|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/144 |
28.1.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2025/144
tas-27 ta’ Jannar 2025
li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Djalogu bejn Belgrad u Pristina
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 33, flimkien mal-Artikolu 31(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fit-2 ta’ April 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/489 (1), li taħtar lis-Sur Miroslav LAJČÁK bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għad-Djalogu bejn Belgrad u Pristina u kwistjonijiet reġjonali oħrajn tal-Balkani tal-Punent. Il-Kunsill estenda dak il-mandat bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2021/470 (2), (PESK) 2022/1240 (3) u (PESK) 2024/2085 (4). Dak il-mandat jiskadi fil-31 ta’ Jannar 2025. |
|
(2) |
Jenħtieġ li jinħatar RSUE għad-Djalogu bejn Belgrad u Pristina għall-perjodu mill-1 ta’ Frar 2025 sat-28 ta’ Frar 2026. |
|
(3) |
Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ timpedixxi l-ksib tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stipulat fl-Artikolu 21 tat-Trattat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea
Is-Sur Peter SØRENSEN huwa b’dan maħtur bħala Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għad-Djalogu bejn Belgrad u Pristina mill-1 ta’ Frar 2025 sat-28 ta’ Frar 2026. Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li l-mandat tar-RSUE (il-“mandat”) jintemm qabel, fuq il-bażi ta’ valutazzjoni mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) u fuq proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”).
Artikolu 2
Objettivi ta’ politika
Il-mandat għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi ta’ politika tal-Unjoni li ġejjin u għandu jkun konformi mal-linji ta’ politika stabbiliti tal-Unjoni:
|
(a) |
li tinkiseb normalizzazzjoni komprensiva tar-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Kosovo (*1), li hija essenzjali għall-perkorsi Ewropej rispettivi tagħhom; |
|
(b) |
li jissaħħu l-viżibbiltà u l-effikaċja tal-Unjoni permezz tad-diplomazija pubblika; |
|
(c) |
li jikkontribwixxi għall-unità, il-konsistenza u l-effikaċja tal-azzjoni tal-Unjoni, kif adatt. |
Artikolu 3
Mandat
Sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ politika stabbiliti fl-Artikolu 2, il-mandat għandu jkun:
|
(a) |
li jiffaċilita f’isem ir-Rappreżentant Għoli d-Djalogu bejn Belgrad u Pristina f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, li jaħdem fuq in-normalizzazzjoni komprensiva tar-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Kosovo permezz tal-konklużjoni ta’ ftehim legalment vinkolanti li jindirizza l-kwistjonijiet pendenti kollha bejn il-partijiet f’konformità mad-dritt internazzjonali u li jikkontribwixxi għall-istabbiltà reġjonali, u li jissorvelja u jassisti kif meħtieġ il-ħidma tal-partijiet dwar l-implimentazzjoni ta’ ftehimiet preċedenti li ntlaħqu fi ħdan il-qafas tad-Djalogu Ffaċilitat mill-UE, b’mod partikolari l-Ftehim dwar il-Perkors għan-Normalizzazzjoni bejn il-Kosovo u s-Serbja u l-Anness ta’ Implimentazzjoni tiegħu adottat fi Frar u f’Marzu 2023; |
|
(b) |
li jimpenja ruħu b’mod attiv fit-tisħiħ tal-effikaċja u l-viżibbiltà tal-Unjoni permezz tad-diplomazija pubblika; |
|
(c) |
li jaħdem b’mod koordinat u koerenti mal-isforzi kollha tal-Unjoni u mal-politiki ġenerali tal-Unjoni fir-rigward tar-reġjun tal-Balkani tal-Punent, u partikolarment mal-Kap tal-Uffiċċju/RSUE fil-Kosovo u mal-Kap tad-Delegazzjoni fis-Serbja, u li jżomm kuntatt mill-qrib mal-Istati Membri; |
|
(d) |
li jappoġġa l-ħidma tar-Rappreżentant Għoli u l-attivitajiet tal-Unjoni fir-reġjun. |
Artikolu 4
Implimentazzjoni tal-mandat
1. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat, filwaqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Għoli.
2. Il-KPS għandu jżomm kollegament privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt ta’ kuntatt primarju tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.
3. Ir-RSUE għandu jaħdem f’koordinazzjoni u kooperazzjoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u d-dipartimenti rilevanti tiegħu. Il-Kap tal-Uffiċċju/RSUE fil-Kosovo u l-Kap tad-Delegazzjoni fis-Serbja għandhom jappoġġaw lir-RSUE, kull meta jkun meħtieġ, inkluż billi jagħmel għad-dispożizzjoni esperti dwar kwalunkwe kwistjoni speċifika rilevanti għall-implimentazzjoni tal-mandat.
Artikolu 5
Finanzjament
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat (in-“nefqa”) għall-perjodu mill-1 ta’ Frar 2025 sat-28 ta’ Frar 2026 għandu jkun ta’ EUR 2 320 997,62.
2. In-nefqa għandha tiġi amministrata f’konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.
3. L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jagħti rendikont lill-Kummissjoni tan-nefqa.
Artikolu 6
Kompożizzjoni tat-tim tar-RSUE
1. Fil-limiti tal-mandat u l-mezzi finanzjarji korrispondenti li jsiru disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli li jifforma tim. It-tim tar-RSUE għandu jinkludi kompetenza esperta dwar kwistjonijiet speċifiċi ta’ politika kif rikjest mill-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tat-tim tar-RSUE.
2. L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu l-issekondar ta’ persunal biex jaħdem fit-tim tar-RSUE. Is-salarju ta’ tali persunal issekondat għandu jiġi kopert mill-Istat Membru li qed jissekonda, mill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew mis-SEAE, kif xieraq. L-esperti assenjati mill-Istati Membri għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew għas-SEAE jistgħu wkoll jiġu ssekondati biex jaħdmu mat-tim tar-RSUE. Il-persunal internazzjonali b’kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru.
3. Il-persunal kollu ssekondat għandu jibqa’ taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru emittenti, tal-istituzzjoni emittenti tal-Unjoni jew tas-SEAE u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat.
Artikolu 7
Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u tal-persunal tar-RSUE
Il-privileġġi, l-immunitajiet u l-garanziji l-oħra relatati mar-RSUE u mal-persunal tar-RSUE li huma meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla tfixkil tal-mandat għandhom jiġu miftehmin mal-partijiet ospitanti, kif adatt. L-Istati Membri u s-SEAE għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dak il-għan.
Artikolu 8
Sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE
Ir-RSUE u l-membri tat-tim tar-RSUE għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta’ sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (5).
Artikolu 9
Aċċess għal informazzjoni u sostenn loġistiku
1. L-Istati Membri, il-Kummissjoni, is-SEAE u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li r-RSUE jingħata aċċess għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.
2. Id-delegazzjonijiet u l-uffiċċji tal-Unjoni, u/jew l-Istati Membri, kif adatt, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku lir-RSUE u lill-persunal tar-RSUE.
Artikolu 10
Aċċess għad-dokumenti u protezzjoni tad-data
1. Ir-RSUE għandu japplika r-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Ir-Rappreżentant Għoli għandu jadotta regoli implimentattivi rilevanti li jikkonċernaw ir-RSUE.
2. Ir-RSUE għandu jipproteġi lill-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom f’konformità mar-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Ir-Rappreżentant Għoli għandu jadotta r-regoli implimentattivi rilevanti li jikkonċernaw ir-RSUE.
Artikolu 11
Sigurtà
F’konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà ta’ persunal stazzjonat barra l-Unjoni f’kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f’konformità mal-mandat u abbażi tas-sitwazzjoni ta’ sigurtà fiż-żona ta’ responsabbiltà, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tar-RSUE, b’mod partikolari billi:
|
(a) |
jistabbilixxi pjan ta’ sigurtà speċifiku bbażat fuq gwida mis-SEAE, inkluż miżuri ta’ sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi li jirregolaw il-ġestjoni tal-moviment mingħajr periklu tal-persunal lejn iż-żona ta’ responsabbiltà u ġewwa fiha u l-ġestjoni ta’ inċidenti ta’ sigurtà, u bl-istabbiliment ta’ pjan ta’ kontinġenza tal-missjoni u pjan ta’ evakwazzjoni; |
|
(b) |
jiżgura li l-persunal kollu stazzjonat barra l-Unjoni jkun kopert b’assigurazzjoni ta’ riskju għoli kif meħtieġ mill-kondizzjonijiet fiż-żona ta’ responsabbiltà; |
|
(c) |
jiżgura li l-persunal kollu li jkun ser jiġi stazzjonat barra l-Unjoni, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikun irċieva taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jew kif jasal fiż-żona ta’ responsabbiltà, abbażi tal-livelli tar-riskju assenjati għal dik iż-żona mis-SEAE; |
|
(d) |
jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet maqbula kollha li jkunu saru wara valutazzjonijiet regolari ta’ sigurtà jiġu implimentati, u jipprovdi lill-Kunsill, lir-Rappreżentant Għoli u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni ta’ dawk ir-rakkomandazzjonijiet u dwar kwistjonijiet oħra ta’ sigurtà fil-qafas tar-rapport ta’ progress u r-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-mandat komprensiv imsemmi fl-Artikolu 15 ta’ din id-Deċiżjoni. |
Artikolu 12
Rapporti
Ir-RSUE għandu jipprovdi rapporti b’mod regolari lir-Rappreżentant Għoli. Ir-RSUE għandu jirrapporta regolarment lill-KPS u kif meħtieġ lil gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill. Ir-rapporti regolari għandhom jiġu ċċirkolati permezz tan-netwerk COREU. Ir-RSUE jista’ jipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin. F’konformità mal-Artikolu 36 tat-Trattat, ir-RSUE jista’ jkun involut fl-għoti ta’ informazzjoni lill-Parlament Ewropew.
Artikolu 13
Koordinazzjoni u koerenza
1. Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-unità, il-konsistenza u l-effikaċja tal-azzjoni tal-Unjoni u għandu jgħin biex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni u l-azzjonijiet kollha tal-Istati Membri jiġu applikati jew implimentati b’mod konsistenti sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ politika tal-Unjoni. Ir-RSUE għandu jżomm kuntatt mal-Istati Membri fejn ikun adatt. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati kif adatt ma’ dawk tas-SEAE, tal-Kummissjoni, tal-Kap tad-Delegazzjoni fis-Serbja, tal-Kap tal-Uffiċċju/RSUE fil-Kosovo u tal-Kap tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo. Ir-RSUE għandu jipprovdi informazzjoni b’mod regolari lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet u l-uffiċċji tal-Unjoni.
2. Fuq il-post, ir-RSUE għandu jżomm kuntatt mill-qrib mal-kapijiet tad-delegazzjonijiet u l-uffiċċji tal-Unjoni fir-reġjun u mal-kapijiet tal-missjoni tal-Istati Membri. Dawn għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jassistu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat, inkluż billi joffru pariri politiċi u għarfien espert. Ir-RSUE għandu wkoll iżomm kuntatt ma’ atturi internazzjonali u reġjonali fil-kamp.
Artikolu 14
Assistenza rigward pretensjonijiet
Ir-RSUE u l-membri tat-tim tar-RSUE għandhom jipprovdu assistenza fir-rispons għal kwalunkwe pretensjoni u obbligu li jirriżultaw mill-mandati tar-RSUE preċedenti għad-Djalogu bejn Belgrad u Pristina u kwistjonijiet oħra tal-Balkani tal-Punent, u għandhom jipprovdu assistenza amministrattiva u aċċess għal dokumenti rilevanti għal tali finijiet.
Artikolu 15
Rieżami
L-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma’ kontributi oħrajn mill-Unjoni għar-reġjun għandhom jiġu rieżaminati regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta lill-Kunsill, lir-Rappreżentant Għoli u lill-Kummissjoni rapport ta’ progress sat-30 ta’ Ġunju 2025 u rapport komprensiv dwar l-implementazzjoni tal-mandat sat-30 ta’ Novembru 2025.
Artikolu 16
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Jannar 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
K. KALLAS
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/489 tat-2 ta’ April 2020 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Djalogu bejn Belgrad u Pristina u kwistjonijiet reġjonali oħrajn tal-Balkani tal-Punent (ĠU L 105, 3.4.2020, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/489/oj).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/470 tat-18 ta’ Marzu 2021 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/489 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Djalogu bejn Belgrad u Pristina u kwistjonijiet reġjonali oħrajn tal-Balkani tal-Punent (ĠU L 96, 19.3.2021, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/470/oj).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1240 tat-18 ta’ Lulju 2022 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/489 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Djalogu bejn Belgrad u Pristina u kwistjonijiet reġjonali oħrajn tal-Balkani tal-Punent (ĠU L 190, 19.7.2022, p. 131, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/1240/oj).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/2085 tas-26 ta’ Lulju 2024 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Djalogu bejn Belgrad u Pristina u kwistjonijiet reġjonali oħrajn tal-Balkani tal-Punent u li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/489 (ĠU L, 2024/2085, 29.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2085/oj).
(*1) Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/488/oj).
(6) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2001/1049/oj).
(7) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/144/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)