European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/94

16.1.2025

DEĊIŻJONI (UE) 2025/94 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-10 ta’ Jannar 2025

li tistabbilixxi l-kriterji għan-notifika ta’ deċiżjonijiet superviżorji għall-fini ta’ testijiet tal-istress superviżorji (BĊE/2025/1)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 6 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u mal-awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU) (BĊE/2014/17) (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 35(1) u (10) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Bord Superviżorju,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 100 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kif adatt iżda tal-inqas kull sena testijiet superviżorji tal-istress fuq istituzzjonijiet taħt is-superviżjoni tagħhom, biex jiffaċilitaw il-proċess ta’ rieżami u evalwazzjoni skont l-Artikolu 97 tad-Direttiva 2013/36/UE.

(2)

Fir-rigward ta’ istituzzjoni ta' kreditu sinifikanti, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandu l-kompetenza esklussiva li jwettaq il-proċess ta’ reviżjoni u evalwazzjoni - inkluż fejn xieraq f’koordinazzjoni mal-Awtorità Bankarja Ewropea - kif ukoll testijiet tal-istress superviżorji.

(3)

Il-BĊE jwettaq tipi ta’ testijiet tal-istress superviżorji differenti inklużi testijiet tal-istress dwar is-solvenza komprensivi u testijiet tal-istress tematiċi mmirati. It-tip ta’ test tal-istress u l-kondizzjonijiet ekonomiċi prevalenti f’dak il-mument huma fost il-fatturi li jiddeterminaw l-informazzjoni meħtieġa mill-BĊE mill-entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni rilevanti sabiex jitwettaq test tal-istress superiżorju speċifiku.

(4)

Il-BĊE għandu bżonn ċertu informazzjoni minn entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni sabiex iwettaq testijiet tal-istress superviżorji b’mod effettiv. Għaldaqstant, qabel it-tnedija ta’ kull test tal-istress superviżorju, il-BĊE għandu jispeċifika l-informazzjoni meħtieġa u l-forma tagħha, l-istruzzjonijiet, u d-dati ta’ rimessa tar-rapportar rilevanti għat-test tal-istress, u jinnotifika lill-entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni rilevanti, kif meħtieġ.

(5)

Skont l-Artikolu 35, il-paragrafi 1 u 10, tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17), il-BĊE jista’ jiddetermina l-kriterji li skonthom deċiżjoni superviżorja tal-BĊE tista’ tiġi notifikata lil parti b’mezz elettroniku jew mezzi oħra ta’ komunikazzjoni komparabbli.

(6)

Għall-fini ta’ twettiq ta’ testijiet tal-istress superviżorji, il-BĊE għandu jiddetermina kif id-deċiżjonijiet superviżorji tiegħu dwar l-informazzjoni meħtieġa, u l-forma, l-istruzzjonijiet, u d-dati ta’ rimessa tar-rapportar, għandhom jiġu notifikati lil entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni.

(7)

Peress li l-BĊE għandu jwettaq test tal-istress superviżorju fil-bidu bikri tal-2025, huwa meħtieġ li din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ bħala kwistjoni ta’ urġenża.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“entità sinifikanti taħt superviżjoni” tfisser entità sinifikanti taħt superviżjoni kif iddefinita fl-Artikolu 2, il-punt (16), tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17) (4);

(2)

“pjattaforma tal-IT ASTRA” tfisser il-pjattaforma tal-IT tal-BĊE użata mill-BĊE sabiex tiġi skambjata informazzjoni u komunikazzjonijiet abbażi ta’ dokument ma’ entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni.

Artikolu 2

Deċiżjonijiet superviżorji dwar testijiet tal-istress superviżorji u mezzi ta’ notifika

1.   Qabel it-tnedija ta’ test tal-istress superviżorju, il-BĊE għandu jiddeċiedi l-informazzjoni li entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni li jipparteċipaw f’ test tal-istress superviżorji partikolari għandhom jissottomettu lill-BĊE, il-forma li fiha l-informazzjoni għandha tiġi sottomesa u d-dati ta’ rimessa tar-rapportar sa meta tali informazzjoni għandha tiġi sottomessa.

2.   Qabel it-tnedija ta’ test tal-istress superviżorju, il-BĊE għandu jinnotifika kwalunkwe deċiżjoni meħuda taħt il-paragrafu 1 lill-entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni rilevanti li għandhom jipparteċipaw fit-test tal-istress superviżorju rilevanti.

3.   In-notifika ta’ kwalunkwe deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha ssir permezz tal-pjattaforma tal-IT ASTRA. Id-deċiżjoni, bħala deċiżjoni superviżorja tal-BĊE, għandha titqies li ġiet notifikata lill-entitajiet rilevanti taħt superviżjoni fid-data li tiġi mtella’ fuq il-pjattaforma tal-IT ASTRA. Hekk kif id-deċiżjoni tittella’ fuq il-pjattaforma tal-IT ASTRA jintbagħat messaġġ elettroniku lid-destinatarju tad-deċiżjoni fl-indirizz elettroniku li jkun ipprovda mar-reġistrazzjoni fuq il-pjattaforma tal-IT ASTRA jew kif sussegwentement aġġornat.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-10 ta’ Jannar 2025.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)   ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)   ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1.

(3)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU) (BĊE/2014/17) (ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/94/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)