European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/28

15.1.2025

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/28

tat-30 ta’ Ottubru 2024

li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini, Indikazzjonijiet Ġeografiċi u termini tradizzjonali fis-settur tal-inbid, il-proċedura ta’ oġġezzjoni, ir-restrizzjonijiet tal-użu, l-emendi tal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, it-tħassir tal-protezzjoni, u t-tikkettar u l-preżentazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 109 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistabbilixxi qafas uniku komuni tal-Unjoni għar-reġistrazzjoni u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi fi tliet setturi agrikoli (l-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli). Għal dan il-għan, dak ir-Regolament jemenda jew iħassar, skont ma jkun meħtieġ, dawk ir-Regolamenti li qabel kienu jipprevedu oqfsa separati f’dawk is-setturi: Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ġie emendat fir-rigward tal-indikazzjoni ġeografika fis-settur tal-inbid, ir-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) ġie emendat fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi fis-settur tax-xorb spirituż, u r-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi fis-settur tal-prodotti agrikoli u tal-oġġetti tal-ikel tħassar.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2024/1143 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati u ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu proċedura uniformi għar-reġistrazzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għas-setturi agrikoli tal-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli. B’riżultat ta’ dan, l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati preċedentement abbażi tas-setgħat previsti fir-regolamenti settorjali jridu jiġu emendati jew imħassra, skont ma jkun meħtieġ, biex jinġiebu f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/1143 u mal-leġiżlazzjoni sekondarja tiegħu.

(3)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 (5) jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013, fost l-oħrajn fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi, il-proċedura ta’ oġġezzjoni, ir-restrizzjonijiet tal-użu, l-emendi tal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, it-tħassir tal-protezzjoni, u t-tikkettar u l-preżentazzjoni. Fil-qafas il-ġdid tal-Unjoni għall-indikazzjonijiet ġeografiċi stabbilit bir-Regolament (UE) 2024/1143, li jkopri tliet setturi agrikoli (l-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli), ir-regoli inklużi fir-Regolament Delegat (UE) 2019/33 huma sostitwiti parzjalment b’ċerti dispożizzjonijiet inklużi fir-Regolament (UE) 2024/1143 u parzjalment bid-dispożizzjonijiet inklużi fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 (6), li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 bir-regoli, fost l-oħrajn, dwar il-proċeduri għall-oppożizzjonijiet, l-emendi tal-Unjoni u l-approvazzjoni u l-komunikazzjoni ta’ emendi standard u temporanji. Għalhekk, fir-rigward tas-settur tal-inbid, jenħtieġ li jitħassru ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat (UE) 2019/33, minħabba li jkunu f’kunflitt mad-dispożizzjonijiet adottati fir-Regolament (UE) 2024/1143 jew fir-Regolament Delegat (UE) 2025/27, li japplikaw ukoll għas-settur tal-inbid.

(4)

Madankollu, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat (UE) 2019/33 fir-rigward tal-lingwa tal-isem irreġistrat, il-ġustifikazzjoni tar-rekwiżit tal-imballaġġ tal-inbid fiż-żona ġeografika, inkluż l-ibbottiljar, id-derogi fir-rigward tal-produzzjoni fiż-żona ġeografika demarkata u d-derogi mill-obbligu tal-użu tat-terminu “denominazzjoni ta’ oriġini protetta” fit-tikkettar, fl-Artikoli 2(1), 4(2), 5 u 23 ta’ dak ir-Regolament Delegat, rispettivament, jenħtieġ li jinżammu għax huma essenzjali għas-sistema minkejja li la ġew inklużi fir-Regolament (UE) 2024/1143 u lanqas ma jistgħu jkunu parti mir-Regolament Delegat (UE) 2025/27 abbażi tas-setgħat tar-Regolament (UE) 2024/1143.

(5)

Jenħtieġ li jinżammu wkoll id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat (UE) 2019/33 li ma jikkonċernawx l-indikazzjonijiet ġeografiċi.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2019/33 jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/33 huwa emendat kif ġej:

(1)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 tas-17 ta’ Ottubru 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi u termini tradizzjonali fis-settur tal-inbid, il-proċedura ta’ oġġezzjoni, ir-restrizzjonijiet tal-użu, l-emendi tal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, it-tħassir tal-protezzjoni, u t-tikkettar u l-preżentazzjoni.”;

(2)

l-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistipula regoli li jissupplimentaw ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 kif ġej:

(a)

fir-rigward tad-denominazzjonijiet tal-oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti fis-settur tal-inbid:

(i)

l-isem li jrid jiġi protett;

(ii)

rekwiżiti addizzjonali għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott;

(iii)

derogi li jikkonċernaw il-produzzjoni fiż-żona ġeografika demarkata;

(iv)

derogi mill-obbligu li jintużaw “indikazzjonijiet” fuq it-tikketti;

(b)

fir-rigward ta’ termini tradizzjonali fis-settur tal-inbid:

(i)

l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni;

(ii)

il-proċedura ta’ oġġezzjoni;

(iii)

modifiki;

(iv)

tħassir;

(c)

fir-rigward tas-settur tal-inbid b’mod ġenerali: it-tikkettar u l-preżentazzjoni.”

;

(3)

l-Artikolu 2(2), l-Artikolu 3, l-Artikolu 4(1), u l-Artikoli 7 sa 21 huma mħassra;

(4)

l-Artikolu 59 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 59

Lingwa proċedurali

Id-dokumenti u l-informazzjoni kollha mibgħuta lill-Kummissjoni fir-rigward tal-kwistjonijiet previsti f’dan ir-Regolament għandhom ikunu b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni jew akkumpanjati minn traduzzjoni ċċertifikata f’waħda minn dawk il-lingwi.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Ottubru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (ĠU L, 2024/1143, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1143/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ xorb spirituż, l-użu tal-ismijiet ta’ xorb spirituż fil-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ oġġetti tal-ikel oħra, il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż, l-użu ta’ alkoħol etiliku u distillati ta’ oriġini agrikola f’xorb alkoħoliku, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/787/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1151/oj).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 tas-17 ta’ Ottubru 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi u termini tradizzjonali fis-settur tal-inbid, il-proċedura ta’ oġġezzjoni, ir-restrizzjonijiet tal-użu, l-emendi tal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, it-tħassir tal-protezzjoni, u t-tikkettar u l-preżentazzjoni (ĠU L 9, 11.1.2019, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/33/oj).

(6)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u termini tal-kwalità mhux obbligatorji u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 (ĠU L, 2025/27, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/27/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/28/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)