European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/214

3.2.2025

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/214

tat-28 ta’ Novembru 2024

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-Kenja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 jistabbilixxi l-kriterji għall-għoti tal-preferenzi tariffarji skont l-arranġament ġenerali tal-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi (“SĠP”).

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 jistipula li pajjiż li jibbenefika minn arranġament għal aċċess preferenzjali għas-suq li jipprovdi l-istess preferenzi tariffarji bħall-SĠP, jew aħjar, għall-kummerċ kollu b’mod sostanzjali, ma għandux igawdi mill-SĠP.

(3)

Il-lista tal-pajjiżi benefiċjarji skont l-SĠP hija stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 978/2012. Skont dak ir-Regolament, il-Kummissjoni se tirrieżamina l-Anness II sal-1 ta’ Jannar kull sena sabiex temenda l-istatus tal-pajjiżi elenkati skont il-kriterji stipulati fl-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament.

(4)

Skont l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, hemm bżonn li jingħata żmien biżżejjed biex pajjiż benefiċjarju tal-SĠP u l-operaturi ekonomiċi ikunu jistgħu jadattaw ruħhom għall-istatus rivedut tal-pajjiż fir-rigward tal-SĠP. Għalhekk, id-deċiżjoni li pajjiż benefiċjarju jitneħħa mil-lista ta’ benefiċjarji tal-SĠP, abbażi tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, għandha tapplika minn sentejn wara d-data tal-applikazzjoni ta’ dak l-arranġament ta’ aċċess preferenzjali għas-suq.

(5)

Arranġament ta’ aċċess preferenzjali għas-suq beda japplika għall-Kenja fl-1 ta’ Lulju 2024. F’konformità mal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, il-Kenja jenħtieġ li titneħħa mill-Anness II ta’ dak ir-Regolament. F’konformità ma’ preċedenti f’każijiet komparabbli u sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u jiġi evitat piż amministrattiv mhux meħtieġ, it-tneħħija tal-Kenja mill-Anness II jenħtieġ li tibda tapplika mill-1 ta’ Jannar 2027,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 huwa emendat kif ġej:

Fl-Anness II, taħt l-intestatura “Pajjiżi benefiċjarji tal-arranġament ġenerali msemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 1(2)”, il-kodiċi alfabetiku u l-pajjiżi korrispondenti li ġejjin jitneħħew mill-kolonni A u B, rispettivament:

KE

Il-Kenja

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2027.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Novembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/978/2023-11-28.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/214/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)