European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/356

24.2.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/356

tal-21 ta’ Frar 2025

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1941 fir-rigward tal-projbizzjoni tal-introduzzjoni, tal-moviment, taż-żamma, tal-multiplikazzjoni jew tar-rilaxx ta’ ċerti pesti

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 30(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1941 (2) jelenka l-pesti li, skont l-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031, huma temporanjament ipprojbiti milli jiġu introdotti, jiġu mċaqilqa, jew miżmuma, immultiplikati jew rilaxxati fit-territorju tal-Unjoni.

(2)

Il-pest Leucinodes pseudorbonalis inizjalment ġie inkluż fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1941, abbażi ta’ kategorizzazzjoni tal-pesti mwettqa mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”).

(3)

Fl-2024, l-Awtorità tat opinjoni xjentifika dwar valutazzjoni sħiħa tar-riskju ta’ pesti tal-ispeċijiet Afrikani Leucinodes (3), li tinkludi l-Leucinodes pseudorbonalis. Hija kkonkludiet li l-probabbiltà u l-impatt mistenni tal-istabbiliment tal-Leucinodes pseudorbonalis fl-Unjoni huma baxxi ħafna.

(4)

Fid-dawl tal-opinjoni tal-Awtorità, jixraq li jiġi konkluż li l-pest Leucinodes pseudorbonalis ma joħloqx riskju fitosanitarju inaċċettabbli għat-territorju tal-Unjoni u għalhekk ma jissodisfax il-kriterji għall-pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni stabbiliti fit-Taqsima 1, jew fit-Taqsima 3 is-Subtaqsima 2 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/2031, fir-rigward tat-territorju tal-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li ma tibqax soġġetta għall-miżuri temporanji adottati skont l-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2016/2031. Għalhekk, jenħtieġ li l-Leucinodes pseudorbonalis jitneħħa mill-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1941.

(5)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni tal-pesti soġġetti għall-projbizzjoni u t-tul ta’ żmien tal-projbizzjoni, huwa xieraq li fl-Anness jiġu speċifikati l-kodiċijiet użati mill-Organizzazzjoni Ewropea u Mediterranja għall-Protezzjoni tal-Pjanti biex jiġu deżinjati l-pesti rilevanti u d-data tal-iskadenza tal-projbizzjoni.

(6)

Għalhekk, l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1941 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(7)

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1941 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikoli 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Projbizzjoni tal-pesti

Il-pesti elenkati fl-Anness ma għandhomx jiġu introdotti, imċaqalqa, miżmuma, immultiplikati jew rilaxxati fit-territorju tal-Unjoni, sad-data stipulata f’dak l-Anness għall-pest ikkonċernat.

Artikolu 2

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.”

(2)

l-Anness huwa sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Frar 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/2031/2019-12-14.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1941 tat-13 ta’ Ottubru 2022 dwar il-projbizzjoni tal-introduzzjoni, tal-moviment, taż-żamma, tal-multiplikazzjoni jew tar-rilaxx ta’ ċerti pesti skont l-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 268, 14.10.2022, p. 13; ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/1941/oj).

(3)  EFSA Panel on Plant Health (PLH), 2024. Scientific Opinion on Pest risk assessment of African Leucinodes species for the European Union, https://doi.org/10.2903/j.efsa.2024.8739.


ANNESS

“ANNESS

Lista ta’ pesti soġġetti għall-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 1:

 

Ġeneru jew speċi ta’ pesti bil-kodiċijiet EPPO tagħhom

Id-data ta’ skadenza tal-applikazzjoni:

1.

Chloridea virescens Fabricius [HELIVI]

fil-31 ta’ Mejju 2027.

2.

Homona magnanima Dyakonov [HOMOMA]

fil-31 ta’ Mejju 2027.

3.

Resseliella citrifrugis Jiang [RESSCI]

fil-31 ta’ Mejju 2027.

4.

Spodoptera ornithogalli Guenée [PRODOR]

fil-31 ta’ Mejju 2027.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/356/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)