti organiċi (ĠU L 133, 20.4.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/642/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/452/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)