|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/204 |
31.1.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2025/204
tat-30 ta’ Jannar 2025
li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fis-27 ta’ Diċembru 2001, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK (1). |
|
(2) |
Fid-19 ta’ Frar 2024, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2024/628 (2), li fil-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK żiedet, għal perjodu inizjali ta’ 12-il xahar, eżenzjoni umanitarja għal miżuri ta’ ffriżar tal-assi applikabbli għal, u għar-restrizzjonijiet fuq it-tqegħid ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni lil, persuni, il-gruppi u l-entitajiet deżinjati, u għar-restrizzjonijiet fuqhom, għall-benefiċċju tal-atturi msemmija fir-Riżoluzzjoni 2664 (2022) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, ta’ organizzazzjonijiet u aġenziji li lilhom l-Unjoni tat iċ-Ċertifikat ta’ Sħubija Umanitarja, u ta’ organizzazzjonijiet u aġenziji li huma ċċertifikati jew rikonoxxuti minn Stat Membru, jew minn aġenzija speċjalizzata ta’ Stat Membru. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni (PESK) 2024/628 introduċiet mekkaniżmu ta’ deroga għall-organizzazzjonijiet u l-atturi involuti f’attivitajiet umanitarji li ma jistgħux jibbenefikaw minn dik l-eżenzjoni umanitarja, u klawżola ta’ reviżjoni relatati ma’ dawk l-eċċezzjonijiet. |
|
(3) |
F’konformità mal-Artikolu 3a(5) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK, il-Kunsill irrieżamina l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3a(1) u (2) ta’ dik il-Pożizzjoni Komuni u kkonkluda li jenħtieġ li dawn jinżammu u jiġu rieżaminati tal-inqas kull 24 xahar jew fuq talba urġenti ta’ Stat Membru, tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, jew tal-Kummissjoni wara bidla fundamentali fiċ-ċirkostanzi. Il-Kunsill ikkonkluda ukoll li l-eżenzjoni stipulata fl-Artikolu 3a(1) jenħtieġ li tkompli tapplika sat-22 ta’ Frar 2027. |
|
(4) |
Għalhekk jenħtieġ li l-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK tiġi emendata skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Artikolu 3a tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK huwa emendat kif ġej:
|
(1) |
fil-paragrafu (5), il-kliem “12-il xahar” huwa sostitwit bil-kliem “24 xahar”; |
|
(2) |
fil-paragrafu (6), id-data “sat-22 ta’ Frar 2025” huwa sostitwit bid-data “sat-22 ta’ Frar 2027”. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Jannar 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
A. SZŁAPKA
(1) Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931/PESK tas-27 ta’ Diċembru 2001 dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU L 344, 28.12.2001, p. 93, ELI: http://data.europa.eu/eli/compos/2001/931/oj).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/628 tad-19 ta’ Frar 2024 li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU L, 2024/628, 20.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/628/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/204/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)