|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/183 |
3.2.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/183
tal-31 ta’ Jannar 2025
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/53 fir-rigward tal-kontenut massimu rakkomandat tas-sustanza attiva fl-għalf sħiħ ta’ addittiv tal-għalf li jikkonsisti mill-aċidu nonanojku għal ċerti kategoriji ta’ ħnieżer u ta’ pollam
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni ta’ addittivi għall-użu fin-nutrizzjoni tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti u għall-modifika ta’ din l-awtorizzazzjoni. |
|
(2) |
L-aċidu nonanojku kien ġie awtorizzat għal 10 snin bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċi kollha tal-annimali bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/53 (2). |
|
(3) |
F’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) biex toħroġ opinjoni dwar jekk l-awtorizzazzjoni tal-aċidu nonanojku bħala addittiv tal-għalf tibqax tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, jekk it-termini ta’ dik l-awtorizzazzjoni jiġu modifikati. Il-modifika tikkonċerna żieda fil-kontenut massimu rakkomandat ta’ addittiv tal-għalf li jikkonsisti mill-aċidu nonanojku. Flimkien mat-talba, intbagħtet id-data ta’ sostenn rilevanti. |
|
(4) |
Fl-opinjoni tagħha tal-1 ta’ Frar 2024 (3), l-Awtorità kkonkludiet li l-aċidu nonanojku huwa sikur għall-pollam kollu tas-simna, għall-pollam kollu mrobbi għall-bajd jew għat-tnissil, għas-Suidae kollha tas-simna u għall-ħnienes mhux miftuma u miftuma tas-Suidae kollha b’100 mg/kg ta’ għalf. Ikkonkludiet ukoll li l-modifika tal-awtorizzazzjoni eżistenti tal-addittiv ma kinitx se timmodifika l-konklużjonijiet dwar is-sikurezza għall-konsumatur u għall-ambjent li kienet waslet għalihom fl-opinjoni tagħha tal-5 ta’ April 2013 (4). L-Awtorità kkonkludiet ukoll li peress li l-aċidu nonanojku huwa rikonoxxut li jagħti t-togħma lill-ikel u li l-funzjoni tiegħu fl-għalf tkun essenzjalment l-istess bħal dik fl-ikel, ma hemmx bżonn li jkun hemm aktar provi tal-effikaċja tiegħu. L-Awtorità ma setgħetx tikkonkludi dwar l-irritazzjoni tal-addittiv għall-ġilda u għall-għajnejn u lanqas dwar il-potenzjal tiegħu għas-sensitizzazzjoni dermali u respiratorja. |
|
(5) |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-awtorizzazzjoni tal-preparat tal-aċidu nonanojku bħala addittiv tal-għalf għadha tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 meta żżid il-livell massimu ta’ inklużjoni ta’ addittiv tal-għalf li jikkonsisti mill-aċidu nonanojku minn 5 għal 100 mg/kg ta’ għalf sħiħ għall-pollam kollu tas-simna, għall-pollam kollu mrobbi għall-bajd jew għat-tnissil, għas-Suidae kollha tas-simna, u għall-ħnienes mhux miftuma u miftuma tas-Suidae kollha. |
|
(6) |
Għaldaqstant, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/53 jenħtieġ li jiġi emendat kif xieraq. |
|
(7) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emenda tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/53
Fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/53, fl-entrata għall-aċidu nonanojku, it-tmien kolonna “dispożizzjonijiet oħrajn”, it-tielet punt “Il-kontenut massimu rakkomandat tas-sustanza attiva għandu jkun ta’ 5 mg/kg ta’ għalf sħiħ b’kontenut ta’ umdità ta’ 12 %” huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Il-kontenut massimu rakkomandat tas-sustanza attiva għal kull kg ta’ għalf sħiħ b’kontenut ta’ umdità ta’ 12 % għandu jkun:
|
— |
100 mg għall-pollam kollu tas-simna; |
|
— |
100 mg għall-pollam kollu mrobbi għall-bajd jew għat-tnissil; |
|
— |
100 mg għall-ħnienes (mhux miftuma u miftuma) tas-Suidae kollha; |
|
— |
100 mg għas-Suidae kollha tas-simna; |
|
— |
5 mg għal speċi u kategoriji oħra ta’ annimali.” |
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Jannar 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1831/oj.
(2) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/53 tal-14 ta’ Diċembru 2016 dwar l-awtorizzazzjoni tal-butan-1-ol, eżan-1-ol, ottan-1-ol, nonan-1-ol, dodekan-1-ol, eptan-1-ol, dekan-1-ol, pentan-1-ol, etanol, aċetaldeid, propanal, butanal, pentanal, eżanal, ottanal, dekanal, dodekanal, nonanal, eptanal, undekanal, 1,1-dietossietan, aċidu formiku, aċidu aċetiku, aċidu propjoniku, aċidu valeriku, aċidu eżanojku, aċidu ottanojku, aċidu dekanojku, aċidu dodekanojku, aċidu olejku, aċidu eżadekanojku, aċidu tetradekanojku, aċidu eptanojku, aċidu nonanojku, aċetat tal-etil, aċetat tal-propil, aċetat tal-butil, aċetat tal-eżil, aċetat tal-ottil, aċetat tan-nonil, aċetat tad-deċil, aċetat tad-dodeċil, aċetat tal-eptil, aċetat tal-metil, butirat tal-metil, butirat tal-butil, butirat tal-pentil, butirat tal-eżil, butirat tal-ottil, etil dekanoat, etil eżanoat, propil eżanoat, pentil eżanoat, eżil eżanoat, metil eżanoat, etil format, etil dodekanoat, etil tetradekanoat, etil nonanoat, etil ottanoat, etil propjonat, metil propjonat, etil valerat, butil valerat, etil eż-3-enoat, etil eżadekanoat, etil trans-2-butenoat, etil undekanoat, butil isovalerat, eżil isobutirat, metil 2-metilbutirat, eżil 2-metilbutirat, ċitrat tat-trietil, eżil isovalerat u metil 2-metilvalerat bħala addittivi tal-għalf għall-ispeċi tal-annimali kollha (ĠU L 13, 17.1.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/53/oj).
(3) EFSA Journal 2024;22(2):e 8642.
(4) EFSA Journal 2013;11(4):3169.
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/183/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)