European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/413

31.3.2025

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/413

tat-18 ta’ Diċembru 2024

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kontenut dettaljat tal-informazzjoni meħtieġa biex titwettaq il-valutazzjoni ta’ akkwiżizzjoni proposta ta’ parteċipazzjoni kwalifikanti f’emittent ta’ token irreferenzjat ma’ assi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar is-swieq fil-kriptoassi, u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 1095/2010 u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/1937 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4), it-tielet subparagrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 41(1) tar-Regolament (UE) 2023/1114, akkwirent propost ta’ parteċipazzjoni kwalifikanti f’emittent ta’ token irreferenzjat ma’ assi għandu jippreżenta lill-awtorità kompetenti l-informazzjoni dettaljata li tkun meħtieġa għall-valutazzjoni prudenzjali tal-akkwiżizzjoni proposta, fil-mument tan-notifika tal-akkwiżizzjoni proposta jew taż-żieda tal-parteċipazzjoni kwalifikanti.

(2)

L-informazzjoni li tinsab fin-notifika ppreżentata mill-akkwirent propost għandha tkun vera, preċiża, kompluta u aġġornata mill-mument tal-preżentazzjoni tan-notifika sat-tlestija tal-valutazzjoni mill-awtorità kompetenti. Għal dak l-għan, l-akkwirent propost għandu jinforma lill-awtorità kompetenti bi kwalunkwe bidla fl-informazzjoni pprovduta fin-notifika.

(3)

In-notifika għandha jkun fiha data dwar l-akkwirent propost, inklużi l-membri tal-korp maniġerjali tiegħu, l-azzjonisti indiretti u s-sid benefiċjarju finali, u tal-membri tal-korp maniġerjali tal-entità fil-mira fejn l-akkwirent propost ikun biħsiebu jaħtar kwalunkwe wieħed. Dik l-informazzjoni tkun tinkludi data personali. F’konformità mal-prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-data minqux fl-Artikolu 5(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), jenħtieġ li tiġi pprovduta biss data personali li hija meħtieġa u suffiċjenti biex tippermetti lill-awtorità kompetenti tivvaluta bir-reqqa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 42(1), jenħtieġ li l-punti (a) sa (e) tar-Regolament (UE) 2023/1114 jiġu pprovduti lill-awtorità kompetenti. Meta jivvalutaw in-notifika tal-akkwiżizzjoni proposta u jipproċessaw id-data personali inkluża fiha, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jikkonformaw mar-Regolament (UE) 2016/679. Barra minn hekk, f’konformità mal-prinċipji relatati mal-ipproċessar tad-data personali stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/679, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jżommu tali data personali għal mhux aktar milli jkun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti superviżorji tagħhom.

(4)

Meta l-akkwirent propost ikun persuna ġuridika, hija meħtieġa wkoll informazzjoni dwar l-identità tas-sidien benefiċjarji finali u dwar ir-reputazzjoni u l-esperjenza, matul l-aħħar 10 snin, tal-persuni li effettivament imexxu n-negozju tal-akkwirent propost biex titwettaq il-valutazzjoni prudenzjali. Għalhekk, l-akkwirent propost għandu jippreżenta dik l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti.

(5)

Meta l-akkwirent propost ikun jew ikun maħsub li jkun struttura ta’ trust, huwa meħtieġ li l-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira tikseb informazzjoni kemm dwar l-identità tat-trustees li se jimmaniġġjaw l-assi tat-trust, kif ukoll dwar l-identità tas-settlor u tas-sidien benefiċjarji ta’ dawk l-assi biex ikunu jistgħu jivvalutaw ir-reputazzjoni u l-esperjenza ta’ dawk il-persuni.

(6)

Meta l-akkwirent propost ikun fond ta’ investiment alternattiv (AIF, alternative investment fund), kif definit fl-Artikolu 4(1), il-punt (a), tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), jew impriża ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS), awtorizzata f’konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-maniġer tal-fond ta’ investiment alternattiv (AIFM) tagħha jew l-AIF fil-każ ta’ AIF ġestit internament, jew il-kumpanija maniġerjali tal-UCITS tiegħu jew il-kumpanija ta’ investiment tal-UCITS fil-każ ta’ UCITS awtoġestita, jenħtieġ li jipprovdu lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira bl-identità tal-individwi inkarigati mit-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ investiment għall-fond u l-informazzjoni meħtieġa għall-valutazzjoni tar-reputazzjoni tagħhom.

(7)

Meta l-akkwirent propost ikun fond ta’ investimenti sovrani, jenħtieġ li dak l-akkwirent propost jipprovdi lill-awtorità kompetenti informazzjoni komprensiva rilevanti għall-valutazzjoni tar-reputazzjoni, inkluża informazzjoni dwar l-identità u r-reputazzjoni tal-persuni li jkollhom pożizzjonijiet ta’ livell għoli fil-ministeru, id-dipartiment tal-gvern jew il-korp pubbliku ieħor inkarigat mit-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ investiment għall-fond.

(8)

Meta l-akkwirent propost ikun persuna fiżika, huwa meħtieġ li tinkiseb informazzjoni kemm fir-rigward tal-akkwirent propost kif ukoll fir-rigward ta’ kwalunkwe impriża formalment diretta jew ikkontrollata mill-akkwirent propost matul l-aħħar 10 snin biex l-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira tingħata l-informazzjoni kollha rilevanti għall-valutazzjoni tar-reputazzjoni.

(9)

Meta l-akkwirent propost ikun persuna ġuridika, huwa meħtieġ li tinkiseb informazzjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe impriża taħt il-kontroll tal-akkwirent propost, u kwalunkwe azzjonist b’parteċipazzjoni kwalifikanti fl-akkwirent propost, biex l-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira tingħata l-informazzjoni kollha rilevanti għall-valutazzjoni tar-reputazzjoni.

(10)

L-informazzjoni rilevanti għall-valutazzjoni tar-reputazzjoni jenħtieġ li tinkludi l-informazzjoni dwar in-nuqqas ta’ kundanni kriminali u proċessi kriminali, storiċi jew li għadhom għaddejjin, kif ukoll informazzjoni dwar kawżi ċivili jew amministrattivi. Bl-istess mod, jenħtieġ li tiġi pprovduta informazzjoni fir-rigward tal-investigazzjonijiet u l-proċessi miftuħa, is-sanzjonijiet jew id-deċiżjonijiet ta’ infurzar oħra kollha kontra l-akkwirent propost, u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra bħal ċaħda ta’ reġistrazzjoni jew it-tkeċċija mill-impjieg jew minn pożizzjoni ta’ fiduċja li hija meqjusa rilevanti għall-valutazzjoni tar-reputazzjoni tal-akkwirent propost.

(11)

Biex jiġi żgurat li l-eżitu tal-investigazzjonijiet immexxija minn awtoritajiet oħra jitqies kif xieraq mill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira meta twettaq il-valutazzjoni tagħha stess tal-akkwirent propost, l-akkwirent propost jenħtieġ li jipprovdi informazzjoni dwar jekk valutazzjoni bħala akkwirent, jew bħala persuna li tmexxi n-negozju ta’ kwalunkwe entità rilevanti tkunx diġà twettqet minn awtorità kompetenti oħra jew awtorità oħra, u, jekk ikun il-każ, l-eżitu ta’ din il-valutazzjoni, jenħtieġ li jiġi pprovdut mill-akkwirent propost.

(12)

Biex jiġi ffaċilitat l-irkupru ta’ valutazzjonijiet preċedenti fil-bażijiet tad-data superviżorji u tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, jenħtieġ li l-akkwirent propost jippreżenta identifikatur ta’ entità l-informazzjoni inkluża fin-notifika lill-awtorità kompetenti. L-identifikaturi li jistgħu jintużaw għal dan l-għan jenħtieġ li jkunu dawk li jistgħu jintużaw biex jiġu identifikati entitajiet legali f’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni li jistabbilixxi standards tekniċi adottati skont l-Artikolu 68(10), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2023/1114, peress li dawn l-identifikaturi għandhom karatteristiċi li jagħmluhom xierqa għal finijiet superviżorji.

(13)

Fir-rigward tal-akkwiżizzjoni proposta ta’ parteċipazzjonijiet kwalifikanti indiretti fl-entità fil-mira, huwa meħtieġ li l-kontenut tat-talba għall-informazzjoni jiġi kkalibrat b’mod proporzjonat. Għal dak l-għan, jenħtieġ li jiġu differenzjati żewġ każijiet. L-ewwel wieħed huwa l-każ fejn il-persuna fiżika jew ġuridika li indirettament takkwista jew iżżid parteċipazzjoni kwalifikanti fl-entità fil-mira jkollha l-intenzjoni li takkwista l-kontroll ta’ detentur eżistenti ta’ parteċipazzjoni kwalifikanti fl-entità fil-mira jew ikollha kontroll fl-akkwirent dirett propost ta’ parteċipazzjoni kwalifikanti fl-entità fil-mira. It-tieni wieħed huwa l-każ fejn l-eżistenza ta’ parteċipazzjoni kwalifikanti tiġi ddeterminata billi l-parteċipazzjoni kwalifikanti miżmuma fl-entità fil-mira tiġi mmultiplikata bil-perċentwal tal-parteċipazzjonijiet kwalifikanti miżmuma indirettament tul il-katina ta’ parteċipazzjoni. Fit-tieni każ, wara li titqies l-influwenza aktar limitata li tali azzjonist indirett jew membru b’parteċipazzjonijiet kwalifikanti jista’ jeżerċita fuq l-entità fil-mira, l-akkwirent propost għandu jippreżenta informazzjoni mnaqqsa.

(14)

L-akkwirenti proposti jistgħu jipprevedu l-ħatra ta’ membru wieħed jew aktar fuq il-korp maniġerjali tal-entità fil-mira. Biex l-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira tkun tista’ tivvaluta membri ġodda tal-korp maniġerjali ta’ dik l-entità fil-mira, jenħtieġ li l-akkwirent propost jipprovdi l-istess informazzjoni li tkun meħtieġa mill-membri tal-korpi maniġerjali ta’ emittenti tat-tokens irreferenzjati ma’ assi, fil-mument tal-awtorizzazzjoni.

(15)

Biex tiġi vvalutata s-solidità finanzjarja ta’ dak l-akkwirent propost, l-informazzjoni finanzjarja dwar dak l-akkwirent propost, inkluża deskrizzjoni tal-attivitajiet kummerċjali attwali tal-akkwirent propost, jenħtieġ li tiġi pprovduta lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira.

(16)

Huwa importanti għall-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira li tivvaluta jekk l-eżistenza ta’ kwalunkwe kunflitt ta’ interess potenzjali jistax jaffettwa s-solidità finanzjarja tal-akkwirent propost u l-ġestjoni soda u prudenti tal-entità fil-mira. Għalhekk, l-akkwirenti proposti jenħtieġ li jipprovdu informazzjoni dwar l-interessi jew ir-relazzjonijiet finanzjarji u mhux finanzjarji tal-akkwirent propost ma’ kwalunkwe azzjonist jew direttur jew membru tal-korp maniġerjali tal-entità fil-mira jew persuna intitolata li teżerċita d-drittijiet tal-vot fl-entità fil-mira, jew mal-entità fil-mira nnifisha jew il-grupp tagħha.

(17)

Il-preżentazzjoni ta’ informazzjoni addizzjonali hija meħtieġa meta l-akkwirent propost ikun persuna ġuridika. Dik l-informazzjoni addizzjonali għandha tippermetti lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira li tlesti l-valutazzjoni tal-akkwiżizzjoni proposta, inkluż f’każijiet fejn l-istrutturi legali u tal-grupp involuti jistgħu jkunu kumplessi u jistgħu jeħtieġu rieżami dettaljat fir-rigward tar-reputazzjoni, l-azzjoni potenzjali flimkien ma’ partijiet oħra, u l-kapaċità tal-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira biex tkompli s-superviżjoni effettiva tal-entità fil-mira.

(18)

Meta l-akkwirent propost ikun entità stabbilita f’pajjiż terz jew ikun parti minn grupp li l-impriża prinċipali diretta jew omm apikali tiegħu tkun stabbilita barra mill-Unjoni, jenħtieġ li tiġi pprovduta informazzjoni addizzjonali sabiex l-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira tkun tista’ tivvaluta li r-reġim legali tal-pajjiż terz ma jipprovdix ostakli għall-kapaċità tal-entità fil-mira li tikkonforma mar-rekwiżiti prudenzjali, u tkun tista’ taċċerta r-reputazzjoni tal-akkwirent propost f’dak il-pajjiż terz.

(19)

Biex tkun tista’ ssir valutazzjoni dwar jekk l-akkwiżizzjoni proposta hijiex se jkollha impatt fuq il-kapaċità tal-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira li twettaq superviżjoni effettiva ta’ dik l-entità fil-mira, jenħtieġ li l-akkwirent propost jippreżenta informazzjoni speċifika. Għall-persuni ġuridiċi, l-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira jenħtieġ li tivvaluta l-impatt tal-akkwiżizzjoni proposta fuq is-superviżjoni konsolidata tal-entità fil-mira u tal-grupp li dik l-entità tkun tappartjeni għalih wara l-akkwiżizzjoni.

(20)

Biex tkun tista’ ssir il-valutazzjoni tal-akkwiżizzjoni proposta, l-akkwirent propost jenħtieġ li jipprovdi informazzjoni li tidentifika l-entità fil-mira, filwaqt li jipprovdi dettalji dwar l-intenzjoni u l-investiment strateġiku tal-akkwirent propost u dwar l-ishma li huma proprjetà tal-akkwirent propost jew li huma maħsuba li jkunu proprjetà tiegħu. Jenħtieġ li dik l-informazzjoni tinkludi dettalji ta’ kwalunkwe azzjoni meħuda mill-akkwirent propost flimkien ma’ partijiet oħra għall-finijiet tal-akkwiżizzjoni proposta u l-informazzjoni dwar il-prezz tal-akkwiżizzjoni proposta.

(21)

Barra minn hekk, l-akkwirent propost jenħtieġ li jipprovdi informazzjoni dwar il-finanzjament tal-akkwiżizzjoni proposta, inkluża informazzjoni dwar il-mezzi u s-sorsi kollha ta’ finanzjament. L-akkwirent propost jenħtieġ li jkun jista’ jippreżenta wkoll evidenza dwar l-oriġini u l-leġittimità tas-sors ta’ tali fondi u assi kollha, inkluż kwalunkwe kriptoassi jew assi diġitali ieħor, sabiex l-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira tkun tista’ tivvaluta ċ-ċertezza, is-suffiċjenza u l-oriġini leġittima tagħhom, inkluż jekk hemmx riskju ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu.

(22)

Biex tiġi żgurata valutazzjoni komprensiva tal-akkwiżizzjoni proposta, l-akkwirenti proposti li għandhom l-intenzjoni li jakkwistaw parteċipazzjoni kwalifikanti ta’ aktar minn 20 % u sa 50 % fl-entità fil-mira jenħtieġ li jipprovdu informazzjoni dwar l-istrateġija tagħhom lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira. Bl-istess mod, l-akkwirenti proposti li għandhom l-intenzjoni li jakkwistaw parteċipazzjoni kwalifikanti ta’ inqas minn 20 % fl-entità fil-mira iżda li jeżerċitaw influwenza sinifikanti ekwivalenti fuq dik l-entità permezz ta’ mezzi oħra, inklużi r-relazzjonijiet bejn l-akkwirent propost u l-azzjonisti eżistenti, l-eżistenza ta’ ftehimiet tal-azzjonisti, it-tqassim tal-ishma, l-interessi parteċipattivi u d-drittijiet tal-vot tal-azzjonisti jew il-pożizzjoni tal-akkwirent propost fl-istruttura tal-grupp tal-entità fil-mira wkoll jenħtieġ li jipprovdu dik l-informazzjoni biex jiżguraw livell għoli ta’ omoġeneità fil-valutazzjoni tal-akkwisti proposti.

(23)

Meta jkun hemm tibdil propost fil-kontroll tal-entità fil-mira, l-akkwirent propost għandu, bħala regola ġenerali, jippreżenta pjan tan-negozju sħiħ. Madankollu, fejn ma jkun hemm l-ebda tibdil propost fil-kontroll tal-entità fil-mira, ċerta informazzjoni dwar l-istrateġija futura tal-entità u l-intenzjonijiet tal-akkwirent propost għall-entità fil-mira jenħtieġ li jkunu biżżejjed biex jiġi vvalutat jekk l-akkwiżizzjoni proposta hijiex se taffettwa s-solidità finanzjarja tal-akkwirent propost.

(24)

Filwaqt li jitqies il-prinċipju tal-proporzjonalità, f’ċerti każijiet, jenħtieġ li l-akkwirent propost jippreżenta informazzjoni mnaqqsa. B’mod partikolari, meta l-akkwirent propost ikun ġie vvalutat għall-akkwiżizzjoni jew għaż-żieda fil-parteċipazzjonijiet kwalifikanti mill-istess awtorità kompetenti tal-entità fil-mira fis-sentejn preċedenti, jenħtieġ li dak l-akkwirent propost ikun meħtieġ jippreżenta biss l-informazzjoni li tkun inbidlet mill-valutazzjoni preċedenti. Bl-istess mod, meta l-akkwirent propost ikun impriża awtorizzata u soġġett għas-superviżjoni prudenzjali tal-istess awtorità kompetenti tal-entità fil-mira, jenħtieġ li dak l-akkwirent propost jiġi eżentat milli jippreżenta ċerta informazzjoni li diġà tkun fil-pussess ta’ tali awtorità kompetenti. Fiż-żewġ każijiet, jenħtieġ li l-akkwirent propost jippreżenta biss informazzjoni speċifika għall-akkwiżizzjoni proposta flimkien ma’ dikjarazzjoni ffirmata li tiċċertifika li l-bqija tal-informazzjoni li ma ġietx ippreżentata minħabba li diġà qiegħda fil-pussess tal-awtorità kompetenti hija vera, preċiża u aġġornata.

(25)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u ta opinjoni fis-16 ta’ Lulju 2024.

(26)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji, żviluppat f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, ippreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea.

(27)

L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Informazzjoni ġenerali relatata mal-akkwirent propost

1.   Meta l-akkwirent propost ikun persuna fiżika, l-akkwirent propost għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira l-informazzjoni li ġejja dwar l-identifikazzjoni:

(a)

id-dettalji personali kollha li ġejjin:

(i)

l-isem u, jekk differenti, l-isem mat-twelid;

(ii)

id-data u l-post tat-twelid;

(iii)

in-nazzjonalità jew nazzjonalitajiet;

(iv)

in-numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali personali tal-persuni, fejn disponibbli;

(v)

il-post ta’ residenza attwali, l-indirizz u d-dettalji ta’ kuntatt, u kwalunkwe post ieħor ta’ residenza fl-aħħar 10 snin;

(vi)

kopja ta’ dokument tal-identità uffiċjali;

(vii)

l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-konsulent professjonali prinċipali, jekk ikun hemm, użati għat-tħejjija tan-notifika;

(b)

curriculum vitae dettaljat, li jiddikjara l-edukazzjoni u t-taħriġ rilevanti, u kwalunkwe esperjenza professjonali fil-ġestjoni ta’ parteċipazzjonijiet f’kumpaniji, kwalunkwe esperjenza maniġerjali, kwalunkwe attività professjonali jew funzjoni rilevanti oħra mwettqa bħalissa, u kwalunkwe esperjenza professjonali preċedenti rilevanti għas-servizzi finanzjarji, il-kriptoassi jew assi diġitali oħra, it-teknoloġija ta’ reġistru distribwit (DLT), it-teknoloġija tal-informazzjoni, iċ-ċibersigurtà, u l-innovazzjoni diġitali.

2.   Meta l-akkwirent propost ikun persuna fiżika, l-akkwirent propost għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira l-informazzjoni li ġejja dwar l-identifikazzjoni:

(a)

l-isem tal-persuna ġuridika;

(b)

l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-konsulent professjonali prinċipali, jekk ikun hemm, użati għat-tħejjija tan-notifika;

(c)

meta l-persuna ġuridika tkun irreġistrata f’reġistru kummerċjali nazzjonali msemmi fl-Artikolu 16 tad-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), l-isem tar-reġistru li fih tkun irreġistrata dik il-persuna ġuridika, in-numru tar-reġistrazzjoni jew mezz ta’ identifikazzjoni ekwivalenti f’dak ir-reġistru u kopja taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni;

(d)

identifikatur kif imsemmi fl-Artikolu 14 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni li jistabbilixxi standards tekniċi adottati skont l-Artikolu 68(10), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2023/1114;

(e)

l-indirizzi tal-uffiċċju reġistrat tal-persuna ġuridika u, fejn differenti, tal-uffiċċju prinċipali tagħha, u s-sede prinċipali tagħha;

(f)

id-dettalji ta’ kuntatt tal-persuna fi ħdan l-akkwirent propost li għandha tiġi kkuntattjata rigward in-notifika;

(g)

dokumenti jew ftehimiet korporattivi li jirregolaw il-persuna ġuridika u spjegazzjoni fil-qosor tal-karatteristiċi legali ewlenin tal-forma ġuridika tal-persuna ġuridika, u ħarsa ġenerali aġġornata tal-attività kummerċjali tagħha;

(h)

jekk il-persuna ġuridika qatt kinitx jew hijiex regolata minn awtorità kompetenti fis-settur tas-servizzi finanzjarji jew korp governattiv ieħor u l-isem ta’ tali awtorità kompetenti jew korp governattiv ieħor;

(i)

meta l-persuna ġuridika tkun entità marbuta b’obbligu kif imsemmi fl-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), il-politiki u l-proċeduri applikabbli kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu;

(j)

lista sħiħa tal-persuni li effettivament jidderieġu n-negozju tal-akkwirent propost u, fir-rigward ta’ kull tali persuna, l-isem, id-data u l-post tat-twelid, l-indirizz, id-dettalji ta’ kuntatt, kopja tad-dokument tal-identità uffiċjali, in-numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali fejn disponibbli, il-curriculum vitae dettaljat li jinkludi l-edukazzjoni u t-taħriġ rilevanti, l-esperjenza professjonali preċedenti, u l-attivitajiet professjonali jew funzjonijiet rilevanti oħra mwettqa attwalment, inkluża l-esperjenza professjonali fil-ġestjoni ta’ parteċipazzjonijiet f’kumpaniji, f’servizzi finanzjarji, il-kriptoassi jew l-assi diġitali oħra, id-DLT, it-teknoloġija tal-informazzjoni, iċ-ċibersigurtà jew l-innovazzjoni diġitali, flimkien mal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punti (a) sa (c);

(k)

l-identità tal-persuni kollha li huma sidien benefiċjarji finali tal-persuni ġuridiċi fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3(6), il-punti (a)(i) jew l-Artikolu 3(6), il-punt (c), tad-Direttiva (UE) 2015/849, u fir-rigward ta’ kull tali persuna, l-isem, id-data u l-post tat-twelid, l-indirizz, id-dettalji ta’ kuntatt, u, fejn disponibbli, in-numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali, flimkien mal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punti (a) sa (c) ta’ dan ir-Regolament.

Għall-persuni ġuridiċi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2017/1132, l-informazzjoni taħt il-punti (a) u (e) għandha taqbel ma’ dik ippreżentata fir-reġistru kummerċjali nazzjonali msemmi fl-Artikolu 16 tad-Direttiva (UE) 2017/1132.

3.   Meta l-akkwirent propost ikun trust, l-akkwirent propost għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-identità tat-trustees kollha li jimmaniġġjaw l-assi skont it-termini tad-dokument tat-trust, inkluż fir-rigward ta’ kull tali persuna, id-data u l-post tat-twelid, l-indirizz, id-dettalji ta’ kuntatt, kopja tad-dokument tal-identità uffiċjali, in-numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali, fejn disponibbli, il-curriculum vitae dettaljata li tinkludi l-edukazzjoni u t-taħriġ rilevanti, l-esperjenza professjonali preċedenti, u l-attivitajiet professjonali jew funzjonijiet rilevanti oħra mwettqa attwalment, inkluża l-esperjenza professjonali fil-ġestjoni ta’ parteċipazzjonijiet f’kumpaniji, f’servizzi finanzjarji, il-kriptoassi jew l-assi diġitali oħra, id-DLT, it-teknoloġija tal-informazzjoni, iċ-ċibersigurtà jew l-innovazzjoni diġitali, flimkien mal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punti (a) sa (c);

(b)

l-identità ta’ kull persuna li hija settlor, benefiċjarju jew protettur (fejn applikabbli) tal-proprjetà ta’ trust, inklużi d-data u l-post tat-twelid, l-indirizz, id-dettalji ta’ kuntatt, il-kopja tad-dokument tal-identità uffiċjali, u, fejn applikabbli, l-ishma rispettivi tagħhom fit-tqassim tal-introjtu ġġenerat mill-proprjetà ta’ trust;

(c)

kopja ta’ kwalunkwe dokument li jistabbilixxi u jirregola t-trust;

(d)

deskrizzjoni tal-karatteristiċi legali ewlenin tat-trust u l-funzjonament tagħha, u ħarsa ġenerali aġġornata tal-attività kummerċjali tagħha, u t-tip u l-valur tal-proprjetà ta’ trust;

(e)

deskrizzjoni tal-politika dwar l-investiment tat-trust u r-restrizzjonijiet possibbli fuq l-investimenti, inkluż informazzjoni dwar il-fatturi li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet ta’ investiment u l-istrateġija ta’ ħruġ fir-rigward tal-emittent tat-tokens irreferenzjati ma’ assi;

(f)

l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (i).

4.   Meta l-akkwirent propost ikun fond ta’ investiment alternattiv (AIF) fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4(1), il-punt (a), tad-Direttiva 2011/61/UE, jew impriża ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) awtorizzata f’konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/65/KE, il-maniġer ta’ fond ta’ investiment alternattiv (AIFM) tagħha jew l-AIF fil-każ ta’ AIF immaniġġjat internament, jew il-kumpanija maniġerjali tal-UCITS tiegħu jew il-kumpanija ta’ investiment tal-UCITS fil-każ ta’ UCITS awtoġestita, għandu jipprovdu lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira l-informazzjoni li ġejja:

(a)

dettalji tal-politika ta’ investiment u kwalunkwe restrizzjoni fuq l-investimenti, inkluża l-informazzjoni dwar il-fatturi li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet ta’ investiment, u tal-istrateġiji ta’ ħruġ;

(b)

l-identità u l-pożizzjoni tal-persuni responsabbli, kemm individwalment kif ukoll bħala kumitat, għad-determinazzjoni u għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-investiment għall-AIF jew l-UCITS, u kopja ta’ kwalunkwe kuntratt f’każ ta’ delega tal-immaniġġjar tal-portafoll lil parti terza jew, fejn applikabbli, it-termini ta’ referenza tal-kumitat, u għal kull tali persuna, id-data u l-post tat-twelid, l-indirizz, id-dettalji ta’ kuntatt, kopja tad-dokument tal-identità uffiċjali tagħhom, in-numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali, fejn disponibbli, il-curriculum vitae dettaljat li jinkludi l-edukazzjoni u t-taħriġ rilevanti, l-esperjenza professjonali preċedenti, u l-attivitajiet professjonali jew il-funzjonijiet rilevanti oħra mwettqa attwalment, flimkien mal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punti (a) sa (c);

(c)

l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (i);

(d)

deskrizzjoni tal-prestazzjoni ta’ parteċipazzjonijiet kwalifikanti akkwistati preċedentement mill-AIFM jew mill-kumpanija maniġerjali tal-UCITS f’isem l-AIFs jew l-UCITS li jimmaniġġjaw jew mill-AIF jew mill-kumpanija ta’ investiment ta’ UCITS awtoġestita fl-aħħar 3 snin f’ditti simili oħra jew f’ditti li jipprovdu servizzi fir-rigward tal-kriptoassi jew li joħorġu kriptoassi, li tindika jekk l-akkwiżizzjoni ta’ tali parteċipazzjonijiet kwalifikanti kienx approvat minn awtorità kompetenti u, jekk iva, l-identità ta’ dik l-awtorità kompetenti.

5.   Meta l-akkwirent propost ikun fond ta’ investimenti sovrani, l-akkwirent propost għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem tal-ministeru, tad-dipartiment tal-gvern jew tal-korp pubbliku inkarigat mid-determinazzjoni tal-politika dwar l-investiment tal-fond ta’ investimenti sovrani;

(b)

id-dettalji tal-politika dwar l-investiment tal-fond ta’ investimenti sovrani u kwalunkwe restrizzjoni fuq l-investiment;

(c)

L-ismijiet u l-pożizzjonijiet tal-persuni fil-pożizzjoni amministrattiva ta’ livell għoli fil-ministeru, dipartiment tal-gvern jew korp pubbliku ieħor li huma responsabbli li jiddeterminaw il-politika ta’ investiment u li huma responsabbli għad-deċiżjonijiet ta’ investiment għall-fond ta’ investimenti sovrani, u fir-rigward ta’ kull tali persuna, l-isem, id-data u l-post tat-twelid, l-indirizz, id-dettalji ta’ kuntatt, kopja tad-dokument tal-identità uffiċjali, in-numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali fejn disponibbli, il-curriculum vitae dettaljat li jinkludi l-edukazzjoni u t-taħriġ rilevanti, l-esperjenza professjonali preċedenti, u l-attivitajiet professjonali jew funzjonijiet rilevanti oħra mwettqa attwalment, inkluża l-esperjenza professjonali fil-ġestjoni ta’ parteċipazzjonijiet f’kumpaniji, f’servizzi finanzjarji, il-kriptoassi jew l-assi diġitali oħra, id-DLT, it-teknoloġija tal-informazzjoni, iċ-ċibersigurtà jew l-innovazzjoni diġitali, flimkien mal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punti (a) sa (c);

(d)

id-dettalji ta’ kwalunkwe influwenza eżerċitata mill-ministeru, id-dipartiment tal-gvern jew il-korp pubbliku ieħor imsemmi fil-punt (a) fuq l-operazzjonijiet ta’ kuljum tal-fond ta’ investimenti sovrani;

(e)

l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (i), fejn applikabbli.

Artikolu 2

Informazzjoni addizzjonali relatata mal-akkwirent propost li jkun persuna fiżika

1.   Minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1), l-akkwirent propost li jkun persuna fiżika għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira dan kollu li ġej:

(a)

fir-rigward tal-akkwirent propost u ta’ kwalunkwe impriża diretta jew ikkontrollata minn akkwirent propost matul l-aħħar 10 snin, dikjarazzjoni li jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

(i)

soġġett għar-rekwiżiti leġiżlattivi nazzjonali dwar id-divulgazzjoni ta’ kundanni eżawriti, informazzjoni dwar in-nuqqas ta’ kwalunkwe kundanna kriminali jew proċedimenti kriminali fejn l-eżitu jkun kontra dik il-persuna jew l-impriża u li ma jkunux ġew miċħuda;

(ii)

informazzjoni dwar kwalunkwe deċiżjoni ċivili jew amministrattiva li tikkonċerna lil dik il-persuna li hija rilevanti għall-valutazzjoni tal-akkwiżizzjoni tal-parteċipazzjoni kwalifikanti fl-emittent tat-token irreferenzjat ma’ assi, u kwalunkwe sanzjoni jew miżura amministrattiva li ġiet imposta bħala konsegwenza ta’ ksur tal-liġijiet jew tar-regolamenti, inkluża l-iskwalifika bħala direttur ta’ kumpanija, f’kull każ li ma tkunx ġiet miċħuda u li ma jkun hemm l-ebda appell pendenti jew li jista’ jiġi ppreżentat kontriha u ta’ kundanni kriminali li fir-rigward tagħhom għandha tiġi pprovduta wkoll informazzjoni għal deċiżjonijiet li jkunu għadhom soġġetti għal appell;

(iii)

kwalunkwe falliment, insolvenza jew proċeduri simili;

(iv)

kwalunkwe investigazzjoni jew proċedura kriminali pendenti, inklużi dawk relatati ma’ miżuri kawtelatorji;

(v)

kwalunkwe investigazzjoni ċivili, amministrattiva, proċediment ta’ infurzar, sanzjoni jew deċiżjoni oħra ta’ infurzar kontra l-persuna dwar kwistjonijiet li jistgħu jitqiesu b’mod raġonevoli bħala rilevanti għall-valutazzjoni tal-akkwiżizzjoni tal-parteċipazzjoni kwalifikanti fl-emittent tat-tokens irreferenzjati ma’ assi;

(vi)

kwalunkwe rifjut ta’ reġistrazzjoni, awtorizzazzjoni, sħubija jew liċenzja biex jitwettaq kummerċ, negozju jew professjoni;

(vii)

kwalunkwe rtirar, revoka jew terminazzjoni ta’ reġistrazzjoni, awtorizzazzjoni, sħubija jew liċenzja biex jitwettaq kummerċ, negozju jew professjoni;

(viii)

kwalunkwe espulsjoni minn korp regolatorju jew minn korp tal-gvern jew minn korp jew assoċjazzjoni professjonali;

(ix)

kull pożizzjoni ta’ responsabbiltà f’entità soġġetta għal kundanna kriminali jew għal penali ċivili jew amministrattiva jew għal miżura oħra ċivili jew amministrattiva li hija rilevanti għall-valutazzjoni tal-akkwiżizzjoni tal-parteċipazzjoni kwalifikanti fl-emittent tat-token irreferenzjat ma’ assi meħud minn kwalunkwe awtorità jew minn kwalunkwe investigazzjoni li tkun għaddejja, f’kull każ għal nuqqasijiet ta’ kondotta, inkluż fir-rigward ta’ frodi, diżonestà, korruzzjoni, ħasil tal-flus, finanzjament tat-terroriżmu jew reat finanzjarju ieħor jew ta’ nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ politiki u proċeduri adegwati biex jiġu evitati tali avvenimenti, miżmuma fiż-żmien meta tkun seħħet l-imġiba allegata, flimkien mad-dettalji ta’ tali okkorrenzi u tal-involviment, jekk ikun hemm, fihom;

(x)

kwalunkwe tkeċċija mill-impjieg jew minn pożizzjoni ta’ fiduċja, kwalunkwe tneħħija minn relazzjoni fiduċjarja, ħlief b’riżultat tar-relazzjoni kkonċernata li tintemm bil-mogħdija taż-żmien, u kwalunkwe sitwazzjoni simili;

(b)

meta jeżistu tali dokumenti, ċertifikat uffiċjali jew kwalunkwe dokument ekwivalenti ieħor, jew meta tali dokumenti ma jeżistux, kwalunkwe sors affidabbli ta’ informazzjoni, dwar in-nuqqas ta’ kwalunkwe avveniment msemmi fil-punt (a), il-punti (i) sa (v) fir-rigward ta’ dik il-persuna jew l-impriża;

(c)

meta awtorità superviżorja oħra tkun diġà vvalutat il-persuna kkonċernata, l-identità ta’ dik l-awtorità, id-data ta’ dik il-valutazzjoni u l-evidenza tal-eżitu ta’ dik il-valutazzjoni;

(d)

informazzjoni dwar il-pożizzjoni finanzjarja attwali tal-persuna, inkluż id-dettalji rigward is-sorsi tad-dħul, l-assi u l-obbligazzjonijiet, l-interessi ta’ garanzija u l-garanziji, kemm jekk mogħtija kif ukoll jekk riċevuti;

(e)

deskrizzjoni tal-attivitajiet tan-negozju attwali tal-persuna u ta’ kwalunkwe impriża li l-persuna tidderieġi jew tikkontrolla;

(f)

informazzjoni finanzjarja, inkluż klassifikazzjonijiet tal-kreditu u rapporti disponibbli għall-pubbliku dwar kwalunkwe impriża mmexxija jew ikkontrollata mill-persuna.

Għall-finijiet tal-punt (b), ir-rekords, iċ-ċertifikati u d-dokumenti uffiċjali għandhom ikunu nħarġu fi żmien 3 xhur qabel il-preżentazzjoni tan-notifika.

2.   Minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1), l-akkwirent propost li jkun persuna fiżika għandu jipprovdi wkoll lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira dan kollu li ġej:

(a)

deskrizzjoni tal-interessi finanzjarji tal-persuna, u ta’ kwalunkwe interess mhux finanzjarju tal-persuna ma’ kwalunkwe waħda mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ġejjin:

(i)

kwalunkwe azzjonist jew membru attwali ieħor tal-entità fil-mira;

(ii)

kwalunkwe persuna intitolata li teżerċita d-drittijiet tal-vot tal-entità fil-mira fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin jew kombinazzjoni tagħhom:

(1)

id-drittijiet tal-vot miżmuma minn parti terza li magħha dik il-persuna tkun ikkonkludiet ftehim li jorbothom biex jadottaw, permezz tal-eżerċitar ikkonċertat tad-drittijiet tal-vot li jkollhom, politika komuni dejjiema lejn il-korp maniġerjali tal-entità fil-mira kkonċernata;

(2)

id-drittijiet tal-vot miżmuma minn parti terza skont ftehim konkluż ma’ dik il-persuna li jipprevedi t-trasferiment temporanju bi skambju għal ħlas tad-drittijiet tal-vot ikkonċernati;

(3)

id-drittijiet tal-vot marbuta mal-ishma li jkunu depożitati bħala kollateral ma’ dik il-persuna, sakemm dik il-persuna tikkontrolla d-drittijiet tal-vot u tiddikjara l-intenzjoni tagħha li teżerċita dawk id-drittijiet tal-vot;

(4)

id-drittijiet tal-vot marbuta ma’ ishma li fihom dik il-persuna jkollha l-użufrutt;

(5)

id-drittijiet tal-vot li huma miżmuma, jew li jistgħu jiġu eżerċitati kif imsemmi fil-punti (1) sa (4) minn impriża kkontrollata minn dik il-persuna;

(6)

id-drittijiet tal-vot marbuta ma’ ishma depożitati ma’ dik il-persuna li l-persuna tista’ teżerċitahom fid-diskrezzjoni tagħha fin-nuqqas ta’ struzzjonijiet speċifiċi mill-azzjonisti;

(7)

id-drittijiet tal-vot miżmuma minn parti terza f’isimha stess fl-interess ta’ dik il-persuna;

(8)

id-drittijiet tal-vot li dik il-persuna tista’ teżerċita bi prokura meta l-persuna jew entità tista’ teżerċita d-drittijiet tal-vot fid-diskrezzjoni tagħha fin-nuqqas ta’ struzzjonijiet speċifiċi mill-azzjonisti;

(iii)

kwalunkwe persuna li hija membru tal-korp maniġerjali tal-entità fil-mira;

(iv)

l-entità fil-mira nnifisha jew kwalunkwe membru ieħor tal-grupp tagħha;

(b)

sa fejn kwalunkwe kunflitt ta’ interess jirriżulta mir-relazzjonijiet imsemmija fil-punt (a), il-metodi proposti għall-ġestjoni ta’ tali kunflitt;

(c)

deskrizzjoni ta’ kwalunkwe rabta ma’ persuni esposti politikament fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3(9) tad-Direttiva (UE) 2015/849;

(d)

kwalunkwe interess jew attività oħra tal-persuna li tista’ tkun f’kunflitt ma’ dawk tal-entità fil-mira u l-metodi proposti għall-ġestjoni ta’ dawk il-kunflitti ta’ interess.

Għall-finijiet tal-punt (a), l-operazzjonijiet ta’ kreditu, il-garanziji u l-interessi ta’ garanzija, kemm jekk mogħtija kif ukoll jekk riċevuti, inkluż dawk relatati ma’ kriptoassi jew assi diġitali oħra, għandhom jitqiesu li huma parti minn interessi finanzjarji, filwaqt li relazzjonijiet familjari oħrajn mill-qrib għandhom jitqiesu bħala parti mill-interessi mhux finanzjarji.

Artikolu 3

Informazzjoni addizzjonali relatata mal-akkwirent propost li jkun persuna ġuridika

1.   Minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2), l-akkwirent propost li jkun persuna fiżika għandu jipprovdi wkoll lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira dan kollu li ġej:

(a)

l-informazzjoni msemmija fi:

(i)

L-Artikolu 2(1), il-punti (a)(i) sa (a)(x) u l-punt (b), fir-rigward tal-persuna ġuridika u kwalunkwe impriża taħt il-kontroll tal-persuna ġuridika;

(ii)

L-Artikolu 2(1), il-punt (c) fir-rigward tal-persuna ġuridika nnifisha;

(iii)

L-Artikolu 2(1), il-punt (e) fir-rigward tal-persuna ġuridika nnifisha;

(iv)

L-Artikolu 2(1), il-punt (f) fir-rigward tal-persuna ġuridika nnifisha, kwalunkwe membru tal-korp maniġerjali fil-funzjoni eżekuttiva tiegħu bħala l-persuna ġuridika jew kwalunkwe impriża taħt il-kontroll tal-persuna ġuridika;

(b)

deskrizzjoni tal-interessi finanzjarji u l-interessi jew ir-relazzjonijiet mhux finanzjarji tal-akkwirent propost, jew, fejn applikabbli, il-grupp li għalih jappartjeni l-akkwirent propost, u l-persuni li effettivament jidderieġu n-negozju tiegħu ma’:

(i)

kwalunkwe azzjonist jew membru attwali ieħor tal-entità fil-mira;

(ii)

kwalunkwe persuna intitolata li teżerċita d-drittijiet tal-vot tal-entità fil-mira fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin jew kombinazzjoni tagħhom:

(1)

id-drittijiet tal-vot miżmuma minn parti terza li magħha dik il-persuna tkun ikkonkludiet ftehim li jorbothom biex jadottaw, permezz tal-eżerċitar ikkonċertat tad-drittijiet tal-vot li jkollhom, politika komuni dejjiema lejn il-korp maniġerjali tal-entità fil-mira kkonċernata;

(2)

id-drittijiet tal-vot miżmuma minn parti terza skont ftehim konkluż ma’ dik il-persuna li jipprevedi t-trasferiment temporanju bi skambju għal ħlas tad-drittijiet tal-vot ikkonċernati;

(3)

id-drittijiet tal-vot marbuta mal-ishma li jkunu depożitat bħala kollateral ma’ dik il-persuna, sakemm il-persuna jew l-entità tikkontrolla d-drittijiet tal-vot u tiddikjara l-intenzjoni tagħha li teżerċita dawk id-drittijiet tal-vot;

(4)

id-drittijiet tal-vot marbuta ma’ ishma li fihom dik il-persuna jkollha l-użufrutt;

(5)

id-drittijiet tal-vot li huma miżmuma, jew li jistgħu jiġu eżerċitati kif imsemmi fil-punti (1) sa (4) minn impriża kkontrollata minn dik il-persuna;

(6)

id-drittijiet tal-vot marbuta ma’ ishma depożitati ma’ dik il-persuna li l-persuna tista’ teżerċitahom fid-diskrezzjoni tagħha fin-nuqqas ta’ struzzjonijiet speċifiċi mill-azzjonisti;

(7)

id-drittijiet tal-vot miżmuma minn parti terza f’isimha stess fl-interess ta’ dik il-persuna;

(8)

id-drittijiet tal-vot li dik il-persuna tista’ teżerċita bi prokura meta l-persuna tista’ teżerċita d-drittijiet tal-vot fid-diskrezzjoni tagħha fin-nuqqas ta’ struzzjonijiet speċifiċi mill-azzjonisti;

(iii)

kwalunkwe persuna esposta politikament fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3, il-punt (9), tad-Direttiva (UE) 2015/849;

(iv)

kwalunkwe persuna li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, hija membru tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju, jew tal-maniġment superjuri tal-entità fil-mira;

(v)

l-entità fil-mira nnifisha jew kwalunkwe membru ieħor tal-grupp tagħha;

(c)

sa fejn kwalunkwe kunflitt ta’ interess jirriżulta mir-relazzjonijiet imsemmija fil-punt (b), il-metodi proposti għall-ġestjoni ta’ tali kunflitti;

(d)

informazzjoni dwar kwalunkwe interess jew attività oħra tal-akkwirent propost li tista’ tkun f’kunflitt mal-interessi jew mal-attivitajiet tal-entità fil-mira u soluzzjonijiet possibbli għall-ġestjoni ta’ dawk il-kunflitti ta’ interess;

(e)

l-istruttura tal-parteċipazzjoni azzjonarja tal-akkwirent propost, bl-identità tal-azzjonisti kollha li jeżerċitaw influwenza sinifikanti u s-sehem rispettiv tagħhom tal-kapital u d-drittijiet tal-vot inkluża l-informazzjoni dwar kull ftehim tal-azzjonisti;

(f)

jekk l-akkwirent propost huwa parti minn grupp bħala kumpanija sussidjarja jew bħala l-impriża prinċipali, ċart organizzazzjonali dettaljat tal-istruttura korporattiva u informazzjoni dwar is-sehem tal-kapital u d-drittijiet tal-vot tal-azzjonisti li għandhom influwenza sinifikanti tal-entitajiet tal-grupp u dwar l-attivitajiet attwalment imwettqa mill-entitajiet tal-grupp;

(g)

meta l-akkwirent propost ikun parti minn grupp bħala sussidjarja jew bħala l-kumpanija omm, informazzjoni dwar ir-relazzjonijiet bejn l-entitajiet finanzjarji u mhux finanzjarji tal-grupp;

(h)

l-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe istituzzjoni ta’ kreditu, istituzzjoni ta’ pagament jew istituzzjoni tal-flus elettroniċi, impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, impriżi ta’ investiment kollettiv u l-maniġers jew id-ditta tal-investiment tagħhom fil-grupp, u l-ismijiet tal-awtoritajiet superviżorji rilevanti;

(i)

rapporti finanzjarji annwali, fil-livell individwali u, fejn applikabbli, fil-livelli konsolidati u subkonsolidati, għall-aħħar 3 snin finanzjarji, fejn il-persuna ġuridika tkun ilha topera għal dak il-perjodu, jew tali perjodu iqsar li għalih il-persuna ġuridika tkun ilha topera u jkunu tħejjew rapporti finanzjarji.

Għall-finijiet tal-punt (b), l-operazzjonijiet ta’ kreditu, il-garanziji u l-interessi ta’ garanzija, kemm jekk mogħtija kif ukoll jekk riċevuti, inkluż dawk relatati ma’ kriptoassi jew assi diġitali oħra, għandhom jitqiesu li huma parti minn interessi finanzjarji, filwaqt li relazzjonijiet familjari oħrajn mill-qrib għandhom jitqiesu bħala parti mill-interessi mhux finanzjarji.

2.   L-akkwirent propost għandu jippreżenta d-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (i), inkluż kull wieħed mill-elementi li ġejjin, u fejn applikabbli approvati mill-awditur statutorju jew mid-ditta tal-awditjar fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2, il-punti (2) u (3), rispettivament, tad-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9):

(a)

il-karta tal-bilanċ;

(b)

il-kontijiet ta’ qligħ u telf jew ir-rapporti tal-introjtu;

(c)

ir-rapporti annwali u l-annessi finanzjarji u kwalunkwe dokument ieħor irreġistrati mar-reġistru jew mal-awtorità kompetenti tal-persuna ġuridika;

(d)

meta l-akkwirent propost ikun persuna ġuridika jew entità stabbilita ġdida, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe rapport finanzjarju, sommarju aġġornat kemm jista’ jkun qrib id-data tan-notifika, tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-akkwirent propost, kif ukoll il-previżjonijiet finanzjarji għat-3 snin li jmiss, u s-suppożizzjonijiet tal-ippjanar użati fil-każ ta’ bażi u x-xenarju ta’ kriżi.

3.   L-akkwirent propost li jkun persuna ġuridika u li jkollu l-uffiċċju prinċipali tiegħu f’pajjiż terz għandu, minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, jipprovdi lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira l-informazzjoni kollha li ġejja:

(a)

meta l-persuna ġuridika tkun taħt superviżjoni minn awtorità ta’ pajjiż terz fis-settur tas-servizzi finanzjarji:

(i)

ċertifikat ta’ reputazzjoni tajba, jew ekwivalenti fejn mhux disponibbli, minn tali awtorità ta’ pajjiż terz fir-rigward tal-persuna ġuridika;

(ii)

meta dik l-awtorità toħroġ tali dikjarazzjonijiet, id-dikjarazzjoni li ma jeżisti l-ebda ostakolu jew limitazzjoni għall-għoti ta’ informazzjoni meħtieġa għas-superviżjoni tal-entità fil-mira;

(b)

informazzjoni ġenerali dwar ir-reġim regolatorju ta’ dak il-pajjiż terz kif applikabbli għall-persuna ġuridika, inkluża informazzjoni dwar sa liema punt ir-reġim tal-pajjiż terz kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament t-terroriżmu huwa konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja.

Artikolu 4

Informazzjoni li għandha tiġi ppreżentata minn persuni li jakkwistaw parteċipazzjoni kwalifikanti indiretta fl-entità fil-mira

1.   Meta akkwirent propost ikollu l-intenzjoni li jakkwista, direttament jew indirettament, kontroll fuq detentur eżistenti ta’ parteċipazzjoni kwalifikanti f’entità fil-mira, irrispettivament minn jekk tali parteċipazzjoni eżistenti tkunx diretta jew indiretta; jew jikkontrolla, direttament jew indirettament, l-akkwirent dirett propost ta’ parteċipazzjoni kwalifikanti f’entità fil-mira, għandu jippreżenta dan li ġej:

(a)

meta l-akkwirent propost ikun persuna fiżika, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1), fl-Artikoli 2, 8 u 6, u fl-Artikoli 9, 10 jew 11, kif applikabbli;

(b)

meta l-akkwirent propost ikun persuna ġuridika, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) sa (5), kif applikabbli, fl-Artikoli 3, 6 u 8, u fl-Artikoli 9, 10 jew 11, kif applikabbli.

2.   Meta l-akkwirent propost ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, l-akkwirent propost għandu jippreżenta l-informazzjoni stabbilita fil-paragrafu 3, il-punti (a) u (b), meta l-perċentwali tal-parteċipazzjonijiet tul il-katina korporattiva, li jibdew mill-parteċipazzjoni kwalifikanti miżmuma direttament fl-entità fil-mira, immultiplikati skont il-parteċipazzjoni fil-livell immedjatament ogħla fil-katina korporattiva jirriżulta f’parteċipazzjoni kwalifikanti ta’ 10 % jew aktar. Il-multiplikazzjoni għandha tiġi applikata ’l fuq fil-katina korporattiva sakemm ir-riżultat tal-multiplikazzjoni jkun ta’ 10 % jew aktar.

3.   Meta l-akkwirent propost jikkontrolla persuna fiżika jew ġuridika li jkollha parteċipazzjoni kwalifikanti f’konformità mal-paragrafu 2, l-akkwirent propost għandu jippreżenta dan li ġej:

(a)

meta l-akkwirent propost ikun persuna fiżika, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1), l-Artikolu 2, il-punti (a), (b) sa (f) u (h), l-Artikolu 6, il-punti (a) sa (f), u fl-Artikolu 8;

(b)

meta l-akkwirent propost ikun persuna ġuridika, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2), (3), (4) jew (5), l-Artikolu 3(1), il-punt (a), il-punti (i) sa (iv), l-Artikolu 3(1), il-punt (b), il-punt (iii), l-Artikolu 3(1), il-punti (f) sa (i), l-Artikolu 3(2) u (3), l-Artikolu 6, il-punti (a) sa (f), u fl-Artikolu 8.

Artikolu 5

Informazzjoni dwar il-persuni li se jmexxu n-negozju tal-entità fil-mira

Meta l-akkwirent propost ikollu l-intenzjoni li jaħtar membru wieħed jew aktar tal-korp maniġerjali tal-entità fil-mira, in-notifika għandu jkun fiha l-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni li jistabbilixxi standards tekniċi regolatorji adottati skont l-Artikolu 18(6) tar-Regolament (UE) 2023/1114.

Artikolu 6

Informazzjoni dwar l-akkwiżizzjoni proposta

Fir-rigward tal-akkwiżizzjoni proposta, l-akkwirent propost għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-identifikazzjoni tal-entità fil-mira;

(b)

dettalji tal-intenzjonijiet tal-akkwirent propost fir-rigward tal-akkwiżizzjoni proposta, inkluż l-investiment strateġiku jew l-investiment ta’ portafoll;

(c)

informazzjoni dwar l-ishma tal-entità fil-mira li huma proprjetà tal-akkwirent propost, jew maħsuba li jkunu proprjetà tiegħu, qabel u wara l-akkwiżizzjoni proposta, inklużi:

(i)

l-għadd u t-tip ta’ ishma u l-valur nominali ta’ dawn l-ishma;

(ii)

is-sehem tal-kapital globali tal-entità fil-mira li l-ishma jirrappreżentaw qabel u wara l-akkwiżizzjoni proposta;

(iii)

is-sehem tad-drittijiet globali tal-vot tal-entità fil-mira li l-ishma jirrappreżentaw qabel u wara l-akkwiżizzjoni proposta, jekk differenti mis-sehem tal-kapital tal-entità fil-mira;

(iv)

il-valur tas-suq, f’euro u fil-munita lokali, tal-ishma tal-entità fil-mira qabel u wara l-akkwiżizzjoni proposta;

(d)

kwalunkwe azzjoni flimkien ma’ partijiet oħra, inkluża l-kontribuzzjoni ta’ dawk il-partijiet l-oħra għall-finanzjament tal-akkwiżizzjoni proposta, il-mezzi ta’ parteċipazzjoni fl-arranġamenti finanzjarji fir-rigward tal-akkwiżizzjoni proposta u l-arranġamenti organizzattivi futuri tal-akkwiżizzjoni proposta;

(e)

il-kontenut tal-ftehimiet tal-azzjonisti ppjanati ma’ azzjonisti oħrajn fir-rigward tal-entità fil-mira;

(f)

il-prezz tal-akkwiżizzjoni proposta u l-kriterji użati meta jiġi ddeterminat tali prezz u, meta jkun differenti mill-valur tas-suq, spjegazzjoni ta’ tali differenza;

(g)

fejn disponibbli, kopja tal-kuntratt tal-akkwiżizzjoni.

Artikolu 7

Informazzjoni dwar l-istruttura tal-grupp il-ġdid propost u l-impatt tagħha fuq is-superviżjoni

1.   L-akkwirent propost li jkun persuna ġuridika għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira analiżi tal-kamp ta’ applikazzjoni tas-superviżjoni konsolidata tal-grupp li jkun jappartjeni għalih wara l-akkwiżizzjoni proposta. Din l-analiżi għandha tinkludi informazzjoni dwar liema entitajiet tal-grupp ikunu se jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżiti tas-superviżjoni konsolidata wara l-akkwiżizzjoni proposta u f’liema livelli fil-grupp dawn ir-rekwiżiti jkunu japplikaw fuq bażi subkonsolidata jew sħiħa.

2.   L-akkwirent propost għandu jipprovdi wkoll lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira analiżi tal-impatt tal-akkwiżizzjoni proposta fuq il-kapaċità tal-entità fil-mira biex tkompli tipprovdi informazzjoni f’waqtha u preċiża lill-awtorità kompetenti tagħha, inkluż bħala riżultat ta’ rabtiet mill-qrib tal-akkwirent propost mal-entità fil-mira.

Artikolu 8

Informazzjoni relatata mal-finanzjament tal-akkwiżizzjoni proposta

1.   L-akkwirent propost għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira spjegazzjoni dettaljata tas-sorsi speċifiċi ta’ finanzjament għall-akkwiżizzjoni proposta, fosthom:

(a)

deskrizzjoni dettaljata tal-attività li ġġenerat il-fondi u l-assi għall-akkwiżizzjoni, appoġġata minn dokumenti rilevanti, inklużi rapporti finanzjarji, dikjarazzjonijiet bankarji, dikjarazzjonijiet tat-taxxa u kwalunkwe dokument jew informazzjoni oħra li jipprovdu evidenza lill-awtorità kompetenti li ma hemm l-ebda tentattiv ta’ ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu permezz tal-akkwiżizzjoni proposta;

(b)

dettalji dwar kwalunkwe assi, inkluż kwalunkwe kriptoassi li għandhom jinbigħu biex jgħinu fil-finanzjament tal-akkwiżizzjoni proposta, inklużi l-kundizzjonijiet tal-bejgħ, il-prezz, il-valutazzjoni u d-dettalji dwar il-karatteristiċi ta’ dawk l-assi, inkluża informazzjoni dwar meta, kif u mingħand min ġew akkwistati dawk l-assi;

(c)

dettalji dwar l-aċċess għal sorsi ta’ kapital u s-swieq finanzjarji inklużi d-dettalji ta’ strumenti finanzjarji li għandhom jinħarġu;

(d)

meta l-fondi użati għall-akkwist tal-parteċipazzjoni jkunu ttieħdu b’self, informazzjoni dwar l-użu ta’ fondi mislufa, inkluż l-isem tas-selliefa rilevanti u d-dettalji tal-faċilitajiet mogħtija, inklużi maturitajiet, termini, rahan u garanziji, u informazzjoni dwar is-sors tad-dħul li għandu jintuża biex jitħallas lura tali self;

(e)

dettalji dwar il-mezz ta’ pagament għall-akkwiżizzjoni proposta u n-network użat għat-trasferiment ta’ fondi għajr tokens tal-flus elettroniċi;

(f)

dettalji ta’ kwalunkwe kriptoassi u DLT relatata użati għall-akkwist taż-żamma, ta’ kwalunkwe kartiera, inkluża n-natura jew it-tip ta’ kartiera, kemm jekk tkun kustodjali kif ukoll jekk mhux ta’ kustodja, fejn il-kriptoassi użati jew skambjati f’munita uffiċjali għall-akkwist tal-parteċipazzjoni, jew il-mezzi ta’ aċċess għal tali kriptoassi, ikunu nħażnu, tal-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi użati, u tal-indirizzi jew il-kontijiet tar-reġistru distribwit tal-oriġinatur u tal-benefiċjarju;

(g)

informazzjoni dwar kwalunkwe arranġament finanzjarju ma’ persuni oħra li huma jew li se jkunu azzjonisti tal-entità fil-mira.

Għall-finijiet tal-punt (d), meta s-sellief ma jkunx istituzzjoni ta’ kreditu jew istituzzjoni finanzjarja awtorizzata li tagħti kreditu, l-akkwirent propost għandu jipprovdi informazzjoni komprensiva u evidenza ta’ sostenn dwar l-oriġini tal-fondi mislufa inklużi, l-attività, il-forma legali u l-post ta’ residenza tas-sellief, u kwalunkwe klawżola kuntrattwali li tagħti s-setgħa lis-sellief biex jagħti struzzjonijiet lill-mutwarju dwar il-parteċipazzjoni kwalifikanti.

2.   L-akkwirent propost li jkun trust għandu jippreżenta lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira informazzjoni dwar il-metodu ta’ finanzjament tat-trust u r-riżorsi li jiżguraw is-solidità finanzjarja tat-trust biex tappoġġa lill-emittent tat-tokens irreferenzjati ma’ assi.

Artikolu 9

Informazzjoni addizzjonali għal parteċipazzjoni kwalifikanti sa 20 %

Meta l-akkwiżizzjoni proposta tirriżulta f’li l-akkwirent propost ikollu parteċipazzjoni kwalifikanti fl-entità fil-mira sa 20 %, l-akkwirent propost għandu jippreżenta lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira dokument dwar l-istrateġija li jkun fih, meta rilevanti, l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-istrateġija tal-akkwirent propost rigward l-akkwiżizzjoni proposta, inkluż il-perjodu li matulu l-akkwirent propost għandu l-intenzjoni li jżomm il-parteċipazzjoni azzjonarja tiegħu wara l-akkwiżizzjoni proposta u kull intenzjoni tal-akkwirent propost li jżid, inaqqas jew iżomm il-livell tal-parteċipazzjoni azzjonarja tiegħu fil-futur prevedibbli;

(b)

indikazzjoni tal-intenzjonijiet tal-akkwirent propost lejn l-entità fil-mira, u b’mod partikolari jekk l-akkwirent propost għandux l-intenzjoni li jaġixxi bħala azzjonist minoritarju attiv jew le, u r-raġunament għal dik l-azzjoni;

(c)

informazzjoni dwar il-pożizzjoni finanzjarja tal-akkwirent propost u r-rieda tiegħu li jappoġġja lill-entità fil-mira b’finanzjament addizzjonali jekk meħtieġ għall-iżvilupp tal-attivitajiet tagħha jew f’każ ta’ diffikultajiet finanzjarji.

Artikolu 10

Informazzjoni addizzjonali għal parteċipazzjonijiet kwalifikanti ta’ aktar minn 20 % u sa 50 %

1.   Meta l-akkwiżizzjoni proposta tirriżulta f’li l-akkwirent propost ikollu parteċipazzjoni kwalifikanti fl-entità fil-mira ta’ aktar minn 20 % u sa 50 %, l-akkwirent propost għandu jippreżenta lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira dokument dwar l-istrateġija li jkun fih, meta rilevanti, l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-informazzjoni kollha mitluba skont l-Artikolu 9;

(b)

dettalji dwar l-influwenza li l-akkwirent propost għandu l-intenzjoni li jeżerċita fuq il-pożizzjoni finanzjarja, inkluża l-politika tad-dividendi, l-iżvilupp strateġiku, u l-allokazzjoni tar-riżorsi tal-entità fil-mira;

(c)

deskrizzjoni tal-intenzjonijiet u l-istrateġija tal-akkwirent propost lejn l-entità fil-mira, li tkopri l-elementi kollha msemmija fl-Artikolu 11(2) b’livell ta’ dettall proporzjonat għall-influwenza fl-entità fil-mira li tirriżulta mill-akkwiżizzjoni.

2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi pprovduta wkoll lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira minn kwalunkwe akkwirent propost imsemmi fl-Artikolu 9 meta l-influwenza eżerċitata mill-parteċipazzjoni azzjonarja tal-akkwirent propost, abbażi tal-valutazzjoni tal-parteċipazzjoni azzjonarja tal-entità fil-mira, tkun ekwivalenti għall-influwenza eżerċitata minn parteċipazzjonijiet azzjonarji ta’ aktar minn 20 % u sa 50 %.

Artikolu 11

Informazzjoni addizzjonali għal parteċipazzjonijiet kwalifikanti ta’ aktar minn 50 %

1.   Meta l-akkwiżizzjoni proposta tirriżulta f’li l-akkwirent propost ikollu parteċipazzjoni kwalifikanti fl-entità fil-mira ta’ aktar minn 50 %, jew l-entità fil-mira ssir is-sussidjarja tagħha, l-akkwirent propost għandu jippreżenta lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira pjan tan-negozju fuq medda ta’ żmien ta’ tliet snin. Dak il-pjan għandu jinkludi:

(a)

pjan ta’ żvilupp strateġiku;

(b)

rapporti finanzjarji stmati tal-entità fil-mira;

(c)

l-impatt tal-akkwiżizzjoni fuq il-governanza korporattiva u l-istruttura organizzattiva ġenerali tal-entità fil-mira.

2.   Il-pjan ta’ żvilupp strateġiku msemmi fil-paragrafu 1, il-punt (a), għandu jindika, f’termini ġenerali, l-għanijiet ewlenin tal-akkwiżizzjoni proposta u l-modi ewlenin biex jintlaħqu dawk l-għanijiet, fosthom:

(a)

l-objettiv ġenerali tal-akkwiżizzjoni proposta;

(b)

miri finanzjarji jistgħu jiġu ddikjarati f’termini ta’ redditu fuq l-ekwità, proporzjon kostijiet-benefiċċji, qligħ għal kull sehem, jew f’termini oħrajn kif xieraq;

(c)

ir-ridirezzjoni possibbli tal-attivitajiet, il-prodotti, il-klijenti fil-mira u r-riallokazzjoni possibbli tal-fondi jew tar-riżorsi mistennija li jkollhom impatt fuq l-entità fil-mira;

(d)

proċessi ġenerali għall-inklużjoni u l-integrazzjoni tal-entità fil-mira fl-istruttura tal-grupp tal-akkwirent propost, fosthom deskrizzjoni tal-interazzjonijiet prinċipali li għandhom jiġu segwiti ma’ kumpaniji oħrajn fil-grupp, u deskrizzjoni tal-politiki li jirregolaw ir-relazzjonijiet intragrupp.

Għall-finijiet tal-punt (d), għall-akkwirenti proposti awtorizzati u sorveljati fl-Unjoni, l-informazzjoni dwar id-dipartimenti partikolari fl-istruttura tal-grupp li huma affettwati mit-tranżazzjoni għandha tkun biżżejjed.

3.   Ir-rapporti finanzjarji stmati tal-entità fil-mira msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b), għandhom, kemm fuq bażi individwali kif ukoll, fejn applikabbli, fuq bażi konsolidata, għal perjodu ta’ 3 snin, jinkludu dan li ġej:

(a)

stima tal-karta tal-bilanċ u r-rapport tal-introjtu;

(b)

previżjoni tar-rekwiżiti kapitali prudenzjali u r-riżerva ta’ assi;

(c)

informazzjoni dwar il-livell stmat ta’ skoperturi tar-riskju inklużi r-riskji tas-suq, operazzjonali, inklużi r-riskji ċibernetiċi u ta’ frodi, ta’ kreditu u ambjentali, u r-riskji rilevanti oħra;

(d)

previżjoni ta’ tranżazzjonijiet intragrupp.

4.   L-impatt tal-akkwiżizzjoni fuq il-governanza korporattiva u l-istruttura organizzazzjonali ġenerali tal-entità fil-mira msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (c), għandu jinkludi l-impatt fuq:

(a)

il-kompożizzjoni u d-dmirijiet tal-membri tal-korp maniġerjali, u fejn applikabbli, il-kumitati ewlenin maħluqa minn tali korp tat-teħid tad-deċiżjonijiet inkluża informazzjoni dwar il-persuni li se jinħatru bħala membri tal-korp maniġerjali;

(b)

proċeduri amministrattivi u kontabilistiċi u kontrolli interni, inklużi bidliet fil-proċeduri u s-sistemi relatati mal-kontabbiltà, l-awditjar intern, il-konformità inkluż il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, u l-ġestjoni tar-riskju, inkluża l-ħatra ta’ detenturi ta’ funzjonijiet ewlenin tal-awditjar intern, uffiċjali tal-konformità u maniġers tar-riskju;

(c)

l-arkitettura ġenerali tal-ICT u tat-teknoloġija, inkluż kwalunkwe bidla li tikkonċerna l-politika relatata ma’ fornituri terzi ta’ servizzi tal-ICT ta’ funzjonijiet kritiċi jew importanti msemmija fl-Artikolu 28(2) tar-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), il-flowchart tad-data, is-software intern u estern użat u l-proċeduri u l-għodod essenzjali tas-sigurtà tad-data u tas-sistemi inkluż il-back-up, il-pjanijiet tal-kontinwità tal-operat u r-rekords tal-awditjar;

(d)

il-politiki li jirregolaw il-fornituri terzi ta’ servizzi ta’ funzjonijiet kritiċi jew importanti, inkluża informazzjoni dwar l-oqsma kkonċernati, dwar l-għażla tal-fornituri tas-servizzi, u dwar id-drittijiet u l-obbligi rispettivi tal-partijiet prinċipali kif stabbiliti fil-kuntratti, inklużi l-arranġamenti tal-awditjar u l-arranġamenti għall-kustodja u l-investiment tar-riżerva tal-assi, u l-kwalità tas-servizz mistennija mill-fornitur;

(e)

kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra relatata mal-impatt tal-akkwiżizzjoni fuq il-governanza korporattiva u l-istruttura organizzazzjonali ġenerali tal-entità fil-mira, inkluża kwalunkwe modifika rigward id-drittijiet tal-vot tal-azzjonisti.

Artikolu 12

Rekwiżiti mnaqqsa ta’ informazzjoni

1.   Meta l-akkwirent propost ikun ġie vvalutat għall-akkwiżizzjoni jew għaż-żieda fil-parteċipazzjonijiet kwalifikanti mill-istess awtorità kompetenti tal-entità fil-mira f’konformità mal-Artikoli 41(1) jew l-Artikolu 83(1) tar-Regolament (UE) 2023/1114, l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), l-Artikolu 59 tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), fis-sentejn preċedenti mill-preżentazzjoni tan-notifika, dak l-akkwirent propost għandu jippreżenta biss lill-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira l-informazzjoni li tkun speċifika għal dik l-akkwiżizzjoni proposta jew l-informazzjoni li tkun inbidlet mill-valutazzjoni preċedenti.

L-akkwirent propost għandu jippreżenta dikjarazzjoni ffirmata li tindika l-informazzjoni eżatta msemmija f’dan ir-Regolament li ma ġietx ippreżentata, li tiċċertifika li tali informazzjoni ma nbidlitx mill-valutazzjoni preċedenti u li għadha vera, preċiża u aġġornata.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, meta l-akkwirent propost ikun impriża awtorizzata mill-istess awtorità kompetenti tal-entità fil-mira, u soġġett għas-superviżjoni prudenzjali kontinwa ta’ dik l-awtorità kompetenti, dak l-akkwirent propost għandu jippreżenta biss l-informazzjoni msemmija f’dan ir-Regolament speċifikament għall-akkwiżizzjoni proposta u ma għandux ikun meħtieġ li jippreżenta l-informazzjoni diġà fil-pussess ta’ dik l-awtorità kompetenti.

L-akkwirent propost għandu jippreżenta dikjarazzjoni ffirmata li tindika l-informazzjoni eżatta msemmija f’dan ir-Regolament li ma ġietx ippreżentata minħabba li diġà fil-pussess ta’ dik l-awtorità kompetenti u li tiċċertifika li tali informazzjoni hija vera, preċiża u aġġornata.

3.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, l-informazzjoni speċifika għall-akkwiżizzjoni proposta imsemmi f’dan ir-Regolament tinkludi dan kollu li ġej:

(a)

meta l-akkwirent propost ikun persuna fiżika:

(i)

l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1);

(ii)

l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punti (d) sa (f) u l-Artikolu 2(2), il-punti (a) sa (d) meta l-akkwiżizzjoni proposta tkun koperta mill-paragrafu 1, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(2), il-punti (a) sa (d) meta l-akkwiżizzjoni proposta tkun koperta mill-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;

(iii)

l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5;

(iv)

l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6;

(v)

l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8;

(vi)

l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 9, 10 jew 11, kif applikabbli;

(b)

meta l-akkwirent propost ikun persuna ġuridika, trust, AIF skont it-tifsira tal-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE, jew UCITS skont it-tifsira tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/65/KE, jew fond ta’ investimenti sovrani:

(i)

l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2), il-punti (a) sa (f);

(ii)

l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1), il-punti (a) (ii) sa (a) (iv), u l-punti (b), (c) u (d), u fl-Artikolu 5 kif applikabbli, meta l-akkwiżizzjoni proposta tkun koperta mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, kif ukoll l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2), il-punti (a) sa (d);

(iii)

l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 6 u 7;

(iv)

l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8;

(v)

l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 9, 10 jew 11, kif applikabbli.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 150, 9.6.2023, p. 40, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1114/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).

(3)  Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/61/oj).

(4)  Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/65/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1093/oj).

(7)  Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU L 169, 30.6.2017, p. 46, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2017/1132/oj).

(8)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/849/oj).

(9)  Id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/43/oj).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 909/2014 u (UE) 2016/1011 (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2554/oj).

(11)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/65/oj).

(12)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2013/36/oj).

(13)  Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/138/oj).

(14)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/648/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/413/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)