European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/404

25.2.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2025/404

tal-24 ta’ Frar 2025

li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Asja Ċentrali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 33, flimkien mal-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-13 ta’ Ġunju 2005, il-Kunsill qabel li jaħtar Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Asja Ċentrali (1).

(2)

Fil-21 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2021/1013 (2) li taħtar lis-Sa Terhi HAKALA bħala r-RSUE għall-Asja Ċentrali.

(3)

Fis-6 ta’ Frar 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/260 (3) li testendi l-mandat tas-Sa HAKALA bħala r-RSUE għall-Asja Ċentrali. Il-mandat tar-RSUE jiskadi fit-28 ta’ Frar 2025.

(4)

Is-Sa HAKALA ppreżentat ir-riżenja tagħha, li daħlet fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2024.

(5)

Jenħtieġ li jinħatar RSUE ġdid għall-Asja Ċentrali għal perjodu inizjali ta’ 24 xahar.

(6)

Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat tiegħu fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ xxekkel il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

Is-Sur Eduards STIPRAIS huwa b’dan maħtur bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Asja Ċentrali mill-1 ta’ Marzu 2025 sat-28 ta’ Frar 2027. Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li l-mandat tar-RSUE (il-“mandat”) jiġi estiż jew jintemm qabel, abbażi ta’ valutazzjoni mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) u fuq proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”).

Artikolu 2

Objettivi politiċi

Il-mandat għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi politiċi tal-Unjoni fl-Asja Ċentrali. Dawn l-objettivi jinkludu:

(a)

il-promozzjoni ta’ relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-pajjiżi tal-Asja Ċentrali bbażati fuq valuri u interessi komuni kif determinati fi ftehimiet rilevanti;

(b)

kontribut għat-tisħiħ tal-istabbiltà u l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi fir-reġjun;

(c)

kontribut għat-tisħiħ tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fl-Asja Ċentrali;

(d)

l-indirizzar tar-riskji prinċipali, speċjalment problemi speċifiċi b’implikazzjonijiet diretti għall-Unjoni;

(e)

it-titjib fl-effikaċja u l-viżibbiltà tal-Unjoni fir-reġjun, inkluż permezz ta’ koordinazzjoni iżjed mill-qrib ma’ sħab u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra rilevanti, bħall-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u n-Nazzjonijiet Uniti (NU).

Artikolu 3

Mandat

1.   Sabiex jinkisbu l-objettivi politiċi msemmija fl-Artikolu 2, il-mandat għandu jkun li:

(a)

jippromwovi l-koordinazzjoni politika ġenerali tal-Unjoni fl-Asja Ċentrali u jgħin biex tinkiseb konsistenza fl-azzjonijiet esterni tal-Unjoni fir-reġjun;

(b)

jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Unjoni għal sħubija aktar b’saħħitha mal-Asja Ċentrali, ikkomplementat minn konklużjonijiet rilevanti tal-Kunsill u minn rapporti ta’ progress sussegwenti dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Unjoni għall-Asja Ċentrali, u tal-Pjan Direzzjonali Konġunt għall-Approfondiment tar-Rabtiet mal-UE u l-Asja Ċentrali,

(c)

jagħmel rakkomandazzjonijiet u jirrapporta lura lill-korpi rilevanti tal-Kunsill fuq bażi regolari;

(d)

jgħin lill-Kunsill ikompli jiżviluppa politika komprensiva dwar l-Asja Ċentrali;

(e)

jappoġġa l-organizzazzjoni regolari ta’ laqgħat politiċi ta’ livell għoli bejn l-Unjoni u l-pajjiżi tal-Asja Ċentrali;

(f)

isegwi mill-qrib l-iżviluppi politiċi fl-Asja Ċentrali billi jiżviluppa u jżomm kuntatti mill-qrib mal-gvernijiet, il-parlamenti, il-ġudikatura, is-soċjetà ċivili u l-mezzi ta’ komunikazzjoni tal-massa;

(g)

iħeġġeġ lill-Każakistan, il-Kirgistan, it-Taġikistan, it-Turkmenistan u l-Użbekistan biex jikkooperaw fi kwistjonijiet reġjonali ta’ interess komuni;

(h)

jiżviluppa kuntatti u kooperazzjoni adatti mal-atturi interessati ewlenin fir-reġjun, u mal-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali rilevanti kollha, b’kont meħud tal-preżenza dejjem tikber ta’ pajjiżi terzi fir-reġjun;

(i)

jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun, f’kooperazzjoni mar-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem, inkluż il-Linji Gwida tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u b’mod partikolari l-Linji Gwida tal-Unjoni dwar it-tfal u l-konflitti armati u l-Linji Gwida tal-Unjoni dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni kontrihom, u għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni fir-rigward tar-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, inkluż permezz ta’ monitoraġġ u rapporti dwar l-iżviluppi kif ukoll billi jfassal rakkomandazzjonijiet f’dak ir-rigward;

(j)

jikkontribwixxi, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-OSKE u n-NU, għall-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ konflitti billi jiżviluppa kuntatti mal-awtoritajiet u ma’ atturi lokali oħra bħal organizzazzjonijiet mhux governattivi, partiti politiċi, minoranzi, gruppi reliġjużi u l-mexxejja tagħhom;

(k)

jagħti kontribut għall-formulazzjoni ta’ aspetti tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni, fir-rigward tal-Asja Ċentrali, li huma relatati ma’: konnettività, inkluż l-istrateġija “Global Gateway”; is-sigurtà tal-enerġija; is-sigurtà tal-fruntieri; il-ġlieda kontra l-kriminalità serja, inkluż narkotiċi u traffikar ta’ bnedmin; u l-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma, l-ambjent u t-tibdil fil-klima;;

(l)

jippromwovi s-sigurtà reġjonali fl-Asja Ċentrali fil-kuntest ġeopolitiku usa’, inkluż il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-iżviluppi fl-Afganistan;

(m)

jappoġġa l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u l-inizjattivi tal-Unjoni fil-pajjiżi tal-Asja Ċentrali, inkluż dwar il-prevenzjoni taċ-ċirkomvenzjoni ta’ miżuri restrittivi;

(n)

jappoġġa l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u l-inizjattivi tal-Unjoni fil-pajjiżi tal-Asja Ċentrali rigward ir-rispett għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Istati Membri, inkluż fil-qafas tal-fora reġjonali u internazzjonali kollha.

2.   Ir-RSUE għandu jappoġġa l-ħidma tar-Rappreżentant Għoli u jissorvelja b’mod ġenerali l-attivitajiet kollha tal-Unjoni fir-reġjun.

Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-mandat

1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat, u jaġixxi taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Għoli.

2.   Il-KPS għandu jżomm kuntatt privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt ta’ kuntatt primarju tar-RSUE fi ħdan il-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-Rappreżentant Għoli.

3.   Ir-RSUE għandu jaħdem f’koordinazzjoni mill-qrib mad-dipartimenti rilevanti tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE).

Artikolu 5

Finanzjament

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat (in-“nefqa”) għall-perjodu mill-1 ta’ Marzu 2025 sat-28 ta’ Frar 2027 għandu jkun ta’ EUR 2 719 777,34.

2.   In-nefqa għandha tiġi amministrata f’konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jagħti rendikont lill-Kummissjoni għal kull nefqa.

Artikolu 6

Kompożizzjoni tat-tim tar-RSUE

1.   Fil-limiti tal-mandat u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-formazzjoni ta’ tim. It-tim tar-RSUE għandu jinkludi l-kompetenza esperta dwar kwistjonijiet politiċi speċifiċi kif meħtieġ skont il-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tat-tim tar-RSUE.

2.   L-Istati Membri, istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu l-issekondar ta’ persunal biex jaħdem mat-tim tar-RSUE. Is-salarji ta’ tali persunal issekondat għandu jkun kopert mill-Istat Membru ssekondanti, mill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew mis-SEAE, kif xieraq. Esperti assenjati mill-Istati Membri mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mas-SEAE jistgħu wkoll jiġu ssekondati sabiex jaħdmu mat-tim tar-RSUE. Il-persunal internazzjonali kkuntrattat għandu jkollu n-nazzjonalità ta’ Stat Membru.

3.   Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa’ taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru ssekondanti, tal-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew tas-SEAE, u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat.

4.   It-tim tar-RSUE għandu jiġi kollokat mad-dipartimenti rilevanti tas-SEAE jew mad-delegazzjonijiet tal-Unjoni sabiex jiġu żgurati l-koerenza u l-konsistenza tal-attivitajiet rispettivi tagħhom.

Artikolu 7

Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u tal-membri tat-tim tar-RSUE

Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra relatati mar-RSUE u mal-membri tat-tim tar-RSUE li huma meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla xkiel tal-mandat għandhom jiġu miftiehma mal-partijiet ospitanti, kif xieraq. L-Istati Membri u s-SEAE għandhom jagħtu l-appoġġ neċessarju kollu għal dak l-għan.

Artikolu 8

Sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE

Ir-RSUE u t-tim tar-RSUE għandhom jirrispettaw il-prinċipji u l-istandards minimi ta’ sigurtà stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (4).

Artikolu 9

Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku

1.   L-Istati Membri, il-Kummissjoni, is-SEAE u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li r-RSUE jingħata aċċess għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.

2.   Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri, kif adatt, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku għar-RSUE u għall-membri tat-tim tar-RSUE.

Artikolu 10

Aċċess għad-dokumenti, l-arkivji u l-protezzjoni tad-data

1.   Ir-RSUE għandu japplika r-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Ir-Rappreżentant Għoli għandha tiddeċiedi dwar ir-regoli ta’ implimentazzjoni rilevanti li jikkonċernaw ir-RSUE.

2.   Ir-RSUE għandu jipproteġi lill-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom f’konformità mar-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Ir-Rappreżentant Għoli għandha tiddeċiedi dwar ir-regoli ta’ implimentazzjoni rilevanti li jikkonċernaw ir-RSUE.

Artikolu 11

Sigurtà

F’konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-persunal stazzjonat barra mill-Unjoni f’kapaċità operattiva skont it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f’konformità mal-mandat u abbażi tas-sitwazzjoni tas-sigurtà fiż-żona ta’ responsabbiltà, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tar-RSUE, b’mod partikolari billi:

(a)

jistabbilixxi pjan ta’ sigurtà speċifiku bbażat fuq gwida mis-SEAE, li jinkludi miżuri fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi ta’ sigurtà li jirregola l-ġestjoni taċ-ċaqliq sigur tal-persunal lejn, u internament, fiż-żona ta’ responsabbiltà u l-ġestjoni ta’ inċidenti ta’ sigurtà, u billi jistabbilixxi pjan ta’ kontinġenza u pjan ta’ evakwazzjoni;

(b)

jiżgura li l-persunal kollu stazzjonat barra l-Unjoni jkun kopert b’assigurazzjoni kontra riskju gravi, kif meħtieġ mill-kundizzjonijiet fiż-żona ta’ responsabbiltà;

(c)

jiżgura li l-persunal kollu li jiġu stazzjonati barra mill-Unjoni, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu rċevew it-taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jaslu, jew kif jaslu, fiż-żona ta’ responsabbiltà, skont il-klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati lil dik iż-żona mis-SEAE;

(d)

jiżgura li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet kollha miftehmin, magħmula wara valutazzjonijiet regolari tas-sigurtà, u jipprovdi lir-Rappreżentant Għoli, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni ta’ dawk ir-rakkomandazzjonijiet u dwar kwistjonijiet oħra ta’ sigurtà fil-qafas tar-rapporti ta’ progress regolari u tar-rapport komprensiv finali dwar l-implimentazzjoni tal-mandat imsemmi fl-Artikolu 15.

Artikolu 12

Rappurtar

Ir-RSUE għandu jipprovdi regolarment rapporti lir-Rappreżentant Għoli. Ir-RSUE għandu jirrapporta regolarment lill-KPS, u kif meħtieġ lill-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill. Rapporti regolari għandhom jiġu ċċirkolati permezz tan-netwerk COREU. Ir-RSUE jista’ jipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin. F’konformità mal-Artikolu 36 tat-Trattat, ir-RSUE jista’ jkun involut fl-għoti ta’ informazzjoni lill-Parlament Ewropew.

Artikolu 13

Koordinazzjoni

1.   Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-unità, il-konsistenza u l-effikaċja tal-azzjoni tal-Unjoni u għandu jgħin biex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni u l-azzjonijiet kollha tal-Istati Membri jkunu impenjati b’mod konsistenti biex jinkisbu l-objettivi politiċi tal-Unjoni. Fejn ikun adatt għandu jitfittex kuntatt mal-Istati Membri. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma’ dawk tad-dipartiment ġeografiku rilevanti tas-SEAE u mal-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jipprovdi informazzjoni regolari lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni.

2.   Fuq il-post, l-RSUE għandu jżomm kuntatt mill-qrib mal-Kapijiet tal-Missjonijiet tal-Istati Membri u mal-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni rilevanti. Dawn għandhom jagħmlu kull sforz biex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu wkoll iżomm kuntatt ma’ atturi internazzjonali u reġjonali oħrajn fil-post.

Artikolu 14

Assistenza rigward pretensjonijiet

Ir-RSUE u l-membri tat-tim tar-RSUE għandhom jipprovdu assistenza sabiex tingħata risposta għal kwalunkwe pretensjoni u kwalunkwe obbligu li jkunu rriżultaw mill-mandati tar-RSUE preċedenti għall-Asja Ċentrali, u għandhom jipprovdu assistenza amministrattiva u aċċess għad-dokumenti rilevanti għal dawk l-għanijiet.

Artikolu 15

Rieżami

L-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma’ kontributi oħrajn mill-Unjoni fir-reġjun għandhom jinżammu taħt rieżami regolari. Ir-RSUE għandu jippreżenta rapporti ta’ progress regolari lir-Rappreżentant Għoli, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u rapport komprensiv finali dwar l-implementazzjoni tal-mandat sat-30 ta’ Novembru 2026.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Frar 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)  L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2005/588/PESK tat-28 ta’ Lulju 2005 li taħtar Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Asja Ċentrali (ĠU L 199, 29.7.2005, p. 100, ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2005/588/oj).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1013 tal-21 ta’ Ġunju 2021 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Asja Ċentrali (ĠU L 222, 22.6.2021, p. 33, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/1013/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/260 tas-6 ta’ Frar 2023 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Asja Ċentrali u li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2021/1013 (ĠU L 35, 7.2.2023, p. 25, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/260/oj).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/488/oj).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2001/1049/oj).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/404/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)