European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/210

4.2.2025

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/210

tat-28 ta’ Jannar 2025

li tawtorizza lil Spanja tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut direttament lill-bastimenti rmiġġati fil-portijiet f’konformità mad-Direttiva 2003/96/KE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (1), u b’mod partikolari tal-Artikolu 19(1), l-ewwel subparagrafu tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1491 (2) awtorizzat lil Spanja biex tapplika rata mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa sal-31 ta’ Diċembru 2024 fuq l-elettriku pprovdut direttament lil bastimenti rmiġġati fil-portijiet għajr dgħajjes għal użu rikreattiv privat (“elettriku mill-art”), f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE.

(2)

B’ittra tas-27 ta’ Frar 2024, Spanja talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq l-elettriku mill-art skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE. L-awtoritajiet Spanjoli pprovdew informazzjoni addizzjonali relatata mat-talba permezz ta’ ittri datati l-11, l-14 u l-15 ta’ Ottubru 2024.

(3)

Bir-rata tat-taxxa mnaqqsa li beħsiebha tapplika, Spanja għandha l-għan li tkompli tippromwovi l-użu tal-elettriku mill-art. L-użu ta’ dan l-elettriku jitqies bħala mod li jagħmel inqas ħsara lill-ambjent biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-elettriku tal-bastimenti li jkunu rmiġġati fil-portijiet milli l-ħruq ta’ fjuwils tal-bastimenti minn dawk il-bastimenti.

(4)

Sa fejn l-użu tal-elettriku mill-art jevita l-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa tal-arja li joriġinaw mill-ħruq tal-fjuwils tal-bastimenti, dan jikkontribwixxi għal titjib fil-kwalità tal-arja lokali fl-ibliet portwarji u għat-tnaqqis tal-istorbju. Il-miżura għalhekk hija mistennija li tikkontribwixxi għall-objettivi tal-politika dwar l-ambjent, is-saħħa u t-tibdil fil-klima tal-Unjoni.

(5)

Il-fatt li Spanja titħalla tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku mill-art ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiżdied l-użu ta’ tali elettriku, peress li l-ġenerazzjoni abbord tal-elettriku se tibqa’ l-aktar alternattiva kompetittiva fil-biċċa l-kbira tal-każijiet. Għall-istess raġuni, u minħabba l-livell relattivament baxx attwali ta’ penetrazzjoni tat-teknoloġija fis-suq, il-miżura x’aktarx li ma twassalx għal distorsjonijiet sinifikanti fil-kompetizzjoni matul il-perjodu ta’ applikazzjoni tagħha u għalhekk mhux se taffettwa b’mod negattiv il-funzjonament xieraq tas-suq intern.

(6)

F’konformità mal-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE, kull awtorizzazzjoni mogħtija skont dik id-dispożizzjoni jeħtieġ li jkollha żmien limitat. Sabiex jiġi żgurat li l-perjodu ta’ awtorizzazzjoni jkun twil biżżejjed sabiex l-operaturi ekonomiċi rilevanti ma jiġux skoraġġuti milli jagħmlu l-investimenti meħtieġa, huwa xieraq li l-awtorizzazzjoni tingħata għal perjodu ta’ 4 snin. Madankollu, jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni tieqaf milli tapplika mid-data tal-applikazzjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ġenerali dwar il-vantaġġi tat-taxxa għall-elettriku mill-art adottata mill-Kunsill skont l-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jew kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-Trattat, jekk tali dispożizzjonijiet isiru applikabbli matul il-perjodu tal-awtorizzazzjoni.

(7)

Sabiex tiġi pprovduta ċertezza legali lill-operaturi tal-portijiet u tal-vapuri u biex jiġu evitati kwalunkwe tfixkil u żieda potenzjali fil-piż amministrattiv għad-distributuri u r-ridistributuri tal-elettriku, jenħtieġ li jiġi żgurat li Spanja tkun tista’ tkompli tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku mill-art. Għalhekk jenħtieġ li tingħata l-awtorizzazzjoni mitluba b’effett mill-1 ta’ Jannar 2025, sabiex tiġi garantita l-kontinwità tal-arranġamenti preċedenti skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1491.

(8)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Spanja hija awtorizzata tapplika rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa fuq l-elettriku pprovdut direttament lil bastimenti, għajr dgħajjes għal użu rikreattiv privat, irmiġġati fil-portijiet, dment li jiġu mħarsa l-livelli minimi ta’ tassazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2003/96/KE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2028.

Madankollu, f’każ li l-Kunsill, filwaqt li jaġixxi abbażi tal-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jew kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-Trattat, jintroduċi sistema ġenerali modifikata għat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija u l-elettriku li magħha l-awtorizzazzjoni mogħtija fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni ma tkunx kompattibbli, din id-Deċiżjoni għandha tieqaf tapplika fil-jum li fih dik is-sistema ġenerali modifikata ssir applikabbli.

Artikolu 3

Id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ Spanja.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Jannar 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

A. SZŁAPKA


(1)   ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/96/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1491 tat-2 ta’ Ottubru 2018 li tawtorizza lil Spanja tapplika rata mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq l-elettriku pprovdut direttament lill-bastimenti rmiġġati f’port, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE (ĠU L 252, 8.10.2018, p. 40, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/1491/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/210/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)