|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/123 |
22.1.2025 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/123
tal-21 ta’ Jannar 2025
dwar it-talba għar-reġistrazzjoni, skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “HouseEurope! Forza lir-Rinnovazzjoni”
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2) u (3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Talba għar-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “HouseEurope! Forza lir-Rinnovazzjoni” ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni fl-24 ta’ Novembru 2024. |
|
(2) |
L-għan tal-inizjattiva kif espress mill-organizzaturi huwa li “jinħolqu inċentivi li jagħmlu r-rinnovazzjoni u t-trasformazzjoni tal-bini eżistenti n-norma l-ġdida u perkors komuni”. L-organizzaturi jappellaw għal “dritt għall-użu mill-ġdid għall-bini eżistenti bbażat fuq tliet pilastri ewlenin”: (i) “tnaqqis fit-taxxa għal xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni u materjali użati mill-ġdid”; (ii) “regoli ġusti għall-valutazzjoni kemm tal-potenzjali kif ukoll tar-riskji tal-bini eżistenti”; u (iii) “valuri ġodda għas-CO2 inkorporat fi strutturi eżistenti”. |
|
(3) |
L-anness tal-inizjattiva jipprovdi dettalji ulterjuri dwar is-suġġett, l-objettivi u l-kuntest tal-inizjattiva. Dan jirreferi għall-iżvilupp spekulattiv tal-proprjetà immobbli u l-impatt ambjentali tat-twaqqigħ u l-kostruzzjoni tal-bini. L-organizzaturi jqisu li r-rinnovazzjoni tal-bini tista’ “tiżgura spazji tal-għajxien affordabbli, tappoġġa negozji żgħar u medji, tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2, u tippreserva l-memorji u l-komunitajiet”. L-anness jiddefinixxi wkoll l-objettivi tal-inizjattiva b’referenza: (i) għall-“preservazzjoni, ir-rinnovazzjoni u l-użu mill-ġdid adattiv tal-bini”; (ii) għal inċentivi ekonomiċi “biex ir-rinnovazzjoni ssir aktar attraenti u ekonomikament vijabbli mit-twaqqigħ”; (iii) biex “tittieħed inkunsiderazzjoni l-enerġija li diġà ġiet investita fil-bini biex l-impatti ambjentali tal-passat jiġu trasferiti lejn is-sostenibbiltà futura”; (iv) għall-ħolqien ta’ akkomodazzjoni affordabbli; (v) għat-trasformazzjoni tas-settur tal-kostruzzjoni “minn wieħed li jirrikjedi ħafna materjal għal wieħed li jirrikjedi ħafna ħaddiema”; (vi) għall-allinjament mal-politiki tal-Unjoni “biex jippromwovu r-rinnovazzjoni u t-trasformazzjoni u jsaħħu s-sostenibbiltà”; (vii) għall-inkoraġġiment tar-rinnovazzjoni u t-trasformazzjoni tal-bini biex jikkontribwixxu għall-għanijiet klimatiċi tal-Unjoni. |
|
(4) |
Ġie ppreżentat ukoll dokument addizzjonali li jistabbilixxi proposti legali speċifiċi mill-organizzaturi bħala parti mit-talba għar-reġistrazzjoni tagħhom. |
|
(5) |
Fir-rigward tal-ewwel pilastru tal-inizjattiva, il-Kummissjoni tista’ tippreżenta proposta għal att legali biex jinħolqu inċentivi ekonomiċi fil-forma ta’ tnaqqis tat-taxxa għal xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni u materjali użati mill-ġdid abbażi tal-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Il-Kummissjoni tista’ tippreżenta wkoll proposti biex tintroduċi kundizzjonijiet ġodda ta’ kundizzjonalità jew ta’ abilitazzjoni li jikkonċernaw il-miri tar-rinnovazzjoni tal-akkomodazzjoni, iżżid il-finanzjament għall-infrastruttura tal-akkomodazzjoni u tqassam il-kostijiet tar-rinnovazzjoni b’mod soċjalment ġust, abbażi tal-Artikoli 175 sa 178 tat-TFUE. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tista’ tippreżenta proposta fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp skont l-Artikoli 173 u 182(1) tat-TFUE. |
|
(6) |
Fir-rigward tat-tieni pilastru tal-inizjattiva, il-Kummissjoni tista’ tipproponi regoli biex tivvaluta l-potenzjali u r-riskji tal-bini eżistenti, sabiex tippermetti l-preservazzjoni tal-istrutturi eżistenti, il-ħolqien ta’ akkomodazzjoni affordabbli, it-trasformazzjoni tas-settur tal-kostruzzjoni u l-allinjament mal-politiki tal-Unjoni, abbażi tal-Artikolu 114 tat-TFUE, dment li r-rekwiżiti ta’ din il-bażi legali jkunu debitament ġustifikati fi żmien debitu. |
|
(7) |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tielet pilastru tal-inizjattiva, il-Kummissjoni tista’ tipproponi valuri ġodda għas-CO2 inkorporat fl-istrutturi eżistenti, sabiex tagħti valur lill-enerġija inkorporata u tilħaq l-għanijiet klimatiċi, abbażi tal-Artikoli 192 u 194 tat-TFUE. |
|
(8) |
Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ebda parti mill-inizjattiva ma taqa’ manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati. |
|
(9) |
Dik il-konklużjoni ma taffettwax il-valutazzjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet sostantivi konkreti meħtieġa biex il-Kummissjoni taġixxi, inkluża l-konformità mal-prinċipji tal-proporzjonalità u tas-sussidjarjetà u l-kompatibbiltà mad-drittijiet fundamentali, ikunux issodisfati f’dan il-każ. |
|
(10) |
Il-grupp ta’ organizzaturi pprovda evidenza xierqa li huwa jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/788 u ħatar il-persuni ta’ kuntatt f’konformità mal-Artikolu 5(3), l-ewwel subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament. |
|
(11) |
L-inizjattiva la hija manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja u lanqas ma tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew kontra d-drittijiet minquxin fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(12) |
L-inizjattiva intitolata “HouseEurope! Forza lir-Rinnovazzjoni” jenħtieġ għalhekk li tiġi rreġistrata. |
|
(13) |
Il-konklużjoni li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2019/788 huma ssodisfati, ma timplikax li l-Kummissjoni b’xi mod jew ieħor tikkonferma l-korrettezza fattwali tal-kontenut tal-inizjattiva, li hija r-responsabbiltà unika tal-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva. Il-kontenut tal-inizjattiva jesprimi biss il-fehmiet tal-grupp ta’ organizzaturi, u bl-ebda mod ma jista’ jitqies li jirrifletti l-fehmiet tal-Kummissjoni, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “HouseEurope! Forza lir-Rinnovazzjoni” għandha tiġi rreġistrata.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini bit-titolu “HouseEurope! Forza lir-Rinnovazzjoni”, irrappreżentata minn Olaf GRAWERT u Arno BRANDLHUBER li jaġixxu bħala persuni ta’ kuntatt.
Magħmul fi Strasburgu, il-21 ta’ Jannar 2025.
Għall-Kummissjoni
Maroš ŠEFČOVIČ
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/788/oj.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/123/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)