European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/306

31.3.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/306

tal-31 ta’ Ottubru 2024

li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ formoli, mudelli u proċeduri standard għall-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni bħala fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar is-swieq fil-kriptoassi, u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2012 u (UE) Nru 1095/2010 u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/1937 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 62(6), it-tielet subparagrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex jiffaċilitaw il-komunikazzjoni bejn persuni ġuridiċi jew impriżi oħra li jfittxu awtorizzazzjoni bħala fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi f’konformità mal-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) 2023/1114 (“applikanti”) u awtoritajiet kompetenti, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jiddeżinjaw punt ta’ kuntatt speċifikament biex jirċievi l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni bħala fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi u jenħtieġ li jippubblikaw l-informazzjoni dwar il-punt ta’ kuntatt fuq is-sit web tagħhom.

(2)

L-informazzjoni ppreżentata mill-applikant għandha tkun vera, preċiża, kompluta u aġġornata mill-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni sal-mument tal-għoti tal-awtorizzazzjoni. Minħabba li xi informazzjoni tista’ tirreferi biss għall-futur, kwalunkwe data futura inkluża fl-informazzjoni jenħtieġ li tiġi identifikata speċifikament fl-applikazzjoni.

(3)

Sabiex jiġi żgurat trattament fil-pront u f’waqtu tal-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni tal-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jikkonfermaw ir-riċevuta tal-applikazzjoni billi jibagħtu elettronikament, f’forma stampata jew biż-żewġ formati, konferma tar-riċevuta lill-applikant. Dik il-konferma tar-riċevuta jenħtieġ li tinkludi d-dettalji ta’ kuntatt tal-persuni jew tal-funzjonijiet responsabbli mit-trattament tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni.

(4)

Sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jibbażaw il-valutazzjoni tagħhom tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni fuq informazzjoni preċiża, jenħtieġ li l-applikanti jikkomunikaw lill-awtoritajiet kompetenti kwalunkwe bidla fl-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, mingħajr dewmien żejjed. F’dak il-każ, il-limiti ta’ żmien għall-valutazzjoni tal-applikazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 63(9) tar-Regolament (UE) 2023/1114 jenħtieġ li jibdew mid-data li fiha l-awtorità kompetenti tirċievi l-informazzjoni aġġornata.

(5)

L-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu informazzjoni addizzjonali mill-applikant matul il-valutazzjoni f’konformità mal-kriterji u l-iskedi ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 63(12) tar-Regolament (UE) 2023/1114.

(6)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”) f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Awtorità Bankarja Ewropea.

(7)

L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni li huma l-bażi ta’ dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Deżinjazzjoni ta’ punt ta’ kuntatt

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddeżinjaw punt ta’ kuntatt biex jirċievu l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni bħala fornitur ta’ servizzi ta’ kriptoassi f’konformità mal-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) 2023/1114.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom iżommu d-dettalji ta’ kuntatt tal-punt ta’ kuntatt deżinjat aġġornati u għandhom jippubblikaw dawk id-dettalji ta’ kuntatt fuq is-siti web tagħhom.

Artikolu 2

Preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni

1.   Persuna ġuridika jew impriża oħra li tkun qed tfittex awtorizzazzjoni bħala fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi f’konformità mal-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) 2023/1114 (“applikant”) għandha tippreżenta l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tagħha lill-awtorità kompetenti billi timla l-formola stabbilita fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

2.   Persuna ġuridika jew impriża oħra għandha tippreżenta l-applikazzjoni b’mod li jippermetti l-ħażna ta’ informazzjoni sabiex tkun aċċessibbli għal referenza futura u tippermetti r-riproduzzjoni tal-informazzjoni maħżuna.

Artikolu 3

Ir-riċevuta tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni u l-konferma tar-riċevuta

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jibagħtu elettronikament, f’forma stampata jew biż-żewġ formati, konferma tar-riċevuta lill-applikant. Dik il-konferma tar-riċevuta għandha tinkludi d-dettalji ta’ kuntatt tad-dipartiment, tal-funzjoni jew tal-membru tal-persunal tal-awtorità kompetenti li tkun qed tittratta l-applikazzjoni.

Artikolu 4

Notifika tal-bidliet

1.   L-applikant għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti bi kwalunkwe bidla fl-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni mingħajr dewmien żejjed. L-applikant għandu jipprovdi l-informazzjoni aġġornata billi juża l-formola stabbilita fl-Anness.

2.   Meta l-applikant jipprovdi informazzjoni aġġornata f’konformità mal-paragrafu 1, il-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 63(9) tar-Regolament (UE) 2023/1114 għandu jibda mid-data li fiha dik l-informazzjoni aġġornata tkun ġiet riċevuta mill-awtorità kompetenti.

3.   Il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi għandhom jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti bi kwalunkwe bidla fl-informazzjoni li abbażi tagħha tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni.

Artikolu 5

Komunikazzjoni tad-deċiżjoni

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-applikant bid-deċiżjoni tagħhom li jagħtu jew jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 63(9) tar-Regolament (UE) 2023/1114, f’forma stampata, b’mezzi elettroniċi jew biż-żewġ formati.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Ottubru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 150, 9.6.2023, p. 40, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1114/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1095/oj).


ANNESS

FORMOLA TA’ APPLIKAZZJONI GĦAL AWTORIZZAZZJONI BĦALA FORNITUR TA’ SERVIZZI TAL-KRIPTOASSI

F’konformità mal-Artikoli 2 u 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/306 tal-31 ta’ Ottubru 2024 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ formoli, mudelli u proċeduri standard għall-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi (1)

Numru ta’ referenza (għandu jimtela mill-awtorità kompetenti):

Data:

MINN

Isem l-applikant:

Indirizz tal-applikant / tal-uffiċċju reġistrat tal-applikant:

Id-dettalji ta’ kuntatt tal-persuna ta’ kuntatt deżinjata

Isem:

Telefown:

Email:

GĦAL

Stat Membru (jekk applikabbli):

Awtorità kompetenti:

Indirizz:

Id-dettalji ta’ kuntatt tal-punt ta’ kuntatt deżinjat

Isem:

Telefown:

Email:

Aħna, [daħħal l-isem tal-applikant] niddikjaraw li l-informazzjoni ppreżentata hija vera, preċiża, kompluta, aġġornata, u mhux qarrieqa. F’każ li xi informazzjoni tirreferi biss għal data futura, hija tkun identifikata espliċitament fl-applikazzjoni u nimpenjaw ruħna li ninnotifikaw lill-awtorità bil-miktub mingħajr dewmien jekk tali informazzjoni tirriżulta li ma tkunx preċiża, mhux kompluta jew qarrieqa. Barra minn hekk, nimpenjaw ruħna li ninfurmaw lill-awtorità kompetenti bi kwalunkwe bidla li tikkonċerna l-informazzjoni pprovduta f’din il-formola.

Il-persuna inkarigata mit-tħejjija tal-applikazzjoni

Isem:

Status/pożizzjoni:

Telefown:

Email:

In-natura tal-komunikazzjoni (immarka l-kaxxa rilevanti)

☐ Awtorizzazzjoni

☐ Notifika tal-bidliet skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/306 (f’każ ta’ notifika tal-bidliet, għandhom jimtlew biss il-partijiet rilevanti tal-Formola li huma emendati)

INFORMAZZJONI MEĦTIEĠA

Informazzjoni ġenerali skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/305 (2)

Programm tal-operazzjonijiet skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) 2025/305

Rekwiżiti prudenzjali

Daħħal l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/305 billi tistabbilixxi l-informazzjoni hawnhekk jew billi tirreferi għat-taqsimiet rilevanti tar-rikors.

Informazzjoni dwar l-arranġamenti ta’ governanza u l-mekkaniżmi ta’ kontroll intern

Daħħal l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/305, billi tistabbilixxi dik l-informazzjoni hawn jew billi tirreferi għat-taqsimiet rilevanti tal-applikazzjoni.

Kontinwità tal-operat

Daħħal l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat (UE) 2025/305, billi tistabbilixxi dik l-informazzjoni hawn jew billi tirreferi għat-taqsimiet rilevanti tal-applikazzjoni.

Individwazzjoni u prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu

Daħħal l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat (UE) 2025/305 billi tistabbilixxi l-informazzjoni hawnhekk jew billi tirreferi għat-taqsimiet rilevanti tar-rikors.

L-identità tal-membri tal-korp maniġerjali u l-prova tagħhom ta’ reputazzjoni tajba, għarfien, ħiliet, esperjenza u tal-fatt li jiddedikaw żmien biżżejjed għall-qadi tal-funzjonijiet tagħhom

Daħħal l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament Delegat (UE) 2025/305, billi tistabbilixxi dik l-informazzjoni hawn jew billi tirreferi għat-taqsimiet rilevanti tal-applikazzjoni.

Informazzjoni relatata ma’ azzjonisti jew membri b’parteċipazzjonijiet kwalifikanti

Daħħal l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8 tar-Regolament Delegat (UE) 2025/305, billi tistabbilixxi dik l-informazzjoni hawn jew billi tirreferi għat-taqsimiet rilevanti tal-applikazzjoni.

Sistemi tal-ICT u arranġamenti ta’ sigurtà relatati

Daħħal l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament Delegat (UE) 2025/305, billi tistabbilixxi dik l-informazzjoni hawn jew billi tirreferi għat-taqsimiet rilevanti tal-applikazzjoni.

Segregazzjoni tal-kriptoassi u fondi tal-klijenti

Daħħal l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10 tar-Regolament Delegat (UE) 2025/305, billi tistabbilixxi dik l-informazzjoni hawn jew billi tirreferi għat-taqsimiet rilevanti tal-applikazzjoni.

Trattament tal-ilmenti

Daħħal l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament Delegat (UE) 2025/305, billi ddaħħal dik l-informazzjoni hawn jew billi tirreferi għat-taqsimiet rilevanti tal-applikazzjoni.

Politika ta’ kustodja u ta’ amministrazzjoni

Daħħal l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 12 tar-Regolament Delegat (UE) 2025/305, billi tistabbilixxi dik l-informazzjoni hawn jew billi tirreferi għat-taqsimiet rilevanti tal-applikazzjoni.

Regoli operattivi tal-pjattaforma ta’ negozjar u identifikazzjoni tal-abbuż tas-suq

Daħħal l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 13 tar-Regolament Delegat (UE) 2025/305, billi tistabbilixxi dik l-informazzjoni hawn jew billi tirreferi għat-taqsimiet rilevanti tal-applikazzjoni.

Skambju ta’ kriptoassi ma’ fondi jew ma’ kriptoassi oħrajn

Daħħal l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament Delegat (UE) 2025/305, billi tistabbilixxi dik l-informazzjoni hawn jew billi tirreferi għat-taqsimiet rilevanti tal-applikazzjoni.

Politika ta’ eżekuzzjoni

Daħħal l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 15 tar-Regolament Delegat (UE) 2025/305, billi tistabbilixxi dik l-informazzjoni hawn jew billi tirreferi għat-taqsimiet rilevanti tal-applikazzjoni.

Għoti ta’ pariri jew immaniġġjar ta’ portafolli tal-kriptoassi

Daħħal l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 16 tar-Regolament Delegat (UE) 2025/305, billi tistabbilixxi dik l-informazzjoni hawn jew billi tirreferi għat-taqsimiet rilevanti tal-applikazzjoni.

Servizzi ta’ trasferiment

Daħħal l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 17 tar-Regolament Delegat (UE) 2025/305, billi tistabbilixxi dik l-informazzjoni hawn jew billi tirreferi għat-taqsimiet rilevanti tal-applikazzjoni.

[firma tar-rappreżentant legali]


(1)   ĠU L, 2025/306, 31.3.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/306/oj.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/305 tal-31 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża f’applikazzjoni għal awtorizzazzjoni bħala fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi (ĠU L, 2025/305, 31.3.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/305/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/306/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)