|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/343 |
18.2.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/343
tas-17 ta’ Frar 2025
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1332/2011 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/373 fir-rigward tas-sistemi għall-evitar ta’ kolliżjonijiet fl-ajru
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 31(1), il-punt (a), u l-Artikolu 44(1), il-punt (a) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1332/2011 (2) li jistabbilixxi r-rekwiżiti komuni dwar l-użu tal-ispazju tal-ajru u l-proċeduri operattivi għall-evitar ta’ kolliżjonijiet fl-ajru. |
|
(2) |
Ir-Regolament (UE) Nru 1332/2011 jirrikjedi li ajruplani bil-magna mħaddma bit-turbini, b’massa tat-tlugħ iċċertifikata massima ta’ iktar minn 5 700 kg, jew li huma awtorizzati li jġorru aktar minn 19-il passiġġier, jiġu mgħammra bil-verżjoni 7.1 tal-loġika għall-evitar ta’ kolliżjonijiet tas-sistema għall-evitar ta’ kolliżjonijiet fl-ajru (ACAS II, Airborne Collision Avoidance System) biex jiġu evitati kolliżjonijiet fl-ajru. Dak ir-rekwiżit japplika wkoll għall-operaturi ta’ ċerti ajruplani rreġistrati f’pajjiż terz iżda ma japplikax għas-sistemi ta’ inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord. |
|
(3) |
F’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1332/2011, l-inġenji tal-ajru li mhumiex legalment meħtieġa li jkunu mgħammra bl-ACAS II iżda li jkunu mgħammra b’dik is-sistema fuq bażi volontarja, irid ikollhom il-verżjoni 7.1 tal-loġika għall-evitar ta’ kolliżjonijiet. |
|
(4) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/373 (3) jistabbilixxi r-rekwiżiti komuni għall-fornituri ta’ servizzi ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru/servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u funzjonijiet oħrajn tan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru għat-traffiku tal-ajru ġenerali u għas-sorveljanza tagħhom. |
|
(5) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/373 jirrikjedi li l-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni, navigazzjoni jew sorveljanza juru li l-metodi ta’ ħidma u l-proċeduri operattivi tagħhom ikunu konformi mal-istandards tal-Anness 10 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, iffirmata f’Chicago fis-7 ta’ Diċembru 1944 (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”), dwar it-telekomunikazzjoni ajrunawtika sa fejn dawn ikunu rilevanti għall-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni, navigazzjoni jew sorveljanza fl-ispazju tal-ajru kkonċernat. |
|
(6) |
L-emenda 91 tal-Istandards Internazzjonali u l-Prattiki Rakkomandati, it-Telekomunikazzjonijiet Ajrunawtiċi - is-Sistemi ta’ Sorveljanza u l-Evitar tal-Kolliżjonijiet (l-Anness 10, il-Volum IV tal-Konvenzjoni ta’ Chicago) introduċiet is-sistema Xa għall-evitar ta’ kolliżjonijiet fl-ajru (ACAS Xa) bħala alternattiva għall-ACAS II bil-verżjoni 7.1 tal-loġika tal-evitar ta’ kolliżjonijiet. |
|
(7) |
Skont l-Artikolu 4(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2018/1139, ir-rekwiżiti l-ġodda stabbiliti skont dak ir-Regolament iridu jirriflettu l-ogħla livell u l-aqwa prattiki fil-qasam tal-avjazzjoni, u jqisu l-esperjenza tal-avjazzjoni mad-dinja kollha u l-progress xjentifiku u tekniku fl-oqsma rispettivi. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1332/2011 jiġi emendat biex jippermetti l-aċċess tal-inġenji tal-ajru mgħammra bl-ACAS Xa għall-ispazju tal-ajru tal-SES. |
|
(8) |
Skont l-Artikolu 1(2), il-punt (g), tar-Regolament (UE) 2018/1139, ir-regoli l-ġodda stabbiliti skont dak ir-Regolament jenħtieġ li jassistu lill-Istati Membri biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jwettqu l-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni ta’ Chicago, billi tiġi żgurata interpretazzjoni komuni u implimentazzjoni uniformi u f’waqtha tad-dispożizzjonijiet tagħha. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/373 jiġi emendat biex jirreferi għall-aħħar dispożizzjonijiet tal-Anness 10 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. |
|
(9) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-kumitat stabbilit bl-Artikolu 127 tar-Regolament (UE) 2018/1139, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emendi tar-Regolament (UE) Nru 1332/2011
Fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1332/2011, il-punt AUR.ACAS.1005 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“AUR.ACAS.1005 Rekwiżit tal-prestazzjoni
L-ajruplani bil-magna mħaddma bit-turbini li ġejjin għandhom ikunu mgħammra bil-verżjoni 7.1 tal-loġika għall-evitar ta’ kolliżjonijiet tal-ACAS II jew bl-ACAS Xa:
|
(a) |
ajruplani b’massa tat-tlugħ iċċertifikata massima li taqbeż 5 700 kg; |
|
(b) |
ajruplani awtorizzati biex iġorru iktar minn 19-il passiġġier. |
L-inġenji tal-ajru mhux imsemmija fil-punt 1 imma li huma mgħammra bl-ACAS II fuq bażi volontarja għandu jkollhom il-verżjoni 7.1 tas-sistema għall-evitar ta’ kolliżjonijiet tal-ACAS II jew l-ACAS Xa.
Il-punt 1 ma għandux japplika għal sistemi ta’ inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord.”.
Artikolu 2
Emendi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/373
Fil-punt CNS.TR.100 tal-Anness VIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/373, il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:
|
“(d) |
Il-Volum IV dwar is-sistemi ta’ sorveljanza bir-radar u għall-evitar ta’ kolliżjonijiet fil-ħames edizzjoni tiegħu ta’ Lulju 2014, inklużi l-emendi kollha san-Nru 91, b’din tal-aħħar inkluża;”. |
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Frar 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1139/oj.
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1332/2011 tas-16 ta’ Diċembru 2011 li jistabbilixxi r-rekwiżiti komuni dwar l-użu tal-ispazju tal-ajru u l-proċeduri operattivi għall-evitar ta’ kolliżjonijiet fl-ajru (ĠU L 336, 20.12.2011, p. 20, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1332/oj).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/373 tal-1 ta’ Marzu 2017 li jistabbilixxi r-rekwiżiti komuni għall-fornituri ta’ servizzi fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru/tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u funzjonijiet oħrajn tan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u s-sorveljanza tagħhom, iħassar ir-Regolament (KE) Nru 482/2008, ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1034/2011, (UE) Nru 1035/2011 u (UE) 2016/1377 u jemenda r-Regolament (UE) Nru 677/2011 (ĠU L 62, 8.3.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/373/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/343/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)