European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/138

30.1.2025

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/138

tat-28 ta’ Jannar 2025

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2191 fir-rigward tal-istandards armonizzati b’appoġġ għar-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill relatati maċ-ċibersigurtà, għall-kategoriji u għall-klassijiet tat-tagħmir tar-radju speċifikati fir-Regolament Delegat (UE) 2022/30

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(6) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), it-tagħmir tar-radju li jkun f’konformità mal-istandards armonizzati jew partijiet minnhom, li r-referenzi għalihom ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, irid jkun preżunt li hu f’konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dik id-Direttiva, koperti minn dawk l-istandards jew partijiet minnhom.

(2)

Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2022)5637 (3), il-Kummissjoni għamlet talba lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) u lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (CENELEC) għall-abbozzar ta’ standards armonizzati ġodda b’appoġġ għall-Artikolu 3(3), l-ewwel subparagrafu, il-punti (d), (e) u (f) tad-Direttiva 2014/53/UE, għall-kategoriji u għall-klassijiet tat-tagħmir tar-radju speċifikati fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/30 (4) (“it-talba”).

(3)

Abbażi tat-talba, is-CEN u s-CENELEC abbozzaw l-istandards armonizzati EN 18031-1:2024 dwar ir-rekwiżiti komuni tas-sigurtà għat-tagħmir tar-radju konness mal-Internet, b’appoġġ għar-rekwiżit essenzjali stabbilit fl-Artikolu 3(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (d), tad-Direttiva 2014/53/UE; EN 18031-2:2024 dwar ir-rekwiżiti komuni tas-sigurtà għat-tagħmir tar-radju konness mal-Internet, għat-tagħmir tar-radju għall-indukrar tat-tfal, għall-ġugarelli mgħammra bit-tagħmir tar-radju u għat-tagħmir tar-radju li jintlibes, b’appoġġ għar-rekwiżit essenzjali stabbilit fl-Artikolu 3(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (e), tad-Direttiva 2014/53/UE; u EN 18031-3:2024 dwar ir-rekwiżiti komuni tas-sigurtà għat-tagħmir tar-radju konness mal-Internet li jipproċessa flus virtwali jew valur monetarju, b’appoġġ għar-rekwiżit essenzjali stabbilit fl-Artikolu 3(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (f), tad-Direttiva 2014/53/UE.

(4)

Il-Kummissjoni, flimkien mas-CEN u s-CENELEC, ivvalutat jekk dawk l-istandards armonizzati jikkonformawx mat-talba.

(5)

L-istandards armonizzati EN 18031-1:2024, EN 18031-2:2024 u EN 18031-3:2024 jinkludu bosta taqsimiet imsemmija “raġunament” u “gwida”. It-taqsima msemmija “raġunament” għandha l-għan li tiġġustifika l-ħtieġa li jiġu indirizzati ċerti riskji. It-taqsima msemmija “gwida” tinkludi eżempji u kunsiderazzjonijiet dwar il-possibbiltajiet li jiġu implimentati ċerti miżuri ta’ mitigazzjoni. L-ebda waħda miż-żewġ taqsimiet imsemmija hawn fuq ma stabbiliet l-ispeċifikazzjonijiet. Barra minn hekk, it-taqsimiet imsemmija “gwida” jinkludu referenzi għar-riżultati tal-istandardizzazzjoni tal-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-istandardizzazzjoni. Bħala regola ġenerali, jenħtieġ li l-istandards armonizzati ma jkunux jinkludu kontroreferenzi normattivi għal tali riżultati tal-istandardizzazzjoni.

(6)

Il-klawżoli 6.2.5.1 u 6.2.5.2 tal-istandards armonizzati EN 18031-1:2024, EN 18031-2:2024 u EN 18031-3:2024 jittrattaw il-passwords prestabbiliti. Dawn il-klawżoli joffru lill-manifatturi l-possibbiltà li l-utent jitħalla ma jissettja u ma juża l-ebda password. Jitqies li, jekk din l-għażla tiġi implimentata, ir-riskji ta’ awtentikazzjoni rilevanti ma jiġux indirizzati kif xieraq u għalhekk ma tkunx żgurata l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 3(3), l-ewwel subparagrafu, il-punti (d), (e) u (f), tad-Direttiva 2014/53/UE.

(7)

Il-klawżoli 6.1.3, 6.1.4, 6.1.5 u 6.1.6 tal-istandard armonizzat EN 18031-2:2024 jinkludu speċifikazzjonijiet dwar il-mekkaniżmu ta’ kontroll tal-aċċess għall-ġugarelli mgħammra bit-tagħmir tar-radju u għat-tagħmir tar-radju għall-indukrar tat-tfal. B’mod aktar speċifiku, il-kategoriji ta’ implimentazzjoni deskritti taħt is-subtaqsimiet “kriterji ta’ valutazzjoni” huma dawn li ġejjin: kontroll tal-aċċess ibbażat fuq ir-rwoli, kontroll diskrezzjonali tal-aċċess, kontroll obbligatorju tal-aċċess jew oħrajn. Uħud minn dawn il-kategoriji jistgħu ma jkunux kompatibbli mal-kontroll mill-ġenituri jew mill-kustodji. F’każ bħal dan, jitqies li, jekk ma jiġix implimentat il-kontroll mill-ġenituri jew mill-kustodji, ir-riskji ta’ awtentikazzjoni rilevanti mhux se jiġu indirizzati u, għalhekk, ma tkunx żgurata l-konformità mar-rekwiżit essenzjali stabbilit fl-Artikolu 3(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (e), tad-Direttiva 2014/53/UE.

(8)

Il-klawżola 6.3.2.4 tal-istandard armonizzat EN 18031-3:2024 tinkludi kriterji ta’ valutazzjoni għal aġġornamenti tas-sigurtà. Ġew stabbiliti erba’ kategoriji differenti ta’ implimentazzjoni, ibbażati fuq firem diġitali, mekkaniżmi ta’ komunikazzjoni siguri, mekkaniżmi ta’ kontroll tal-aċċess jew oħrajn. Jekk jintuża waħdu, l-ebda wieħed mill-metodi ma jkun biżżejjed għat-trattament tal-assi finanzjarji. Jitqies li l-kriterji ta’ valutazzjoni ma jindirizzawx kif xieraq ir-riskji ta’ awtentikazzjoni rilevanti u għalhekk ma jistgħux jiżguraw il-konformità mar-rekwiżit essenzjali stabbilit fl-Artikolu 3(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (f), tad-Direttiva 2014/53/UE.

(9)

Għalhekk jenħtieġ li r-referenzi tal-istandards armonizzati EN 18031-1:2024, EN 18031-2:2024 u EN 18031-3:2024 jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea bir-restrizzjonijiet.

(10)

L-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2191 (5) jipprovdi r-referenzi tal-istandards armonizzati li jikkonferixxu preżunzjoni ta’ konformità mad-Direttiva 2014/53/UE. Sabiex jiġi żgurat li r-referenzi tal-istandards armonizzati abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2014/53/UE jiġu elenkati f’att wieħed, jenħtieġ li r-referenzi tal-istandards armonizzati EN 18031-1:2024, EN 18031-2:2024 u EN 18031-3:2024 jiġu inklużi f’dak l-Anness bir-restrizzjonijiet.

(11)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2191 tiġi emendata kif xieraq.

(12)

Il-konformità ma’ standard armonizzat tikkonferixxi preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza ta’ tali standard f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2191 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Jannar 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1025/oj.

(2)  Id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/53/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2022)5637 tal-5 ta’ Awwissu 2022 dwar talba ta’ standardizzazzjoni lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni u lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika fir-rigward tat-tagħmir tar-radju b’appoġġ għad-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/30.

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/30 tad-29 ta’ Ottubru 2021 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti essenzjali fil-punti (d), (e) u (f) tal-Artikolu 3(3) ta’ dik id-Direttiva (ĠU L 7, 12.1.2022, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/30/oj).

(5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2191 tat-8 ta’ Novembru 2022 dwar l-istandards armonizzati għat-tagħmir tar-radju abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 289, 10.11.2022, p. 7, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/2191/oj).


ANNESS

Fl-Anness I, jiżdiedu r-ringieli li ġejjin:

Nru

Referenza tal-istandard

“164.

EN 18031-1:2024

Rekwiżiti komuni tas-sigurtà għat-tagħmir tar-radju — il-Parti 1: Tagħmir tar-radju konness mal-Internet

Avviż 1: It-taqsimiet imsemmija “raġunament” u “gwida”, f’dan l-istandard armonizzat, ma jikkonferux preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżit essenzjali stabbilit fl-Artikolu 3(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (d), tad-Direttiva 2014/53/UE.

Avviż 2: Dan l-istandard armonizzat ma jikkonferix preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżit essenzjali stabbilit fl-Artikolu 3(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (d), tad-Direttiva 2014/53/UE jekk meta jiġu applikati l-klawżoli 6.2.5.1 u 6.2.5.2 tagħha, l-utent jitħalla ma jissettja u ma juża l-ebda password.

165.

EN 18031-2:2024

Rekwiżiti komuni tas-sigurtà għat-tagħmir tar-radju — il-Parti 2: tagħmir tar-radju li jipproċessa d-data, jiġifieri tagħmir tar-radju konness mal-Internet, tagħmir tar-radju għall-indukrar tat-tfal, ġugarelli mgħammra bit-tagħmir tar-radju u tagħmir tar-radju li jintlibes

Avviż 1: It-taqsimiet imsemmija “raġunament” u “gwida”, f’dan l-istandard armonizzat, ma jikkonferux preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżit essenzjali stabbilit fl-Artikolu 3(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (e), tad-Direttiva 2014/53/UE.

Avviż 2: Dan l-istandard armonizzat ma jikkonferix preżunzjoni ta’ konformità mal-Artikolu 3(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (e), tad-Direttiva 2014/53/UE jekk meta jiġu applikati l-klawżoli 6.2.5.1 u 6.2.5.2 tagħha, l-utent jitħalla ma jissettja u ma juża l-ebda password.

Avviż 3: Għall-klassijiet jew il-kategoriji tat-tagħmir tar-radju koperti mill-klawżola 6.1.3, 6.1.4, 6.1.5 jew 6.1.6 ta’ dan l-istandard armonizzat, dan l-istandard armonizzat ma jikkonferix preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżit essenzjali stabbilit fl-Artikolu 3(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (e), tad-Direttiva 2014/53/UE jekk meta jiġu applikati l-klawżoli 6.1.3.4.2, 6.1.4.4.2, 6.1.5.4.2 u 6.1.6.4.2 tagħha, ma jkunx żgurat il-kontroll tal-aċċess mill-ġenituri jew mill-kustodji.

166.

EN 18031-3:2024

Rekwiżiti komuni tas-sigurtà għat-tagħmir tar-radju — il-Parti 3: Tagħmir tar-radju konness mal-Internet li jipproċessa flus virtwali jew valur monetarju

Avviż 1: It-taqsimiet imsemmija “raġunament” u “gwida”, f’dan l-istandard armonizzat, ma jikkonferux preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżit essenzjali stabbilit fl-Artikolu 3(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (f), tad-Direttiva 2014/53/UE.

Avviż 2: Dan l-istandard armonizzat ma jikkonferix preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżit essenzjali stabbilit fl-Artikolu 3(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (f), tad-Direttiva 2014/53/UE jekk, meta japplika l-klawżoli 6.2.5.1 u 6.2.5.2 tagħha, l-utent jitħalla ma jissettja u ma juża l-ebda password.

Avviż 3: Fir-rigward tal-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fil-klawżola 6.3.2.4 ta’ dan l-istandard armonizzat, dan l-istandard armonizzat ma jikkonferix preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżit essenzjali stabbilit fl-Artikolu 3(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (f), tad-Direttiva 2014/53/UE.”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/138/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)