European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/73

20.1.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/73

tas-17 ta’ Jannar 2025

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2245/2002 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 dwar id-disinji Komunitarji

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (1), u partikolarment l-Artikolu 107(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-riforma tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-disinji kienet tinkludi tibdil fir-Regolament (KE) Nru 6/2002 bir-Regolament (UE) 2024/2822 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(2)

Dak it-tibdil kien fih aġġornament tat-terminoloġija tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 sabiex tiġi allinjata mat-terminoloġija kemm tat-Trattat ta’ Liżbona kif ukoll tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Sabiex tiġi żgurata l-koerenza, it-terminoloġija tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/2002 (4) jenħtieġ li tiġi aġġornata skont dan.

(3)

Barra minn hekk, it-tibdil fir-Regolament (KE) Nru 6/2002 issimplifika ċerti aspetti tas-sistema tal-UE għar-reġistrazzjoni tad-disinji, bħat-tħassir tal-għażliet li bilkemm jintużaw biex jiġi ppreżentat kampjun minflok rappreżentazzjoni ta’ disinn u biex tiġi ppreżentata applikazzjoni għal disinn tal-UE permezz tal-uffiċċju ċentrali tal-proprjetà industrijali ta’ Stat Membru u mhux direttament mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) (“l-Uffiċċju”). Għall-koerenza, huwa għalhekk meħtieġ li jsiru aġġustamenti korrelattivi għal ċerti regoli ta’ implimentazzjoni li jinsabu fir-Regolament (KE) Nru 2245/2002.

(4)

Fil-kuntest tal-allinjament meħtieġ tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat ta’ Liżbona, għadd ta’ regoli li jinvolvu elementi essenzjali tal-leġiżlazzjoni li bħalissa jinsabu fir-Regolament (KE) Nru 2245/2002 ġew inkorporati fir-Regolament (KE) Nru 6/2002. Għalhekk, għal raġunijiet ta’ effiċjenza u biex tiġi evitata d-duplikazzjoni, hemm bżonn li r-regoli rilevanti li jinsabu fir-Regolament (KE) Nru 2245/2002 jitħassru.

(5)

L-inkorporazzjoni fir-Regolament (KE) Nru 6/2002 ta’ dispożizzjonijiet ġodda li bħalissa jinsabu fir-Regolament (KE) Nru 2245/2002 taffettwa wkoll lil għadd ta’ dispożizzjonijiet li jikkonċernaw it-tariffi pagabbli lill-Uffiċċju. Huwa għalhekk meħtieġ li r-referenzi eżistenti għal dawk ir-regoli fir-Regolament (KE) Nru 2245/2002 jiġu adattati għad-dispożizzjonijiet korrispondenti ġodda inkorporati fir-Regolament (KE) Nru 6/2002.

(6)

Skont it-tibdil fir-Regolament (KE) Nru 6/2002 bir-Regolament (UE) 2024/2822, huwa meħtieġ li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 2245/2002 dwar it-tul tal-limiti ta’ żmien u tar-rappreżentazzjoni quddiem l-Uffiċċju jiġu allinjati mal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea sabiex issir referenza għat-territorju taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) minflok għall-“Komunità”.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 2245/2002 jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit f’konformità mal-Artikolu 109 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2245/2002 huwa emendat kif ġej:

(1)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/2002 tal-21 ta’ Ottubru 2002 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 dwar id-disinji tal-Unjoni Ewropea”;

(2)

fir-Regolament kollu kemm hu, il-kliem “disinn Komunitarju” huwa sostitwit b’“disinn tal-UE” u jsiru l-bidliet grammatikali kollha meħtieġa;

(3)

fl-Artikolu 24(2), fl-Artikolu 25(3), fl-Artikolu 31(6), fl-Artikolu 48(2), fl-Artikolu 62(3), fl-Artikolu 68(3), fl-Artikolu 70(4), fl-Artikolu 80, il-punt (c), fl-Artikolu 81(2), fl-Artikolu 82(1), (3), u (4), il-kelma “il-Komunità” hija sostitwita bil-kelma “l-Unjoni” u jsiru l-bidliet grammatikali kollha meħtieġa;

(4)

l-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

rappreżentazzjoni tad-disinn skont l-Artikolu 4;”;

(b)

fil-paragrafu 2, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

deskrizzjoni singola għal kull disinn li ma teċċedix 100 kelma u li tispjega r-rappreżentazzjoni tad-disinn; id-deskrizzjoni trid titratta biss dawk il-karatteristiċi li jidhru fir-riproduzzjonijiet tad-disinn; m’għandux ikun fiha dikjarazzjonijiet dwar l-allegata novità, il-karattru individwali tad-disinn, jew il-valur tekniku tiegħu;”;

(5)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Applikazzjoni tista’ tkun applikazzjoni multipla li titlob ir-reġistrazzjoni ta’ massimu ta’ 50 disinn.”

;

(b)

il-paragrafu 2 jitħassar;

(6)

fl-Artikolu 3, il-paragrafi 3 u 4 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“3.   Fl-indikazzjoni tal-prodotti għandu jintuża kliem li jindika b’mod ċar in-natura tal-prodotti u li jagħmilha possibbli li kull prodott jiġi klassifikat fi klassi u subklassi waħda tal-klassifikazzjoni ta’ Locarno, preferibbilment bl-użu tat-termini li jidhru fil-lista tal-prodotti li jinstabu fiha.

4.   Il-prodotti għandhom ikunu mqassmin fi gruppi skont il-klassijiet tal-klassifikazzjoni ta’ Locarno, b’kull grupp ikun preċedut min-numru tal-klassi u tas-subklassi li għalihom ikun jappartjeni dak il-grupp ta’ prodotti, u għandhom ikunu ppreżentat skont l-ordni tal-klassijiet u s-subklassijiet taħt dik il-klassifikazzjoni.”

;

(7)

fl-Artikolu 4(1), il-punt (d), fl-Artikolu 8(1), fl-Artikolu 41(2), fl-Artikolu 45(4), fl-Artikolu 46(5), fl-Artikolu 48(1), fl-Artikolu 51, fl-Artikolu 52(2), fl-Artikolu 58(1), (2), u (4), fl-Artikolu 66(4), fl-Artikolu 83(2), u fl-Artikolu 85(1), il-kelma “il-President” hija sostitwita b’“id-Direttur Eżekuttiv” u jsiru l-bidliet grammatikali kollha meħtieġa;

(8)

L-Artikoli 5, 6, 7 u 10 jitħassru;

(9)

Fl-Artikolu 11, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Fejn, skont l-Artikolu 47 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, l-Uffiċċju jsib, waqt li jkun qed jeżamina r-raġunijiet għan-nonreġistrabilità, li d-disinn li għalih tkun qed tintalab il-protezzjoni ma jkunx jaqbel mad-definizzjoni ta’ disinn prevista fl-Artikolu 3, il-punt (1), ta’ dak ir-Regolament, jew li d-disinn ikun imur kontra l-politika pubblika jew kontra l-prinċipji aċċettati tal-moralità, għandu jinforma lill-applikant li d-disinn mhux reġistrabbli, filwaqt li jispeċifika r-raġuni għan-nonreġistrabilità.”

;

(10)

L-Artikolu 11a huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“1.   Fejn, skont l-Artikolu 106e(1) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, waqt li jkun qed jeżamina reġistrazzjoni internazzjonali l-Uffiċċju jsib li d-disinn li tkun qed tintalab il-protezzjoni għalih ma jkunx jikkorrispondi mad-definizzjoni ta’ disinn prevista fl-Artikolu 3, il-punt (1), ta’ dak ir-Regolament, jew li d-disinn ikun imur kontra l-politika pubblika jew kontra l-prinċipji aċċettati tal-moralità, għandu jibgħat avviż ta’ rifjut lill-Bureau Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (“il-Bureau Internazzjonali”) mhux iktar tard minn sitt xhur mid-data tal-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni internazzjonali, li fih jispeċifika r-raġunijiet għar-rifjut skont l-Artikolu 12(2) tal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ The Hague dwar ir-Reġistrazzjoni Internazzjonali ta’ Disinji Industrijali (*1) (“l-Att ta’ Ġinevra”).

2.   L-Uffiċċju għandu jispeċifika limitu ta’ żmien sabiex id-detentur tar-reġistrazzjoni internazzjonali jkollu l-possibilità, skont l-Artikolu 106e(2) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, li jirrinunzja r-reġistrazzjoni internazzjonali fir-rigward tal-Unjoni, biex jillimita r-reġistrazzjoni internazzjonali għal wieħed jew xi wħud mid-disinni industrijali fir-rigward tal-Unjoni jew biex iressaq osservazzjonijiet.

(*1)   ĠU L 386, 29.12.2006, p. 30, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/954/oj.”;"

(b)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   Meta d-detentur jirrinunzja r-reġistrazzjoni internazzjonali jew jillimita r-reġistrazzjoni internazzjonali għal wieħed jew uħud mid-disinji industrijali fir-rigward tal-Unjoni, id-detentur għandu jinforma lill-Bureau Internazzjonali permezz ta’ proċedura ta’ reġistrar f’konformità mal-Artikolu 16(1), il-punti (iv) u (v) tal-Att ta’ Ġinevra. Id-detentur jista’ jinforma lill-Uffiċċju billi jressaq dikjarazzjoni korrispondenti.”

;

(11)

L-Artikolu 13 jitħassar;

(12)

L-Artikolu 15 jitħassar;

(13)

L-Artikolu 16 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 16

Pubblikazzjoni wara l-perjodu ta’ differiment

Fejn id-detentur ikun ikkonforma mal-ħtiġiet li jinstabu fl-Artikolu 50 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, l-Uffiċċju għandu, malli jiskadi l-perjodu għad-differiment jew, fil-każ ta’ rikjesta għal pubblikazzjoni aktar kmieni, malli jkun teknikament possibbli:

(a)

jippubblika d-disinn tal-UE rreġistrat fil-Bulettin tad-Disinji tal-Unjoni Ewropea, bl-indikazzjonijiet li jinstabu fl-Artikolu 14(2), flimkien ma’ indikazzjoni tal-fatt li l-applikazzjoni kellha rikjesta għad-differiment tal-pubblikazzjoni skont l-Artikolu 50 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002;

(b)

jagħmel disponibbli għall-ispezzjoni pubblika kwalunkwe fajl li għandu x’jaqsam mad-disinn;

(c)

jiftaħ għall-ispezzjoni pubblika l-entrati kollha fir-Reġistru, inkluż kwalunkwe entrata miżmuma milli ssirilha spezzjoni skont l-Artikolu 74(5) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002.”

;

(14)

Fl-Artikolu 17, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Wara l-pubblikazzjoni, l-Uffiċċju għandu jagħti lid-detentur ċertifikat tar-reġistrazzjoni li għandu jkun fih l-entrati fir-Reġistru previsti fl-Artikolu 72(2) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 u dikjarazzjoni li tgħid li dawk l-entrati ġew irrekordjati fir-Reġistru.”

;

(15)

Il-Kapitolu III jitħassar;

(16)

fl-Artikolu 23, il-paragrafu 3 jitħassar;

(17)

fl-Artikolu 27, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Fejn tkun tressqet talba quddiem il-qorti jew awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat b’rabta ma’ dritt għal disinn tal-UE reġistrat skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, dikjarazzjoni ta’ kunsens taċ-ċediment, iffirmata minn min ikun qed jagħmel it-talba jew minn rappreżentant tiegħu/tagħha, għandha tkun biżżejjed bħala prova li min ikun qed jagħmel it-talba jkun jaqbel maċ-ċediment.”

;

(18)

fl-Artikolu 57(1), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Fejn ir-Regolament (KE) Nru 6/2002 jew dan ir-Regolament jipprevedu limitu ta’ żmien li jrid jiġi speċifikat mill-Uffiċċju, meta l-parti kkonċernata jkollha d-domiċilju jew il-post ewlieni tan-negozju jew stabbiliment fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), tali limitu ta’ żmien m’għandux ikun inqas minn xahar jew, meta dawk il-kundizzjonijiet ma jkunux issodisfati, m’għandux ikun inqas minn xahrejn, u mhux aktar minn sitt xhur.”

;

(19)

L-Artikolu 60 jitħassar;

(20)

Fl-Artikolu 62, il-paragrafu 2 jitħassar;

(21)

L-Artikolu 64 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 64

Tibdil fil-lista speċjali ta’ rappreżentanti professjonali għal kwistjonijiet ta’ disinji

1.   L-entrata ta’ rappreżentant professjonali fil-lista speċjali ta’ rappreżentanti professjonali għal kwistjonijiet ta’ disinn, imsemmi fl-Artikolu 78(4) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, għandha titħassar meta r-rappreżentant professjonali jitlob dan.

2.   L-entrata ta’ rappreżentant professjonali fil-lista msemmija fil-paragrafu 1 għandha titħassar awtomatikament:

(a)

f’każ tal-mewt jew tal-inkapaċità legali tar-rappreżentant professjonali;

(b)

fejn ir-rappreżentant professjonali ma jkunx għadu ċittadin ta’ Stat Membru taż-ŻEE, ħlief jekk id-Direttur Eżekuttiv ikun ikkonċeda eżenzjoni skont l-Artikolu 78(6), il-punt (a), tar-Regolament (KE) Nru 6/2002;

(c)

fejn il-post tan-negozju jew tal-impjieg tar-rappreżentant professjonali ma jkunx għadu fiż-ŻEE;

(d)

fejn ir-rappreżentant professjonali ma jkunx għadu intitolat kif imsemmi fl-Artikolu 78(4), il-punt (c), tar-Regolament (KE) Nru 6/2002.

3.   L-entrata ta’ rappreżentant professjonali fil-lista msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi sospiża fuq inizjattiva proprja tal-Uffiċċju f’każ li jkun ġie sospiż l-intitolament tar-rappreżentant professjonali li jirrappreżenta persuni fiżiċi jew ġuridiċi quddiem l-Uffiċċju tal-Benelux għall-Proprjetà Intellettwali jew quddiem l-uffiċċju ċentrali tal-proprjetà industrijali ta’ Stat Membru taż-ŻEE kif imsemmi fl-Artikolu 78(4), il-punt (c), tar-Regolament (KE) Nru 6/2002.

4.   Rappreżentant professjonali li l-entrata tiegħu tkun tneħħiet mil-lista għandu, wara li jagħmel rikjesta skont l-Artikolu 78(5) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, jerġa jiddaħħal fil-lista msemmija fil-paragrafu 1 jekk il-kundizzjonijiet għat-tneħħija ma jkunux għadhom jeżistu.

5.   L-Uffiċċju tal-Benelux għall-Proprjetà Intellettwali u l-uffiċċji ċentrali tal-propjetà industrijali tal-Istati Membri taż-ŻEE kkonċernati għandhom jinfurmaw minnufih lill-Uffiċċju dwar kwalunke eventi rilevanti msemmija fil-paragrafi 2 u 3 fejn ikunu jafu bihom.

6.   L-emendi fil-lista msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu ppubblikati f'il-Ġurnal Uffiċjali tal-Uffiċċju.”

;

(22)

L-Artikolu 65 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 65

Komunikazzjoni bil-miktub jew b’mezzi oħrajn

Applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ disinn tal-UE kif ukoll kwalunkwe applikazzjoni jew dikjarazzjoni oħra previsti fir-Regolament (KE) Nru 6/2002 u l- komunikazzjonijiet l-oħrajn kollha indirizzati lill-Uffiċċju għandhom jiġu sottomessi f’wieħed minn dawn il-modi:

(a)

billi d-dokument oriġinali inkwistjoni ffirmat jitwassal għand l-Uffiċċju bil-posta, personalment, jew bi kwalunkwe mezz ieħor; l-annessi għad-dokumenti sottomessi m’hemmx bżonn li jkunu ffirmati;

(b)

billi d-dokument oriġinali ffirmat jintbagħat bil-fax skont l-Artikolu 66;

(c)

billi l-kontenuti tal-komunikazzjoni jintbagħtu b’mezzi elettroniċi skont l-Artikolu 67.”

;

(23)

fl-Artikolu 67, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   L-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ disinn tal-UE, inkluża r-rappreżentazzjoni tad-disinn, jistgħu jiġu sottomessi b’mezzi elettroniċi.

Il-kundizzjonijiet għandhom jiġu stabbiliti mid-Direttur Eżekuttiv.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jistabbilixxi l-modalitajiet għall-komunikazzjoni b’mezzi elettroniċi, bħall-mezzi li għandhom jintużaw, id-dettalji tekniċi tal-komunikazzjoni, u l-metodi biex jiġi identifikat min ikun bagħat il-messaġġ.”

;

(24)

L-Artikolu 69 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 69

Reġistru tad-disinji tal-UE

Minbarra l-entrati stabbiliti fl-Artikolu 72(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, ir-Reġistru għandu jkun fih l-entrati li ġejjin, u kull waħda minnhom għandha tkun akkumpanjata mid-data meta tali entrata tkun ġiet irrekordjata:

(a)

bidliet fl-isem jew fil-lokalità u l-pajjiż tad-detentur;

(b)

l-avviż ta’ emenda għad-disinn skont l-Artikolu 25(6) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, inkluża, jekk ikun applikabbli, referenza għad-dikjarazzjoni ta’ ċaħda tar-responsabbiltà magħmula jew għad-deċiżjoni tal-qorti jew għad-deċiżjoni tal-Uffiċċju li tiddikjara l-invalidità parzjali tad-dritt tad-disinn, kif ukoll il-korrezzjonijiet tal-iżbalji u affarijiet mhux preċiżi skont l-Artikolu 20 ta’ dan ir-Regolament;

(c)

il-konċessjoni jew it-trasferiment ta’ liċenzja skont l-Artikolu 16(2) jew l-Artikolu 32 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 u, fejn applikabbli, it-tip ta’ liċenzja skont l-Artikolu 25 ta’ dan ir-Regolament.”

;

(25)

L-Artikolu 71 jitħassar;

(26)

Il-Kapitolu XVI jitħassar.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Mejju 2025.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Jannar 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 3, 5.1.2002, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/6/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2024/2822 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2024 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 dwar id-disinji Komunitarji u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2246/2002 (ĠU L, 2024/2822, 18.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2822/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 154, 16.6.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1001/oj).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/2002 tal-21 ta’ Ottubru 2002 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 dwar disinji Komunitarji (ĠU L 341, 17.12.2002, p. 28, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/2245/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/73/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)