European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/420

24.3.2025

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/420

tas-16 ta’ Diċembru 2024

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji biex jiġu speċifikati l-kriterji għad-determinazzjoni tal-kompożizzjoni tat-tim konġunt tal-eżaminazzjoni li jiżguraw parteċipazzjoni bilanċjata tal-membri tal-persunal mill-ASE u mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti, id-deżinjazzjoni, il-kompiti u l-arranġamenti ta’ ħidma tagħhom

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 909/2014 u (UE) 2016/1011 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 41(2), it-tieni subparagrafu tiegħu,

Billi:

(1)

Il-qafas ta’ sorveljanza stabbilit bir-Regolament (UE) 2022/2554 jenħtieġ li jinbena fuq kooperazzjoni strutturata u kontinwa bejn l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) u l-awtoritajiet kompetenti permezz tal-Forum ta’ Sorveljanza u t-timijiet konġunti tal-eżaminazzjoni.

(2)

L-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 40(2) tar-Regolament (UE) 2022/2554 jenħtieġ li jiżguraw li l-membri tal-persunal tagħhom li għandhom jinħatru bħala membri tat-tim konġunt tal-eżaminazzjoni msemmi fl-Artikolu 40(1) ta’ dak ir-Regolament ikollhom l-għarfien espert tekniku meħtieġ fil-profili meħtieġa fit-timijiet konġunti tal-eżaminazzjoni. Il-prova li awtorità ma għandhiex persunal li jissodisfa l-għarfien espert tekniku speċifiku meħtieġ fit-timijiet konġunti tal-eżaminazzjoni jenħtieġ li titqies mis-Sorveljant Ewlieni bħala ġustifikazzjoni biex teżenta, f’dak l-istadju, lill-awtoritajiet milli jwettqu l-obbligu tagħhom li jinnominaw membri tal-persunal għat-timijiet konġunti tal-eżaminazzjoni. F’dak il-każ, madankollu, jenħtieġ li l-awtorità timpenja ruħha abbażi tal-aħjar sforz li tindirizza dak in-nuqqas ta’ għarfien espert u tipprova ssaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha biex tikkontribwixxi għat-timijiet konġunti tal-eżaminazzjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju li jmiss.

(3)

Il-membri tal-persunal tal-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 40(2) tar-Regolament (UE) 2022/2554 li huma ddeżinjati bħala membri ta’ tim konġunt tal-eżaminazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 40(1) ta’ dak ir-Regolament jenħtieġ li jibqgħu jkunu impjegati tal-awtorità li tinnomina u għalhekk soġġetti għas-sigħat tax-xogħol u l-post permanenti tax-xogħol kif inkluż fil-kuntratti ta’ impjieg tagħhom.

(4)

Sabiex jiġi żgurat l-aktar użu effettiv tar-riżorsi fl-eżekuzzjoni tal-attivitajiet ta’ sorveljanza, jenħtieġ li l-membri tat-timijiet konġunti tal-eżaminazzjoni jkunu jistgħu jifformaw parti minn diversi timijiet konġunti tal-eżaminazzjoni u jissorveljaw diversi fornituri terzi kritiċi ta’ servizzi tal-ICT. In-numru ta’ fornituri terzi kritiċi ta’ servizzi tal-ICT li għandhom jiġu assenjati lil membru speċifiku ta’ tim konġunt tal-eżaminazzjoni, u l-ħtiġijiet ġenerali tal-persunal tat-timijiet konġunti tal-eżaminazzjoni, jenħtieġ li jqisu l-profil tar-riskju tal-fornituri terzi kritiċi ta’ servizzi tal-ICT u l-livell previst ta’ intensità tal-attivitajiet ta’ sorveljanza. Dik il-possibbiltà li jiġu ssorveljati diversi fornituri terzi kritiċi ta’ servizzi tal-ICT titqies fil-pjan strateġiku pluriennali ta’ sorveljanza aġġornat kull sena mis-Sorveljanti Ewlenin sa fejn ikun meħtieġ, u rifless fil-pjan individwali annwali ta’ sorveljanza. Sabiex tiġi żgurata l-affidabbiltà tal-impenn ippjanat u li għadu għaddej rigward l-allokazzjoni ta’ persunal għat-timijiet konġunti tal-eżaminazzjoni mill-awtoritajiet li jinnominaw, jenħtieġ li s-Sorveljant Ewlieni jikkonsulta kemm lin-Network Konġunt ta’ Sorveljanza kif ukoll lill-Forum ta’ Sorveljanza dwar il-pjan strateġiku pluriennali ta’ sorveljanza.

(5)

Is-Sorveljant Ewlieni jenħtieġ li japplika taħlita ta’ kriterji u ta’ prinċipji meta jidentifika n-numru ta’ membri tal-persunal f’kull tim konġunt tal-eżaminazzjoni u l-kompożizzjoni li tirriżulta. Minħabba l-impronta teknoloġika u ġeografika diversa u l-użu magħmul minn diversi entitajiet finanzjarji ta’ fornituri terzi kritiċi ta’ servizzi tal-ICT, jenħtieġ li dawk il-kriterji u l-prinċipji jqisu n-natura teknika tal-kompiti ta’ sorveljanza, il-grad differenti ta’ dipendenza tal-entitajiet finanzjarji fuq is-servizzi pprovduti mill-fornituri terzi kritiċi ta’ servizzi tal-ICT, id-distribuzzjoni ġeografika, id-daqs u n-numru ta’ entitajiet finanzjarji li jiddependu fuq dawk is-servizzi u, fejn possibbli, rappreżentanza transsettorjali proporzjonata. Fit-twettiq ta’ dak il-kompitu, jenħtieġ li s-Sorveljant Ewlieni jiddependi fuq l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet kompetenti fil-kuntest tad-deżinjazzjoni tal-fornituri terzi kritiċi ta’ servizzi tal-ICT, inkluża l-informazzjoni meħtieġa għas-subkriterji kollha kif stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/1502 (2) u jqis il-kritikalità tal-fornituri terzi kritiċi ta’ servizzi tal-ICT għall-forniment ta’ servizzi finanzjarji speċifiċi kemm fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll f’dak tal-Unjoni.

(6)

Sabiex jiġi żgurat li l-istruttura u l-kompożizzjoni tat-timijiet konġunti tal-eżaminazzjoni jkunu adegwati għall-użu tagħhom u biex jiġu żgurati kontinwament l-effiċjenza u l-effettività tal-Qafas ta’ Sorveljanza, jenħtieġ li s-Sorveljant Ewlieni u l-membri tat-timijiet konġunti tal-eżaminazzjoni jivvalutaw perjodikament il-kisbiet tat-timijiet konġunti tal-eżaminazzjoni. Is-Sorveljant Ewlieni u l-awtoritajiet li jinnominaw jenħtieġ li jużaw dawk il-valutazzjonijiet biex jivverifikaw jekk il-membri tat-timijiet konġunti tal-eżaminazzjoni għadhomx adegwati biex iwettqu l-kompiti tagħhom u fejn xieraq jagħmlu bidliet lis-sħubija tat-timijiet konġunti tal-eżaminazzjoni.

(7)

Sabiex jiġi żgurat li l-membri tat-timijiet konġunti tal-eżaminazzjoni jaħdmu bħala tim uniku u li l-attivitajiet ta’ sorveljanza jitwettqu b’mod konsistenti, jenħtieġ li l-ASE jispeċifikaw il-proċeduri ta’ sorveljanza li għandhom jiġu segwiti mill-membri tat-timijiet konġunti tal-eżaminazzjoni u mill-koordinatur tas-Sorveljant Ewlieni fit-twettiq ta’ dmirijiethom.

(8)

Peress li l-kompiti ta’ sorveljanza jinvolvu l-ipproċessar ta’ informazzjoni kunfidenzjali, jenħtieġ li s-Sorveljant Ewlieni jagħti aċċess għal tali informazzjoni u għar-riżorsi relatati tal-IT (inklużi l-għodod, l-applikazzjonijiet, u s-settijiet tad-data) u mhux tal-IT (inklużi l-politika, il-proċeduri u d-dokumentazzjoni) lill-membri tat-tim konġunt tal-eżaminazzjoni, fuq il-bażi ta’ ħtieġa ta’ għarfien, u fi ħdan l-ambitu speċifikat tal-inkarigi tagħhom, jekk dan ikun meħtieġ għall-membri tat-tim konġunt tal-eżaminazzjoni biex jassistu lis-Sorveljant Ewlieni fit-twettiq tal-funzjonijiet jew tal-kompiti statutorji tiegħu. Meta jiġu stabbiliti arranġamenti bejn is-Sorveljant Ewlieni u l-awtoritajiet kompetenti biex jimplimentaw dan ir-Regolament, b’mod konsistenti mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/1505 (3), biex jiżguraw il-finanzjament xieraq tal-kostijiet assoċjati mar-riżorsi pprovduti mill-awtoritajiet li jinnominaw, jenħtieġ li f’tali arranġamenti s-Sorveljant Ewlieni jinkludi taqsima li tagħti d-dettalji dwar il-proċedura ta’ rimborż tal-kostijiet diretti u indiretti tal-awtoritajiet li jinnominaw kollha involuti fit-timijiet konġunti tal-eżaminazzjoni. Barra minn hekk, sabiex jiżguraw eżekuzzjoni trasparenti u affidabbli tal-attivitajiet ta’ sorveljanza, jenħtieġ li dawk l-arranġamenti jiżguraw ukoll li l-membri tat-timijiet konġunti tal-eżaminazzjoni jkunu ħielsa minn kwalunkwe kunflitt ta’ interess waqt it-twettiq ta’ dmirijiethom.

(9)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentati lill-Kummissjoni Ewropea mill-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq.

(10)

Il-Kumitat Konġunt tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej imsemmi fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) wettaq konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizza l-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali tal-istandards proposti u talab il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Oqsma tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni u tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Qasam tal-Pensjonijiet tax-Xogħol stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, u tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kompiti tal-membri tat-tim konġunt tal-eżaminazzjoni

1.   Il-membri tat-tim konġunt tal-eżaminazzjoni għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom taħt il-koordinazzjoni tal-koordinatur tas-Sorveljant Ewlieni. Dawk il-kompiti għandhom jinkludu l-appoġġ li għadu għaddej tal-attivitajiet imwettqa mis-Sorveljant Ewlieni u l-eżekuzzjoni ta’ kompiti speċifiċi. Dawk il-kompiti għandhom ikunu li:

(a)

jassistu lis-Sorveljant Ewlieni fit-tħejjija u fl-abbozzar tal-pjan individwali annwali ta’ sorveljanza msemmi fl-Artikolu 33(4) tar-Regolament (UE) 2022/2554;

(b)

jassistu lis-Sorveljant Ewlieni fit-twettiq tal-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 33(2) tar-Regolament (UE) 2022/2554;

(c)

jivvalutaw l-informazzjoni miksuba mis-Sorveljant Ewlieni mill-fornitur terz kritiku ta’ servizzi tal-ICT skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) 2022/2554 u l-Kapitolu II tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/295 (7);

(d)

jwettqu investigazzjonijiet ġenerali dwar il-fornituri terzi kritiċi ta’ servizzi tal-ICT imsemmija fl-Artikolu 38 tar-Regolament (UE) 2022/2554;

(e)

jwettqu l-ispezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 39(1) tar-Regolament (UE) 2022/2554;

(f)

jabbozzaw ir-rakkomandazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 35(1) tar-Regolament (UE) 2022/2554;

(g)

jivvalutaw il-pjan ta’ rimedju u r-rapporti ta’ progress imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/295;

(h)

iħejju u jabbozza t-talbiet u d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 35(6), l-Artikolu 37(1), l-Artikolu 38(4), u l-Artikolu 39(6) tar-Regolament (UE) 2022/2554;

(i)

jassistu lis-Sorveljant Ewlieni fil-kontribut tiegħu għal attivitajiet ta’ sorveljanza orizzontali, inkluż fl-iżvilupp tal-parametri referenzjarji komprensivi msemmija fl-Artikolu 32(3) tar-Regolament (UE) 2022/2554;

(j)

jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti relatata mal-entitajiet finanzjarji li jagħmlu użu mis-servizzi pprovduti minn fornituri terzi kritiċi ta’ servizzi tal-ICT tiġi kondiviża mas-Sorveljant Ewlieni;

(k)

jassistu lis-Sorveljant Ewlieni f’attivitajiet ad hoc mhux ippjanati meqjusa meħtieġa mis-Sorveljant Ewlieni għall-fini ta’ sorveljanza.

2.   Fejn is-Sorveljant Ewlieni jirrevedi b’mod sinifikanti l-pjan individwali annwali ta’ sorveljanza matul is-sena, is-Sorveljant Ewlieni għandu jinvolvi l-membri tat-tim konġunt tal-eżaminazzjoni fl-eżekuzzjoni tal-pjan individwali annwali ta’ sorveljanza u fir-reviżjoni tiegħu.

Artikolu 2

Stabbiliment tat-tim konġunt tal-eżaminazzjoni

1.   Wara l-ewwel deżinjazzjoni ta’ fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT bħala kritiku f’konformità mal-Artikolu 31(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2022/2554, is-Sorveljant Ewlieni, bi ftehim man-Network Konġunt ta’ Sorveljanza msemmi fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) 2022/2554, għandu jistabbilixxi t-tim konġunt tal-eżaminazzjoni responsabbli li jwettaq l-attivitajiet ta’ sorveljanza fuq dak il-fornitur terz kritiku ta’ servizzi tal-ICT.

2.   Fejn iseħħu bidliet materjali rigward is-sitwazzjoni tal-fornitur terz kritiku ta’ servizzi tal-ICT, is-Sorveljant Ewlieni jista’ jaġġorna, bi ftehim man-Network Konġunt ta’ Sorveljanza, il-kompożizzjoni tat-tim konġunt tal-eżaminazzjoni responsabbli li jwettaq l-attivitajiet ta’ sorveljanza fuq dak il-fornitur terz kritiku ta’ servizzi tal-ICT.

Għal dak l-għan, il-bidliet materjali rigward il-fornitur terz kritiku ta’ servizzi tal-ICT għandhom ikunu relatati ma’ kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

is-servizzi pprovduti minn fornitur terz kritiku ta’ servizzi tal-ICT;

(b)

l-attivitajiet imwettqa mill-entitajiet finanzjarji li huma appoġġati mis-servizzi tal-ICT tal-fornitur terz kritiku ta’ servizzi tal-ICT;

(c)

il-lista ta’ fornituri terzi kritiċi ta’ servizzi tal-ICT fil-livell tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 31(9) tar-Regolament (UE) 2022/2554;

3.   L-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 40(2) tar-Regolament (UE) 2022/2554 għandhom jinnominaw individwu wieħed jew aktar mill-persunal tagħhom li għandhom jiġu ddeżinjati bħala membri tat-tim konġunt tal-eżaminazzjoni. Individwu jista’ jiġi nnominat u ddeżinjat bħala membru ta’ tim konġunt tal-eżaminazzjoni wieħed jew aktar.

4.   Is-Sorveljant Ewlieni għandu jiddeżinja l-individwi nnominati bħala membri tat-tim konġunt tal-eżaminazzjoni jew fuq bażi full-time jew fuq bażi part-time, skont id-disponibbiltà tagħhom, il-ħtiġijiet speċifiċi tas-Sorveljant Ewlieni, u l-ftehim bejn l-awtorità li tinnomina u s-Sorveljant Ewlieni.

5.   Meta jinnominaw il-membri tat-timijiet konġunti tal-eżaminazzjoni, l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 40(2) tar-Regolament (UE) 2022/2554 għandhom jivvalutaw l-għarfien espert tekniku, il-kwalifiki u l-ħiliet tagħhom fl-ICT u f’oqsma rilevanti, inklużi ħiliet ta’ komunikazzjoni u ta’ kollaborazzjoni, kif ukoll ħiliet ta’ awditjar u ta’ superviżjoni.

6.   Is-Sorveljant Ewlieni jista’ jirrikjedi li l-awtoritajiet li jinnominaw jimmodifikaw in-nomini tagħhom biss f’ċirkostanzi ġustifikati u meta l-profili tal-individwi nominati ma jaqblux mal-profil tar-riżorsi meħtieġa.

7.   Is-Sorveljant Ewlieni u l-awtoritajiet għandhom jieħdu l-miżuri xierqa u possibbli kollha biex jiżguraw li t-tim konġunt tal-eżaminazzjoni jkollu persunal adegwat f’konformità mal-pjan annwali ta’ sorveljanza individwali.

Artikolu 3

Membri tat-tim konġunt tal-eżaminazzjoni

1.   Is-Sorveljant Ewlieni għandu jiddetermina n-numru ta’ membri tat-tim konġunt tal-eżaminazzjoni u l-kompożizzjoni tiegħu bi ftehim man-Network Konġunt ta’ Sorveljanza msemmi fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) 2022/2554 u f’konsultazzjoni mal-Forum ta’ Sorveljanza msemmi fl-Artikolu 32(1) ta’ dak ir-Regolament.

2.   Is-Sorveljant Ewlieni għandu jiddetermina dak in-numru bħala parti mill-proċess tal-istabbiliment tat-tim konġunt tal-eżaminazzjoni, u kif meħtieġ maż-żmien, filwaqt li jqis:

(a)

il-kompiti inklużi fil-pjanijiet individwali annwali ta’ sorveljanza abbozzati għal kull fornitur terz kritiku ta’ servizzi tal-ICT issorveljat mit-tim konġunt tal-eżaminazzjoni;

(b)

l-objettivi strateġiċi tal-pjan pluriennali ta’ sorveljanza abbozzat għall-fornituri terzi kritiċi kollha ta’ servizzi tal-ICT issorveljati mit-timijiet konġunti tal-eżaminazzjoni kollha.

3.   Sabiex jiddetermina n-numru u l-kompożizzjoni tal-membri fit-tim konġunt tal-eżaminazzjoni, is-Sorveljant Ewlieni għandu jikkunsidra mill-inqas dan kollu li ġej:

(a)

il-livell previst ta’ intensità tal-attivitajiet ta’ sorveljanza li għandhom jitwettqu fir-rigward tal-fornituri terzi kritiċi kollha ta’ servizzi tal-ICT;

(b)

id-daqs u l-kumplessità tal-fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT issorveljat mit-tim konġunt tal-eżaminazzjoni u mill-ASE bħala Sorveljanti Ewlenin;

(c)

il-ħtiġijiet individwali speċifiċi ta’ sorveljanza relatati mal-fornitur terz kritiku speċifiku ta’ servizzi tal-ICT, kif ivvalutati mis-Sorveljant Ewlieni;

(d)

l-istabbiltà tal-kompożizzjoni tat-tim konġunt tal-eżaminazzjoni, filwaqt li tiġi żgurata żamma xierqa tal-għarfien;

(e)

il-ħiliet neċessarji meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti mit-tim konġunt tal-eżaminazzjoni, filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti tal-għarfien tekniku u mhux tekniku tal-ICT;

(f)

l-Istati Membri li fihom il-fornitur terz kritiku ta’ servizzi tal-ICT jipprovdi servizzi tal-ICT li jappoġġaw funzjonijiet kritiċi jew importanti tal-entitajiet finanzjarji, u l-awtoritajiet kompetenti li jissorveljaw l-entitajiet finanzjarji li jagħmlu użu minn dawk is-servizzi;

(g)

it-tipi, id-daqsijiet u n-numri differenti ta’ entitajiet finanzjarji li l-fornitur terz kritiku ta’ servizzi tal-ICT jipprovdilhom servizzi tal-ICT li jappoġġaw funzjonijiet kritiċi jew importanti;

(h)

l-awtoritajiet kompetenti li jissorveljaw l-entitajiet finanzjarji li huma l-aktar dipendenti fuq is-servizzi tal-ICT ipprovduti mill-fornituri terzi kritiċi ta’ servizzi tal-ICT;

(i)

rappreżentanza transsettorjali proporzjonata tal-awtoritajiet li jinnominaw tat-tim konġunt tal-eżaminazzjoni.

4.   Meta jinnominaw il-membri tat-tim konġunt tal-eżaminazzjoni, l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 40(2) tar-Regolament (UE) 2022/2554 għandhom jikkunsidraw mill-inqas il-punti (c), (d), (e) (g) u (h) tal-paragrafu 3.

Artikolu 4

Bidla tas-sħubija fit-tim konġunt tal-eżaminazzjoni

Perjodikament, jew fejn is-Sorveljant Ewlieni jinbidel, jew fejn iseħħu bidliet materjali kif speċifikat fl-Artikolu 2(2), is-Sorveljant Ewlieni, wara li jkun ikkonsulta lill-membri tat-tim konġunt tal-eżaminazzjoni, għandu jivvaluta r-riżultati tal-membri tat-tim konġunt tal-eżaminazzjoni. Kemm l-awtoritajiet li jinnominaw kif ukoll is-Sorveljant Ewlieni għandhom jużaw ir-riżultati ta’ dik il-valutazzjoni biex jiddeċiedu jekk huwiex xieraq li tinbidel is-sħubija tat-tim konġunt tal-eżaminazzjoni.

Artikolu 5

Arranġamenti ta’ ħidma tal-membri tat-tim konġunt tal-eżaminazzjoni

1.   Il-membri tat-tim konġunt tal-eżaminazzjoni għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom identifikati fil-pjan individwali annwali ta’ sorveljanza bil-ħila, bl-attenzjoni u bid-diliġenza dovuta, mingħajr l-ebda preġudizzju u f’konformità mal-istruzzjonijiet tal-koordinatur tas-Sorveljant Ewlieni msemmi fl-Artikolu 40(2), it-tieni subparagrafu tar-Regolament (UE) 2022/2554.

2.   Meta jwettqu kompiti ta’ sorveljanza, il-membri tat-tim konġunt tal-eżaminazzjoni għandhom isegwu proċeduri ta’ sorveljanza abbozzati b’mod konġunt mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej fir-rigward tat-twettiq ta’ attivitajiet ta’ sorveljanza u ta’ kwalunkwe żona operazzjonali rilevanti, inklużi l-ispeċifikazzjonijiet relatati mal-użu ta’ għodod u tagħmir tal-IT kif ukoll ta’ ġestjoni tal-ħin.

3.   Il-membri tat-tim konġunt tal-eżaminazzjoni għandhom isegwu l-informazzjoni u l-ispeċifikazzjonijiet u l-istruzzjonijiet tat-trattament tal-informazzjoni u tad-data pprovduti mill-koordinatur tas-Sorveljant Ewlieni msemmi fl-Artikolu 40(2), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2022/2554 u għandhom jikkonformaw mar-reġim ta’ kunfidenzjalità tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej.

4.   Is-Sorveljant Ewlieni u l-awtoritajiet li jinnominaw għandhom jistabbilixxu arranġamenti biex jimplimentaw ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, inklużi arranġamenti dwar il-ħin imqatta’ u l-kostijiet stmati relatati mal-attivitajiet ta’ sorveljanza mwettqa mit-tim konġunt tal-eżaminazzjoni, it-taħriġ, kif ukoll kunsiderazzjonijiet etiċi u marbuta mal-kondotta fir-rigward tar-rwol tal-membri tat-tim konġunt tal-eżaminazzjoni, fejn xieraq.

5.   Is-Sorveljant Ewlieni u l-awtoritajiet li jinnominaw għandhom jiżguraw li l-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 4 jiġu implimentati, rieżaminati u aġġornati fil-ħin.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 333, 27.12.2022, p. 1, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2022/2554/oj.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/1502 tat-22 ta’ Frar 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jispeċifika l-kriterji għad-deżinjazzjoni ta’ fornituri terzi ta’ servizzi tal-ICT bħala kritiċi għall-entitajiet finanzjarji (ĠU L, 2024/1502, 30.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1502/oj).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/1505 tat-22 ta’ Frar 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jiddetermina l-ammont tat-tariffi għas-sorveljanza li jridu jiġu imposti mis-Sorveljant Ewlieni fuq fornituri terzi kritiċi ta’ servizzi tal-ICT u l-mod li bih dawn it-tariffi jridu jitħallsu (ĠU L, 2024/1505, 30.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1505/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2010/1093/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2010/1094/oj.

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2010/1095/oj).

(7)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/295 tal-24 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet li jippermettu t-twettiq tal-attivitajiet ta’ sorveljanza (ĠU L, 2025/295, 13.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/295/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/420/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)