European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/391

24.2.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2025/391

tal-24 ta’ Frar 2025

li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-15 ta’ Ottubru 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/642/PESK (1).

(2)

Fl-24 ta’ Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ħabbar operazzjoni militari fl-Ukrajna u l-forzi armati Russi bdew attakk fuq l-Ukrajna, inkluż mit-territorju tal-Belarussja. Dak l-attakk huwa ksur sfaċċat tal-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

(3)

Fit-2 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/356 (2), li emendat it-titlu tad-Deċiżjoni 2012/642/PESK u introduċiet aktar miżuri restrittivi b’rispons għall-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.

(4)

Fil-konklużjonijiet tagħha tad-19 ta’ Frar 2024, il-Kunsill ikkundanna bil-qawwa l-appoġġ kontinwu pprovdut mir-reġim Belarussu għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u appella lill-Belarussja biex toqgħod lura minn tali azzjoni u tirrispetta l-obbligi internazzjonali tagħha.

(5)

Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, il-Kunsill iqis li jenħtieġ li l-kriterji ta’ deżinjazzjoni għall-elenkar ta’ persuni, entitajiet u korpi soġġetti għall-iffriżar tal-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom u għall-projbizzjoni li tali fondi u riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli għalihom jiġu emendati biex jippermettu l-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi mmirati kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jiffurmaw parti minn, jappoġġaw materjalment jew finanzjarjament, jew jibbenefikaw minn, il-kumpless militari u industrijali tal-Belarussja.

(6)

Jeħtieġ ukoll li tissaħħaħ il-projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġija b’użu doppju u ta’ oġġetti u teknoloġija li jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ teknoloġiku tas-settur tad-difiża u s-sigurtà tal-Belarussja, lil entitajiet fil-lista ta’ persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2012/642/PESK.

(7)

Huwa xieraq ukoll li tiġi estiża’ l-lista ta’ oġġetti li jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib militari u teknoloġiku tal-Belarussja jew għall-iżvilupp tas-settur tad-difiża u s-sigurtà tagħha billi jiġu elenkati oġġetti li ntużaw mir-Russja fil-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna u oġġetti li jikkontribwixxu għall-iżvilupp jew il-produzzjoni tas-sistemi militari tal-Belarussja, inkluż prekursuri kimiċi għall-aġenti ta’ kontroll tal-irvellijiet, software relatat mal-magni ta’ kontroll numeriku tal-kompjuters (CNC), minerali u komposti tal-kromu u kontrolluri użati biex jiggwidaw vetturi tal-ajru mingħajr bdot abbord (UAVs).

(8)

Huwa xieraq ukoll li jiġu imposti aktar restrizzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet ta’ oġġetti li jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet industrijali tal-Belarussja, bħal sustanzi kimiċi, oġġetti pirotekniċi u materjali kombustibbli.

(9)

Barra minn hekk, sabiex jiġi minimizzat ir-riskju ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri restrittivi, huwa xieraq li tiġi estiża l-lista ta’ oġġetti u teknoloġija soġġetti għall-projbizzjoni ta’ tranżitu mit-territorju tal-Belarussja ta’ makkinarju u oġġetti li jistgħu jikkontribwixxu, b’mod partikolari, għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet industrijali Belarussi.

(10)

Huwa xieraq li jiġu stabbiliti derogi għall-provvista ta’ ċerti oġġetti u makkinarju meħtieġa għal networks ta’ komunikazzjoni elettronika ċivili mhux disponibbli għall-pubbliku.

(11)

Barra minn hekk, huwa xieraq li jiġu introdotti aktar restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni ta’ aluminju primarju, li tippermetti lill-Belarussja tiddiversifika s-sorsi ta’ dħul tagħha, u b’hekk tippermetti l-involviment tagħha fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.

(12)

Huwa xieraq ukoll li tiġi imposta restrizzjoni fuq il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment, l-esportazzjoni jew il-provvista ta’ software relatat mal-esplorazzjoni taż-żejt u tal-gass sabiex tkompli tirrestrinġi l-kapaċitajiet tal-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt u tal-gass tal-Belarussja u timminimizza r-riskju ta’ ċirkomvenzjoni ta’ miżuri restrittivi mit-territorju tal-Belarussja.

(13)

Sabiex jiġi evitat li l-operaturi tal-Unjoni jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-infrastruttura tal-Belarussja, jeħtieġ li tiġi introdotta projbizzjoni fuq il-provvista ta’ servizzi tal-kostruzzjoni, inkluż xogħlijiet ta’ inġinerija ċivili.

(14)

Huwa pprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment, l-esportazzjoni, jew il-provvista, diretti jew indiretti, ta’ software għall-ġestjoni ta’ intrapriżi u software għad-disinn u l-manifattura industrijali lir-Repubblika tal-Belarussja, lill-Gvern tagħha, lill-korpi pubbliċi, lill-korporazzjonijiet jew lill-aġenziji tagħha jew lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom. Huwa xieraq li jiġi ċċarat li l-bejgħ, il-liċenzjar jew it-trasferiment bi kwalunkwe mod ieħor ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jew sigrieti kummerċjali relatati ma’ dak is-software huma pprojbiti.

(15)

Huwa xieraq li tiġi introdotta deroga mill-projbizzjoni fuq il-provvista ta’ servizzi ta’ kostruzzjoni, arkitettura u inġinerija, servizzi ta’ konsulenza legali u servizzi ta’ konsulenza tal-IT fejn dawk is-servizzi huma strettament meħtieġa għall-funzjonament ta’ rappreżentanza konsulari jew diplomatika tal-Belarussja li tinsab fi Stat Membru.

(16)

Huwa ukoll xieraq li twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni li jiġu aċċettati depożiti biex jiġu inklużi dawk minn persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti f’pajjiżi terzi u li l-maġġoranza tal-ishma tagħhom ikunu proprjetà ta’ ċittadini Belarussi jew persuni fiżiċi li jirrisjedu fil-Belarussja. Barra minn hekk, huwa xieraq li l-aċċettazzjoni ta’ depożiti għal kummerċ transfruntier mhux ipprojbit tiġi soġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali.

(17)

Huwa ukoll xieraq li tiġi pprojbita l-provvista ta’ servizzi ta’ kartiera tal-kriptoassi, ta’ kontijiet jew ta’ kustodja lil persuni u lil residenti Belarussi, u sabiex tiġi llimitata ċ-ċirkonvenzjoni ta’ din il-projbizzjoni, li ċittadini Belarussi jew persuni fiżiċi li jirrisjedu fil-Belarussja jiġu pprojbiti milli jkollhom is-sjieda jew jikkontrollaw jew ikollhom kariga fuq il-korpi governattivi tal-persuni ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi li jipprovdu tali servizzi.

(18)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-ħidma tas-soċjetà ċivili u tal-media, huwa xieraq li tiġi introdotta eżenzjoni mill-projbizzjoni rigward l-użu fil-Belarussja ta’ karti tal-flus denominati fi kwalunkwe munita uffiċjali ta’ Stat Membru, fejn ikun meħtieġ għas-soċjetà ċivili u għall-attivitajiet tal-media li jippromwovu direttament id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem jew l-istat tad-dritt fil-Belarussja skont ċerti kondizzjonijiet.

(19)

Barra minn hekk, sabiex jiġi minimizzat ir-riskju ta’ ċirkomvenzjoni ta’ miżuri restrittivi, huwa xieraq li tiġi emendata l-projbizzjoni tat-trasport ta’ merkanzija bit-triq fit-territorju tal-Unjoni, inkluż fi tranżitu, minn operaturi li 25 % jew aktar tagħhom huma proprjetà ta’ persuna fiżika jew ġuridika Belarussa. Entitajiet stabbiliti fl-Unjoni qabel it-8 ta’ April 2022 u li diġà joperaw bħala impriżi tat-trasport bit-triq jenħtieġ li jiġu pprojbiti milli jagħmlu kwalunkwe bidla fl-istruttura kapitali tagħhom li żżid is-sehem perċentwali ta’ sjieda ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp Belarussi, sakemm dak is-sehem perċentwali ma jibqax inqas minn 25 % wara tali bidla.

(20)

Sabiex jgħinu fil-ġlieda kontra l-esportazzjoni mill-ġdid ta’ ċerti oġġetti, l-operaturi tal-Unjoni li qed ibigħu, ifornu, jittrasferixxu jew jesportaw tali oġġetti lejn pajjiżi terzi, għajr il-pajjiżi elenkati fl-Anness IVa tad-Deċiżjoni 2012/642/PESK, huma meħtieġa jimplimentaw mekkaniżmi ta’ diliġenza dovuta li kapaċi jidentifikaw u jivvalutaw ir-riskji ta’ tali esportazzjoni mill-ġdid lejn il-Belarussja u jimmitigaw tali riskji. Barra minn hekk, l-operaturi tal-Unjoni huma meħtieġa jiżguraw li l-persuni ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi stabbiliti barra mill-Unjoni li huma proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom ukoll jimplimentaw dawk ir-rekwiżiti.

(21)

Huwa xieraq li tiġi introdotta deroga li tippermetti r-rilaxx ta’ fondi li kienu ffriżati minħabba l-involviment ta’ bank intermedjarju elenkat fit-trasferiment tagħhom, bil-kundizzjonijiet li t-trasferiment ikun bejn żewġ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi mhux elenkati u jitwettaq bl-użu ta’ kontijiet f’istituzzjonijiet ta’ kreditu mhux elenkati, kif ukoll li tiġi introdotta deroga li tippermetti r-rilaxx ta’ fondi li ġew iffriżati minħabba l-involviment ta’ bank emittenti elenkat fit-trasferiment tagħhom bil-kundizzjoni li t-trasferiment isir bejn żewġ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi mhux elenkati.

(22)

Fl-aħħar nett, huwa xieraq li jiġu introdotti ċerti emendi fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2012/642/PESK, inkluż dispożizzjonijiet dwar l-eżenzjonijiet u d-derogi mill-projbizzjoni tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju u teknoloġiji avvanzati. Barra minn dan, huwa pertinenti li jitħassru r-referenzi għal perjodi ta’ tranżizzjoni li skadew u referenzi oħra li mhumiex meħtieġa għall-konformità ma’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni. It-tħassir tar-referenzi għall-perjodi ta’ tranżizzjoni li diġà skadew mhux intenzjonat li jkollu effett legali fuq kuntratti tal-imgħoddi jew li għadhom għaddejjin jew fuq l-applikabbilità ta’ dawk il-perjodi ta’ tranżizzjoni.

(23)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2012/642/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2012/642/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1b huwa emendat kif ġej:

(a)

jitħassru l-paragrafi 4, 5 u 6;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“14a.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 3, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 8517 62 u 8523 52, jew il-provvista ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata, għal użu mhux militari u għal utent aħħari mhux militari, wara li jkunu stabbilew li tali oġġetti jew assistenza teknika jew finanzjarja relatata jkunu intenzjonati għal networks ta’ komunikazzjoni elettronika ċivili mhux disponibbli għall-pubbliku.”

;

(c)

il-paragrafu 15 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“15.   Meta jiddeċiedu dwar talbiet għal awtorizzazzjonijiet għall-finijiet inklużi fil-paragrafi 8, 9, 10, 12, 13 u 14 u 14a, l-awtoritajiet kompetenti ma għandhom jagħtu awtorizzazzjoni għall-esportazzjonijiet lil ebda persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja, jekk ikollhom raġunijiet validi biex jemmnu li l-oġġetti jista’ jkollhom użu aħħari militari.”

;

(d)

il-paragrafu 16 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“16.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafi 8, 9, 10, 12, 13, 14 u 14a fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.”

;

(2)

l-Artikolu 2c huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2021/821, il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġija b’użu doppju jew għall-provvista relatata ta’ assistenza teknika u finanzjarja, għal użu mhux militari u għal utent aħħari mhux militari, jiġifieri li huwa maħsub għal:

(a)

skopijiet umanitarji, emerġenzi tas-saħħa, il-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni urġenti ta’ avvenimenti li x’aktarx ikollu impatt serju u sinifikanti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew fuq l-ambjent jew bħala rispons għal diżastri naturali; jew

(b)

skopijiet mediċi jew farmaċewtiċi, dment li mhumiex elenkati fl-Anness XXX tar-Regolament (KE) Nru 765/2006.

L-esportatur għandu jiddikjara fid-dikjarazzjoni doganali li l-oġġetti qed jiġu esportati skont l-eċċezzjoni rilevanti stabbilita f’dan il-paragrafu u għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn l-esportatur ikun residenti jew stabbilit bl-ewwel użu fil-Belarussja tal-eċċezzjoni rilevanti.”

;

(b)

fil-paragrafu 3a jitħassar il-kliem “,il-punti (a) sa (e), ta’ dan l-Artikolu”;

(c)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3b.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu rekwiżiti ta’ rapportar marbuta mal-użu ta’ eżenzjonijiet skont il-paragrafu 3 u kwalunkwe informazzjoni addizzjonali dwar oġġetti esportati skont dawk l-eżenzjonijiet li jirrikjedi l-Istat Membru fejn l-esportatur huwa residenti jew stabbilit.”

;

(d)

il-paragrafi 4 u 4a huma sostitwiti b’dan li ġej:

“4.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, u mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2021/821, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġija b’użu doppju jew il-provvista ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata, għal użu mhux militari u għal utent aħħari mhux militari, wara li jkunu ddeterminaw li tali oġġetti jew teknoloġija jew assistenza teknika jew finanzjarja relatata huma maħsuba:

(b)

għall-kooperazzjoni intergovernattiva fi programmi spażjali;

(c)

għat-tħaddim, il-manutenzjoni, ir-ripproċessar tal-fjuwil u s-sikurezza tal-kapaċitajiet nukleari ċivili, kif ukoll il-kooperazzjoni nukleari ċivili, b’mod partikolari fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp;

(e)

għan-networks elettroniċi tal-komunikazzjonijiet ċivili mhux disponibbli għall-pubbliku li mhumiex proprjetà ta’ entità fejn l-Istat għandu l-kontroll totali jew il-kontroll ta’ aktar minn 50 %;

(f)

għall-użu esklużiv ta’ entitajiet li huma proprjetà, jew taħt il-kontroll b’mod esklussiv jew konġunt, ta’ persuna ġuridika, entità jew korp li huma inkorporati jew kostitwiti taħt il-liġi ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż sieħeb;

(g)

għar-rappreżentanzi diplomatiċi tal-Unjoni, tal-Istati Membri u ta’ pajjiżi sħab, inklużi delegazzjonijiet, ambaxxati u missjonijiet;

(h)

għall-iżgurar taċ-ċibersigurtà u għas-sigurtà tal-informazzjoni għal persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi fil-Belarussja għajr għall-Gvern u għall-impriżi tagħha li huma kkontrollati b’mod dirett jew indirett minn dak il-Gvern;

(i)

għall-aġġornamenti tas-software;

(j)

għall-użu bħala apparat ta’ komunikazzjoni għall-konsumatur; jew

(k)

għal skopijiet mediċi jew farmaċewtiċi, dment li jkunu elenkati fl-Anness XXX ta’ dan ir-Regolament.

4a.   B’deroga mill-paragrafu 1a, u mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2021/821, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw it-tranżitu mit-territorju tal-Belarussja ta’ oġġetti u teknoloġija b’użu doppju wara li jkunu ddeterminaw li tali oġġetti jew teknoloġija huma maħsuba għall-finijiet stipulati fil-punti (b), (c), (d), (h) u (k) tal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.”

;

(f)

il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7.   Meta jkunu qed jiddeċiedu dwar talbiet għall-awtorizzazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 4 u 5, l-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jagħtu awtorizzazzjoni jekk kemm-il darba jkollhom raġunijiet validi biex jaħsbu li:

(i)

l-utent aħħari jista’ jkun utent aħħari militari, persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fl-Anness II jew li l-oġġetti jista’ jkollhom użu aħħari militari, għajr jekk il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jew il-provvista ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata ikunu permessi skont l-Artikolu 2da(1b), il-punt (a); jew

(ii)

il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jew il-provvista ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata jkunu maħsuba għall-avjazzjoni jew għall-industrija spazjali.”

;

(3)

l-Artikolu 2d huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 jew għall-provvista relatata ta’ assistenza teknika u finanzjarja, għal użu mhux militari u għal utent aħħari mhux militari, jiġifieri li huwa maħsuba għal:

(a)

skopijiet umanitarji, emerġenzi tas-saħħa, il-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni urġenti ta’ sitwazzjoni li x’aktarx ikollha impatt serju u sinifikanti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew l-ambjent, jew maħsuba bħala rispons għal diżastri naturali; jew

(b)

skopijiet mediċi jew farmaċewtiċi, dment li mhumiex elenkati fl-Anness XXX tar-Regolament (KE) Nru 765/2006.

Fid-dikjarazzjoni doganali l-esportatur għandu jiddikjara li l-oġġetti qed jiġu esportati skont l-eżenzjoni rilevanti stabbilita f’dan il-paragrafu u għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn l-esportatur huwa residenti jew stabbilit bl-ewwel użu għal kull riċevitur fil-Belarussja tal-eċċezzjoni rilevanti.”

;

(b)

fil-paragrafu 3a jitħassru l-kliem “, il-punti (a) sa (e)”;

(c)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3b.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rekwiżiti ta’ rapportar marbuta mal-użu ta’ eżenzjonijiet skont il-paragrafu 3 u kwalunkwe informazzjoni addizzjonali dwar oġġetti esportati skont dawk l-eżenzjonijiet li jirrikjedi l-Istat Membru fejn l-esportatur huwa residenti jew stabbilit.”

;

(d)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġija b’użu doppju msemmija fil-paragrafu 1 jew il-provvista ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata, għal użu mhux militari u għal utent aħħari mhux militari, wara li jkunu ddeterminaw li tali oġġetti jew teknoloġija jew assistenza teknika jew finanzjarja relatata huma maħsuba:

(b)

għall-kooperazzjoni intergovernattiva fi programmi spażjali;

(c)

għat-tħaddim, il-manutenzjoni, ir-ripproċessar tal-fjuwil u s-sikurezza tal-kapaċitajiet nukleari ċivili, kif ukoll il-kooperazzjoni nukleari ċivili, b’mod partikolari fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp;

(d)

għas-sikurezza marittima;

(e)

għan-networks elettroniċi tal-komunikazzjonijiet ċivili mhux disponibbli għall-pubbliku li mhumiex proprjetà ta’ entità fejn l-Istat għandu l-kontroll totali jew is-sjieda ta’ aktar minn 50 %;

(f)

għall-użu esklużiv ta’ entitajiet li huma proprjetà, jew taħt il-kontroll b’mod esklużiv jew konġunt, ta’ persuna ġuridika, entità jew korp li huma inkorporati jew kostitwiti taħt il-liġi ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż sieħeb;

(g)

għar-rappreżentanzi diplomatiċi tal-Unjoni, tal-Istati Membri u ta’ pajjiżi sħab, inklużi delegazzjonijiet, ambaxxati u missjonijiet;

(h)

għall-iżgurar taċ-ċibersigurtà u s-sigurtà tal-informazzjoni għal persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi fil-Belarussja għajr għall-Gvern u għall-impriżi tagħha li huma kkontrollati direttament jew indirettament minn dak il-Gvern;

(j)

għall-aġġornamenti tas-software;

(k)

għall-użu bħala apparat ta’ komunikazzjoni għall-konsumatur; jew

(l)

għal skopijiet mediċi jew farmaċetiċi, dment li jkunu elenkati fl-Anness XXX tar-Regolament (KE) Nru 765/2006.”

;

(e)

jitħassru l-paragrafi 4a u 5a;

(f)

fil-paragrafu 4b, il-kliem “il-punti (b), (c), (d) and (h)” huma sostitwiti bil-kliem “il-punti (b), (c), (d), (h) u (l)”;

(g)

il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7.   Meta jkunu qed jiddeċiedu dwar talbiet għall-awtorizzazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 4 u 5, l-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jagħtu awtorizzazzjoni jekk ikollhom raġunijiet validi biex jaħsbu li:

(i)

l-utent aħħari jista’ jkun utent aħħari militari, persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fl-Anness II, jew li l-oġġetti jista’ jkollhom użu aħħari militari, għajr jekk il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jew il-provvista ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata jkunu permessi skont l-Artikolu 1da(1b), il-punt (a); jew

(ii)

il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jew il-provvista ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata jkunu maħsuba għall-avjazzjoni jew għall-industrija spazjali.”

;

(4)

l-Artikolu 2da huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Għandu jkun ipprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta’ oġġetti u teknoloġija b’użu doppju, kif ukoll oġġetti u teknoloġija elenkati fl-Anness Va tar-Regolament (KE) Nru 765/2006, kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness II.”

;

(b)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“1a.   Għandu jkun ipprojbit:

(a)

l-għoti ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħrajn relatati mal-merkanzija u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 u mal-provvista, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dawk l-oġġett u t-teknoloġija, b’mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness II;

(b)

l-għoti ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ dawk l-oġġetti u t-teknoloġija, jew għall-provvista ta’ assistenza teknika relatata, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra, b’mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness II; jew

(c)

il-bejgħ, il-liċenzjar jew it-trasferiment b’xi mod ieħor tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew sigrieti kummerċjali kif ukoll l-għoti ta’ drittijiet għall-aċċess jew l-użu mill-ġdid ta’ kwalunkwe materjal jew informazzjoni protetta permezz ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew li tikkostitwixxi sigrieti kummerċjali relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 u mal-provvista, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dik il-merkanzija u t-teknoloġija, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, elenkati fl-Anness II.

1b.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 1a, u mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2021/821, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jippermettu l-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġija b’użu doppju, kif ukoll ta’ oġġetti u teknoloġija kif elenkati fl-Anness Va tar-Regolament (KE) Nru 765/2006, jew il-provvista ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata biss wara li jkunu ddeterminaw li:

(a)

tali oġġetti jew teknoloġija jew l-assistenza teknika jew finanzjarja relatata jkunu meħtieġa għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni urġenti ta’ avveniment li probabbilment ikollu impatt serju u sinifikanti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew l-ambjent; jew

(b)

tali oġġetti jew teknoloġija jew l-assistenza teknika jew finanzjarja relatata jkunu dovuti skont kuntratti konklużi qabel is-26 ta’ Frar 2022, jew kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratt, dment li l-awtorizzazzjoni tkun intalbet qabel l-1 ta’ Mejju 2022.”

;

(5)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 2ed

1.   Għandu jkun ipprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment, l-esportazzjoni jew l-għoti, direttament jew indirettament, ta’ software, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja.

2.   Għandu jkun ipprojbit:

(a)

l-għoti ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħrajn relatati mal-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment, l-esportazzjoni jew il-provvista ta’ software msemmi fil-paragrafu 1, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja;

(b)

l-għoti ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati mal-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment, l-esportazzjoni jew il-provvista ta’ software msemmi fil-paragrafu 1, jew il-provvista ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra relatati direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja; jew

(c)

il-bejgħ, il-liċenzjar jew it-trasferiment b’xi mod ieħor tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew sigrieti kummerċjali kif ukoll l-għoti ta’ drittijiet għall-aċċess jew l-użu mill-ġdid ta’ kwalunkwe materjal jew informazzjoni protetti permezz ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew li tikkostittwixxi sigrieti kummerċjali relatati mal-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment, l-esportazzjoni jew il-provvista ta’ software msemmi fil-paragrafu 1, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja jew għall-użu fil-Belarussja.

3.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 ma għandhomx japplikaw għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment, l-esportazzjoni jew il-provvista ta’ software li huwa meħtieġ għall-eżekuzzjoni sas-26 ta’ Mejju 2025 ta’ kuntratti konklużi qabel il-25 ta’ Frar 2025, jew ta’ kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti.

4.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw, b’dawk il-kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni u l-provvista ta’ assistenza teknika jew finanzjarja, wara li jkunu ddeterminaw li dan ikun meħtieġ biex tiġi żgurata provvista kritika tal-enerġija fl-Unjoni.

5.   L-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernati għandhom jinformaw lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 4 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

6.   L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiddetermina l-oġġetti rilevanti koperti minn dan l-Artikolu.”

;

(6)

fl-Artikolu 2ec, jitħassar il-paragrafu 3;

(7)

fl-Artikolu 2f, jitħassar il-paragrafu 5;

(8)

l-Artikolu 2hc huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, il-kliem introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Għandu jkun ipprojbit l-għoti, direttament jew indirettament, ta’ servizzi ta’ kostruzzjoni, arkitettura u inġinerija, servizzi ta’ konsulenza legali u servizzi ta’ konsulenza tal-IT:”

;

(b)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Għandu jkun ipprojbit:

(a)

l-għoti ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra relatati mal-oġġetti u s-servizzi msemmija fil-paragrafi 1 sa 4 għall-provvista tagħhom, b’mod dirett jew indirett, lir-Repubblika tal-Belarussja, il-Gvern tagħha, il-korpi, il-korporazzjonijiet jew l-aġenziji pubbliċi tagħha jew lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isem jew fuq ordni ta’ tali persuna ġuridika, entità jew korp;

(b)

l-għoti ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati mal-oġġetti u s-servizzi msemmija fil-paragrafi 1 sa 4 għall-provvista tagħhom, jew għall-provvista ta’ assistenza teknika relatata, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra, direttament jew indirettament, lir-Repubblika tal-Belarussja, il-Gvern tagħha, il-korpi, il-korporazzjonijiet jew l-aġenziji pubbliċi tagħha jew lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isem jew fuq ordni ta’ tali persuna ġuridika, entità jew korp; jew

(c)

il-bejgħ, il-liċenzjar jew it-trasferiment b’xi mod ieħor tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew sigrieti kummerċjali kif ukoll l-għoti ta’ drittijiet għall-aċċess jew l-użu mill-ġdid ta’ kwalunkwe materjal jew informazzjoni protetta permezz ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew li tikkostittwixxi sigrieti kummerċjali relatati mas-software msemmi fil-paragrafu 4 u mal-provvista, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ dak is-software direttament jew indirettament lir-Repubblika tal-Belarussja, lill-gvern tagħha, korpi pubbliċi, korporazzjonijiet jew aġenziji jew lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isem jew fuq ordni ta’ tali persuna ġuridika, entità jew korp.”

;

(c)

jitħassar il-paragrafu 6;

(d)

jitħassar il-paragrafu 9;

(e)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“12a.   B’deroga mill-paragrafu 2, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw il-provvista tas-servizzi msemmija fih, taħt tali kundizzjonijiet li jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li dawk is-servizzi huma strettament meħtieġa għall-funzjonament ta’ rappreżentanza konsulari jew diplomatika tal-Federazzjoni Russa li tinsab fi Stat Membru.”

;

(f)

il-paragrafu 13 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punti (g) u (h) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(g)

il-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika mill-operaturi tat-telekomunikazzjoni tal-Unjoni meħtieġa għall-operat, il-manutenzjoni u s-sigurtà, inkluża ċ-ċibersigurtà, ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-Belarussja, fl-Ukrajna, fl-Unjoni, bejn il-Belarussja u l-Unjoni, u bejn l-Ukrajna u l-Unjoni, u għal servizzi ta’ ċentri tad-data fl-Unjoni;

(h)

l-użu esklużiv ta’ persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti fil-Belarussja li huma proprjetà ta’, jew ikkontrollati kompletament jew b’mod konġunt minn, persuna ġuridika, entità jew korp li huma inkorporati jew kostitwiti skont il-liġi ta’ Stat Membru, pajjiż membru taż-Żona Ekonomika Ewropea, l-Iżvizzera jew pajjiż sieħeb kif elenkat fl-Anness IV; jew”

;

(ii)

jiżdied il-punt li ġej:

“(i)

il-kostruzzjoni li qed issir ta’ infrastrutturi sa tul ta’ 25 m meħtieġa għall-provvista tal-enerġija ċivili u d-distribuzzjoni lil faċilitajiet edukattivi u tal-kura tas-saħħa.”

;

(9)

fl-Artikolu 2o, jitħassar il-paragrafu 2;

(10)

fl-Artikolu 2p, jitħassar il-paragrafu 2;

(11)

fl-Artikolu 2q, jitħassar il-paragrafu 2;

(12)

fl-Artikolu 2r, jitħassar il-paragrafu 2;

(13)

l-Artikolu 1ra huwa emendat kif ġej:

(a)

jitħassar il-paragrafu 9;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“9a.   Fir-rigward tal-oġġetti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 7601, il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għall-eżekuzzjoni sas-26 ta’ Mejju 2025 ta’ kuntratti konklużi qabel il-25 ta’ Frar 2025, jew ta’ kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti.”

;

(14)

l-Artikolu 2s huwa emendat kif ġej:

(a)

jitħassar il-paragrafu 3;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3aa.   B’deroga mill-paragrafu 1, u mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti tal-awtorizzazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2021/821, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-makkinarju li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 8471 80 jew il-provvista ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata, għal użu mhux militari u għal utent aħħari mhux militari, wara li jkunu stabbilew li tali makkinarju jew l-assistenza teknika jew finanzjarja relatata jkunu intenzjonati għal networks ta’ komunikazzjoni elettronika ċivili mhux disponibbli għall-pubbliku.”

;

(c)

il-paragrafu 3b huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3b.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafi 3a u 3aa fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.”

;

(15)

fl-Artikolu 2sa, jitħassar il-paragrafu 5;

(16)

l-Artikolu 2t huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, jitħassar il-punt (b);

(b)

jiżdiedu il-paragrafi li ġejjin:

“3.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw, skont dawk il-kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, il-provvista ta’ finanzjament pubbliku jew assistenza finanzjarja sal-valur totali ta’ EUR 10 000 000 għal kull proġett li minnu jibbenefikaw intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju stabbiliti fl-Unjoni.

4.   L-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernati għandhom jinformaw lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 3 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.”

;

(17)

l-Artikolu 2u huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Għandu jkun ipprojbit li jiġi aċċettat kwalunkwe depożitu minn ċittadini Belarussi jew persuni fiżiċi li jirrisjedu fil-Belarussja, jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti fil-Belarussja jew persuna ġuridika, entità jew korp stabbilit barra mill-Unjoni u li d-drittijiet ta’ proprjetà tagħhom huma direttament jew indirettament proprjetà ta’ ċittadini Belarussi jew persuni fiżiċi li jirrisjedu fil-Belarussja għal iktar minn 50 %, jekk il-valur totali tad-depożiti tal-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp għal kull istituzzjoni ta’ kreditu jaqbeż l-EUR 100 000.”

;

(b)

jiddaħlu l-paragrafi li ġejjin:

“1a.   Għandu jkun ipprojbit l-għoti ta’ servizzi ta’ kartieri tal-kriptoassi, ta’ kontijiet jew ta’ kustodja lil ċittadini Belarussi jew persuni fiżiċi li jirrisjedu fil-Belarussja, jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti fil-Belarussja.

1b   Għandu jkun ipprojbit mis-26 ta’ Marzu 2025 li ċittadini Belarussi jew persuni fiżiċi li jirrisjedu fil-Belarussja jitħallew direttament jew indirettament ikollhom is-sjieda jew jikkontrollaw, jew li jokkupaw kwalunkwe kariga fil-korpi ta’ tmexxija ta’, persuna ġuridika, entità jew korp li huma inkorporati jew kostitwiti skont il-liġi ta’ Stat Membru u li jkunu qed jipprovdu s-servizzi msemmija fil-paragrafu 1a.”

;

(c)

fil-paragrafu 2, il-kliem “il-Paragrafu 1” huma ssostitwiti bil-kliem “il-Paragrafi 1, 1a, u 1b”;

(d)

jitħassar il-paragrafu 3;

(e)

il-paragrafu 4 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-kliem introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   B’deroga mill-paragrafi (1) u (1a), l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw l-aċċettazzjoni ta’ tali depożitu jew il-provvista ta’ servizzi ta’ kartiera, ta’ kont jew ta’ kustodja, skont dawk il-kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-aċċettazzjoni ta’ tali depożitu jew il-provvista ta’ servizzi ta’ kartiera, ta’ kont jew ta’ kustodja hija:”

(ii)

fil-punt (c), il-kelma “jew” titħassar;

(iii)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(e)

maħsuba esklużivament għall-ħlas ta’ tariffi jew imposti ta’ servizzi għaż-żamma jew il-manutenzjoni ta’ rutina ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati; jew

(f)

meħtieġa għall-kummerċ transfruntier mhux ipprojbit ta’ oġġetti u servizzi bejn l-Unjoni u l-Belarussja.”

;

(f)

fil-paragrafu 5, il-kliem introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   B’deroga mill-paragrafi (1) u (1a), l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw l-aċċettazzjoni ta’ tali depożitu jew il-provvista ta’ servizzi ta’ kartiera, ta’ kont jew ta’ kustodja, skont dawk il-kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-aċċettazzjoni ta’ tali depożitu jew provvista ta’ servizz ta’ kartiera, ta’ kont jew ta’ kustodja hija”.

(18)

fl-Artikolu 2x, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ karti tal-flus denominati fi kwalunkwe munita uffiċjali ta’ Stat Membru dment li tali bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni jkunu meħtieġa:

(a)

għall-użu personali ta’ persuni fiżiċi li jivvjaġġaw lejn il-Belarussja jew ta’ membri tal-familji immedjati tagħhom li jivvjaġġaw magħhom;

(b)

għall-iskopijiet uffiċjali tal-missjonijiet diplomatiċi, l-uffiċċji konsulari jew l-organizzazzjonijiet internazzjonali fil-Belarussja li jgawdu minn immunitajiet f’konformità mad-dritt internazzjonali; jew

(c)

għal attivitajiet tas-soċjetà ċivili u tal-media li jippromwovu direttament id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem jew l-istat tad-dritt fil-Belarussja li jirċievu finanzjament pubbliku mill-Unjoni, mill-Istati Membri jew mill-pajjiżi elenkati fl-Anness Vba tar-Regolament (KE) Nru 765/2006.”

;

(19)

l-Artikolu 2z huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1b huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1b.   Għandu jkun ipprojbit li kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp stabbiliti fl-Unjoni li huma proprjetà ta’ 25 % jew aktar ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp Belarussi jiġu ammessi biex isiru impriża tat-trasport bit-triq li tittrasporta l-merkanzija bit-triq fit-territorju tal-Unjoni, inkluż fi tranżitu.

Għandu jkun ipprojbit għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp stabbilit fl-Unjoni qabel it-8 ta’ April 2022 u li diġà tkun impriża tat-trasport bit-triq li tittrasporta merkanzija bit-triq fit-territorju tal-Unjoni, inkluż fi tranżitu, milli tagħmel kwalunkwe bidla fl-istruttura kapitali tagħha li żżid is-sehem perċentwali li huwa proprjetà ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp Belarussa, sakemm dak il-perċentwaġġ ma jibqax taħt il-25 % wara tali bidla.”

;

(b)

jitħassar il-paragrafu 3;

(20)

fl-Artikolu 3, il-paragrafu (1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-transitu minnhom, tal-persuni elenkati fl-Anness I li:

(a)

ikunu responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem jew għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika, jew li l-attivitajiet tagħhom ikunu serjament jipperikolaw id-demokrazija jew l-istat tad-dritt fil-Belarussja, u kwalunkwe persuna assoċjata magħhom;

(b)

jibbenefikaw mir-reġim ta’ Lukashenka jew jappoġġah;

(c)

jorganizzaw jew jikkontribwixxu għal attivitajiet mir-reġim ta’ Lukashenka li jiffaċilitaw:

(i)

il-qsim illegali tal-fruntieri esterni tal-Unjoni; jew

(ii)

it-trasferiment ta’ oġġetti pprojbiti u t-trasferiment illegali ta’ oġġetti ristretti, inklużi oġġetti perikolużi, fit-territorju ta’ Stat Membru;

jew

(d)

jiffurmaw parti mill-kumpless militari u industrijali tal-Belarussja, jappoġġawh materjalment jew finanzjarjament, jew jibbenefikaw minnu, inkluż billi jkunu involuti fl-iżvilupp, il-produzzjoni jew il-forniment ta’ teknoloġija u tagħmir militari.”

;

(21)

l-Artikolu 4(1) huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(da)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jiffurmaw parti mill-kumpless militari u industrijali tal-Belarussja, jappoġġawh materjalment jew finanzjarjament, jew jibbenefikaw minnu, inkluż billi jkunu involuti fl-iżvilupp, il-produzzjoni jew il-forniment ta’ teknoloġija u tagħmir militari;”

;

(b)

il-punti (e) u (f) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(e)

persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li huma proprjetà ta’ jew ikkontrollati minn persuni, entitajiet jew korpi li jaqgħu taħt il-punti (a) sa (da);

(f)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati mal-persuni, l-entitajiet jew il-korpi msemmija fil-punti (b), (c), (d) jew (da).”

;

(22)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 5b

1.   B’deroga mill-Artikolu 4 ta’ din id-Deċiżjoni, u dment li l-fondi kkonċernati jkunu ġew iffriżati bħala riżultat tal-involviment ta’ persuna ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni, jew ta’ persuna ġuridika li tkun il-proprjetà jew ikkontrollata minn persuna ġuridika, entità jew korp elenkati f’dak l-Anness, li jaġixxu bħala bank intermedjarju matul trasferiment ta’ dawk il-fondi lejn l-Unjoni mir-Repubblika tal-Belarussja jew minn pajjiż terz jew mill-Unjoni, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu, skont dawk il-kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi ffriżati, wara li jkunu ddeterminaw li t-trasferiment ta’ tali fondi:

(a)

ikun bejn żewġ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li mhumiex elenkati fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni;

(b)

isir bl-użu ta’ kontijiet f’istituzzjonijiet ta’ kreditu li mhumiex elenkati fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni; u

(c)

ma jkunx bi ksur tal-Artikolu 4(2) jew l-Artikolu 2k ta’ din id-Deċiżjoni.

Dan il-paragrafu ma għandux japplika fir-rigward ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati miżmuma minn Depożitorji ċentrali tat-titoli skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

2.   B’deroga mill-Artikolu 4 ta’ din id-Deċiżjoni, u dment li l-ħlas ikkonċernat ikun ġie ffriżat bħala riżultat ta’ trasferiment lejn l-Unjoni mir-Repubblika tal-Belarussja, minn pajjiż terz, jew mill-Unjoni, mibdi permezz ta’ jew minn persuna ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni, jew permezz jew minn persuna ġuridika li tkun il-proprjetà jew ikkontrollata minn persuna ġuridika, entità jew korp elenkati f’dak l-Anness, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu, taħt dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ dak il-ħlas iffriżat, wara li jkunu ddeterminaw li t-trasferiment ta’ dak il-ħlas:

(a)

ikun bejn żewġ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li mhumiex elenkati fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni; u

(b)

ma jiksirx l-Artikolu 4(2) jew l-Artikolu 2k ta’ din id-Deċiżjoni.

Dan il-paragrafu ma għandux japplika fir-rigward ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati miżmuma minn Depożitorji ċentrali tat-titoli skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

Il-benefiċjarji ta’ trasferiment kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom ikunu biss ċittadini ta’ Stat Membru, ta’ pajjiż membru taż-Żona Ekonomika Ewropea jew tal-Iżvizzera, jew persuni fiżiċi li jkollhom permess ta’ residenza temporanja jew permanenti fi Stat Membru, f’pajjiż membru taż-Żona Ekonomika Ewropea jew fl-Iżvizzera.

Skont dan il-paragrafu, tista’ tingħata awtorizzazzjoni waħda għal kull applikant.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont dan il-paragrafu fi żmien ġimgħa mill-awtorizzazzjoni.”

;

(23)

fl-Artikolu 6a, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, inkluż l-awtoritajiet tal-infurzar, l-awtoritajiet doganali skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-awtoritajiet kompetenti skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), u tad-Direttivi (UE) 2015/849 (*2), u (UE) 2014/65 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3), kif ukoll l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja, kif imsemmija fid-Direttiva (UE) 2015/849, u l-amministraturi tar-reġistri uffiċjali fejn persuni fiżiċi, persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi kif ukoll proprjetà immobbli jew mobbli huma rreġistrati, għandhom jipproċessaw u jiskambjaw mingħajr dewmien informazzjoni, inkluża data personali u, jekk meħtieġ, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6b, ma’ awtoritajiet kompetenti oħra tal-Istat Membru tagħhom, ma’ awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra u mal-Kummissjoni, jekk tali pproċessar u skambju jkun meħtieġ biex jitwettqu l-kompiti tal-awtorità tal-ipproċessar jew tal-awtorità riċeventi skont din id-Deċiżjoni, b’mod partikolari meta jidentifikaw każijiet ta’ ksur, ċirkomvenzjoni, jew tentattivi ta’ ksur jew ċirkomvenzjoni tal-projbizzjonijiet stipulati f’din id-Deċiżjoni. Din id-dispożizzjoni hija mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet ġudizzjarji.

(*1)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/575/oj)."

(*2)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73 ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/849/oj)."

(*3)  Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/65/oj).”."

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Frar 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK tal-15 ta’ Ottubru 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna (ĠU L 285, 17.10.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/642/oj).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/356 tat-2 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja (ĠU L 67, 2.3.2022, p. 103 ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/356/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/391/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)