European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/336

19.2.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2025/336

tat-18 ta’ Frar 2025

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2016/1693 dwar miżuri restrittivi kontra ISIL (Da’esh) u Al-Qaida, u persuni, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati magħhom

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-20 ta’ Settembru 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/1693 (1).

(2)

Fid-9 ta’ Diċembru 2022, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) adotta r-Riżoluzzjoni 2664 (2022). F’dik ir-Riżoluzzjoni, il-KSNU ddeċieda li l-forniment, l-ipproċessar jew il-ħlas ta’ fondi, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi oħra jew il-forniment tal-oġġetti u s-servizzi meħtieġa biex jiġi żgurat it-twassil f’waqtu ta’ assistenza umanitarja jew biex jiġu appoġġati attivitajiet oħra li jsostnu l-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem huma permessi u mhumiex ksur tal-iffriżar tal-assi imposti mill-KSNU jew mill-Kumitati tas-Sanzjonijiet tiegħu. Fir-Riżoluzzjoni 2664 (2022), il-KSNU ddeċieda wkoll li l-eżenzjoni umanitarja ser tapplika għar-reġim ta’ sanzjonijiet fil-konfront ta’ ISIL (Da’esh) u Al-Qaida għal perjodu ta’ sentejn mid-data tal-adozzjoni ta’ dik ir-Riżoluzzjoni.

(3)

Fil-31 ta’ Marzu 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/726 (2), li emendat id-Deċiżjoni (PESK) 2016/1693 biex tintroduċi l-eżenzjoni umanitarja stabbilita mill-KSNU fir-Riżoluzzjoni 2664 (2022), li tapplika sad-9 ta’ Diċembru 2024, sakemm il-KSNU ma jiddeċidix li jestendi l-applikazzjoni tagħha lil hinn minn dik id-data.

(4)

Fis-6 ta’ Diċembru 2024, il-KSNU adotta r-Riżoluzzjoni 2761 (2024) u ddeċieda li l-eżenzjoni umanitarja introdotta mir-Riżoluzzjoni 2664 (2022) jenħtieġ li jkomplu japplikaw għar-reġim ta’ sanzjonijiet fil-konfront ta’ ISIL (Da’esh) u Al-Qaida.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2016/1693 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni (PESK) 2016/1693, il-paragrafu 2 huwa mħassar.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Frar 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

A. DOMAŃSKI


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/1693 tal-20 ta’ Settembru 2016 dwar miżuri restrittivi kontra ISIL (Da’esh) u Al-Qaida, u persuni, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati magħhom u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2002/402/PESK (ĠU L 255, 21.9.2016, p. 25) ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/1693/oj).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/726 tal-31 ta’ Marzu 2023 li temenda ċerti Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar miżuri restrittivi sabiex jiddaħħlu dispożizzjonijiet dwar eżenzjoni umanitarja (ĠU L 94, 3.4.2023, p. 48) ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/726/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/336/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)