European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/369

25.2.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE, Euratom) 2025/369

tal-21 ta’ Frar 2025

li tistabbilixxi r-rwol tal-Uffiċjal Kap tar-Riskji li jissorvelja r-riskji finanzjarji li jirriżultaw mill-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 249 tiegħu,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir- “Regolament Finanzjarju”) (1) jipprevedi l-possibbiltà li l-Unjoni tipprovdi self appoġġat mill-baġit u mill-garanziji baġitarji meta dan jirriżulta li jkun l-aktar mod xieraq biex jintlaħqu l-objettivi ta’ politika tal-Unjoni u f’konformità mad-definizzjonijiet stabbiliti fl-att bażiku rispettiv tagħhom. L-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni mwettqa biex jiġu implimentati dawn l-istrumenti jistgħu jwasslu għal firxa ta’ riskji finanzjarji (bħal kreditu, suq, likwidità, operazzjonali, reputazzjonali u konformità) b’konsegwenzi possibbli għall-baġit tal-Unjoni.

(2)

L-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni espandew b’mod sinifikanti - fil-volum u fl-ambitu - matul il-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali. Is-self, il-garanziji baġitarji u l-finanzjament tal-politiki tal-UE permezz tal-ħruġ ta’ titoli ta’ dejn intużaw fuq skala kbira biex jiffinanzjaw ir-reazzjonijiet għall-isfidi emerġenti u l-kriżijiet suċċessivi. Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, il-qafas ta’ ġestjoni u konformità tar-riskju finanzjarju tal-Kummissjoni żviluppat u implimentat fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self, għoti b’self u ġestjoni tad-dejn tal-Unjoni jenħtieġ li jissaħħaħ u l-kopertura tiegħu tiġi estiża wkoll għar-riskji finanzjarji li jirriżultaw minn operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-assi u garanziji baġitarji.

(3)

Ir-rwol tal-Uffiċjal Kap tar-Riskji skont din id-Deċiżjoni huwa kontinwazzjoni tal-iżviluppi fil-ġestjoni tar-riskju finanzjarju li beda bl-istabbiliment tar-rwol ta’ Uffiċjal Kap tar-Riskji bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2021)2502 tal-14 ta’ April 2021 għall-operazzjonijiet ta’ teħid b’self, ġestjoni tad-dejn u għoti b’self taħt NextGenerationEU. Wara l-introduzzjoni tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata bħala metodu ta’ teħid b’self ġenerali, is-sorveljanza tal-Uffiċjal Kap tar-Riskji mbagħad ġiet estiża għall-operazzjonijiet kollha ta’ teħid b’self, ġestjoni tad-dejn, ġestjoni tal-likwidità u għoti b’self bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2022/2544 (2), li sussegwentement ġiet emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2023/2825 (3).

(4)

Ir-riskji finanzjarji li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni jenħtieġ li jiġu identifikati, mitigati, ġestiti u kkomunikati kif xieraq. Il-qafas tar-riskju jenħtieġ li jkun robust u jipprovdi kapaċità komprensiva, rigoruża u indipendenti għas-superviżjoni tar-riskji finanzjarji li jinħolqu fl-operazzjonijiet finanzjarji kollha tal-Unjoni mwettqa. Il-qafas jenħtieġ li jiżgura li l-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni jenħtieġ li jitwettqu b’mod konsistenti mal-ogħla standards ta’ integrità, u mal-ġestjoni finanzjarja u tar-riskju tajba.

(5)

Fit-tisħiħ tal-ġestjoni tar-riskju finanzjarju u tal-qafas ta’ konformità tagħha għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni, din id-Deċiżjoni tistabbilixxi governanza speċifika tal-Kummissjoni biss fir-rigward tar-riskji finanzjarji li jirriżultaw mill-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni. Ir-regoli ta’ din id-Deċiżjoni jenħtieġ li jikkomplementaw ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni (4) dwar ir-riskji finanzjarji li jirriżultaw mill-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni u jkollhom l-intenzjoni li jallinjaw ruħhom mal-aħjar prattiki u standards fil-ġestjoni u l-konformità tar-riskju finanzjarju kif implimentati minn istituzzjonijiet pari involuti fit-twettiq ta’ operazzjonijiet finanzjarji simili, filwaqt li jirrispettaw il-qafas legali u istituzzjonali stabbilit mit-Trattati.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni tkun ibbażata fuq il-mudell ta’ “tliet linji ta’ difiża”. L-“ewwel linja ta’ difiża” jenħtieġ li tkun id-Direttorati Ġenerali responsabbli għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni li jenħtieġ li jibqgħu responsabbli għat-tfassil, l-implimentazzjoni, il-ġestjoni, l-ippjanar u l-eżekuzzjoni tal-operazzjonijiet taħt ir-responsabbiltà tagħhom f’konformità mar-Regolament Finanzjarju. L-Uffiċjal Kap tar-Riskji jenħtieġ li jkun funzjoni indipendenti, li taġixxi bħala t-“tieni linja ta’ difiża” fil-livell korporattiv b’responsabbiltà primarja li jistabbilixxi qafas sod ta’ ġestjoni tar-riskju finanzjarju għas-sorveljanza tal-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni u jissorvelja l-implimentazzjoni tiegħu. It-“tielet linja ta’ difiża” jenħtieġ li tkun is-Servizz tal-Awditjar Intern li jenħtieġ li jeżerċita r-rwol tiegħu f’konformità mal-Artikolu 118 tar-Regolament Finanzjarju.

(7)

F’konformità mal-mudell ta’ tliet linji ta’ difiża, id-Direttorati Ġenerali responsabbli għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni, li jaġixxu fil-kapaċità tagħhom bħala l-ewwel linja ta’ difiża, jenħtieġ li jimplimentaw proċessi sodi ta’ ġestjoni tar-riskju finanzjarju u jiżguraw il-konformità mal-Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità u l-politiki tematiċi dwar ir-riskju u l-konformità.

(8)

Il-ġestjoni tar-riskju finanzjarju u l-qafas tal-konformità għandhom jiġu implimentati flimkien ma’ atti oħra li jistabbilixxu l-governanza tal-Kummissjoni, b’mod partikolari r-Regoli Interni (5), ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni, il-Komunikazzjoni mill-President lill-Kummissjoni P(2024)5 tal-4 ta’ Diċembru 2024“Il-Metodi ta’ Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea” u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni SEC(2000)560 (6) li tħabbar l-istabbiliment tas-Servizz tal-Awditjar Intern. Il-kooperazzjoni mill-qrib mill-istadji bikrija ħafna tat-tħejjija, skont il-Metodi ta’ Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea, jenħtieġ li tiġi żgurata wkoll fir-rigward tal-ġestjoni tar-riskju finanzjarju stabbilita f’din id-Deċiżjoni u b’mod partikolari jenħtieġ li tinvolvi lill-Uffiċjal Kap tar-Riskji.

(9)

L-Uffiċjal Kap tar-Riskji u d-Direttorati Ġenerali responsabbli għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni jenħtieġ li jimplimentaw kwalunkwe pass skont din id-Deċiżjoni b’mod leali, jenħtieġ li jistabbilixxu u jippromwovu l-kultura tar-riskju u japplikaw ir-rekwiżiti ta’ prudenza u l-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba fl-approċċ tagħhom għar-riskji finanzjarji li jirriżultaw mill-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li jiżguraw kooperazzjoni mill-qrib. Dan ikun jinvolvi l-iżvilupp ta’ politiki permezz ta’ gruppi ta’ ħidma bejn is-servizzi magħmula minn parteċipanti tad-Direttorati Ġenerali responsabbli għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni kkonċernati, u ħidma b’mod koordinat mill-bidu nett. Barra minn hekk, il-ħidma fuq il-ġestjoni tar-riskju finanzjarju mwettqa skont din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tqis l-evalwazzjonijiet, it-tagħlimiet meħuda u l-esperjenza miksuba mis-servizzi matul l-implimentazzjoni ta’ programmi u strumenti li jawtorizzaw garanziji baġitarji u self, inklużivi, kif xieraq, oqfsa ta’ riskju eżistenti, l-aħjar prattiki tas-suq u standards internazzjonali, kif ukoll leġiżlazzjoni rilevanti relatata mal-ġestjoni tar-riskju finanzjarju u l-konformità.

(10)

Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li għaldaqstant testendi r-rwol, ir-responsabbiltajiet u l-kompiti tal-Uffiċjal Kap tar-Riskji għall-operazzjonijiet finanzjarji kollha tal-Unjoni kkonċernati. L-Uffiċjal Kap tar-Riskji jenħtieġ li jiżviluppa l-ġestjoni tar-riskju finanzjarju u l-qafas ta’ konformità għall-operazzjonijiet finanzjarji kollha tal-Unjoni inkluż permezz tat-tlestija ta’ kompiti speċifiċi stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, jissorvelja r-riskji finanzjarji u jirrapporta dwarhom. F’konformità mal-funzjoni tat-tieni linja ta’ difiża, l-Uffiċjal Kap tar-Riskji jenħtieġ li jkompli jaġixxi b’indipendenza sħiħa mid-Direttorati Ġenerali responsabbli għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni u ma għandux ikun subordinat ġerarkikament għad-Direttur Ġenerali għall-Baġit u għandu jkompli jkollu linja ta’ rappurtar diretta lill-Membru tal-Kulleġġ responsabbli għall-Baġit.

(11)

F’konformità mal-indipendenza tal-Uffiċjal Kap tar-Riskji mis-servizzi tal-Kummissjoni li jimplimentaw l-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni, il-pożizzjoni ta’ Uffiċjal Kap tar-Riskji jenħtieġ li tkun okkupata minn maniġer superjuri b’esperjenza professjonali adegwata fil-ġestjoni tar-riskju finanzjarju li għandu jiġi appoġġat minn tim iddedikat li jkollu l-għarfien espert rilevanti. Il-funzjoni tal-Uffiċjal Kap tar-Riskji jenħtieġ li ma tkunx kompatibbli mal-funzjonijiet tal-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni b’delega għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni u tal-Uffiċjal tal-Kontabbiltà.

(12)

Minkejja li l-Uffiċjal Kap tar-Riskji ma huwiex servizz fis-sens tal-Artikolu 45(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Kummissjoni, huwa essenzjali li l-indipendenza tal-funzjoni titqies bħala ekwivalenti għal servizz responsabbli u servizz li għandu interessi leġittimi fis-sens tal-Artikoli 55 u 58 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Kummissjoni rispettivament. Għal dan l-għan, l-Uffiċjal Kap tar-Riskji jenħtieġ b’mod partikolari li jkun is-servizz responsabbli għall-konsultazzjonijiet bejn is-servizzi dwar il-Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità u politiki tematiċi dwar ir-riskju u l-konformità. Bħala servizz li għandu interessi leġittimi, l-Uffiċjal Kap tar-Riskji jenħtieġ li jiġi kkonsultat f’konsultazzjonijiet bejn is-servizzi b’mod partikolari dwar proposti leġiżlattivi għal programmi jew strumenti li jawtorizzaw garanziji baġitarji u self, kif ukoll dwar atti ta’ implimentazzjoni ta’ programmi jew strumenti li jawtorizzaw garanziji baġitarji u self u dwar atti li jikkonċernaw kwalunkwe operazzjoni finanzjarja tal-Unjoni.

(13)

L-Uffiċjal Kap tar-Riskji jenħtieġ li jkollu kompiti ġenerali u speċifiċi. L-Uffiċjal Kap tar-Riskji jenħtieġ li jiżviluppa l-qafas li jirregola l-ġestjoni tar-riskju finanzjarju u l-konformità għall-kategoriji differenti tal-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni, li jikkonsisti minn Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità u politiki tematiċi dwar ir-riskju u l-konformità f’kooperazzjoni mill-qrib mad-Direttorati Ġenerali responsabbli għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni. L-Uffiċjal Kap tar-Riskji jenħtieġ li jissorvelja l-implimentazzjoni u l-konformità mal-qafas tar-riskju u tal-konformità skont din id-Deċiżjoni. Il-Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità jenħtieġ li jkun fiha linji gwida dwar ir-riskju u l-konformità għall-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni. Dan il-qafas ġenerali jenħtieġ li jiddefinixxi l-objettivi tar-riskju, il-governanza tal-ġestjoni tar-riskju, jenħtieġ li jidentifika r-riskji ewlenin u l-prinċipji għall-ġestjoni tajba tar-riskju finanzjarju għall-ġestjoni u l-mitigazzjoni ta’ dawk ir-riskji.

(14)

Minbarra dawn il-kompiti ta’ natura ġenerali, l-Uffiċjal Kap tar-Riskji jenħtieġ li jiġi assenjat kompiti speċifiċi relatati mal-proċessi ewlenin għall-ippjanar ta’ kategoriji importanti tal-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni. Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tistabbilixxi lista mhux eżawrjenti ta’ kompiti speċifiċi li għandhom jitwettqu. Dan jenħtieġ li jinkludi l-ħruġ ta’ opinjonijiet dwar il-pjan ta’ finanzjament għall-operazzjonijiet ta’ teħid b’self u ta’ ġestjoni tad-dejn, atti interni, u miżuri għall-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self, ġestjoni tad-dejn, ġestjoni tal-likwidità u ġestjoni tal-assi tal-Unjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Uffiċjal Kap tar-Riskji jiżviluppa, f’kooperazzjoni mill-qrib mad-Direttorati Ġenerali responsabbli għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni, linji gwida u għodod komuni biex jirfed il-metodoloġiji u s-sistemi meħtieġa għall-ġestjoni effettiva tar-riskju u r-rappurtar dwar il-garanziji baġitarji u s-self tal-Unjoni kemm jekk ipprovduti kif ukoll jekk le. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mid-Direttorati Ġenerali responsabbli għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni, l-Uffiċjal Kap tar-Riskji jenħtieġ li jipprovdi wkoll input rilevanti dwar ir-riskji finanzjarji li jirriżultaw mill-operazzjonijiet finanzjarji u l-obbligazzjonijiet kontinġenti tal-Unjoni għal rapporti li jinkludu dawn il-kwistjonijiet adottati mill-Kummissjoni, b’mod partikolari dawk imsemmija fl-Artikoli 41(5) u 256 tar-Regolament Finanzjarju.

(15)

Il-politiki tematiċi dwar ir-riskju u l-konformità jenħtieġ li jistabbilixxu d-dettalji għall-ġestjoni tar-riskju u l-konformità relatati mar-riskji finanzjarji, bħar-riskji ta’ kreditu, tas-suq, tal-likwidità, operazzjonali, reputazzjonali u ta’ konformità li jirriżultaw mill-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni, f’konformità mal-ispeċifiċitajiet tagħhom fil-livell tal-programm jew tal-istrument. Dawn il-politiki jenħtieġ li jistabbilixxu l-qafas ta’ aptit għar-riskju, u jiddefinixxu l-metodoloġiji tar-riskju, li jintużaw għall-valutazzjoni, il-kwantifikazzjoni, l-evalwazzjoni u r-rappurtar dwar ir-riskji finanzjarji rilevanti. Għall-garanziji baġitarji u s-self, fid-dawl tal-ħtieġa li r-riskji jiġu vvalutati kontinwament, huwa xieraq li l-politiki tematiċi dwar ir-riskju u l-konformità jistabbilixxu għodod partikolari, jiddefinixxu metodoloġiji tar-riskju, inklużi parametri tar-riskju, u jiżguraw konsistenza fil-Kummissjoni kollha kif xieraq u biex jitkejjel il-livell ta’ riskji finanzjarji li għandhom jiġu pprovduti.

(16)

Ir-regoli u l-proċeduri interni, inklużi l-linji gwida interni, il-gwida teknika u l-manwali stabbiliti mid-Direttorati Ġenerali responsabbli għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni jenħtieġ li jippermettu l-identifikazzjoni bikrija u preċiża tar-riskji u l-implimentazzjoni ta’ miżuri rilevanti ta’ mitigazzjoni u ġestjoni tar-riskju u rapportar affidabbli u f’waqtu lill-Uffiċjal Kap tar-Riskji. Bil-ħsieb li tiġi żgurata implimentazzjoni koerenti tal-Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità u l-politiki tematiċi dwar ir-riskju u l-konformità, jenħtieġ li jkun possibbli għad-Direttorati Ġenerali responsabbli għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni li jikkonsultaw lill-Uffiċjal Kap tar-Riskji dwar ir-regoli u l-proċeduri interni, inklużi linji gwida interni, gwida teknika, u manwali dwar il-konformità tagħhom ma’ dawk il-politiki.

(17)

L-Uffiċjal Kap tar-Riskji jenħtieġ li jipprovdi pariri, fejn meħtieġ, lid-Direttorati Ġenerali responsabbli għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità, il-politiki tematiċi dwar ir-riskju u l-konformità, u l-ġestjoni ta’ riskji speċifiċi. Id-Direttorati Ġenerali responsabbli għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni jenħtieġ li jindirizzaw tali pariri u jipprovdu spjegazzjonijiet dwar il-miżuri meħuda.

(18)

Sabiex ikun jista’ jsir monitoraġġ effettiv u effiċjenti mill-Uffiċjal Kap tar-Riskji, jenħtieġ li d-Direttorati Ġenerali rispettivi li jaħdmu ma’ partijiet terzi, b’mod partikolari s-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni għall-garanziji baġitarji, jiksbu l-kontribut meħtieġ dwar ir-riskji finanzjarji relatati mal-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni mis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni u jikkondividu dan fuq talba mal-Uffiċjal Kap tar-Riskji.

(19)

Sabiex jiġi żgurat li l-atturi rilevanti kollha jkunu infurmati b’mod konsistenti dwar il-ġestjoni tar-riskju finanzjarju tal-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni, jenħtieġ li jiġu stabbiliti obbligi ta’ rapportar xierqa għall-Uffiċjal Kap tar-Riskji. L-Uffiċjal Kap tar-Riskji jenħtieġ b’mod partikolari li jirrapporta regolarment lill-Membru tal-Kulleġġ għall-Baġit, lill-Membri tal-Kulleġġ responsabbli għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni, u lid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-Baġit u lid-Diretturi Ġenerali responsabbli għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni. Ir-rapportar mill-Uffiċjal Kap tar-Riskji jenħtieġ li jibni fuq ir-rapportar speċifiku għall-programm mid-Direttorati Ġenerali responsabbli għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni. Ir-rapportar u l-monitoraġġ tar-riskju finanzjarju jenħtieġ li jippermettu l-identifikazzjoni bikrija ta’ kwalunkwe riskju finanzjarju emerġenti li jirriżulta mill-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni.

(20)

L-Uffiċjal Kap tar-Riskji jenħtieġ li jkun appoġġat minn Uffiċjal għall-Konformità. Dan tal-aħħar jenħtieġ li jirrapporta direttament lill-Uffiċjal Kap tar-Riskji u jaġixxi taħt l-awtorità tiegħu. Il-funzjonijiet ta’ konformità jenħtieġ li jinkludu kwistjonijiet rigward (i) il-konformità tal-istituzzjoni u t-twettiq tal-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni mis-servizzi tal-Kummissjoni u l-kontropartijiet tagħhom mar-regoli u l-proċeduri u (ii) il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu, l-evitar tat-taxxa, il-frodi tat-taxxa jew l-evażjoni tat-taxxa. Fir-rigward tal-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni implimentati f’ġestjoni indiretta, jenħtieġ li l-uffiċjal għall-konformità ma jipprovdix direttament rakkomandazzjonijiet u linji gwida, peress li dawn l-operazzjonijiet diġà jibbenefikaw minn sistema robusta ta’ kontrolli, u r-regoli tal-entitajiet fdati huma l-pilastru vvalutat skont it-Titolu VI tar-Regolament Finanzjarju.

(21)

Bħalissa, tliet kumitati differenti jeżistu flimkien. L-ewwel nett, il-Kumitat ta’ Tmexxija dwar l-Obbligazzjonijiet Kontinġenti ġie stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020)5154 (7) biex jipprovdi koordinazzjoni u sorveljanza ta’ qafas komuni ta’ ġestjoni tar-riskju għall-obbligazzjonijiet kontinġenti. It-tieni, għall-operazzjonijiet ta’ teħid b’self, ġestjoni tad-dejn, ġestjoni tal-likwidità u għoti b’self, l-Uffiċjal Kap tar-Riskji, kif attwalment fis-seħħ, huwa appoġġat mill-Kumitat għar-Riskji u l-Konformità, kif definit fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE, Euratom) 2023/2825. It-tielet, fi ħdan id-Direttorat Ġenerali għall-Baġit, kumitat tar-riskju intern jissorvelja l-funzjonament tal-operazzjonijiet tal-ġestjoni tal-assi, bit-trażmissjoni tal-outputs lill-Bord tal-Ġestjoni tal-Assi. Bil-ħsieb li jinħoloq qafas integrat għall-ġestjoni tar-riskju u tal-konformità, jenħtieġ li jiġi stabbilit Kumitat uniku għar-Riskji u l-Konformità, li jissostitwixxi l-kumitati msemmija hawn fuq, biex jappoġġa lill-Uffiċjal Kap tar-Riskji fir-rigward tal-operazzjonijiet finanzjarji kollha tal-Unjoni. Id-Deċiżjoni C(2020)5154 li tistabbilixxi l-Kumitat ta’ Tmexxija dwar l-Obbligazzjonijiet Kontinġenti jenħtieġ għalhekk li titħassar.

(22)

Il-kompożizzjoni tal-Kumitat dwar ir-Riskji u l-Konformità jenħtieġ li tiġbor flimkien l-għarfien espert fi kwistjonijiet ta’ riskju finanzjarju u ġestjoni baġitarja, kif ukoll il-perspettivi ta’ politika u operazzjonali u l-għarfien espert dwar il-ġestjoni tar-riskju tad-Direttorati Ġenerali involuti fl-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni. Il-Membri tal-Kumitat għar-Riskji u l-Konformità jenħtieġ li jkunu rappreżentanti li għandhom funzjoni maniġerjali għolja tad-Direttorat Ġenerali għall-Baġit, tas-Segretarjat Ġenerali u minn kull Direttorat Ġenerali responsabbli għall-ġestjoni tal-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni.

(23)

Il-Kumitat tar-Riskji u l-Konformità jenħtieġ li jappoġġa lill-Uffiċjal Kap tar-Riskji fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu relatati mal-ġestjoni u s-sorveljanza tar-riskju finanzjarju u l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-qafas tar-riskju rilevanti applikabbli għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni.

(24)

Il-Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità u l-politiki tematiċi dwar ir-riskju u l-konformità jenħtieġ li jiġu adottati mill-Kummissjoni. Bil-ħsieb li jsir użu mill-għarfien espert tal-Kumitat għar-Riskji u l-Konformità u fid-dawl tal-ħtieġa li jiġu involuti s-servizzi kollha kkonċernati mill-istadji bikrija tat-tħejjija tal-Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità u l-politiki tematiċi dwar ir-riskju u l-konformità, l-Uffiċjal Kap tar-Riskji jenħtieġ li jippreżenta l-abbozz tal-politika lill-Kumitat għar-Riskji u l-Konformità għal diskussjoni qabel il-konsultazzjoni bejn is-servizzi.

(25)

Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel mill-istruttura ta’ governanza attwali li tinkludi tliet kumitati, l-arranġamenti eżistenti kollha ta’ governanza tal-ġestjoni tar-riskju inkluż il-Kumitat ta’ Tmexxija dwar l-Obbligazzjonijiet Kontinġenti jenħtieġ li jibqgħu fis-seħħ sal-ewwel laqgħa tal-Kumitat għar-Riskji u l-Konformità prevista f’din id-Deċiżjoni. Diversi manwali u dokumenti tad-Direttorat Ġenerali għall-Baġit kif ukoll tad-Direttorati Ġenerali responsabbli għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni jistabbilixxu r-regoli tal-ġestjoni tar-riskju finanzjarju għall-operazzjonijiet tal-ġestjoni tal-assi u l-garanziji baġitarji, inklużi l-oqfsa tal-ġestjoni tar-riskju applikabbli għal programmi jew strumenti li jawtorizzaw garanziji baġitarji diġà adottati fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Fil-qasam tal-għoti u t-teħid b’self, il-Kummissarju għall-Baġit adotta Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità u diversi politiki tematiċi ta’ appoġġ. Dawn id-dokumenti huma l-bażi għall-eżekuzzjoni ta’ operazzjonijiet finanzjarji li jkunu għaddejjin u jenħtieġ li jibqgħu fis-seħħ sakemm isir rieżami mill-Uffiċjal Kap tar-Riskji u sa dak iż-żmien kif sostitwit mill-Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità, kif ukoll il-politiki tematiċi dwar ir-riskju u l-konformità adottati f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni. Sabiex jitqiesu r-rekwiżiti taċ-ċertezza legali u l-aspettattivi leġittimi tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni u l-kontropartijiet li jimplimentaw ftehimiet ta’ garanzija diġà konklużi, huwa xieraq li jiġi previst li d-deċiżjonijiet li japprovaw il-Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità u l-politiki tematiċi dwar ir-riskju u l-konformità jipprevedu dispożizzjonijiet tranżitorji. Dawk id-dispożizzjonijiet tranżitorji jenħtieġ li jiżguraw li r-riskji jiġu ġestiti fi ħdan l-aptit għar-riskju kif definit għall-programmi jew l-istrumenti li jawtorizzaw garanziji baġitarji adottati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Meta jiżviluppaw u jimplimentaw metodoloġiji tal-kejl tar-riskju miftiehma fir-rigward ta’ garanziji baġitarji u programmi ta’ self stabbiliti qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, l-Uffiċjal Kap tar-Riskji u d-Direttorati Ġenerali inkarigati mill-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni jenħtieġ li jirrispettaw l-aptit għar-riskju kif ukoll ir-riżultati mill-programm jew l-istrument li jawtorizza l-garanzija baġitarja jew self u miżuri ta’ implimentazzjoni rilevanti. Dan jenħtieġ li japplika wkoll għal kwalunkwe ftehim ta’ garanzija ffirmat, kif ukoll għal ftehimiet li għad iridu jiġu ffirmati abbażi ta’ programmi jew strumenti li jawtorizzaw garanzija baġitarja diġà adottati fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

TAQSIMA 1

IS-SUĠĠETT U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

1.   Din id-Deċiżjoni tiddefinixxi r-rwol, ir-responsabbiltajiet u l-kompiti tal-Uffiċjal Kap tar-Riskji għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni (l-“Uffiċjal Kap tar-Riskji”). L-Uffiċjal Kap tar-Riskji, bħala t-tieni linja ta’ difiża, għandu jkollu l-mandat li jiżviluppa, jimplimenta u jimmonitorja l-qafas tal-ġestjoni tar-riskju u tal-konformità tal-Kummissjoni għar-riskji finanzjarji li jirriżultaw mill-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni. L-Uffiċjal Kap tar-Riskji jipprovdi valutazzjoni indipendenti tar-riskji assoċjati mal-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni u jwettaq monitoraġġ kontinwu tal-portafoll biex jimmonitorja r-riskji tal-kreditu, tas-suq u tal-likwidità u biex jidentifika azzjonijiet xierqa ta’ ġestjoni tar-riskju.

2.   Id-Deċiżjoni għandha tkun ibbażata fuq il-prattika standard tal-ġestjoni tar-riskju finanzjarju tal-mudell “tliet linji ta’ difiża”, li taħtu l-ewwel linja ta’ difiża għandha tkun id-Direttorati Ġenerali responsabbli għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni, it-tieni linja ta’ difiża korporattiva għandha tkun l-Uffiċjal Kap tar-Riskji u t-tielet linja ta’ difiża għandha tkun is-Servizz tal-Awditjar Intern.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“Operazzjoni finanzjarja tal-Unjoni” tfisser self ipprovdut direttament mill-Unjoni, kemm jekk proviżjonat kif ukoll jekk le, garanziji baġitarji tal-Unjoni li jkopru operazzjonijiet abbażi ta’ ftehimiet ta’ garanzija mas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, il-ħruġ tad-dejn u l-ġestjoni tad-dejn inkluż il-ġestjoni tal-likwidità relatata, l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-assi u l-kompiti relatati mal-funzjoni tas-servizz deżinjat tal-ġestjoni tal-assi għall-ġestjoni tal-portafoll esternalizzat;

(b)

“programmi jew strumenti li jawtorizzaw garanziji baġitarji u self” tfisser l-att bażiku skont it-tifsira tal-Artikolu 2(4) tar-Regolament Finanzjarju li jawtorizza obbligazzjoni finanzjarja minn garanzija baġitarja jew self skont l-Artikolu 213(1)(b) u (c) tar-Regolament Finanzjarju;

(c)

“riskju finanzjarju” tfisser riskju ta’ telf jew avvenimenti avversi oħra li jirriżultaw jew li jistgħu jirriżultaw fit-tfassil, l-eżekuzzjoni u l-ġestjoni ta’ kategoriji differenti ta’ operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni minħabba l-materjalizzazzjoni ta’, b’mod partikolari, riskju ta’ kreditu, suq, likwidità, finanzjament, kontroparti, operazzjonali, reputazzjonali u ta’ konformità;

(d)

“obbligazzjoni kontinġenti” tfisser obbligazzjoni kontinġenti kif definita fl-Artikolu 2(16) tar-Regolament Finanzjarju;

(e)

“politika tematika dwar ir-riskju u l-konformità” tfisser politika, linja gwida, metodoloġija jew kwalunkwe att ieħor imsemmi fl-Artikolu 9, li jistabbilixxi proċeduri u limiti speċifiċi relatati mal-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni li għandhom jiġu segwiti mid-Direttorati Ġenerali responsabbli għall-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni;

(f)

“metodoloġiji tar-riskju” tfisser l-approċċ kwantitattiv u l-parametri tar-riskju għall-valutazzjoni, il-kejl, il-monitoraġġ u r-rapportar tar-riskji finanzjarji li jirriżultaw mill-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni li huma implimentati fl-għodod tal-ġestjoni tar-riskju u fil-mudelli tal-ġestjoni tar-riskju;

(g)

“aptit għar-riskju” tfisser il-livell ta’ riskju li l-Kummissjoni hija lesta li taċċetta sabiex tilħaq l-objettivi ta’ politika tagħha. L-aptit għar-riskju għal kull tip ta’ riskju għandu jiġi definit, kif xieraq, fl-atti legali rilevanti, il-qafas tal-ġestjoni tar-riskju, il-politiki u l-manwali interni u dokumenti oħra li jikkomplementaw l-atti legali rilevanti u l-Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità;

(h)

“tolleranza tar-riskju” tfisser id-devjazzjoni aċċettabbli kwantifikata mil-livell ta’ riskju li ma għandux jinqabeż. Il-livelli ta’ tolleranza għal tip speċifiku ta’ riskju u l-metrika għandhom jippermettu l-kejl u r-rapportar tal-iskopertura għar-riskju meta jiġu implimentati l-operazzjonijiet finanzjarji rilevanti tal-Unjoni. It-tolleranza tar-riskju tista’ tiġi stabbilita minn żero għal aċċettazzjoni sħiħa, skont il-qafas legali, il-mandat tal-politika u d-disponibbiltà u s-saħħa tal-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju applikati għar-riskji differenti identifikati, il-qafas li jirregola l-ġestjoni tar-riskju finanzjarju u l-konformità għat-tipi differenti ta’ operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni.

Artikolu 3

Kooperazzjoni mill-qrib dwar il-ġestjoni tar-riskju finanzjarju

1.   L-Uffiċjal Kap tar-Riskji u d-Direttorati Ġenerali responsabbli għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni għandhom jimplimentaw kwalunkwe pass skont din id-Deċiżjoni, filwaqt li jiżguraw kooperazzjoni mill-qrib, għandhom jistabbilixxu u jippromwovu l-kultura tar-riskju u japplikaw ir-rekwiżiti ta’ prudenza u l-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba fl-approċċ tagħhom għar-riskji finanzjarji li jirriżultaw mill-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni.

2.   L-iżvilupp tal-Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità u r-riskju tematiku u l-politiki ta’ konformità għandhom isiru permezz ta’ gruppi ta’ ħidma interservizzi magħmula minn parteċipanti tad-Direttorati Ġenerali responsabbli għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni kkonċernati.

3.   Is-servizzi tad-Direttorati Ġenerali responsabbli għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni u tal-Uffiċjal Kap tar-Riskji għandhom, mill-bidu nett, jaħdmu f’kooperazzjoni mill-qrib u b’mod koordinat fi ħdan il-Kumitat għar-Riskji u l-Konformità u s-sottokumitati tiegħu dwar il-kompiti kollha li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, b’mod partikolari fit-tħejjija tal-abbozz tal-Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità msemmi fl-Artikolu 8, tal-politiki tematiċi dwar ir-riskju u l-konformità msemmija fl-Artikolu 9 matul il-proċess dwar il-valutazzjoni tar-riskji finanzjarji tal-programmi jew l-istrumenti li jawtorizzaw il-garanziji baġitarji u s-self imsemmi fl-Artikolu 10.

4.   Il-ħidma fuq il-ġestjoni tar-riskju finanzjarju skont din id-Deċiżjoni għandha b’mod partikolari tqis l-evalwazzjonijiet, it-tagħlimiet meħuda u l-esperjenzi miksuba matul l-implimentazzjoni ta’ programmi u strumenti li jawtorizzaw garanziji baġitarji u self, inklużivi, kif xieraq, oqfsa ta’ riskju eżistenti, feedback riċevut mill-kontropartijiet, is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni u partijiet ikkonċernati oħra, l-aħjar prattiki tas-suq u standards internazzjonali, kif ukoll il-leġiżlazzjoni rilevanti relatata mal-ġestjoni tar-riskju finanzjarju u l-konformità.

TAQSIMA 2

RWOL TAL-UFFIĊJAL KAP TAR-RISKJI

Artikolu 4

Status u indipendenza tal-Uffiċjal Kap tar-Riskji

1.   L-Uffiċjal Kap tar-Riskji għandu jservi bħala t-tieni linja ta’ difiża korporattiva għall-valutazzjoni tar-riskju finanzjarju tal-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni. L-Uffiċjal Kap tar-Riskji għandu jgawdi awtonomija fit-twettiq tal-kompiti u r-responsabbiltajiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

2.   Il-pożizzjoni tal-Uffiċjal Kap tar-Riskji għandha tikkostitwixxi funzjoni speċifika li għandha tkun okkupata minn maniġer superjuri b’esperjenza professjonali adegwata fil-ġestjoni tar-riskju finanzjarju u għandha tkun appoġġata minn tim iddedikat li jkollu l-għarfien espert rilevanti. L-Uffiċjal Kap tar-Riskji għandu jirrapporta direttament lill-Membru tal-Kulleġġ responsabbli għall-Baġit fir-rigward tar-responsabbiltajiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

3.   L-Uffiċjal Kap tar-Riskji għandu jeżerċita r-rwol tiegħu indipendentement mill-funzjonijiet u l-kompiti relatati mat-tfassil, l-ippjanar, l-implimentazzjoni, il-ġestjoni, l-eżekuzzjoni u l-kontabbiltà tal-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni. Il-funzjoni tal-Uffiċjal Kap tar-Riskji ma għandhiex tkun kompatibbli mal-funzjonijiet ta’ uffiċjal tal-awtorizzazzjoni b’delega għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni u tal-Uffiċjal tal-Kontabbiltà.

4.   L-Uffiċjal Kap tar-Riskji għandu jitqies ekwivalenti għas-servizz responsabbli skont it-tifsira tal-Artikolu 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni fir-rigward tal-Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità u l-politiki tematiċi dwar ir-riskju u l-konformità. Id-Direttorati Ġenerali responsabbli għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni għandhom ikunu servizzi b’interess leġittimu li għandhom jiġu kkonsultati f’konsultazzjonijiet bejn is-servizzi dwar il-Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità u dwar dawk il-politiki tematiċi dwar ir-riskju u l-konformità li jikkonċernawhom.

5.   L-Uffiċjal Kap tar-Riskji għandu jitqies ekwivalenti għas-servizz b’interess leġittimu skont it-tifsira tal-Artikolu 58 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni u għandu jiġi kkonsultat f’konsultazzjonijiet bejn is-servizzi b’mod partikolari dwar proposti leġiżlattivi għall programmi jew strumenti li jawtorizzaw garanziji baġitarji u self, kif ukoll dwar atti ta’ implimentazzjoni jew strumenti li jawtorizzaw garanziji baġitarji u self u dwar atti li jikkonċernaw kwalunkwe operazzjoni finanzjarja tal-Unjoni. Dan għandu jinkludi konsultazzjonijiet bejn is-servizzi dwar abbozzi ta’ ftehimiet ta’ garanzija u ftehimiet ta’ self kif ukoll deċiżjonijiet li japprovaw l-elementi ewlenin tal-ftehimiet ta’ garanzija. Meta jiġi kkonsultat, l-Uffiċjal Kap tar-Riskji għandu jivvaluta esklużivament l-aspetti tal-ġestjoni tar-riskju finanzjarju u l-konformità mal-Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità u mal-politiki tematiċi dwar ir-riskju u l-konformità.

Artikolu 5

Kompiti ġenerali tal-Uffiċjal Kap tar-Riskji

L-Uffiċjal Kap tar-Riskji għandu jissorvelja r-riskji finanzjarji li jirriżultaw mill-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni u għandu jkun responsabbli għall-kompiti ġenerali li ġejjin:

(a)

imexxi l-iżvilupp tal-qafas tar-riskju li jirregola l-ġestjoni tar-riskju finanzjarju u l-konformità għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni, b’mod partikolari t-tfassil ta’ Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità, issupplimentata minn politiki tematiċi dwar ir-riskju u l-konformità;

(b)

jistabbilixxi u jmexxi gruppi ta’ ħidma interservizzi dwar l-iżvilupp tal-Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità u l-politiki tematiċi dwar ir-riskju u l-konformità bil-parteċipazzjoni tad-Direttorati Ġenerali responsabbli għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni u Direttorati Ġenerali oħra kkonċernati;

(c)

jissorvelja l-implimentazzjoni tal-qafas tar-riskju, inklużi s-sistemi u l-proċessi meħtieġa biex jagħtu effett lill-Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità u l-politiki tematiċi mid-Direttorati Ġenerali responsabbli għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni kkonċernati;

(d)

jivvaluta r-riskji finanzjarji li jirriżultaw minn operazzjonijiet ta’ teħid b’self, operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-likwidità, u programmi jew strumenti li jawtorizzaw garanziji baġitarji u self qabel ma jiġu adottati proposti għal dawn il-programmi jew strumenti mill-Kummissjoni;

(e)

jivvaluta, jikkonsolida u jirrapporta b’mod indipendenti dwar ir-riskji li jirriżultaw mill-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li jqis id-data u l-kontribut mid-Direttorati Ġenerali responsabbli għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni, u dwar il-konformità mal-qafas tal-ġestjoni tar-riskju u l-limiti speċifikati, inkluż kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti stabbilita fl-atti bażiċi li jistabbilixxu l-programmi individwali u r-Regolament Finanzjarju;

(f)

jidentifika ksur potenzjali u nuqqas ta’ konformità tal-Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità, il-politiki tematiċi dwar ir-riskju u l-konformità jew linji gwida oħra relatati mar-riskju, att legali, politiki u jipprovdi pariri dwar miżuri ta’ mitigazzjoni fejn meħtieġ, u/jew jirrieżamina l-miżuri ta’ ġestjoni u ta’ mitigazzjoni implimentati jew proposti mid-Direttorati Ġenerali responsabbli għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni;

(g)

jippromwovi l-aħjar prattiki, il-kultura tar-riskju, approċċi konsistenti u armonizzati tar-riskji fis-servizzi kollha tal-Kummissjoni fil-ġestjoni tar-riskji li jirriżultaw mill-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni.

Artikolu 6

Kompiti speċifiċi fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ teħid b’self, ġestjoni tad-dejn, ġestjoni tal-likwidità u ġestjoni tal-assi tal-UE

Minbarra l-kompiti ġenerali, l-Uffiċjal Kap tar-Riskji għandu jkollu l-kompiti li ġejjin fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self, ġestjoni tad-dejn, ġestjoni tal-likwidità u ġestjoni tal-assi tal-UE:

(a)

jiddefinixxi fi ħdan il-politika tematika dwar ir-riskju rilevanti, fejn fattibbli, il-predispożizzjoni għar-riskju, u t-tolleranza għar-riskju applikabbli għat-tipi differenti ta’ operazzjonijiet finanzjarji;

(b)

joħroġ opinjoni dwar l-abbozz tal-pjan ta’ finanzjament u l-emendi sussegwenti tiegħu;

(c)

joħroġ opinjoni dwar l-istrateġija ta’ ġestjoni tal-likwidità għal operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-likwidità qabel l-adozzjoni jew l-emenda tagħhom;

(d)

jiġi kkonsultat dwar il-linji gwida għall-ġestjoni tal-assi, l-allokazzjoni strateġika tal-assi, u l-parametri referenzjarji applikabbli għall-operazzjonijiet tal-immaniġġjar tal-assi, qabel l-adozzjoni tagħhom mid-Direttorat Ġenerali responsabbli għal dawn l-operazzjonijiet;

(e)

jiddefinixxi l-kriterji ta’ eliġibbiltà għal kontropartijiet awtorizzati u emittenti potenzjali li jistgħu jiġu kkunsidrati għal opportunitajiet ta’ investiment;

(f)

jiddefinixxi limiti tar-riskju xierqa biex jiżgura li r-riskju tal-kreditu, ir-riskju tas-suq, u r-riskju tal-likwidità meħuda permezz tal-ġestjoni tal-assi u l-operazzjonijiet tal-ġestjoni tal-likwidità jibqgħu konformi mal-objettivi tar-riskju, il-kapaċità tar-riskju, l-aptit għar-riskju u t-tolleranza għar-riskju stabbiliti fil-linji gwida rilevanti għall-investiment, il-Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità u l-politiki tematiċi. Il-limiti tar-riskju jistgħu jiġu stabbiliti fil-livell tal-kontroparti jew fil-livell tal-istrument, jew stabbiliti fil-livell tal-iskoperturi aggregati;

(g)

jivvaluta, jikkonsolida, u jirrapporta dwar l-iskoperturi għar-riskju, eżegwiti mid-Direttorat Ġenerali għall-Baġit jew, fejn rilevanti, esternalizzati lil parti terza.

Artikolu 7

Kompiti speċifiċi relatati mal-valutazzjoni tar-riskji finanzjarji ta’ programmi jew strumenti li jawtorizzaw garanziji baġitarji u self

L-Uffiċjal Kap tar-Riskji għandu fir-rigward ta’ programmi jew strumenti li jawtorizzaw garanziji baġitarji u self:

(a)

iwettaq valutazzjonijiet regolari u indipendenti tar-riskju tal-portafoll abbażi tal-metodoloġiji tar-riskju approvati u abbażi tad-data pprovduta mid-Direttorati Ġenerali responsabbli għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni;

(b)

jipprovdi input rilevanti dwar ir-riskji finanzjarji u l-obbligazzjonijiet kontinġenti għar-rapporti adottati mill-Kummissjoni dwar dawn il-kwistjonijiet, bħall-valutazzjoni tar-riskju għar-rapportar skont l-Artikolu 41(5) u l-Artikolu 256 tar-Regolament Finanzjarju abbażi ta’ informazzjoni mid-Direttorati Ġenerali responsabbli għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni.

Artikolu 8

Il-Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità

1.   Fit-twettiq tal-kompitu ġenerali msemmi fl-Artikolu 5(1)(a), l-Uffiċjal Kap tar-Riskji għandu jħejji Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità.

2.   Il-Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità għandha:

(a)

tistabbilixxi l-objettivi strateġiċi tar-riskju li jiggwidaw il-ġestjoni tal-kategoriji differenti ta’ riskju finanzjarju li jirriżulta mill-implimentazzjoni tal-operazzjoni finanzjarja tal-Unjoni;

(b)

tiddeskrivi l-qafas ta’ governanza tar-riskju li jiddeskrivi r-rwoli u r-responsabbiltajiet ewlenin relatati mal-qafas tal-ġestjoni tar-riskju u tal-konformità tal-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni;

(c)

tippreżenta d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-aptit għar-riskju ta’ livell għoli;

(d)

tidentifika r-riskji prinċipali għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni u jipprovdi qafas ta’ ġestjoni tar-riskju u konformità ta’ livell għoli għall-valutazzjoni, il-kejl, il-mitigazzjoni u l-monitoraġġ ta’ dawk ir-riskji.

Artikolu 9

Politiki tematiċi dwar ir-riskju u l-konformità

1.   Il-politiki tematiċi dwar ir-riskju u l-konformità għandhom jistabbilixxu s-sistemi, ir-regoli, il-metodoloġiji tar-riskju, il-proċeduri u l-proċessi għall-ġestjoni, ir-rappurtar u l-konformità tar-riskji relatati mal-kategoriji ewlenin tar-riskji finanzjarji li jirriżultaw mill-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni u għandhom jiddeskrivu r-rwoli u r-responsabbiltajiet tas-servizzi differenti involuti fil-ġestjoni tar-riskji identifikati. Dawk il-politiki għandhom iqisu l-ispeċifiċitajiet tal-kategoriji differenti tal-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni.

2.   Il-politiki tematiċi dwar ir-riskju u l-konformità għandhom ikunu konformi mal-Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità.

Artikolu 10

Elementi speċifiċi tal-politiki tematiċi dwar ir-riskju u l-konformità li jistabbilixxu qafas ta’ riskju għall-garanziji baġitarji u s-self tal-Unjoni

1.   Il-politika tematika dwar ir-riskju u l-konformità rilevanti fir-rigward tal-garanziji baġitarji u s-self għandha:

(a)

tistabbilixxi l-metodoloġiji tar-riskju, inklużi l-parametri tar-riskju u l-għodod għall-evalwazzjoni tat-telf potenzjali li jirriżulta minn garanziji baġitarji u self, li għandhom, fost l-oħrajn, jikkostitwixxu gwida għall-istabbiliment tar-rata ta’ proviżjonament;

(b)

tiddefinixxu l-parametri u l-metodoloġiji tar-riskju kif xieraq biex tiżgura l-konsistenza u l-konverġenza rilevanti fil-Kummissjoni kollha fil-proċess tat-tfassil, in-negozjar, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-garanziji baġitarji u s-self;

(c)

tiddefinixxi l-metodoloġija biex jitkejjel il-livell ta’ riskji finanzjarji li għandhom jiġu pprovduti bħala riżerva ta’ sikurezza adegwata msemmija fl-Artikolu 214(2), it-tieni subparagrafu tar-Regolament Finanzjarju.

2.   Il-metodoloġiji u l-għodod tar-riskju stabbiliti fil-politiki tematiċi dwar ir-riskju u l-konformità għandhom jintużaw kemm mill-ewwel kif ukoll mit-tieni linja ta’ difiża meta jiġu vvalutati l-programmi jew l-istrumenti previsti li jawtorizzaw il-garanziji baġitarji u s-self.

Artikolu 11

L-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità u l-politiki tematiċi dwar ir-riskju u l-konformità

1.   L-Uffiċjal Kap tar-Riskji għandu jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità u l-politiki tematiċi dwar ir-riskju u l-konformità mid-Direttorati Ġenerali responsabbli għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni.

2.   Id-Direttorati Ġenerali responsabbli għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni għandhom jimmonitorjaw ir-riskji relatati mal-operazzjonijiet finanzjarji rispettivi tal-Unjoni u jiżguraw konformità mal-Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità u mal-politiki tematiċi dwar ir-riskju u l-konformità. Għal dan l-għan, id-Direttorati Ġenerali responsabbli għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni għandhom b’mod partikolari:

(a)

jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jimplimentaw is-sistemi ta’ kontrolli u ta’ rapportar meħtieġa għall-konformità mas-sistemi, mal-metodoloġiji u mal-proċessi li jirriżultaw minn dawk il-politiki;

(b)

jiżguraw fl-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni li r-riskji finanzjarji jibqgħu fi ħdan il-predispożizzjoni għar-riskju u l-limiti tar-riskju definiti, fejn rilevanti, għall-programm jew l-istrumenti li jistabbilixxu l-garanzija baġitarja u s-self;

(c)

jipprovdu rapporti regolari lill-Uffiċjal Kap tar-Riskji dwar il-konformità mal-politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità u mal-politiki tematiċi dwar ir-riskju u l-konformità;

(d)

jiddokumentaw bir-reqqa l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni li jissorveljaw, jirrapportaw dwar sitwazzjonijiet fejn ir-riskju tal-portafoll tal-operazzjonijiet jiddevja jew jista’ jiddevja mil-livelli ta’ riskju stabbiliti;

(e)

iwieġbu fil-ħin għal talbiet għal informazzjoni addizzjonali mill-Uffiċjal Kap tar-Riskji, inkluża informazzjoni rilevanti disponibbli dwar operazzjonijiet garantiti mill-baġit tal-Unjoni u mwettqa mis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni u mill-kontropartijiet, fejn dan ikun meħtieġ biex l-Uffiċjal Kap tar-Riskji jkun jista’ jistabbilixxi valutazzjoni indipendenti tar-riskji;

(f)

meta jaħdmu ma’ partijiet terzi, b’mod partikolari s-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni u l-kontropartijiet, jiksbu l-informazzjoni meħtieġa, disponibbli b’mod partikolari f’konformità mal-ftehimiet ta’ garanzija rispettivi, dwar ir-riskji finanzjarji relatati mal-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni.

3.   Id-Direttorati Ġenerali responsabbli għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni għandhom jistabbilixxu r-regoli u l-proċeduri biex jiżguraw konformità effettiva mal-Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità u mal-politiki tematiċi dwar ir-riskju u l-konformità rilevanti għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni li huma responsabbli għalihom. L-Uffiċjal Kap tar-Riskji jista’ jiġi kkonsultat dwar dawn ir-regoli u l-proċeduri bil-ħsieb li tiġi rieżaminata l-konformità tagħhom mal-Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità u mal-politiki tematiċi dwar ir-riskju u l-konformità.

Artikolu 12

Pariri biex jittaffew ir-riskji finanzjarji

1.   L-Uffiċjal Kap tar-Riskji jista’ jagħti pariri lid-Direttorati Ġenerali responsabbli għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità jew dwar il-politiki tematiċi dwar ir-riskju u l-konformità jew dwar il-ġestjoni ta’ riskji speċifiċi. Tali parir jista’ jinkludi miżuri ta’ rimedju xierqa.

2.   Id-Direttorati Ġenerali responsabbli għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jindirizzaw il-parir jew, kif applikabbli, nuqqas ta’ konformità jew ksur ieħor tal-limiti kif imsemmi fl-Artikolu 5(f) u jipprovdu lill-Uffiċjal Kap tar-Riskji spjegazzjonijiet dwar il-miżuri meħuda.

3.   L-Uffiċjal Kap tar-Riskji jista’, kif xieraq, jinforma lill-Membru tal-Kulleġġ responsabbli għall-Baġit u lill-Membru/i tal-Kulleġġ responsabbli għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni kkonċernati dwar il-parir imsemmi fil-paragrafu (1) u, fejn rilevanti, dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għar-Riskji u l-Konformità. Tali informazzjoni tista’ tinkludi wkoll valutazzjoni tar-regoli u l-proċeduri msemmija fl-Artikolu 11(3).

4.   L-Uffiċjal Kap tar-Riskji għandu jinforma regolarment lill-Kumitat għar-Riskji u l-Konformità dwar il-parir ipprovdut u dwar is-segwitu mid-Direttorati Ġenerali responsabbli għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni.

Artikolu 13

Rapporti u informazzjoni dwar ir-riskji finanzjarji

1.   L-Uffiċjal Kap tar-Riskji għandu jippreżenta rapporti regolari lill-Membru tal-Kulleġġ responsabbli għall-Baġit, lill-Membri tal-Kulleġġ responsabbli għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni, lill-Kumitat għar-Riskji u l-Konformità, lid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-Baġit, lill-Uffiċjal tal-Kontabbiltà u lid-Diretturi Ġenerali responsabbli għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni, rispettivament għall-oqsma ta’ kompetenza tagħhom dwar ir-riskji finanzjarji li jirriżultaw mill-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni.

2.   L-Uffiċjal Kap tar-Riskji għandu jinforma minnufih lill-Membru tal-Kulleġġ responsabbli għall-Baġit fil-każ ta’ żviluppi materjali li jeħtieġu kunsiderazzjoni urġenti. Barra minn hekk, id-Direttorati Ġenerali kkonċernati għandhom ikunu infurmati fil-ħin u debitament.

3.   L-Uffiċjal Kap tar-Riskji għandu jinforma regolarment lill-Kumitat għar-Riskji u l-Konformità, lid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-Baġit, lill-Uffiċjal tal-Kontabilità u lid-Direttorati Ġenerali responsabbli għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni, dwar ir-riskji u n-nuqqas ta’ konformità mar-regoli u l-proċeduri jew il-ksur tal-limiti fir-rigward tal-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni, rispettivament għall-oqsma ta’ kompetenza tagħhom.

4.   L-Uffiċjal Kap tar-Riskji għandu jippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni u l-funzjonament tal-Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità lill-Kulleġġ darba fis-sena, li jista’ jkun akkumpanjat minn proposta għal rieżami tal-politika.

TAQSIMA 3

APPOĠĠ LILL-UFFIĊJAL KAP TAR-RISKJI

Artikolu 14

Uffiċjal tal-Konformità

1.   Membru tal-persunal fdat bir-rwol ta’ Uffiċjal għall-Konformità għandu jirrapporta direttament lill-Uffiċjal Kap tar-Riskji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw il-konformità mal-Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità u mal-politiki tematiċi dwar ir-riskju u l-konformità, u r-regoli għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fir-rigward tal-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni u għandu jwettaq il-funzjoni għall-konformità.

2.   Il-funzjoni għall-konformità għandha tinkludi b’mod partikolari:

(a)

fir-rigward tal-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni:

(i)

appoġġ relatat mal-konformità ma’ servizzi rilevanti responsabbli għall-implimentazzjoni operazzjonali u l-eżekuzzjoni tal-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni; kif ukoll

(ii)

appoġġ għall-osservanza tar-regoli fil-Kummissjoni kollha dwar l-imġiba etika u l-integrità applikabbli għas-servizzi rilevanti involuti fl-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni;

(b)

fir-rigward tal-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni għajr l-operazzjonijiet implimentati b’ġestjoni indiretta, gwida li tindirizza l-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, l-evitar tat-taxxa, il-frodi tat-taxxa jew l-evażjoni tat-taxxa għall-eżekuzzjoni tal-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni għajr il-garanziji baġitarji f’ġestjoni indiretta, minn entitajiet inkorporati jew stabbiliti f’ġuriżdizzjonijiet elenkati skont il-politika rilevanti dwar ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx jew li huma identifikati bħala pajjiżi terzi b’riskju għoli skont l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva (UE) 2015/849 jew li ma jikkonformawx b’mod effettiv mal-istandards tat-taxxa tal-Unjoni jew miftiehma internazzjonalment dwar it-trasparenza u l-iskambju ta’ informazzjoni, jiksru reġimi ta’ sanzjonijiet jew iwettqu irregolaritajiet finanzjarji rilevanti oħra.

3.   Linji gwida dwar il-konformità għandhom jiġu addottati f’konformità mal-Artikolu 18. Dawn il-linji gwida għandhom japplikaw għal operazzjonijiet finanzjarji għajr dawk implimentati f’ġestjoni indiretta.

L-Uffiċjal għall-Konformità jista’ wkoll, taħt l-awtorità tal-Uffiċjal Kap tar-Riskji, fejn meħtieġ u xieraq, jipprovdi pariri f’konformità mal-Artikolu 12.

Artikolu 15

Kumitat għar-Riskju u l-Konformità

1.   Għandu jiġi stabbilit Kumitat għar-Riskji u l-Konformità biex jappoġġa lill-Uffiċjal Kap tar-Riskji fit-twettiq tar-responsabbiltajiet ta’ dak l-uffiċjal.

2.   Il-Kumitat għar-Riskji u l-Konformità għandu:

(a)

jiddiskuti l-abbozz ta’ Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità u l-politiki tematiċi dwar ir-riskju u l-konformità mħejjija mill-Uffiċjal Kap tar-Riskji, kif ukoll l-emendi tagħhom;

(b)

jappoġġa lill-Uffiċjal Kap tar-Riskji fil-kompiti msemmija fl-Artikolu 5 ta’ din id-Deċiżjoni;

(c)

jappoġġa lill-Uffiċjal Kap tar-Riskji fl-evalwazzjoni, il-monitoraġġ u l-approvazzjoni tal-prattiki rigward l-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità u fir-rigward tal-ġestjoni tar-riskju finanzjarju u l-konformità tal-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni;

(d)

jappoġġa lill-Uffiċjal Kap tar-Riskji fil-ġestjoni tar-riskji finanzjarji b’rabta mal-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni u jiġi kkonsultat mill-Uffiċjal Kap tar-Riskji dwar in-nuqqas ta’ konformità mal-Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità jew il-ksur ta’ linji gwida relatati oħra, politiki tematiċi dwar ir-riskju u l-konformità u limiti.

3.   L-Uffiċjal Kap tar-Riskji jista’ jiddeċiedi li jistabbilixxi sottokumitati għal suġġetti speċifiċi, b’mod partikolari għal kategoriji speċifiċi ta’ operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni jew għal kategorija speċifika ta’ riskju.

4.   Is-sottokumitati għandhom jiffaċilitaw il-funzjonament effiċjenti tal-Kumitat għar-Riskji u l-Konformità permezz ta’:

(a)

assistenza lill-Uffiċjal Kap tar-Riskji fil-valutazzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskji elaborati fil-politiki tematiċi dwar ir-riskju u l-konformità;

(b)

tħejjija ta’ kwistjonijiet li għandhom jitressqu quddiem il-Kumitat dwar ir-Riskji u l-Konformità;

(c)

l-għoti ta’ input dwar kwistjonijiet tekniċi relatati mal-valutazzjoni u l-mitigazzjoni ta’ dawk ir-riskji.

Artikolu 16

Il-membri u l-organizzazzjoni tal-Kumitat għar-Riskji u l-Konformità u s-sottokumitati

1.   L-Uffiċjal Kap tar-Riskji jippresiedi l-Kumitat għar-Riskji u l-Konformità.

2.   Il-Kumitat għar-Riskji u l-Konformità għandu jkun kompost minn dawn il-membri li ġejjin:

(a)

l-Uffiċjal Kap tar-Riskji;

(b)

l-Uffiċjal tal-Kontabbiltà tal-Kummissjoni;

(c)

rappreżentant mid-Direttorat Ġenerali għall-Baġit li jissorvelja l-ħruġ ta’ dejn għall-finanzjament tal-programm tal-Unjoni;

(d)

l-uffiċjal għall-Konformità;

(e)

rappreżentant mis-Segretarjat Ġenerali maħtur mis-Segretarju Ġenerali;

(f)

rappreżentant minn kull Direttorat Ġenerali responsabbli għall-garanziji baġitarji jew għall-programmi ta’ self.

3.   Ir-rappreżentant mid-Direttorat Ġenerali għall-Baġit inkarigat mill-qafas finanzjarju pluriennali u rappreżentant mid-Direttorat Ġenerali għall-Baġit inkarigat mill-baġit annwali għandhom ikunu osservaturi permanenti għall-Kumitat għar-Riskji u l-Konformità.

4.   L-Uffiċjal Kap tar-Riskji jista’ jistieden osservaturi oħra għall-Kumitat dwar ir-Riskji u l-Konformità li l-opinjoni u l-funzjonijiet tagħhom jitqiesu xierqa għall-kwistjonijiet diskussi fil-Kumitat dwar ir-Riskji u l-Konformità.

5.   Il-livell tar-rappreżentanti taħt il-punti (c), (e) u (f) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun Direttur Ġenerali jew Viċi Direttur Ġenerali, li jista’ jaħtar sostitut fil-livell ta’ maniġer superjuri biex jiżgura l-konformità mal-mandat u r-responsabbiltajiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

6.   L-Uffiċjal għall-Konformità msemmi fil-punt (d) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun membru mingħajr dritt tal-vot tal-Kumitat dwar ir-Riskji u l-Konformità.

7.   L-Uffiċjal Kap tar-Riskji għandu jaħtar sa tliet esperti esterni biex jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Kumitat għar-Riskji u l-Konformità. L-esperti esterni għandhom jagħtu opinjonijiet u jipparteċipaw f’deliberazzjonijiet mingħajr drittijiet tal-vot dwar kwistjonijiet miġjuba quddiem il-Kumitat.

8.   Id-Deċiżjoni li jiġi stabbilit sottokumitat skont l-Artikolu 15(3) għandha tiddetermina l-membri li għandhom jipparteċipaw. Membru tal-Kumitat għar-Riskji u l-Konformità, jekk jinħatar bħala membru tas-sottokumitat, jista’ jkun jew membru tas-sottokumitat innifsu jew jaħtar il-membri tas-sottokumitat mill-persunal tad-Direttorat Ġenerali rispettiv. Il-membri maħtura għandu jkollhom għarfien u kompetenzi adegwati f’oqsma rilevanti għall-ħidma tas-sottokumitat. Sottokumitat għandu jkun ippresedut mill-Uffiċjal Kap tar-Riskji jew minn president maħtur mill-Uffiċjal Kap tar-Riskji.

9.   Il-Kumitat għar-Riskji u l-Konformità għandu jadotta b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu r-regoli ta’ proċedura tiegħu u r-regoli ta’ proċedura tas-sottokumitati stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 15(3). Il-vot ta’ maġġoranza għandu jinkludi l-voti tal-membri msemmija fil-punti (a) u (e) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 17

Segretarjat tal-Kumitat għar-Riskji u l-Konformità

Il-persunal tal-Uffiċjal Kap tar-Riskji għandu jiżgura s-segretarjat tal-Kumitat għar-Riskji u l-Konformità li jkopri mill-inqas il-kompiti li ġejjin:

(a)

il-kuntatt u l-konsultazzjoni mas-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni fit-tħejjija tal-input għall-Kumitat dwar ir-Riskji u l-Konformità;

(b)

l-organizzazzjoni ta’ laqgħat tal-Kumitat għar-Riskji u l-Konformità, inkluż it-tħejjija tal-aġenda, id-dokumenti u l-minuti ta’ dawk il-laqgħat;

(c)

it-twettiq ta’ kompiti amministrattivi u organizzattivi oħra relatati mal-organizzazzjoni tal-Kumitat għar-Riskji u l-Konformità.

Artikolu 18

Konsultazzjonijiet minn qabel dwar il-Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità u dwar il-politiki tematiċi dwar ir-riskju u l-konformità

1.   L-abbozz ta’ Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità u l-abbozz ta’ politiki tematiċi dwar ir-riskju u l-konformità għandhom jitfasslu mill-Uffiċjal Kap tar-Riskji u jiġu diskussi fi grupp ta’ ħidma bejn is-servizzi li fih għandhom jipparteċipaw id-Direttorati Ġenerali responsabbli għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni. Is-Segretarjat Ġenerali u s-Servizz Legali għandhom jiġu mistiedna għal tali grupp ta’ ħidma.

2.   Qabel ma tinbeda konsultazzjoni bejn is-servizzi, l-Uffiċjal Kap tar-Riskji għandu jippreżenta l-abbozz tal-Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità u l-abbozz ta’ politiki tematiċi dwar ir-riskju u l-konformità għad-diskussjoni fil-Kumitat dwar ir-Riskji u l-Konformità f’konformità mal-Artikolu 15(2), il-punt (a).

3.   Meta jippreżenta l-abbozzi ta’ politiki għall-konsultazzjoni bejn is-servizzi u lill-Kummissjoni għall-adozzjoni, l-Uffiċjal Kap tar-Riskji għandu jipprovdi informazzjoni dwar l-eżitu tad-diskussjoni fil-Kumitat dwar ir-Riskji u l-Konformità msemmi fl-Artikolu 15(2)(a) u l-valutazzjoni tiegħu.

4.   Il-kummenti tal-membri għandhom jingħataw kunsiderazzjoni xierqa u ġusta u l-Uffiċjal Kap tar-Riskji għandu jipprovdi informazzjoni dwar kif il-kummenti ġew riflessi, jew le, fil-Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità jew fil-politiki tematiċi dwar ir-riskju u l-konformità.

TAQSIMA 4

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI U TRANSIZZJONALI

Artikolu 19

Tħassir

1.   Id-Deċiżjoni C(2020)5154 dwar l-istabbiliment tal-Kumitat ta’ Tmexxija dwar l-Obbligazzjonijiet Kontinġenti li jirriżultaw minn Garanziji Baġitarji hija mħassra.

2.   Ir-referenzi għad-Deċiżjoni mħassra għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni.

3.   Id-Deċiżjoni C(2024)745 dwar l-adozzjoni ta’ Karta tal-kompiti u r-responsabbiltajiet għall-Uffiċjal Kap tar-Riskji tal-Kummissjoni għall-operazzjonijiet ta’ teħid b’self, ġestjoni tad-dejn u għoti b’self hija mħassra.

Artikolu 20

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.   Il-Politika ta’ Livell Għoli u ta’ Konformità tar-Riskju adottata skont id-Deċiżjoni (UE) 2023/2825 għandha tibqa’ valida fir-rigward tal-kategoriji tal-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni koperti fiha sakemm tiġi sostitwita bil-Politika ta’ Livell Għoli u ta’ Konformità tar-Riskju msemmija fl-Artikolu 8.

2.   Il-manwali u dokumenti rilevanti oħra relatati mal-ġestjoni tar-riskju tal-operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-assi adottati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu rieżaminati mill-Uffiċjal Kap tar-Riskji. Il-manwali u dokumenti rilevanti oħra approvati mill-Kumitat ta’ Tmexxija dwar l-Obbligazzjonijiet Kontinġenti kif ukoll il-manwali u d-dokumenti tad-Direttorati Ġenerali responsabbli għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni li jistabbilixxu r-regoli tal-ġestjoni tar-riskju finanzjarju għall-programmi eżistenti għandhom jibqgħu validi sas-sostituzzjoni potenzjali tagħhom b’politiki tematiċi dwar ir-riskju u l-konformità.

3.   Il-ħatriet tal-membri tal-Kumitat għar-Riskji u l-Konformità skont il-punti (c), (e) u (f) tal-Artikolu 16(2) għandhom jiġu nnotifikati lill-Uffiċjal Kap tar-Riskji fi żmien xahar mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni jew mid-data li fiha Direttorat Ġenerali jirċievi r-responsabbiltajiet tal-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni.

4.   Id-Deċiżjoni li tadotta l-Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità u l-politiki dwar ir-riskju tematiku u l-konformità għandha tipprevedi dispożizzjonijiet tranżitorji biex jiġi żgurat li r-riskji jiġu ġestiti fi ħdan l-aptit għar-riskju kif definit għall-programmi jew l-istrumenti li jawtorizzaw garanziji baġitarji adottati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

5.   Mingħajr preġudizzju għall-aptit għar-riskju ddeterminat mill-atti leġiżlattivi li jistabbilixxu dawk il-programmi, il-valutazzjoni ex post, il-monitoraġġ u r-rappurtar dwar ir-riskji finanzjarji ta’ programmi u strumenti li jawtorizzaw garanziji baġitarji u self adottati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jitwettqu bl-użu tal-metodoloġiji stabbiliti fil-politiki tematiċi dwar ir-riskju u l-konformità adottati abbażi ta’ din id-deċiżjoni.

Artikolu 21

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   L-Artikolu 18 u l-paragrafu 1 tal-Artikolu 19 għandhom japplikaw mill-jum tal-ewwel laqgħa tal-Kumitat dwar ir-Riskji u l-Konformità, li għandu jitlaqqa’ kif xieraq mill-Uffiċjal Kap tar-Riskji.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Frar 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2022/2544 tad-19 ta’ Diċembru 2022 li tistabbilixxi l-arranġamenti għall-amministrazzjoni u l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet tat-teħid b’self u tal-ġestjoni tad-dejn tal-UE skont l-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata u operazzjonijiet ta’ għoti b’self relatati (ĠU L 328, 22.12.2022, p. 109, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/2544/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2023/2825 tat-12 ta’ Diċembru 2023 li tistabbilixxi l-arranġamenti għall-amministrazzjoni u l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self u ta’ ġestjoni tad-dejn tal-Unjoni skont l-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata u operazzjonijiet ta’ għoti b’self relatati (ĠU L, 2023/2825, 18.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/2825/oj).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/3080 tal-4 ta’ Diċembru 2024 li tistabbilixxi r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni u li temenda d-Deċiżjoni C(2000)3614 (ĠU L, 2024/3080, 5.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/3080/oj).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2024)6814 final tat-30 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli interni għall-implimentazzjoni tat-taqsima tal-Kummissjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

(6)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni SEC(2000) 560 tal-11 ta’ April 2000 “Ir-Riforma tal-Ġestjoni u l-Kontroll Finanzjarju fil-Kummissjoni”.

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Lulju 2020 dwar it-twaqqif tal-Kumitat ta’ Tmexxija dwar ir-Responsabbiltajiet Kontinġenti li jirriżultaw minn Garanziji Baġitarji.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/369/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)