European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/370

21.2.2025

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/370

tat-18 ta’ Frar 2025

li jistabbilixxi l-għeluq tas-sajd għall-barbun denbu isfar fid-Diviżjonijiet tan-NAFO 3LNO għall-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li jistadu fil-kwota allokata għal “oħrajn”

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 36(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/202 (2) jistabbilixxi l-kwoti għall-2025.

(2)

Skont l-informazzjoni li rċeviet il-Kummissjoni, il-qabdiet tal-istokk tal-barbun denbu isfar fid-Diviżjonijiet tan-NAFO 3LNO minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Parti Kontraenti tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (NAFO) jew li huma rreġistrati fiha li jistadu fil-kwota allokata għal “oħrajn” eżawrew dik il-kwota għall-2025.

(3)

Meta jitqies li l-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew li huma rreġistrati fih qed jistadu għal dak l-istokk, jeħtieġ li jiġu pprojbiti ċerti attivitajiet tas-sajd għal dak l-istokk,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Eżawriment tal-kwota

Il-kwota tas-sajd allokata għall-2025 għal “oħrajn” lill-Partijiet Kontraenti tan-NAFO, li tinkludi l-Unjoni Ewropea għall-istokk tal-barbun denbu isfar fid-Diviżjonijiet tan-NAFO 3LNO msemmija fl-Anness għandha titqies eżawrita mid-data stabbilita f’dak l-Anness.

Artikolu 2

Projbizzjonijiet

L-attivitajiet tas-sajd għall-istokk imsemmi fl-Artikolu 1 mill-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew li huma rreġistrati fih, li jistadu fil-kwota allokata għal “oħrajn” għandhom jiġu pprojbiti mid-data stabbilita fl-Anness. B’mod partikolari, għandu jkun ipprojbit li jinżamm abbord u jsiru rilokazzjoni, trażbord jew ħatt l-art tal-ħut minn dak l-istokk maqbud minn dawk il-bastimenti wara dik id-data.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Frar 2025.

Għall-Kummissjoni,

F’isem il-President,

Costas KADIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/202 tat-30 ta’ Jannar 2025 li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2025 u l-2026 għal ċerti stokkijiet ta’ ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni, u li jemenda r-Regolament (UE) 2024/257 fir-rigward tal-opportunitajiet tas-sajd għall-2025 (ĠU L, 2025/202, 31.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/202/oj).


ANNESS

Le

1/TQ202

Stat Membru

L-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea li jistadu fil-kwota allokata għal “Oħrajn”

Stokk

YEL/N3LNO.

Speċi

Barbun denbu isfar

Żona

Diviżjonijiet tan-NAFO 3LNO

Data tal-għeluq

It-8 ta’ Jannar 2025


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/370/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)