|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/208 |
31.1.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2025/208
tat-30 ta’ Jannar 2025
li tappoġġa proġett dwar il-promozzjoni ta’ kontrolli effettivi tal-esportazzjoni tal-armi
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 31(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi
|
(1) |
L-Istrateġija Globali għall-politika estera u ta’ sigurtà tal-Unjoni, intitolata “Shared Vision, Common Action: A Stronger Europe” (Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa aktar b’Saħħitha), u ppublikata fit-28 ta’ Ġunju 2016, tikkonferma l-appoġġ tal-Unjoni għall-universalizzazzjoni, l-implimentazzjoni sħiħa u l-infurzar ta’ trattati u reġimi multilaterali dwar id-diżarm, in-nonproliferazzjoni u l-kontroll tal-armi. |
|
(2) |
Fid-19 ta’ Novembru 2018, il-Kunsill adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-armi tan-nar, armi ħfief u ta’ kalibru żgħir illeċiti u l-munizzjon tagħhom, intitolata “‘Aktar Sigurtà fuq l-Armi biex Nipproteġu liċ-Ċittadini’”. Dik l-Istrateġija tiddikjara, fost oħrajn, li l-Unjoni ser tkompli tippromwovi kontroll responsabbli u effettiv tal-esportazzjoni tal-armi u tappoġġa l-universalizzazzjoni u l-implimentazzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (TKA). |
|
(3) |
Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (1) tistabbilixxi tmien kriterji li fuqhom għandhom jiġu vvalutati l-applikazzjonijiet għall-esportazzjoni ta’ armi konvenzjonali. Għadd ta’ pajjiżi terzi allinjaw ruħhom ma’ dik il-Pożizzjoni Komuni. |
|
(4) |
Il-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK jistipula li l-Istati Membri għandhom jagħmlu mill-aħjar sabiex iħeġġu lil Stati oħra li jesportaw teknoloġija jew tagħmir militari biex japplikaw il-kriterji stabbiliti f’dik il-Pożizzjoni Komuni. |
|
(5) |
Mill-2008 ‘l hawn, l-attivitajiet tal-Unjoni li jippromwovu kontrolli effettivi u trasparenti tal-esportazzjoni tal-armi żviluppaw wara l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/230/PESK (2) u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/1012/PESK (3), 2012/711/PESK (4), (PESK) 2015/2309 (5), (PESK) 2018/101 (6), (PESK) 2020/1464 (7) u (PESK) 2023/2539 (8). L-attivitajiet imwettqa appoġġaw, b’mod partikolari, aktar kooperazzjoni reġjonali u aktar trasparenza kif ukoll responsabbiltà akbar, f’konformità mal-prinċipji tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK u l-kriterji ta’ valutazzjoni tar-riskju stabbiliti fiha. L-attivitajiet inkwistjoni indirizzaw pajjiżi terzi tal-viċinat tal-Lvant u ta’ dak tan-Nofsinhar tal-Unjoni, pajjiżi terzi fl-Asja Ċentrali, u l-Mongolja. |
|
(6) |
Għadd ta’ pajjiżi kandidati tal-Unjoni rċevew appoġġ fl-ambitu tal-attivitajiet tal-Unjoni biex tippromwovi kontrolli effettivi u trasparenti tal-esportazzjoni tal-armi. Jenħtieġ li tali attivitajiet ulterjuri jkollhom l-għan li jappoġġaw l-aspirazzjonijiet għall-adeżjoni mal-Unjoni ta’ dawk il-pajjiżi, u, qabel l-adeżjoni, is-sħubija tagħhom mal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha fir-rigward ta’ kontrolli tal-esportazzjoni tal-armi. |
|
(7) |
It-TKA għandu l-għan li jsaħħaħ it-trasparenza u r-responsabbiltà fil-kummerċ tal-armi. L-Unjoni tappoġġa l-implimentazzjoni effettiva u l-universalizzazzjoni tat-TKA permezz tal-programmi ddedikati tagħha adottati skont id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2013/768/PESK (9), (PESK) 2017/915 (10) u (PESK) 2021/2309 (11). Dawk il-programmi jgħinu lil għadd ta’ pajjiżi terzi, fuq talba tagħhom, biex isaħħu s-sistemi tagħhom ta’ kontroll tat-trasferiment tal-armi f’konformità mar-rekwiżiti tat-TKA. |
|
(8) |
Għaldaqstant huwa importanti li tiġi żgurata l-komplementarjetà bejn l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ assistenza previsti f’din id-Deċiżjoni u dawk fl-ambitu tal-programmi tal-Unjoni li jappoġġaw l-implimentazzjoni effettiva u l-universalizzazzjoni tat-TKA. Għal dak il-għan, jenħtieġ li jopera mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni fil-forma ta’ skambji regolari ta’ informazzjoni bejn l-aġenziji ta’ implimentazzjoni għall-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi, kif ukoll bejn dawk l-aġenziji ta’ implimentazzjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna. Dak il-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni ser jinvolvi l-parteċipazzjoni ta’ esperti minn Stati Membri oħra kull meta jkun rilevanti. |
|
(9) |
F’dawn l-aħħar snin, l-Unjoni pprovdiet ukoll assistenza biex jittejbu l-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju f’pajjiżi terzi. Jenħtieġ li tiġi żgurata koordinazzjoni effettiva bejn l-attivitajiet skont il-proġett previst f’din id-Deċiżjoni u l-attivitajiet rilevanti għal tali kontrolli tal-esportazzjoni. |
|
(10) |
L-Uffiċċju Federali Ġermaniż għall-Ekonomija u l-Kontroll tal-Esportazzjoni, Bundesamt für Wirtschaft und Ausfuhrkontrolle (BAFA), ġie inkarigat mill-Kunsill bl-implimentazzjoni teknika tad-Deċiżjonijiet 2009/1012/PESK, 2012/711/PESK, (PESK) 2015/2309, (PESK) 2018/101, (PESK) 2020/1464 u (PESK) 2023/2539. Il-BAFA huwa wkoll aġenzija ta’ implimentazzjoni għal proġetti li jappoġġaw l-implimentazzjoni effettiva tat-TKA skont id-Deċiżjonijiet 2013/768/PESK, (PESK) 2017/915 u (PESK) 2021/2309. Il-BAFA ilu mill-2005 involut fl-implimentazzjoni ta’ għadd ta’ proġetti ta’ kooperazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju. Il-BAFA huwa l-awtorità kompetenti għall-kontroll tal-esportazzjoni tal-Ġermanja, u żviluppa korp kbir ta’ għarfien u kompetenzi esperti dwar attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni, barra milli jikkondividi l-kompetenzi ewlenin tiegħu mal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati oħra. |
|
(11) |
L-attivitajiet appoġġati permezz ta’ din id-Deċiżjoni jikkontribwixxu għall-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 16 tal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Bil-ħsieb tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-armi tan-nar, armi ħfief u ta’ kalibru żgħir illeċiti u l-munizzjon tagħhom, intitolata “Aktar Sigurtà fuq l-Armi biex Nipproteġu liċ-Ċittadini”, u l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK, l-Unjoni għandha tkompli tappoġġa proġett dwar il-promozzjoni ta’ kontrolli effettivi tal-esportazzjoni tal-armi.
2. L-objettiv tal-proġett imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun li:
|
(a) |
il-kummerċ internazzjonali tal-armi konvenzjonali jsir aktar responsabbli u trasparenti; |
|
(b) |
jittaffa r-riskju tad-devjazzjoni ta’ armi lejn utenti mhux awtorizzati. |
L-għanjiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jinkisbu permezz tat-trasferiment ta’ għarfien espert bil-mira li jappoġġa l-allinjament mal-istandards legali u operazzjonali tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, skont il-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK, b’enfasi partikolari fuq il-pajjiżi kandidati tal-Unjoni.
3. L-attivitajiet tal-proġett għandhom jiġu implimentati b’mod li huwa komplementari u f’sinerġija ma’ proġetti ta’ assistenza tal-Unjoni fil-qasam tal-kontrolli tal-esportazzjoni tal-armi konvenzjonali u tal-oġġetti b’użu doppju u, fejn xieraq, ma’ proġetti ta’ assistenza ta’ donaturi oħra fil-qasam tal-kontrolli tal-esportazzjoni.
4. Deskrizzjoni dettaljata ta’ dawn il-proġetti tinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
1. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
2. L-implimentazzjoni teknika tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1 għandha titwettaq mill-Uffiċċju Federali Ġermaniż għall-Ekonomija u l-Kontroll tal-Esportazzjoni, Bundesamt für Wirtschaft und Ausfuhrkontrolle (BAFA).
3. Il-BAFA għandu jwettaq il-kompiti tiegħu taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli. Għal dak il-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-BAFA.
Artikolu 3
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett iffinanzjat mill-Unjoni, imsemmi fl-Artikolu 1, għandu jkun ta’ EUR 2 100 000,00.
2. In-nefqa ffinanzjata mill-ammont ta’ referenza stabbilit fil-paragrafu 1 għandha tiġi amministrata f’konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.
3. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni korretta tan-nefqa msemmija fil-paragrafu 2. Għal dak il-għan, għandha tikkonkludi l-ftehim meħtieġ mal-BAFA. Dak il-ftehim għandu jistipula li l-BAFA għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, b’mod adatt għad-daqs tagħha.
4. Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tgħarraf lill-Kunsill dwar kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u dwar id-data tal-konklużjoni tal-ftehim.
Artikolu 4
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti ta’ kull sitt xhur imħejjija mill-BAFA.
2. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġett imsemmija fl-Artikolu 1.
Artikolu 5
1. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
2. Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 3(3). Madankollu, għandha tiskadi sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha jekk ma jkun ġie konkluż ebda ftehim ta’ din ix-xorta f’dak il-perjodu.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Jannar 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
A. SZŁAPKA
(1) Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99, ELI: http://data.europa.eu/eli/compos/2008/944/oj).
(2) L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/230/PESK tas-17 ta’ Marzu 2008 dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-UE sabiex issir promozzjoni tal-kontroll tal-armi għall-esportazzjoni u l-prinċipji u l-kriterji tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-UE dwar l-Esportazzjoni tal-Armi bejn pajjiżi terzi (ĠU L 75, 18.3.2008, p. 81, ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2008/230/oj).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/1012/PESK tat-22 ta’ Diċembru 2009 dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-UE għall-promozzjoni tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi u l-prinċipji u l-kriterji tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK fost pajjiżi terzi (ĠU L 348, 29.12.2009, p. 16, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/1012/oj).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/711/PESK tad-19 ta’ Novembru 2012 dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-Unjoni sabiex issir promozzjoni, fost pajjiżi terzi, tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi u tal-prinċipji u l-kriterji tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK (ĠU L 321, 20.11.2012, p. 62, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/711/oj).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/2309 tal-10 ta’ Diċembru 2015 dwar il-promozzjoni ta’ kontrolli effettivi tal-esportazzjoni tal-armi (ĠU L 326, 11.12.2015, p. 56, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/2309/oj).
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/101 tat-22 ta’ Jannar 2018 dwar il-promozzjoni ta’ kontrolli effettivi tal-esportazzjoni tal-armi (ĠU L 17, 23.1.2018, p. 40, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/101/oj).
(7) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1464 tat-12 ta’ Ottubru 2020 dwar il-promozzjoni ta’ kontrolli effettivi tal-esportazzjoni tal-armi (ĠU L 335, 13.10.2020, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/1464/oj).
(8) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/2539 tat-13 ta’ Novembru 2023 li tappoġġa proġett dwar il-promozzjoni ta’ kontrolli effettivi tal-esportazzjoni tal-armi (ĠU L, 2023/2539, 14.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2539/oj).
(9) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/768/PESK tas-16 ta’ Diċembru 2013 dwar l-attivitajiet tal-UE f’appoġġ għall-implimentazzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, fil-qafas tal-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà (ĠU L 341, 18.12.2013, p. 56, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/768/oj).
(10) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/915 tad-29 ta’ Mejju 2017 dwar attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni tal-Unjoni b’appoġġ għall-implimentazzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (ĠU L 139, 30.5.2017, p. 38, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/915/oj).
(11) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/2309 tat-22 ta’ Diċembru 2021 dwar attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni tal-Unjoni b’appoġġ għall-implimentazzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (ĠU L 461, 27.12.2021, p. 78, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/2309/oj).
ANNESS
PROĠETT GĦALL-PROMOZZJONI TA’ KONTROLLI EFFETTIVI TAL-ESPORTAZZJONI TAL-ARMI
1. L-isfond, l-għan u l-objettivi
L-għan ta’ din id-Deċiżjoni huwa li tipprmwovi l-obbligu ta’ rendikont u r-responsabbiltà fir-rigward tal-kummerċ legali tal-armi f’konformità mal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK, biex b’hekk tikkontribwixxi għall-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà fil-pajjiżi ġirien tal-Unjoni. L-objettivi ta’ din id-Deċiżjoni huma li l-kummerċ internazzjonali tal-armi konvenzjonali jsir aktar responsabbli u trasparenti, u biex jiġi mitigat ir-riskju tad-devjazzjoni ta’ armi lejn utenti mhux awtorizzati, permezz tat-trasferiment ta’ għarfien espert immirat biex jappoġġa l-allinjament mal-istandards legali u operazzjonali tal-UE u l-Istati Membri, b’enfasi partikolari fuq il-pajjiżi kandidati tal-UE u l-viċinat tal-UE.
Jenħtieġ li l-azzjoni jkollha l-għan li żżid l-effettività tas-sistemi nazzjonali tal-esportazzjoni tal-armi fil-pajjiżi fil-mira, permezz ta’ żviluppi u bidliet legali, istituzzjonali u żviluppi u bidliet rilevanti oħra u l-allinjament tagħhom mal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK, bil-ħsieb li jiġi appoġġat l-allinjament ta’ stati terzi mal-istandards ta’ kontroll tal-esportazzjoni tal-armi (acquis) tal-UE u l-aħjar prattiki fl-implimentazzjoni tagħhom, inkluż, fejn adatt, it-TKA (it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi). Għall-pajjiżi kandidati tal-UE, din l-azzjoni ser tappoġġa l-aspirazzjonijiet tagħhom għall-adeżjoni mal-UE, u – qabel l-adeżjoni – is-sħubija tagħhom mal-UE u l-Istati Membri tagħha fil-kontrolli tal-esportazzjoni tal-armi.
Jenħtieġ li dawk l-eżiti jiġu segwiti filwaqt li jinkisbu komplementarjetà u sinerġiji ma’ proġetti ta’ assistenza tal-Unjoni li għaddejjin bħalissa b’appoġġ għall-implimentazzjoni tat-TKA, kif ukoll fil-qasam tal-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju. Jenħtieġ li l-ambitu tal-benefiċjarji skont din id-Deċiżjoni ma jikkoinċidix mal-benefiċjarji koperti taħt il-Proġett ta’ Sensibilizzazzjoni dwar it-TKA tal-UE (id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/2309 u d-Deċiżjoni suċċessiva), għajr kif maqbul preċedentement mill-Grupp ta’ Ħidma COARM.
Sabiex jinkisbu l-objettivi msemmija hawn fuq, jenħtieġ li l-Unjoni tkompli tippromwovi l-istandards tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK, abbażi ta’ dak li nkiseb permezz tal-implimentazzjoni tal-Azzjoni Konġunta 2008/230/PESK u tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/1012/PESK, 2012/711/PESK, (PESK) 2015/2309, (PESK) 2018/101, (PESK) 2020/1464 u (PESK) 2023/2539, u tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi. Għal dak il-għan, jenħtieġ li tiġi pprovduta assistenza lill-pajjiżi terzi benefiċjarji għall-abbozzar, l-aġġornament u l-implimentazzjoni, kif xieraq, ta’ miżuri leġiżlattivi, amministrattivi u istituzzjonali, li jkunu rilevanti, li jappoġġaw sistema effettiva ta’ kontrolli tat-trasferiment ta’ armi konvenzjonali.
Jenħtieġ li jingħata appoġġ ukoll għat-taħriġ tal-uffiċjali tal-liċenzjar u l-infurzar li huma responsabbli għall-implimentazzjoni u l-infurzar tal-kontrolli tat-trasferiment tal-armi, u għal miżuri nazzjonali u reġjonali li jippromwovu t-trasparenza u l-iskrutinju adatt tal-esportazzjoni ta’ armi konvenzjonali. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-kuntatti mas-settur privat (inklużi l-industrija, l-istituti tar-riċerka u s-settur akkademiku) jiġu promossi sabiex tiġi żgurata konformità mal-leġiżlazzjoni u r-regolamenti dwar il-kontroll tat-trasferiment tal-armi, b’enfasi partikolari fuq il-programmi ta’ konformità interna (ICPs, internal compliance programmes).
Minħabba li l-istati sħab tal-proġett COARM jinsabu fi stadji differenti f’termini tal-ħtiġijiet ta’ assistenza teknika tagħhom, il-proġett ser juża approċċ differenzjat meta jfassal attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni, b’kont meħud tan-natura speċifika tal-kooperazzjoni ma’ kull pajjiż sieħeb.
Fir-rigward tal-pajjiżi sħab li għandhom status ta’ kandidat tal-UE, il-proġett ser joffrilhom approċċ ta’ sensibilizzazzjoni adattat li jiffoka aktar fuq il-bini tal-memorji istituzzjonali u l-awtosostenibbiltà, inkluż l-offerta ta’ aktar appoġġ fir-rigward tal-allinjament mal-acquis tal-UE dwar il-kontrolli tal-esportazzjoni tal-armi, fejn xieraq.
2. Għażla tal-aġenzija ta’ implimentazzjoni
Il-BAFA huwa inkarigat mill-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Fejn xieraq, il-BAFA ser jissieħeb mal-aġenziji ta’ kontroll tal-esportazzjoni tal-Istati Membri, ma’ organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali rilevanti, gruppi ta’ riflessjoni, istituti tar-riċerka u NGOs.
Il-BAFA għandu esperjenza mill-aktar estensiva fl-għoti ta’ assistenza għall-kontroll tal-esportazzjoni u f’attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni. Huwa żviluppa tali esperjenza fl-oqsma rilevanti kollha ta’ kontroll strateġiku tal-esportazzjoni, fl-indirizzar tal-oġġetti b’użu doppju u oġġetti militari relatati mas-CBRN. Permezz ta’ dawk il-programmi u l-attivitajiet, il-BAFA kiseb għarfien profond tas-sistemi ta’ kontroll tal-esportazzjoni tal-biċċa l-kbira tal-pajjiżi inklużi f’din id-Deċiżjoni tal-Kunsill.
Fir-rigward tal-assistenza għall-kontroll tal-esportazzjoni ta’ armi u għall-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni, il-BAFA lesta b’suċċess l-implimentazzjoni tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/1012/PESK, 2012/711/PESK, (PESK) 2015/2309, (PESK) 2018/101, (PESK) 2020/1464 u (PESK) 2023/2539. Il-BAFA huwa wkoll inkarigat mill-implimentazzjoni teknika tal-programm ta’ appoġġ tal-implimentazzjoni tat-TKA stabbilit bid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2013/768/PESK, (PESK) 2017/915 u (PESK) 2021/2309 u diversi proġetti P2P tal-UE fil-qasam tal-kontrolli tal-esportazzjoni fuq oġġetti b’użu doppju, parzjalment għall-istess pajjiżi sħab kif stipolat f’din id-Deċiżjoni tal-Kunsill.
Il-BAFA għalhekk jinsab f’pożizzjoni unika biex jidentifika l-punti qawwija u d-dgħufijiet fis-sistemi ta’ kontroll tal-esportazzjoni ta’ pajjiżi li ser ikunu l-benefiċjarji tal-attivitajiet previsti f’din id-Deċiżjoni. Għaldaqstant huwa wkoll fl-aħjar pożizzjoni biex jiffaċilita sinerġiji bejn id-diversi programmi ta’ assistenza għall-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi u l-programmi ta’ sensibilizzazzjoni u biex jevita d-duplikazzjoni. Dan huwa partikolarment rilevanti għall-pajjiżi benefiċjarji li rċevew appoġġ taħt programmi preċedenti ta’ kooperazzjoni tal-Unjoni għat-tisħiħ tal-kapaċità lokali fir-rigward tal-applikazzjoni u l-aġġornament tas-sistema nazzjonali ta’ kontroll tal-kummerċ tal-armi f’konformità mal-istandards internazzjonali u l-iżviluppi reċenti.
3. Koordinazzjoni ma’ proġetti oħra ta’ assistenza tal-Unjoni fil-qasam tal-kontrolli tal-esportazzjoni
Abbażi tal-esperjenza miksuba minn attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni preċedenti tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-kontrolli tal-esportazzjoni li jkopru kemm oġġetti b’użu doppju kif ukoll armi konvenzjonali, jenħtieġ li jsiru sforzi biex jinkisbu sinerġija u komplementarjetà. Fejn xieraq, jistgħu jsiru sforzi biex tinkiseb sinerġija ma’ attivitajiet oħra ffinanzjati permezz tal-baġit tal-PESK jew ma’ attivitajiet oħra relatati mal-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju ffinanzjati permezz ta’ strumenti finanzjarji tal-Unjoni u mhux mill-baġit tal-PESK. Dan jenħtieġ li jsir b’rispett sħiħ għal-limitazzjonijiet legali u finanzjarji stabbiliti għall-użu tal-istrumenti finanzjarji rilevanti tal-Unjoni.
4. Koordinazzjoni ma’ proġetti ta’ assistenza minn donaturi oħra fil-qasam tal-kontrolli tal-esportazzjoni
Fejn xieraq, jenħtieġ li jsiru wkoll sforzi biex jinkisbu sinerġija u komplementarjetà ma’ proġetti ta’ assistenza minn donaturi oħra fil-qasam tal-kontroll tal-esportazzjoni. Jenħtieġ li titwettaq koordinazzjoni ma’ donaturi oħra, fejn applikabbli u xieraq, każ b’każ sabiex jintużaw bl-aħjar mod is-sinerġiji u r-riżorsi u tiġi evitata d-duplikazzjoni.
5. Approċċ għall-pajjiżi benefiċjarji
L-objettivi tal-proġett ser jiġu segwiti permezz ta’ assistenza teknika lil għadd ta’ pajjiżi benefiċjarji li wrew ir-rieda tagħhom li jiżviluppaw l-istandards u l-prattiki tagħhom fir-rigward tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi. L-attivitajiet ta’ assistenza li għandhom jitwettqu u l-ambitu tal-kooperazzjoni li għandhom jiġu offruti ser iqisu l-istatus tal-pajjiżi benefiċjarji individwali, b’mod partikolari fir-rigward ta’:
|
— |
il-kandidaturi tagħhom għall-adeżjoni mal-Unjoni u jekk il-pajjiżi benefiċjarji humiex kandidati uffiċjali jew kandidati potenzjali; |
|
— |
l-adeżjoni possibbli tagħhom, jew l-applikazzjoni għall-adeżjoni, ma’ reġimi internazzjonali ta’ kontroll tal-esportazzjoni relatati mat-trasferiment ta’ armi konvenzjonali u oġġetti u teknoloġiji b’użu doppju; |
|
— |
il-kapaċità tagħhom bħala produttur, importatur jew bħala ċentru ta’ negozju relattivament għall-kummerċ ta’ tagħmir u teknoloġiji militari konvenzjonali; |
|
— |
il-livell ta’ maturità tas-sistema nazzjonali eżistenti ta’ kontroll tal-esportazzjoni, b’kunsiderazzjoni partikolari tal-progress li sar bħala riżultat tal-appoġġ riċevut taħt programmi preċedenti ta’ kooperazzjoni fil-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi ffinanzjati mill-Unjoni; u |
|
— |
il-pożizzjoni tagħhom fir-rigward tat-TKA. |
Jenħtieġ li l-kooperazzjoni mal-pajjiżi kandidati tal-UE tiġi żviluppata aktar fl-ispirtu tal-approċċ differenzjat u s-sett ta’ għodod deskritti hawn taħt. L-enfasi tal-kooperazzjoni magħhom ser tkun fuq l-appoġġ għall-allinjament sħiħ tagħhom mal-acquis fil-qasam tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi u mal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK sabiex jiġi appoġġat il-proċess ta’ adeżjoni tagħhom mal-UE, soġġett għall-kejl tal-progress. Dan jinkludi pajjiżi benefiċjarji li jiksbu kapaċitajiet biex jibnu memorja istituzzjonali u jiksbu awtosostenibbiltà; it-tisħiħ tar-rwol ta’ dawn il-benefiċjarji bħala multiplikaturi u fornituri ta’ għarfien u għarfien espert fir-reġjuni rispettivi tagħhom, fejn xieraq u applikabbli, kif ukoll f’reġjuni oħra, filwaqt li jkomplu jappoġġaw l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni mal-esperti tal-UE u fost pajjiżi b’livell simili ta’ maturità (anke minn proġetti oħra ta’ kontroll tal-esportazzjoni).
F’dan ir-rigward, jenħtieġ li dawn l-istati sħab jkomplu jipparteċipaw f’avvenimenti reġjonali fir-reġjun ġeografiku tagħhom, kif ukoll f’avvenimenti ta’ valutazzjoni. Fl-istess ħin, ser jiġu allokati lilhom ċertu għadd ta’ attivitajiet iddedikati li, fejn xieraq, ser jinkludu wkoll komponent ta’ mentoraġġ.
6. Pajjiżi benefiċjarji
Sakemm ma jkunx maqbul mill-Grupp ta’ Ħidma COARM, jenħtieġ li l-ambitu tal-benefiċjarji skont din id-Deċiżjoni ma jikkoinċidix mal-benefiċjarji koperti taħt il-Proġett ta’ Sensibilizzazzjoni dwar it-TKA tal-UE (id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/2309 u d-Deċiżjoni suċċessiva)
Il-pajjiżi benefiċjarji skont din id-Deċiżjoni huma:
|
a) |
il-Pajjiżi tal-Ewropa tax-Xlokk (l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, il-Montenegro, is-Serbja u l-Kosovo (*1)) |
|
b) |
il-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant u l-Kawkasu li huma parti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat (l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja (*2), il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova) |
|
c) |
il-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq, tal-Mediterran u tal-Viċinat tan-Nofsinhar li huma parti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat (l-Alġerija, l-Eġittu, il-Marokk, it-Tuneżija, il-Ġordan u l-Libanu) |
|
d) |
il-pajjiżi tal-Asja Ċentrali (il-Każakistan, it-Taġikistan, l-Użbekistan, il-Kirgistan, it-Turkmenistan u l-Mongolja). |
|
e) |
l-Ukrajna |
6.1. Fost dawn, il-pajjiżi benefiċjarji li bħalissa huma pajjiżi kandidati tal-UE huma:
l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Georgia, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, ir-Repubblika tal-Moldova, il-Montenegro, is-Serbja u l-Ukrajna.
Għal dan il-grupp il-proġett ser isawwar attivitajiet imfassla apposta kif deskritt fit-Taqsima 7.2.
6.2. Emenda għal-lista tal-pajjiżi benefiċjarji
Il-Grupp ta’ Ħidma COARM jista’, f’każijiet eċċezzjonali, wara konsultazzjonijiet mal-aġenzija ta’ implimentazzjoni, jiddeċiedi li jżid pajjiżi mal-lista ta’ benefiċjarji. Jenħtieġ li l-modifiki li jsiru jiġu kkomunikati b’mod formali bejn il-BAFA u l-Unjoni permezz tal-President tal-Grupp ta’ Ħidma.
7. Deskrizzjonijiet tal-attivitajiet
7.1. Attivitajiet għall-pajjiżi li jeħtieġu assistenza teknika partikolari
7.1.1. Assistenza Individwali u Remota
Il-proġett ser jieħu l-forma ta’ sessjonijiet ta’ ħidma u fuq talba tal-pajjiżi benefiċjarji individwali ser joffrilhom assistenza fl-oqsma ta’ interess nazzjonali speċifiku . Uffiċjali tal-Istat mill-pajjiżi benefiċjarji, inkluż uffiċjali tal-gvern, tal-liċenzjar u tal-infurzar ser jipparteċipaw fis-sessjonijiet ta’ ħidma. Skont il-ħtiġijiet eżatti u d-disponibbiltà tal-esperti tal-pajjiżi benefiċjarji u tal-Istati Membri, l-avvenimenti, bħala regola, ser ikollhom format ta’ jumejn. L-attivitajiet jistgħu jiġu organizzati wkoll online, kif meħtieġ.
Is-sessjonijiet ta’ ħidma ta’ assistenza individwali ser isiru primarjament fuq it-talba tal-pajjiżi benefiċjarji. Huma maħsuba biex jindirizzaw kwistjoni speċifika relatata mal-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi mqajma minn pajjiż benefiċjarju. Dawn is-sessjonijiet ta’ ħidma jistgħu jindirizzaw, fost affarijiet oħra, miżuri nazzjonali diretti lejn it-tisħiħ tal-kapaċitajiet, azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni għall-industrija (inkluż istituti ta’ riċerka jew dinja akkademika), u strateġiji nazzjonali ta’ taħriġ fil-qasam tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi.
Barra minn hekk, appoġġ individwali, fejn xieraq u adegwat, ser jiġi pprovdut permezz ta’ assistenza remota (fost l-oħrajn: rieżamijiet legali; konsultazzjoni dwar każijiet speċifiċi, inkluż appoġġ għall-klassifikazzjoni teknika ta’ oġġett partikolari; eċċ.).
Esperti mill-amministrazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri (inkluż ex uffiċjali), rappreżentanti ta’ pajjiżi li allinjaw ruħhom mal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK, kif ukoll rappreżentanti tas-settur privat ser jaqsmu l-għarfien espert tagħhom. Rappreżentanti ta’ pajjiżi benefiċjarji li għandhom status ta’ kandidat tal-UE u li ġew imħarrġa speċifikament biex jagħmlu dan skont id-Deċiżjonijiet (PESK) 2020/1464, (PESK) 2023/2539 jew id-Deċiżjoni PESK preżenti ser ikunu jistgħu jaġixxu bħala esperti reġjonali u jipprovdu l-għarfien espert speċifiku tagħhom lil pajjiżi benefiċjarji oħra fil-qafas ta’ dan il-proġett, fejn xieraq.
7.1.2. Attivitajiet Multilaterali u Skambju tal-Għarfien
Il-proġett ser jieħu l-forma ta’ attivitajiet multilaterali li jinvolvu mill-inqas żewġ pajjiżi benefiċjarji li huma interessati fi kwistjoni ta’ interess komuni għall-fini tal-iskambju ta’ għarfien, esperjenza u approċċi nazzjonali dwar din il-kwistjoni partikolari. Dawn l-attivitajiet jistgħu jiġu organizzati f’wieħed mill-pajjiżi benefiċjarji ta’ din id-Deċiżjoni, fi Stat Membru jew online.
7.2. Attivitajiet għall-pajjiżi kandidati tal-UE
7.2.1. Ħarreġ lil min Iħarreġ
Il-proġett ser jieħu l-forma ta’ mhux aktar minn żewġ korsijiet ta’ “ħarreġ lil min iħarreġ” li ser jipprovdu appoġġ addizzjonali fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet nazzjonali proprji abbażi tal-implimentazzjoni kontinwa tal-approċċ “ħarreġ lil min iħarreġ” tal-BAFA. Il-ħiliet żviluppati f’dan il-kors ta’ taħriġ ser jinkludu, fost l-oħrajn, id-didattika, it-trasferiment tal-għarfien u taħriġ speċifiku fil-memorja istituzzjonali. Fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet deskritti minn din id-Deċiżjoni, jenħtieġ li l-ħarrieġa mħarrġa jiġu promossi u mħeġġa aktar biex jipparteċipaw f’attivitajiet bħala multiplikaturi jew fornituri ta’ għarfien u għarfien espert fil-livell nazzjonali, reġjonali, transreġjonali u dak internazzjonali. B’hekk, dawn il-pajjiżi benefiċjarji ser jiġu appoġġati wkoll biex mill-assistenza individwali u jsiru aktar awtonomi fl-implimentazzjoni nazzjonali u reġjonali tagħhom tal-kontrolli kummerċjali strateġiċi. Il-parteċipazzjoni f’kors wieħed jew fit-tnejn li huma tista’ tiġi offruta, fejn xieraq, lil pajjiżi benefiċjarji addizzjonali tal-proġett mhux imsemmija taħt 6.1, fejn xieraq, u skont il-ħtiġijiet tagħhom.
7.2.2. Żjarat bejn il-pari
Il-proġett ser jappoġġa l-organizzazzjoni ta’ żjarat bejn il-pari li jkunu jinvolvu mill-inqas żewġ pajjiżi benefiċjarji li huma pajjiżi kandidati tal-UE jew inkella li lestew tal-inqas kors wieħed ta’ “ħarreġ lil min iħarreġ”. Jenħtieġ li dawn l-attivitajiet jitfasslu biex jippermettu li l-parteċipanti jużaw il-ħiliet żviluppati matul il-korsijiet ta’ “ħarreġ lil min iħarreġ” u jipprovdulhom opportunità biex jaqsmu l-esperjenzi u l-progress ta’ pajjiżhom fir-rigward tat-tisħiħ tal-kapaċità ta’ kontroll tal-esportazzjoni tal-armi, kemm ma’ xulxin kif ukoll ma’ pajjiżi sħab oħra. Il-kontenut taż-żjara ser jiġi żviluppat mill-pajjiżi sħab ospitanti, b’feedback u appoġġ primarjament loġistiku pprovdut mill-aġenzija ta’ implimentazzjoni.
7.2.3. Miżuri ta’ tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali
Il-proġett ser jappoġġa wkoll lill-pajjiżi benefiċjarji li jkunu lestew tal-inqas kors wieħed ta’ “ħarreġ lil min iħarreġ” fl-awtoorganizzazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ attivitajiet nazzjonali ta’ taħriġ u sensibilizzazzjoni. Dan jista’ jinkludi, fost oħrajn, miżuri ta’ sensibilizzazzjoni mal-industrija jew mad-dinja akkademika u taħriġ għall-uffiċjali tal-liċenzjar jew tad-dwana. Il-kontenut tat-taħriġ u l-attivitajiet ser jiġi żviluppat mill-pajjiżi benefiċjarji nfushom, b’komponenti ta’ mentoraġġ u, fejn xieraq, għarfien espert addizzjonali pprovdut mill-aġenzija ta’ implimentazzjoni, kif deskritt fit-taqsima 7.1.1.
7.2.4. Attivitajiet nazzjonali u multilaterali
Il-Proġett ser jinkludi attivitajiet nazzjonali u multilaterali fil-forma u b’għarfien espert kif deskritt fit-taqsima 7.1.1., iżda f’dan il-każ, bl-għan speċifiku li jappoġġa allinjament aktar mill-qrib mal-acquis tal-UE dwar il-kontrolli tal-esportazzjoni tal-armi għall-pajjiżi kandidati tal-UE.
7.2.5. Konferenzi Konġunti
Dan il-proġett ser jappoġġa konferenzi konġunti għall-pajjiżi kandidati kollha tal-UE. Dawn il-konferenzi ser jipprovdu forum għal diskussjonijiet f’livell avvanzat, skambju ta’ informazzjoni u opportunitajiet ta’ taħriġ. Esperti mill-amministrazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri (inkluż ex uffiċjali), rappreżentanti ta’ pajjiżi li allinjaw ruħhom mal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK, kif ukoll rappreżentanti tas-settur privat ser jaqsmu l-għarfien espert tagħhom.
Pajjiżi benefiċjarji addizzjonali tal-proġett mhux imsemmija fit-taqsima 6.1 jistgħu jiġu mistiedna fejn jitqies xieraq.
7.3. Attivitajiet għall-pajjiżi sħab kollha
7.3.1 Sessjonijiet ta’ ħidma reġjonali
Il-proġett ser jinkludi sessjonijiet ta’ ħidma reġjonali/transreġjonali fuq jumejn, li jipprovdu taħriġ teoretiku u prattiku kif ukoll opportunità għal djalogu u l-iskambju tal-informazzjoni biex, fost oħrajn, jiġu kkonsolidati approċċi reġjonali f’oqsma rilevanti marbuta mal-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ armi konvenzjonali.
Il-parteċipanti fis-sessjonijiet ta’ ħidma ser jinkludu uffiċjali tal-gvern tal-pajjiżi benefiċjarji koperti. Jistgħu wkoll jiġu mistiedna, fejn xieraq, rappreżentanti minn parlamenti nazzjonali, mill-industrija u mis-soċjetà ċivili, fost oħrajn. L-għarfien espert fil-qasam tat-taħriġ ser jiġi pprovdut minn esperti kif iddikjarat fit-taqsima 7.1.1.
Is-sessjonijiet ta’ ħidma jistgħu jsiru f’pajjiż benefiċjarju jew f’pajjiż ieħor u jistgħu jiġu organizzati kemm bħala avveniment wiċċ imb wiċċ, online jew ibridu (li jappoġġa l-parteċipazzjoni fiżika u online fl-istess ħin), kif xieraq.
7.3.2 Avveniment ta’ valutazzjoni finali
Sabiex jiġi evalwat u rieżaminat l-impatt tal-attivitajiet skont din id-Deċiżjoni, ser jiġi organizzat avveniment ta’ valutazzjoni finali online jew inkella f’format ibridu. L-avveniment ta’ valutazzjoni finali ser jinvolvi l-parteċipazzjoni tal-pajjiżi benefiċjarji kollha. Jekk ikun fattibbli, l-avveniment ser isir eżatt wara laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma COARM fi Brussell biex jippermetti parteċipazzjoni fiżika wiesgħa mill-Istati Membri.
8. Riżultati tal-proġett u indikaturi tal-implimentazzjoni
Il-valutazzjoni tar-riżultati tal-proġett ser tqis dan li ġej:
8.1. Valutazzjoni individwali tal-pajjiżi benefiċjarji
Fuq bażi annwali, minn Frar 2026, il-BAFA ser jipprovdi lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kummissjoni b’aġġornament tar-rapporti ta’ progress fl-implimentazzjoni dwar kull wieħed mill-pajjiżi benefiċjarji. Ir-rapporti ser jiġbru fil-qosor l-attivitajiet li seħħew f’kull pajjiż benefiċjarju matul id-durata ta’ din id-Deċiżjoni u jivvaluta u jiddeskrivi l-kapaċità tal-pajjiż benefiċjarju fil-qasam tal-kontrolli tat-trasferiment tal-armi abbażi tal-informazzjoni disponibbli għall-BAFA, inkluż l-informazzjoni elenkata fit-taqsima 8.2 kif xieraq.
8.2. Valutazzjoni tal-impatt u informazzjoni li għandha tiġi inkluża fir-rapporti
Jenħtieġ li l-impatt tal-attivitajiet ta’ din l-azzjoni previsti minn din id-Deċiżjoni għall-pajjiżi benefiċjarji jiġi vvalutat wara li tkun twettqet l-azzjoni, mhux aktar tard minn 6 xhur wara l-iskadenza tad-Deċiżjoni. Il-valutazzjoni tal-impatt ser issir mill-BAFA, f’kooperazzjoni mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, inkluż, fejn xieraq, id-delegazzjonijiet tal-Unjoni fil-pajjiżi benefiċjarji, kif ukoll ma’ partijiet ikkonċernati oħra rilevanti.
Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-informazzjoni li ġejja tiġi inkluża fir-rapporti msemmija fit-taqsima 8.1. anke sabiex jiġi vvalutat il-progress:
|
— |
eżistenza u operazzjoni ta’ sistema ta’ kontroll tal-esportazzjoni u leġiżlazzjoni għall-kontroll tal-esportazzjoni tat-teknoloġija u t-tagħmir fuq il-Lista Militari Komuni tal-UE; |
|
— |
il-kapaċità li jiġu vvalutati l-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-esportazzjoni każ b’każ skont il-kriterji stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK; |
|
— |
L-ambitu tal-kontroll (inkluż l-esportazzjonijiet; attivitajiet ta’ senserija, tranżitu u trażbord, trasferimenti intanġibbli ta’ software u teknoloġija; |
|
— |
L-iskambju ta’ informazzjoni (dwar il-liċenzji tal-esportazzjoni u ċ-ċaħdiet) ma’ stati oħra; |
|
— |
Verifika tad-destinazzjoni finali/ taċ-ċertifikat tal-utent finali meta jiġu vvalutati l-applikazzjonijiet; |
|
— |
Il-pubblikazzjoni ta’ rapport annwali dwar l-esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari, u rappurtar ieħor - (pereż. ir-Reġistru tan-NU, ir-rappurtar annwali tat-TKA, il-Ftehim ta’ Wassenaar, l-OSKE u rapporti lill-parlamenti nazzjonali); |
|
— |
fejn disponibbli, informazzjoni dwar każijiet ta’ infurzar; |
|
— |
jekk il-pajjiż benefiċjarju għandux l-intenzjoni jallinja ruħu jew ikunx uffiċjalment allinja ruħu mal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK. |
9. Viżibbiltà tal-Unjoni
Il-BAFA ser jieħu l-miżuri adatti kollha biex jippubbliċizza l-fatt li l-azzjoni hija ffinanzjata mill-Unjoni. Tali miżuri ser jiġu implimentati skont il-manwal dwar il-komunikazzjoni u l-viżibbiltà għal azzjonijiet esterni tal-Unjoni ppubblikat mill-Kummissjoni Ewropea. B’hekk il-BAFA ser jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni permezz ta’ marki u pubbliċità adatti, filwaqt li jenfasizza r-rwol tal-Unjoni u jżid l-għarfien tar-raġunijiet għal din id-Deċiżjoni, kif ukoll l-appoġġ tal-Unjoni għal din id-Deċiżjoni u r-riżultati ta’ dak l-appoġġ. Il-materjal prodott mill-proġett ser juri b’mod prominenti l-bandiera tal-Unjoni f’konformità mal-linji gwida rilevanti tal-Unjoni, kif ukoll il-logo “Programm dwar il-Kontroll tal-Esportazzjoni EU P2P”. Jenħtieġ li d-delegazzjonijiet tal-Unjoni jiġu involuti f’avvenimenti f’pajjiżi terzi biex jissaħħu s-segwitu politiku u l-viżibbiltà.
Peress li l-attivitajiet ippjanati jvarjaw ħafna fl-ambitu u fil-karattru tagħhom, tista’ tintuża firxa ta’ għodod promozzjonali, skont id-disponibbiltà u l-adegwatezza tagħhom, inkluż il-mezzi ta’ informazzjoni tradizzjonali, siti web, mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali, materjali informattivi u promozzjonali (inkluż l-infografika, fuljetti, bullettini, stqarrijiet għall-istampa u oħrajn, kif adatt). Il-pubblikazzjonijiet u l-avvenimenti pubbliċi akkwistati taħt il-proġett ser jingħataw marka skont dan.
10. Durata
Id-durata totali tal-proġett hija stmata li tkun 36 xahar.
(*1) Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244 (1999) u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.
(*2) Il-parteċipazzjoni tal-Belarussja għadha sospiża
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/208/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)