European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/222

6.2.2025

DEĊIŻJONI (UE) 2025/222 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-27 ta’ Jannar 2025

dwar l-aċċess minn fornituri ta’ servizzi ta’ pagament mhux bankarji għal sistemi ta’ pagament operati minn bank ċentrali tal-Eurosistema u kontijiet tal-bank ċentrali (BĊE/2025/2)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari r-raba' inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 22 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari r-raba’ inċiż tal-Artikolu 3.1, l-Artikolu 12.1, l-Artikolu 22, flimkien mal-Artikolu 17 tiegħu,

Filwaqt li:

(1)

L-Eurosistema topera sistemi ta’ pagament skont il-mandat u s-setgħat tagħha stabbiliti fl-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn issa ‘l quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”) – b’mod partikolari r-raba’ inċiż tal-Artikolu 3.1, l-Artikolu 12.1, l-Artikolu 22, flimkien mal-Artikolu 17 – u f’konformità mal-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni. Fit-twettiq ta’ dan l-Eurosistema tieħu kont debitu tal-Artikolu 2, il-punt (b), tad-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), kif emendat bl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2024/886 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li jinkludi l-istituzzjonijiet ta’ pagament u l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi, (kollettivament imsejħa fornituri ta’ servizzi ta’ pagament mhux bankarji, jew NB-PSPs) fil-lista ta’ istituzzjonijiet eliġibbli, soġġetti għal kundizzjonijiet, biex isiru parteċipanti fis-sistemi ta’ pagament nominati taħt dik id-Direttiva. L-Artikolu 35a tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), kif imdaħħal bl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2024/886, jimponi kundizzjonijiet addizzjonali — meta mqabbla ma’ istituzzjonijiet oħra — li tali NB-PSPs iridu jissodisfaw qabel ma jitolbu l-parteċipazzjoni f’sistemi nominati taħt id-Direttiva 98/26/KE. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva (UE) 2015/2366, kif emendat bl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2024/886, jippermetti lill-NB-PSPs jiddepożitaw il-fondi tal-klijenti tagħhom għas-salvagwardja f’kont separat f’istituzzjoni ta’ kreditu jew f’bank ċentrali fid-diskrezzjoni ta’ dak il-bank ċentrali.

(2)

L-eliġibbiltà tal-NB-PSPs biex jaċċessaw is-sistemi ta’ pagament operati mill-bank ċentrali tal-Eurosistema għandha l-għan li żżid l-effiċjenza u l-funzjonament bla xkiel tas-settur tal-pagamenti bl-imnut, inkluż, iżda mhux limitat għal, l-iffaċilitar tal-forniment ta’ pagamenti istantanji fiż-żona tal-euro kollha.

(3)

Fl-interess taċ-ċertezza legali u biex tiġi evitata diskriminazzjoni bejn l-NB-PSPs abbażi tal-post tal-istabbiliment, il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jieħdu approċċ uniformi rigward l-aċċess mill-NB-PSPs għas-sistemi ta’ pagament kollha operati mill-bank ċentrali tal-Eurosistema u kontijiet tal-bank ċentrali. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom għalhekk japplikaw sett ta’ kriterji mhux diskriminatorji, oġġettivi u bbażati fuq ir-riskju biex jippermettu aċċess dirett min-NB-PSPs għal dawn is-sistemi ta’ pagament operati mill-bank ċentrali tal-Eurosistema. Dan jiżgura li l-aċċess dirett mill-NB-PSPs jippromwovi l-integrità tas-suq u jappoġġja l-kompetizzjoni u l-innovazzjoni fl-ekosistema tas-servizzi ta’ pagament, mingħajr ma joħloq riskji għar-reżiljenza, l-integrità u s-sigurtà tas-sistemi ta’ pagament u għalhekk mingħajr ma jsir sors ta’ riskju sistemiku.

(4)

L-Artikolu 35a(1) tad-Direttiva 2015/2366 jistabbilixxi kundizzjonijiet speċifiċi applikabbli għal NB-PSPs li jixtiequ jipparteċipaw f’sistemi ta’ pagament nominati taħt id-Direttiva 98/26/KE. L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-proċedura li biha tiġi vvalutata l-konformità tal-NB-PSPs ma’ tali kundizzjonijiet. Mingħajr preġudizzju għal dawn il-proċeduri, huwa importanti li jiġi stabbilit sett komuni ta’ rekwiżiti minimi fil-livell tal-Eurosistema li jkun jeħtieġ li jiġu ssodisfati mill-NB-PSPs li jixtiequ jiksbu aċċess għal sistemi ta’ pagament operati minn bank ċentrali. Dawn ir-rekwiżiti minimi għandhom jiġu riflessi kif xieraq fit-termini u l-kundizzjonijiet tal-ftehim bejn il-banek ċentrali tal-Eurosistema u l-NB-PSPs, u għandhom jinkludu konformità ma’ ċerti rekwiżiti ta’ sigurtà u s-sottomissjoni lill-bank ċentrali tal-Eurosistema rilevanti ta’, fost oħrajn, dikjarazzjonijiet mill-NB-PSP jew l-awtorità nazzjonali rilevanti li jikkonfermaw il-konformità inizjali tiegħu, u wara, it-tkomplija tal-konformità mal-kundizzjonijiet kif stabbiliti fil-liġi nazzjonali li timplimenta l-Artikolu 35a(1) tad-Direttiva 2015/2366, u l-forniment ta’ dokumentazzjoni ta’ sostenn addizzjonali fejn mitlub mill-banek ċentrali tal-Eurosistema.

(5)

Id-Direttiva 98/26/KE u d-Direttiva (UE) 2015/2366 ma jagħtux aċċess awtomatiku lill-NB-PSPs għas-sistemi ta’ pagament tal-Eurosistema li huma operati skont ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 3.1 u l-Artikoli 17, 18 u 22 tal-Istatut tas-SEBĊ bħal ma hi s-sistema ta’ ġenerazzjoni ġdida tal-Eurosistema Trans-European Automated Real-time Gross Settlement Express Transfer (TARGET). It-TARGET hija strutturata bħala multipliċità ta’ sistemi ta’ pagament u tipprovdi kontijiet għas-saldu bl-euro fi flus tal-bank ċentrali, u għalhekk għandha rwol essenzjali fit-twettiq ta’ ċerti kompiti bażiċi tal-Eurosistema, inkluża l-promozzjoni tal-operat bla xkiel tas-sistemi ta’ pagament. Il-kriterji ta’ aċċessibbiltà u r-regoli għall-parteċipazzjoni fit-TARGET huma stabbiliti fil-Linja Gwida (UE) 2022/912 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2022/8) (4).

(6)

L-Eurosistema għandha l-għan li tipprovdi aċċess dirett għat-TARGET lill-parteċipanti eliġibbli kollha. B’riżultat ta’ dan, jenħtieġ li l-NB-PSPs li huma eliġibbli biex jipparteċipaw fit-TARGET ma jibqgħux irreġistrati bħala detenturi ta’ kodiċi ta’ identifikazzjoni tan-negozju (BIC) indirizzabbli jew partijiet aċċessibbli fil-kont proprju tal-banek ċentrali tal-Eurosistema, bl-eċċezzjoni ta’ kont tekniku ta’ sistema ta’ pagament operat minn bank ċentrali fis-sistema ta’ Saldu ta’ Pagament Istantanju tat-TARGET (TIPS).

(7)

Sabiex jiġi minimizzat kwalunkwe tfixkil potenzjali jew impatt negattiv fuq l-ipproċessar tal-pagamenti li jaffettwa lill-utenti finali ladarba ċerti NB-PSPs ma jibqgħux irreġistrati bħala detenturi ta’ BIC indirizzabbli jew partijiet aċċessibbli fil-kont proprju tal-banek ċentrali tal-Eurosistema, huwa meħtieġ perijodu tranżitorju li jippermetti l-migrazzjoni ta’ tali NB-PSPs li huma eliġibbli u li jixtiequ jsiru parteċipanti diretti fit-TARGET. L-NB-PSPs li għalihom japplika dan il-perijodu tranżitorju huma dawk irreġistrati bħala detenturi ta’ BIC indirizzabbli jew partijiet aċċessibbli fil-kont proprju tal-banek ċentrali tal-Eurosistema. It-tul tal-perijodu tranżitorju jkun jeħtieġ li jkun biżżejjed biex jiffaċilita t-tlestija tal-implimentazzjoni amministrattiva u teknika kollha meħtieġa, inklużi l-attivitajiet ta’ ttestjar mill-NB-PSPs flimkien mal-banek ċentrali rilevanti tal-Eurosistema, u biex jippermetti l-migrazzjoni ta’ diversi entitajiet għal mudell ta’ konnessjoni ġdid mingħajr ma jkun hemm piż żejjed bla bżonn fuq kwalunkwe bank ċentrali individwali tal-Eurosistema. Perijodu tranżitorju sal-31 ta’ Diċembru 2025 huwa meqjus raġonevoli u xieraq għal tali implimentazzjoni u għat-tneħħija gradwali tal-konnessjoni eżistenti minn ċerti NB-PSPs għall-ipproċessar tal-pagamenti.

(8)

Iż-żamma mill-NB-PSPs ta’ kontijiet f’sistema ta’ pagament operata minn bank ċentrali tal-Eurosistema, inkluż it-TARGET, filwaqt li hija permissibbli, għandha tkun biss għall-fini tat-tqegħid ta’ fondi biex jiġu ssodisfati l-obbligi ta’ saldu. Għalhekk, il-bilanċ, jew il-parteċipazzjonijiet, f’kontijiet bħal dawn ma għandhomx jaqbżu dak li huwa meħtieġ biex jiġu ssodisfati dawn l-obbligi. It-tqegħid ta’ fondi li jaqbżu dak l-ammont f’kontijiet miżmuma f’sistema ta’ pagament operata minn bank ċentrali tal-Eurosistema jikkontradixxi l-għan tiegħu. Minn perspettiva ta’ prezz u stabbiltà finanzjarja, huwa importanti li tali kontijiet jintużaw għal skopijiet ta’ pagament u ma jintużawx ħażin għal finijiet ta’ salvagwardja. Konsegwentement, għandu japplika ammont massimu limitu ta’ parteċipazzjoni u dan ir-rekwiżit kif ukoll id-dispożizzjonijiet dwar il-kalkolu tiegħu għandu jiġi rifless kif xieraq fit-termini u l-kundizzjonijiet tal-ftehimiet bejn il-banek ċentrali tal-Eurosistema u l-NB-PSPs.

(9)

Fir-rigward ta’ kontijiet fit-TARGET, il-kalkolu ta’ kontijiet ta’ parteċipazzjoni massima għandu b’mod ġenerali jagħti attenzjoni xierqa għal obbligi ta’ saldu li joriġinaw minn parteċipazzjoni diretta ta’ NP-PSP f’sistemi ta’ pagament anċillari b’saldu fit-TARGET, u l-ammont massimu limitu ta’ parteċipazzjoni għandu ġeneralment japplika wkoll għal parteċipazzjonijiet ta’ NB-PSP fuq il-kontijiet tekniċi tat-TARGET ta’ tali sistemi anċillari. Madanakollu, l-iskarsità ta’ data affidabbli dwar il-bilanċi miżmuma min-NB-PSP f’kontijiet tat-TARGET għall-finijiiet ta’ proċeduri ta’ sistema anċillari speċifika tostakola l-monitoraġġ ta’ kuljum effettiv li banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom iwettqu biex jiddentifikaw użu ħażin min-NB-PSPs ta’ tali kontijiet biż-żamma ta’ likwidità eċċessiva. B’mod speċifiku, il-banek ċentrali tal-Eurosistema m’għandhomx viżibbiltà fuq il-bilanċi miżmuma min-NB-PSPs fuq: (a) kontijiet tat-TARGET għall-finijiet tas-sistema tal-proċedura ta’ saldu D ta’ sistema anċillari għas-saldu f’ħin reali (minn issa ‘l quddiem il-“proċedura ta’ saldu D ta’ RTGS AS”) imsemmija fl-Anness I, Parti VI, l-Artikolu 6, tal-Linja Gwida (UE) 2022/912 (BĊE/2022/8); u (b) kontijiet tat-TARGET għall-finijiet tal-proċeduri ta’ saldu ta’ sistema anċillari (TIPS AS) għas-saldu ta’ ħlasijiet istantanji tat-TARGET (TIPS) imsemmija fl-Anness I, Parti VII, ta’ dik il-Linja Gwida. Għaldaqstant, għall-finijiet preżenti, kwalunkwe fondi miżmuma min-NB-PSP f’kontijiet tat-TARGET għall-finijiet tal-proċedura ta’ saldu D ta’ RTGS AS jew il-proċeduri ta’ saldu ta’ TIPS AS ma għandhomx ikunu inklużi fil-kalkolu ta’ ammont massimu limitu ta’ parteċipazzjoni, u ebda limitu bħal dan ma għandu japplika għal dawk il-fondi. Minflok, għandu jiġi stabbilit reġim ta’ attestazzjoni proprja ta’ kull xahar għal NB-PSPs fejn rilevanti, sabiex il-banek ċentrali tal-Eurosistema rilevanti jkunu jistgħu jżommu monitoraġġ dwar jekk il-fondi miżmuma min-NB-PSPs f’kontijiet tat-TARGET għal tali finijiet huma, fil-fatt, qed jintużaw biex jilħqu l-obbligi ta’ saldu. Dan ir-reġim ta’ attestazzjoni proprja għandu jinkludi rapporti, fuq bażi ta’ kull xahar, tal-parteċipazzjoni mil-lum għall-għada l-aktar għolja u dik medja ta’ kuljum ta’ NB-PSP fuq tali kontijiet, kif ukoll l-ammonti tal-obbligu ta’ saldu l-aktar għoljin u dawk medji pproċessati fis-sistema anċillari korrispondenti.

(10)

L-Eurosistema għandha tirrevedi l-metodu għall-kalkolu tal-ammonti massimi ta’ parteċipazzjoni f’intervalli speċifikati ladarba jkun hemm stabbilizzazzjoni fil-mudell operattiv u sabiex tnaqqas tendenza persistenti ‘l fuq f’dawn l-ammonti.

(11)

Sabiex titrawwem kultura ta’ konformità mar-rekwiżiti li jikkonċernaw l-ammonti massimi limiti ta’ parteċipazzjoni, il-bank ċentrali tal-Eurosistema rilevanti għandu jimponi penali fuq NB-PSP li jżomm ammonti ogħla mill-ammont massimu ta’ parteċipazzjoni rilevanti f’tali kontijiet. Sabiex jiġi skoraġġut ksur ripetut jew sistematiku, kwalunkwe inċident ta’ ksur li jinvolvi ammonti sinifikanti li jaqbżu l-ammonti massimi rilevanti ta’ parteċipazzjoni, jew nuqqas ta’ tnaqqis ta’ kwalunkwe ammont żejjed bħal dan miżmum fil-kontijiet ta’ NB-PSP minnufih wara l-wasla għandu jkun fost l-avvenimenti meqjusa bħala nuqqas ta’ konformità materjali mar-rekwiżiti applikabbli. F’każijiet bħal dawn il-bank ċentrali tal-Eurosistema rilevanti għandu jitħalla jittermina l-parteċipazzjoni tal-NB-PSP fis-sistema ta’ pagament operata mill-bank ċentrali rilevanti u jimponi penali addizzjonali fir-rigward ta’ kwalunkwe kont li jingħalaq bħala riżultat.

(12)

Filwaqt li d-Direttiva (UE) 2015/2366 tirrikjedi li l-NB-PSPs jipproteġu l-fondi tal-klijenti tagħhom billi jiftħu kontijiet ta’ salvagwardja jew b’mezzi oħra, mhijiex il-funzjoni ewlenija tal-banek ċentrali li jaġixxu bħala sostitut għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-forniment ta’ servizzi ta’ salvagwardja. L-offerta ta’ kontijiet ta’ salvagwardja mill-banek ċentrali jista’ jkollha impatt fuq is-sikurezza u s-solidità ġenerali tal-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja u tas-sistema finanzjarja inġenerali, u jistgħu jinħolqu riskji sinifikanti għall-kisba tal-objettivi tal-Eurosistema, speċifiċi għall-banek ċentrali. Riskji bħal dawn jinkludu flussi ta’ ħruġ ta’ depożiti minn istituzzjonijiet ta’ kreditu, pereżempju f’xenarju fejn id-depożiti jinżammu fil-bank ċentrali li jwassal għal diżintermedjazzjoni progressiva tas-settur bankarju kummerċjali li jkollha impatt negattiv fuq id-disponibbiltà tal-likwidità u b’hekk ixxekkel it-trażmissjoni effettiva tal-politika monetarja. Bl-istess mod, munita diġitali sintetika tal-bank ċentrali, pereżempju flus elettroniċi maħruġa min-NB-PSP u appoġġjata bis-sħiħ minn flus tal-bank ċentrali, tista’ ttappan id-distinzjoni bejn flus tal-bank ċentrali, assi ta’ saldu mingħajr riskju ta’ kreditu u likwidità, u flus tal-bank kummerċjali. Id-depożitu tal-fondi tal-klijenti fil-banek ċentrali jista’ jirriskja li jgħaqqad il-flus elettroniċi ma’ forom oħra ta’ flus, inklużi l-flus tal-bank ċentrali, f’moħħ il-pubbliku, u b’hekk ifixkel il-perċezzjonijiet tar-riskju.

(13)

Ir-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), li japplika mit-30 ta’ Diċembru 2024, jobbliga lill-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi jissalvagwardjaw il-fondi tal-klijenti tagħhom ma’ istituzzjoni ta’ kreditu jew, meta tali kont ikun disponibbli, ma’ bank ċentrali. Fil-każ tal-aħħar, kull deċiżjoni li jiġu offruti kontijiet għall-finijiet ta’ salvagwardja tibqa’ fid-diskrezzjoni tal-banek ċentrali tal-Eurosistema. Jenħtieġ li opzjoni ta’ salvagwardja fil-banek ċentrali tal-Eurosistema ma tiġix offruta lill-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi għall-istess raġunijiet li ma għandhiex tiġi offruta lill-NB-PSPs, kif ukoll biex jinżammu kundizzjonijiet ekwi fost id-diversi istituzzjonijiet li jipparteċipaw fis-suq tas-servizzi ta’ pagament.

(14)

Il-forniment ta’ kontijiet ta’ salvagwardja barra mit-TARGET, jiġifieri f’sistemi ta’ pagament nazzjonali jew direttament fil-kotba ta’ bank ċentrali tal-Eurosistema, huwa rilevanti għall-kompiti bażiċi tal-implimentazzjoni tal-politika monetarja u l-iżgurar tal-operat bla xkiel tas-sistemi ta’ pagament u għaldaqstant jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 17 u 22 tal-Istatut tas-SEBĊ. Għalhekk, għal din ir-raġuni wkoll, kontijiet ta’ salvagwardja ma għandhomx jiġu offruti jew ipprovduti lil NB-PSPs u lill-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi minn banek ċentrali individwali tal-Eurosistema. Biex ma jkunx hemm dubju, kontijiet tekniċi ta’ sistemi anċillari għall-proċedura ta’ Saldu D tal-RTGS AS jew kontijiet tekniċi tat-TIPS AS, filwaqt li huma kontijiet ta’ fondi ggarantiti, mhumiex kontijiet ta’ salvagwardja għall-finijiet tal-Artikolu 10(1), il-punt (a), tad-Direttiva (UE) 2015/2366 jew għall-finijiet tal-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(15)

NB-PSPs li għandhom aċċess għal sistemi ta’ pagament operati minn bank ċentrali għandhom jitħallew jiftħu diversi kontijiet ta’ saldu, skont l-offerta tal-operatur tas-sistema ta’ pagament. Filfatt, kontijiet multipli ma jipprevedux is-segregazzjoni tal-fondi tal-klijenti peress li tali kontijiet ma jkunux protetti kontra l-insolvenza.

(16)

Il-Linja Gwida (UE) 2022/912 (BĊE/2022/8) għandha tiġi emendata, u għalhekk l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni li jirrigwardaw talbiet min-NB-PSPs għal aċċess għat-TARGET għandha tiġi ddifferita sas-16 ta’ Ġunju 2025, li hija d-data li fiha l-emendi għal-Linja Gwida (UE) 2022/912 (BĊE/2022/8), għal raġunijiet tekniċi, se jkollhom japplikaw.

(17)

Għal ċertezza legali u fl-interess li jiġi ffaċilitat l-allinjament tat-termini u l-kundizzjonijiet tal-banek ċentrali tal-Eurosistema bħala operaturi tas-sistema ta’ pagament jew banek ċentrali li jżommu kontijiet, mal-emendi leġiżlattivi rilevanti reċenti tal-Unjoni, id-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandha tiġi allinjata mad-data sa meta l-Istati Membri huma meħtieġa jittrasponu l-emendi għad-Direttiva 98/26/KE u d-Direttiva (UE) 2015/2366 magħmula mir-Regolament (UE) 2024/886, li hija d-9 ta’ April 2025,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“bank ċentrali tal-Eurosistema” tfisser jew il-Bank Ċentrali Ewropew jew bank ċentrali nazzjonali ta' Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro;

(2)

“sistema ta’ pagament operata minn bank ċentrali” tfisser sistema ta’ pagament operata minn bank ċentrali tal-Eurosistema li tinkludi sistema komponenti tat-TARGET;

(3)

“fornitur ta’ servizzi ta’ pagament mhux bankarju” jew “NB-PSP” tfisser kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

istituzzjoni ta’ pagament kif definita fl-Artikolu 4, il-punt (4), tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jibbenefikaw minn eżenzjoni skont l-Artikolu 2(5), jew l-Artikoli 32 jew 33 ta’ dik id-Direttiva;

(b)

istituzzjoni tal-flus elettroniċi kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (1), tad-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), bl-eċċezzjoni ta’ persuna ġuridika li tibbenefika minn eżenzjoni skont l-Artikolu 9 ta’ dik id-Direttiva;

(4)

“kont ta’ salvagwardja” tfisser kont separat f’istituzzjoni ta’ kreditu jew, fid-diskrezzjoni ta’ bank ċentrali tal-Eurosistema, f’dak il-bank ċentrali, li jinfetaħ minn:

(a)

fornitur ta’ servizzi ta’ pagament mhux bankarju biex jiżgura s-segregazzjoni tal-fondi tal-klijenti tiegħu mill-fondi proprji tal-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament mhux bankarju, għall-finijiet tal-Artikolu 10(1), il-punt (a), tad-Direttiva (UE) 2015/2366;

(b)

fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi biex jiżgura s-salvagwardja tad-drittijiet ta’ sjieda tal-klijenti tiegħu u jipprevjeni l-użu tal-fondi tal-klijenti tiegħu għall-kont proprju tiegħu, għall-finijiet tal-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8);

(5)

“fornitur ta’ servizz tal-kriptoassi” tfisser fornitur ta’ servizz tal-kriptoassi kif definit fl-Artikolu 3(1), il-punt (15), tad-Direttiva (UE) 2023/1114;

(6)

“ordni ta’ trasferiment ta’ flus kontanti” tfisser ordni ta’ trasferiment ta’ flus kontanti kif definit fl-Anness III, il-punt (16) tal-Linja Gwida (UE) 2022/912 (BĊE/2022/8);

(7)

“tmiem il-jum ta’ negozju” tfisser il-ħin limitu, kif previst fir-regoli tas-sistema ta’ pagament operata mill-bank ċentrali rilevanti, għas-saldu ta’ ordnijiet ta’ trasferiment ta’ flus kontanti għal dak il-jum ta’ negozju speċifiku.

Artikolu 2

Aċċess għal sistemi ta’ pagament operati minn bank ċentrali

1.   Bank ċentrali tal-Eurosistema għandu fuq talba jipprovdi aċċess għas-sistemi ta’ pagament tiegħu operati mill-bank ċentrali għal fornitur ta’ servizzi ta’ pagament mhux bankarju (NB-PSP) li jikkonforma mar-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)

l-NB-PSP (jew parti terza li twettaq tali kompiti li għall-azzjonijiet u l-ommissjonijiet tagħha l-NB-PSP tibqa’ unikament responsabbli) jinstalla, jimmaniġġja, jopera, iżomm monitoraġġ u jiżgura s-sigurtà tal-infrastruttura tal-IT meħtieġa biex isseħħ konnessjoni mas-sistema ta’ pagament operata mill-bank ċentrali u tkun tista’ tissottometti ordnijiet ta’ trasferiment ta’ flus lis-sistema ta’ pagament operata mill-bank ċentrali;

(b)

l-NB-PSP jipprovdi kwalunkwe informazzjoni ta’ sostenn li l-bank ċentrali rilevanti raġonevolment iqis meħtieġa biex jiddeċiedi dwar applikazzjoni biex jinkiseb aċċess għas-sistema ta’ pagament operata mill-bank ċentrali;

(c)

l-NB-PSP jimplimenta kontrolli tas-sigurtà adegwati biex jipproteġi s-sistemi tiegħu minn aċċess u użu mhux awtorizzati, inkluż fir-rigward tar-reżiljenza ċibernetika u s-sigurtà tal-informazzjoni;

(d)

l-NB-PSP jissottometti lill-bank ċentrali rilevanti jew dikjarazzjoni maħruġa mill-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti jew dikjarazzjoni debitament iffirmata kif approvata mill-korp maniġerjali kompetenti tal-NB-PSP, fiż-żewġ każijiet li tikkonferma l-konformità tal-NB-PSP ma’: (i) il-kundizzjonijiet għat-talba ta’ parteċipazzjoni f’sistemi ta’ pagament nominati, kif stabbiliti fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi nazzjonali li jimplimentaw l-Artikolu 35a(1) tad-Direttiva 2015/2366; u (ii) il-proċeduri kif stabbiliti fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi nazzjonali li jimplimentaw l-Artikolu 35a(2) tad-Direttiva 2015/2366.

Sabiex ma jkunx hemm dubju, xejn f’dan il-paragrafu ma jeżenta lil NB-PSPs milli jikkonformaw ma’ kwalunkwe rekwiżit, inklużi proċeduri ta’ applikazzjoni speċifiċi, applikabbli għalihom skont il-Linja Gwida (UE) 2022/912 (BĊE/2022/8).

2.   Fir-rigward ta’ kwalunkwe talba min-NB-PSP lil bank ċentrali tal-Eurosistema biex jipprovdi aċċess għat-TARGET, id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw mis-16 ta’ Ġunju 2025.

3.   NB-PSP li jkun ġie pprovdut b’aċċess għal sistema ta’ pagament operata minn bank ċentrali għandu jissottometti lill-bank ċentrali rilevanti darba f’kull sena minn tali aċċess dikjarazzjoni ffirmata kif approvata mill-korp maniġerjali kompetenti tiegħu li tikkonferma l-konformità kontinwa mill-NB-PSP mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1, il-punti (c) u (d). Il-bank ċentrali rilevanti għandu jkun intitolat jivverifika l-informazzjoni pprovduta f’tali dikjarazzjoni u jitlob kwalunkwe dokumentazzjoni ta’ sostenn li raġonevolment iqis meħtieġa.

4.   Bank ċentrali nazzjonali ta’ Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro jista’ jinkludi rekwiżiti addizzjonali fuq NB-PSPs biex jaċċedu s-sistemi ta’ pagament operati mill-bank ċentrali, sabiex ikun indirizzat il-profil ta’ riskju speċifiku tas-sistemi ta’ pagament operati mill-bank ċentrali tiegħu li mhumiex TARGET.

Artikolu 3

Kontijiet f’sistemi ta’ pagament operati minn bank ċentrali u nuqqas ta’ offerta ta’ kontijiet ta’ salvagwardja

1.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema ma għandhomx joffru jew jipprovdu kontijiet ta’ salvagwardja lil NB-PSPs jew lil fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi.

2.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema ma għandhomx jiftħu kontijiet għajr kontijiet f’sistemi ta’ pagament operati minn bank ċentrali għal NB-PSPs li huma eliġibbli biex jipparteċipaw f’tali sistemi ta’ pagament operati minn bank ċentrali.

3.   Il-kontijiet tat-TARGET offruti għall-finijiet tas-sistema tal-proċedura ta’ saldu D ta’ sistema anċillari għas-saldu f’ħin reali kif imsemmija fl-Anness I, Parti IV, Artikolu 6, tal-Linja Gwida (UE) 2022/912 (BĊE/2022/8) (minn issa ‘l quddiem il-“proċedura ta’ saldu D ta’ RTGS AS”) u kontijiet tat-TARGET offruti għall-finijiet tal-proċeduri ta’ saldu ta’ sistema anċillari (TIPS AS) għas-saldu ta’ ħlasijiet istantanji tat-TARGET (TIPS) skont l-Anness I, Parti VII, ta’ dik il-Linja Gwida (minn issa ‘l quddiem “proċeduri ta’ saldu ta’ TIPS AS”) ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala kontijiet ta’ salvagwardja għall-finijiet tal-paragrafu 1.

4.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom, mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2025, jitterminaw l-aċċess għal NB-PSPs irreġistrati bħala detenturi ta’ kodiċi ta’ identifikazzjoni tan-negozju (BIC) indirizzabbli jew partijiet aċċessibbli fil-kont proprju tal-banek ċentrali tal-Eurosistema fit-TARGET.

5.   Soġġett għall-Artikolu 2(4), il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jipprovdu aċċess, dirett jew mod ieħor, għal NB-PSPs għal sistemi ta’ pagament operati minn bank ċentrali minbarra t-TARGET fuq l-istess bażi li tali aċċess huwa offrut għal parteċipanti eliġibbli oħra.

6.   Ir-rimunerazzjoni tal-parteċipazzjonijiet fil-kontijiet kollha miżmuma mill-NB-PSPs f’kull sistema ta’ pagament operata minn bank ċentrali tal-Eurosistema għandha tkun skont id-Deċiżjoni (UE) 2024/1209 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2024/11) (9).

Artikolu 4

Ammonti massimi ta’ parteċipazzjoni

1.   Il-fondi miżmuma fi tmiem il-jum tan-negozju min-NB-PSP fil-kontijiet kollha fi kwalunkwe sistema ta’ pagament operata minn bank ċentrali individwali tal-Eurosistema, inklużi l-kontijiet tat-TARGET speċifikati fil-paragrafu 2, ma għandhomx jaqbżu l-ammont massimu ta’ parteċipazzjoni applikabbli għal dik is-sistema ta’ pagament.

2.   Il-fondi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu fondi miżmuma fi tmiem il-jum ta’ negozju min-NB-PSP fi kwalunkwe mill-kontijiet li ġejjin fit-TARGET:

(a)

Kont ta’ Flus Ewlieni (MCA) kif imsemmi fl-Anness I, Parti II, tal-Linja Gwida (UE) 2022/912 (BĊE/2022/8);

(b)

Kont ta’ Flus Dedikat għal RTGS (RTGS DCA) kif imsemmi fl-Anness I, Parti III, tal-Linja Gwida (UE) 2022/912 (BĊE/2022/8);

(c)

Kontijiet ta’ Flus Dedikati għas-Saldu ta’ Ħlasijiet Istantanji tat-TARGET (TIPS) (TIPS DCAs) kif imsemmija fl-Anness 1, Parti V, tal-Linja Gwida (UE) 2022/912 (BĊE/2022/8).

3.   Il-fondi msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhomx jinkludu fondi miżmuma min-NB-PSP f’kontijiet tat-TARGET għall-finijiet tal-proċedura D ta’ saldu ta’ RTGS AS jew tal-proċeduri ta’ saldu ta’ TIPS AS.

4.   L-ammont massimu ta’ parteċipazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi kkalkolat kif ġej:

(a)

Fejn l-NB-PSP ikun ilu jopera għal perijodu ta’ 12-il xahar qabel l-applikazzjoni tiegħu għal aċċess għal sistema ta’ pagament operata minn bank ċentrali, l-ammont massimu ta’ parteċipazzjoni għandu jkun id-doppju tal-ogħla valur tal-ordnijiet ta’ trasferiment ta’ flus ħerġin inkluż, fejn rilevanti, ordnijiet ta’ trasferiment ta’ sistema anċillari imma esklużi trasferimenti ta’ likwidità tal-NB-PSP fi kwalunkwe jum ta’ negozju matul il-perijodu preċedenti ta’ 12-il xahar kalendarju. L-NB-PSP għandu jinkludi l-kalkolu dettaljat ta’ dak l-ammont massimu ta’ parteċipazzjoni fl-applikazzjoni tiegħu għall-bank ċentrali tal-Eurosistema rilevanti biex jipparteċipa fis-sistema ta’ pagament operata mill-bank ċentrali.

(b)

Meta l-NB-PSP ma jkunx qed jopera għal perijodu ta’ 12-il xahar qabel l-applikazzjoni tiegħu għal aċċess għal sistema ta’ pagament operata minn bank ċentrali, l-ammont massimu ta’ parteċipazzjoni għandu jkun id-doppju tal-valur massimu totali mistenni tal-ordnijiet ta’ trasferiment ta’ flus ħerġin inkluż, meta rilevanti, ordnijiet ta’ trasferiment ta’ sistema anċillari imma esklużi trasferimenti ta’ likwidità. L-NB-PSP għandu jinkludi l-kalkolu dettaljat tiegħu tal-ammont massimu ta’ parteċipazzjoni propost fl-applikazzjoni tiegħu biex jipparteċipa fis-sistema ta’ pagament operata mill-bank ċentrali.

(c)

Fil-perijodu ta’ 12-il xahar wara l-ftuħ ta’ l-ewwel kont ta’ saldu attiv fis-sistema ta’ pagament operata mill-bank ċentrali, il-bank ċentrali rilevanti tal-Eurosistema għandu jikkalkola mill-ġdid l-ammont massimu ta’ parteċipazzjoni għal kull NB-PSP kull xahar matul l-ewwel trimestru, u wara, kull trimestru. Tali ammont massimu ta’ parteċipazzjoni kkalkolat mill-ġdid għandu japplika mill-jum ta’ negozju li jmiss wara dak tal-kalkolu mill-ġdid u jiġi nnotifikat lil kull NB-PSP mill-bank ċentrali tal-Eurosistema rilevanti u sal-kalkolu mill-ġdid li jmiss.

(d)

Wara l-ewwel perijodu ta’ 12-il xahar wara l-ftuħ ta’ l-ewwel kont ta’ saldu attiv fis-sistema ta’ pagament operata mill-bank ċentrali, il-bank ċentrali tal-Eurosistema rilevanti għandu jikkalkola mill-ġdid l-ammont ta’ parteċipazzjoni massimu darba kull sena. Il-kalkolu mill-ġdid għandu jkun ibbażat fuq il-valur massimu totali reali tal-NB-PSP tal-ordnijiet ta’ trasferiment ta’ flus ħerġin inkluż, meta rilevanti, ordnijiet ta’ trasferiment ta’ sistema anċillari imma esklużi trasferimenti ta’ likwidità matul il-perijodu ta’ 12-il xahar preċedenti fis-sistema ta’ pagament operata mill-bank ċentrali rilevanti u informazzjoni pprovduta lill-bank ċentrali rilevanti tal-Eurosistema skont il-punti a) u b).

(e)

F’ċirkostanzi eċċezzjonali, il-bank ċentrali tal-Eurosistema rilevanti jista’, fid-diskrezzjoni tiegħu, jikkalkola mill-ġdid l-ammont massimu ta’ parteċipazzjoni fuq bażi ad hoc, fil-każ ta’ bidla sinifikanti fil-valuri tas-saldu ta’ NB-PSP li tkun imminenti jew li tkun diġà seħħet u li tista’ tikkawża nuqqas ta’ konformità mal-ammont ta’ parteċipazzjoni massimu rilevanti. Kwalunkwe kalkolu mill-ġdid bħal dan għandu jsir f’konformità mal-punt (b).

5.   Fil-każ li l-fondi totali fuq il-kontijiet tal-NB-PSP jaqbżu l-ammont massimu ta’ parteċipazzjoni applikabbli, il-NB-PSP għandu jieħu passi immedjati biex inaqqas dawk il-fondi totali miżmuma għal ammont taħt l-ammont massimu ta’ parteċipazzjoni. Jekk tali tnaqqis ma jkunx possibbli minħabba pagament li jidħol ftit qabel it-tmiem tal-jum ta’ negozju, it-tnaqqis għandu jsir mingħajr dewmien żejjed wara l-bidu tal-jum ta’ negozju li jmiss.

6.   Meta NB-PSP ikun parteċipant dirett f’sistema ta’ pagament li hija sistema anċillari għat-TARGET, u jistrieħ fuq proċedura D ta’ saldu ta’ RTGS AS jew proċeduri ta’ saldu ta’ TIPS AS, dak l-NB-PSP għandu jirrapporta lill-bank ċentrali rilevanti tal-Eurosistema kull xahar kemm il-parteċipazzjonijiet mil-lum għall-għada l-aktar għoljin kif ukoll dawk medji fuq il-kontijiet tekniċi tas-sistema anċillari tat-TARGET. L-NB-PSP għandu wkoll jirrapporta, kull xahar, l-ammonti tal-obbligu ta’ saldu l-aktar għoljin u dawk medji pproċessati fis-sistema anċillari korrispondenti.

7.   Il-BĊE għandu jirrevedi t-tip ta’ kontijiet elenkati fil-paragrafu 2 mhux aktar tard minn sena wara d-data li fiha tapplika din id-Deċiżjoni, u mill-inqas kull tliet snin minn hemm’ il quddiem. Il-BĊE għandu jirrevedi l-metodu biex jiġi kkalkolat l-ammont massimu ta’ parteċipazzjoni deskritt fil-paragrafu 4 mhux aktar tard minn sena wara d-data li fiha din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ, u mill-anqas kull tliet snin minn hemm ‘il quddiem.

Artikolu 5

Nuqqas ta’ konformità mal-ammont massimu limitu ta’ parteċipazzjoni jew rekwiżiti għall-aċċess għal sistemi ta’ pagament operati minn bank ċentrali

1.   Fil-każ li NB-PSP jonqos milli jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4, il-bank ċentrali tal-Eurosistema rilevanti għandu jimponi penali bir-rata ta’ 0,03 % fuq l-ammont totali li jaqbeż l-ammont massimu miżmum fil-kontijiet kollha mill-NB-PSP fi tmiem il-jum ta’ negozju f’kull sistema ta’ pagament operata mill-bank ċentrali tal-Eurosistema rilevanti, u penali addizzjonali ta’ kuljum ta’ EUR 1 000 għal kull jum ta’ nuqqas ta’ konformità.

2.   Meta NB-PSP ma jkunx irrimedja nuqqas ta’ konformità materjali mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4, il-bank ċentrali rilevanti tal-Eurosistema jista’ jittermina l-parteċipazzjoni tal-NB-PSP fis-sistema ta’ pagament operata mill-bank ċentrali fuq avviż ta’ xahar u għandu jimponi penali addizzjonali ta’ darba ta’ EUR 1 000 għal kull kont magħluq.

Għall-fini ta’ dan il-paragrafu, kull wieħed minn dawn li ġejjin għandu jitqies, fost l-oħrajn, bħala avveniment ta’ nuqqas ta’ konformità materjali: a) ksur sistematiku jew ripetut tal-ammont massimu limitu rilevanti ta’ parteċipazzjoni, inkluż iżda mhux limitat għal ksur li jinvolvi ammont sinifikanti li jaqbeż l-ammont ta’ parteċipazzjoni massimu limitu rilevanti; u b) nuqqas ta’ tnaqqis tal-ammont miżmum fil-kontijiet rilevanti għal inqas mill-ammont massimu ta’ parteċipazzjoni sa tmiem il-jum ta’ negozju wara l-jum ta’ negozju li fih jiġu riċevuti l-fondi.

3.   Jekk NB-PSP ma jibqax jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 2(1), il-bank ċentrali tal-Eurosistema rilevanti jista’ jittermina l-parteċipazzjoni ta’ dak l-NB-PSP fis-sistema ta’ pagament operata mill-bank ċentrali mingħajr avviż minn qabel.

4.   Fil-każ li NB-PSP jonqos milli jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 2(3), il-bank ċentrali rilevanti tal-Eurosistema jista’ jittermina l-parteċipazzjoni ta’ dak l-NB-PSP fis-sistema ta’ pagament operata mill-bank ċentrali fuq avviż ta’ xahar.

5.   Il-BĊE għandu jirrevedi d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu mhux aktar tard minn sena wara d-data li fiha tapplika din id-Deċiżjoni, u mill-inqas kull tliet snin minn hemm’ il quddiem.

Artikolu 6

Emenda tat-termini u l-kundizzjonijiet tas-sistemi ta’ pagament operati minn bank ċentrali

1. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jemendaw it-termini u l-kundizzjonijiet tas-sistemi ta’ pagament kollha operati minn bank ċentrali operati minnhom biex jinkludu r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 5 fejn rilevanti.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Hija għandha tapplika mid-9 ta’ April 2025.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-27 ta’ Jannar 2025.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli (ĠU L 166, 11.6.1998, p. 45).

(2)  Regolament (UE) 2024/886 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2024 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 260/2012 u (UE) 2021/1230 u d-Direttivi 98/26/KE u (UE) 2015/2366 fir-rigward ta’ trasferimenti ta’ kreditu istantanji f’euro (ĠU L, 2024/886, 19.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/886/oj).

(3)  Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).

(4)  Linja Gwida (UE) 2022/912 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta’ Frar 2022 dwar il-ġenerazzjoni ġdida tas-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET) u li tħassar il-Linja Gwida BĊE/2012/27 (BĊE/2022/8) (ĠU L 163, 17.6.2022, p.84).

(5)  Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar is-swieq fil-kriptoassi u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 1095/2010 u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/1937 (ĠU L 150, 9.6.2023, p. 40).

(6)  Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).

(7)  Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7).

(8)  Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar is-swieq fil-kriptoassi, u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 1095/2010 u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/1937 (ĠU L 150, 9.6.2023, p. 40).

(9)  Deċiżjoni (UE) 2024/1209 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ April 2024 dwar ir-remunerazzjoni ta’ ċerti depożiti ta’ politika mhux monetarja miżmuma ma’ banek ċentrali nazzjonali u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2024/11) (ĠU L, 2024/1209, 3.5.2024 ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1209/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/222/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)