European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/21

7.3.2025

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/21

tad-19 ta’ Diċembru 2024

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 139/2014 fir-rigward tar-rekwiżiti għall-operaturi tal-ajrudrom relatati mal-attivitajiet tas-servizzi fuq l-art

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 39(1), il-punt (a) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2018/1139 jistabbilixxi rekwiżiti essenzjali għall-forniment sikur tas-servizzi fuq l-art u l-organizzazzjonijiet li jipprovduhom fl-ajrudromi tal-Unjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 139/2014 (2) jistabbilixxi r-rekwiżiti u l-proċeduri amministrattivi relatati mal-ajrudromi, inkluż dwar ċerti operazzjonijiet u faċilitajiet li huma direttament relatati mas-servizzi fuq l-art u l-organizzazzjonijiet li jipprovduhom.

(3)

L-organizzazzjonijiet kollha skont ir-Regolament (UE) 2018/1139 huma responsabbli għall-ġestjoni tar-riskji għas-sikurezza u għandhom l-għan li jtejbu s-sikurezza b’mod kontinwu, inkluż il-kondiviżjoni reċiproka tal-informazzjoni rilevanti għas-sikurezza. L-iskop ta’ dan ir-Regolament hu li jiżgura approċċ komuni meta jiġu indirizzati r-riskji għas-sikurezza tal-interfaċċi fl-operazzjonijiet tas-servizzi fuq l-art, lil hinn mill-obbligi tar-rapportar tal-okkorrenzi. Dan l-approċċ jikkompleta l-obbligi tar-rapportar tal-okkorrenzi lill-awtoritajiet kompetenti u jiżgura fluss iktar dirett tal-informazzjoni dwar is-sikurezza fost il-partijiet ikkonċernati. Għalhekk, ir-rekwiżiti tal-ajrudromi jenħtieġ li jiġu emendati biex l-operaturi tal-ajrudromi jkunu jistgħu jikkondividu l-informazzjoni rilevanti dwar is-sikurezza li tirriżulta mir-rapporti dwar l-okkorrenzi jew mill-ispezzjonijiet u mill-awditi tas-sorveljanza ma’ organizzazzjonijiet oħra biex jappoġġawhom fiż-żamma tas-sikurezza tal-operazzjonijiet tagħhom stess.

(4)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-organizzazzjonijiet kollha li jipprovdu s-servizzi fuq l-art fl-ajrudromi tal-Unjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1139 u livell bażi ta’ sikurezza tal-attivitajiet tas-servizzi fuq l-art, l-operaturi tal-ajrudromi jenħtieġ li jikkonformaw ukoll mar-rekwiżiti tas-servizzi fuq l-art meta jipprovdu s-servizzi fuq l-art. Madankollu, peress li l-operaturi tal-ajrudromi diġà għandhom sistema ta’ ġestjoni fis-seħħ, jenħtieġ li r-rekwiżiti tas-servizzi fuq l-art ikunu jistgħu jiġu integrati faċilment biex jinħolqu interruzzjonijiet minimi fis-sistema stabbilita tal-operatur tal-ajrudrom. Għalhekk, ir-rekwiżiti l-ġodda dwar l-attivitajiet tas-servizzi fuq l-art jenħtieġ li jkopru biss id-differenzi u l-elementi neqsin tas-sistema ta’ ġestjoni tal-operatur tal-ajrudrom, u b’hekk jiġu evitati kontradizzjonijiet jew duplikazzjonijiet tar-rekwiżiti eżistenti.

(5)

L-oġġetti perikolużi fil-merkanzija jew fil-posta jistgħu jkunu ta’ periklu sinifikanti għas-saħħa, għas-sikurezza, għall-ambjent jew għall-proprjetà meta ma jinħażnux kif suppost. Meta jinħażnu fil-faċilitajiet tal-ħżin tal-ajrudrom, il-kundizzjonijiet tal-ħżin jenħtieġ li jkunu adegwati għall-prevenzjoni ta’ kwalunkwe ħsara lil dawk l-oġġetti. Għalhekk, ir-rekwiżiti tal-ajrudromi jenħtieġ li jiġu emendati biex jiġi żgurat li jkun hemm konformità mal-kundizzjonijiet minimi tas-sikurezza għall-faċilitajiet tal-ħżin.

(6)

Meta jintużaw apparati tat-tagħbija tal-unità għall-ġarr tal-bagalji u tal-merkanzija, dawn għandhom jinħażnu f’kundizzjoni tajba meta ma jkunux qed jintużaw. Għalhekk, huwa importanti li meta l-operatur tal-ajrudrom jagħmel disponibbli faċilitajiet għall-ħżin tal-apparati tat-tagħbija tal-unità, dawk il-faċilitajiet ikunu adegwati u jipprevjenu kwalunkwe ħsara, deterjorament jew il-ħżin tagħhom fuq l-art. Ir-rekwiżiti tal-ajrudromi jenħtieġ li jiġu emendati biex dan jiġi ċċarat.

(7)

Sabiex tiġi evitata kwalunkwe duplikazzjoni bla bżonn tad-dokumentazzjoni, l-operaturi tal-ajrudromi li jipprovdu s-servizzi fuq l-art huma stess jistgħu jinkludu l-elementi tas-servizzi fuq l-art fil-manwal tal-ajrudrom eżistenti tagħhom jekk iqisu li dan ikun iktar effettiv mill-ħolqien ta’ manwal addizzjonali tas-servizzi fuq l-art jew iżiduhom f’manwal separat. Fi kwalunkwe każ, il-manwal tas-servizzi fuq l-art u kwalunkwe emenda u reviżjoni sussegwenti għalih jenħtieġ li ma jirrikjedux approvazzjoni mill-awtorità kompetenti. Ir-rekwiżit rilevanti fir-Regolament (UE) Nru 139/2014 jenħtieġ li jiġi emendat kif xieraq biex jirrifletti dan.

(8)

Jekk l-operaturi tal-ajrudromi jew il-fornituri tas-servizzi ta’ ġestjoni tar-rampa jipprovdu wkoll is-servizzi fuq l-art, huma għandhom jiżviluppaw u jimplimentaw sistema ta’ ġestjoni konformi mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/20 (3). Sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-istess elementi tas-sistema ta’ ġestjoni tagħhom għall-konformità mar-regolamenti kollha applikabbli għalihom, dawn l-organizzazzjonijiet jenħtieġ li jitħallew ikollhom sistema ta’ ġestjoni integrata għal skopijiet ta’ effiċjenza. Għalhekk, ir-rekwiżiti tal-ajrudromi u r-rekwiżiti tas-servizz ta’ ġestjoni tar-rampa jenħtieġ li jiġu emendati biex jippermettu l-possibbiltà għal dawk l-organizzazzjonijiet li jistabbilixxu u li japplikaw sistema ta’ ġestjoni integrata.

(9)

Il-qasam tas-servizzi fuq l-art jirrappreżenta interfaċċa fih innifsu, b’servizzi li jiġu pprovduti lil inġenju tal-ajru f’ajrudrom. Dan jagħmilha diffiċli xi drabi li ssir distinzjoni ċara bejn ir-responsabbiltajiet tal-partijiet ikkonċernati differenti involuti fl-istess attivitajiet, jew jistgħu jitrikkbu f’ċerti stadji. Waħda minn dawn l-attivitajiet hija relatata mal-kontroll tal-persuni mexjin fiż-żona tal-moviment u madwar l-inġenju tal-ajru. Filwaqt li l-operatur tal-ajrudrom huwa responsabbli biex jiżgura li jkun hemm fis-seħħ proċeduri għas-sikurezza tal-persuni mexjin fiż-żona tal-moviment, mingħajr ma neċessarjament ikun ukoll dak li jimplimenta dawk il-proċeduri, l-organizzazzjoni li timplimenta dawk il-proċeduri normalment tkun l-organizzazzjoni tas-servizzi fuq l-art li twettaq iktar attivitajiet fuq ir-rampa u madwar l-inġenju tal-ajru matul l-imbarkazzjoni u l-iżbark tal-passiġġieri. F’każ bħal dan, l-operatur tal-ajrudrom ikollu rwol ta’ koordinazzjoni u ta’ monitoraġġ. Sabiex issir distinzjoni ċara bejn ir-rwoli differenti tal-operatur tal-ajrudrom u l-organizzazzjoni tas-servizzi fuq l-art meta din tkun differenti mill-operatur tal-ajrudrom, u meta jitqies il-mod attwali li bih tali proċeduri fil-fatt jiġu implimentati, il-kliem tar-rekwiżit rilevanti jenħtieġ li jiġi aġġustat biex ikun hemm iktar ċarezza f’termini tar-responsabbiltajiet ta’ kull parti involuta.

(10)

Ir-riforniment tal-inġenji tal-ajru huwa attività li tinvolvi diversi partijiet ikkonċernati — l-operatur tal-ajrudrom, l-operatur tal-inġenju tal-ajru u l-fornitur tas-servizzi fuq l-art — b’responsabbiltajiet differenti fil-proċess, kollha mmirati biex jiżguraw is-sikurezza tal-operazzjoni, tal-inġenju tal-ajru u tal-ajrudrom. Għal identifikazzjoni aħjar tar-responsabbiltà tal-operatur tal-ajrudrom fl-iżgurar tas-sikurezza tal-ajrudrom u tal-ġestjoni tajba tar-rampa waqt ir-riforniment tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru, ir-rekwiżit li jindirizza r-riforniment tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru jenħtieġ li jiġi aġġustat kemxejn. Dan jenħtieġ li jipprevjeni wkoll l-interpretazzjoni mhux intenzjonata li l-operatur tal-ajrudrom jista’ jkun responsabbli għall-proċedura relatata mar-riforniment tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru li tappartjeni lill-operatur tal-inġenji tal-ajru bħala attività relatata mal-manutenzjoni tal-inġenji tal-ajru tiegħu.

(11)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 139/2014 jiġi emendat.

(12)

Jeħtieġ li jingħata biżżejjed żmien lill-industrija tas-servizzi fuq l-art u lill-awtoritajiet kompetenti biex jimplimentaw il-qafas regolatorju l-ġdid wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, għaldaqstant jenħtieġ li fir-Regolament jiġi previst perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ 3 snin.

(13)

Ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament huma bbażati fuq l-Opinjoni Nru 01/2024 (4) maħruġa mill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea f’konformità mal-Artikolu 75(2), il-punti (b) u (c), u mal-Artikolu 76(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139.

(14)

F’konformità mal-Artikolu 128(4) tar-Regolament (UE) 2018/1139, il-Kummissjoni kkonsultat esperti nnominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (5),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi III u IV tar-Regolament (UE) Nru 139/2014 huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Għandu japplika minn tas-27 .ta’ Marzu 2028.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1139/oj.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 139/2014 tat-12 ta’ Frar 2014 li jistabbilixxi rekwiżiti u proċeduri amministrattivi b’rabta mal-ajrudromi skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 44, 14.2.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/139/oj).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/20 tad-19 ta’ Diċembru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi rekwiżiti għall-forniment sikur tas-servizzi fuq l-art u għall-organizzazzjonijiet li jfornuhom (ĠU L, 2025/20, 7.3.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/20/oj).

(4)   https://www.easa.europa.eu/en/document-library/opinions/opinion-no-012024.

(5)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2016/512/oj.


ANNESS

L-Annessi għar-Regolament (UE) Nru 139/2014 huma emendati kif ġej:

(1)

L-Anness III huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt ADR.OR.C.020, jiżdied il-punt (d) li ġej:

“(d)

jinforma lill-organizzazzjonijiet tas-servizzi fuq l-art fl-ajrudrom bl-azzjoni meħuda biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ konformità jekk dak in-nuqqas ta’ konformità jaffettwa direttament ir-riskju għas-sikurezza fi ħdan dawk l-organizzazzjonijiet tas-servizzi fuq l-art, jew ir-responsabbiltajiet tagħhom.”;

(b)

fil-punt ADR.OR.D.005, jiżdied il-punt (f) li ġej:

“(f)

Jekk l-operatur tal-ajrudrom ikun parti minn entità legali li jkollha ċertifikat, approvazzjoni jew awtorizzazzjoni tal-organizzazzjoni addizzjonali waħda jew iktar, jew jiddikjara l-attivitajiet tiegħu f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1139, l-operatur tal-ajrudrom jista’ jintegra s-sistema ta’ ġestjoni tiegħu fis-sistema ta’ ġestjoni meħtieġa skont ir-Regolament (UE) Nru 139/2014.”;

(c)

il-punt ADR.OR.D.020 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jinnomina żoni xierqa fl-ajrudrom biex jintużaw għall-ħżin ta’ oġġetti perikolużi ttrasportati fl-ajrudrom. Il-kundizzjonijiet tal-ħżin tal-oġġetti perikolużi għandhom jiżguraw dawn it-tnejn li ġejjin:

(1)

is-segregazzjoni tal-oġġetti perikolużi tista’ tiġi żgurata skont l-istandards u l-prattiki rakkomandati internazzjonali;

(2)

il-faċilità tipprovdi kundizzjonijiet adegwati għall-prevenzjoni ta’ kwalunkwe ħsara lill-oġġetti perikolużi.”;

(ii)

jiżdied il-punt (c) li ġej:

“(c)

Meta l-operatur tal-ajrudrom jinnomina wkoll żoni xierqa fl-ajrudrom biex jintużaw għall-ħżin tal-apparati tat-tagħbija tal-unità, huwa għandu jiżgura li dawn iż-żoni jkunu adegwati biex jipprevjenu l-ħsara, id-deterjorament jew il-ħżin tagħhom fuq l-art u għandu jiżgura l-protezzjoni mill-maltemp.”;

(d)

fil-punt ADR.OR.E.005, il-punt (f) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f)

Minkejja l-punt (e), meta jkun hemm bżonn ta’ emendi jew ta’ reviżjonijiet immedjati fl-interess tas-sikurezza, dawn jistgħu jiġu ppubblikati u applikati immedjatament, diment li tkun saret applikazzjoni għall-approvazzjoni meħtieġa. Mhux meħtieġ li l-emendi u r-reviżjonijiet li jikkonċernaw l-attivitajiet tas-servizzi fuq l-art soġġetti għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/20 (*1) jiġu ppreżentati lill-awtorità kompetenti għall-approvazzjoni.

(*1)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/20 tad-19 ta’ Diċembru 2024 li jissuplimenta r-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi rekwiżiti għall-forniment sikur ta’ servizzi fuq l-art u għall-organizzazzjonijiet li jipprovduhom (ĠU L, 2025/20, 7.3.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/20/oj)”;"

(e)

fil-punt ADR.OR.F.045, jiżdied il-punt (d) li ġej:

“(d)

Minkejja l-punti (a) sa (c), jekk il-fornitur ta’ AMS ikun parti minn entità legali li tiddikjara r-responsabbiltà tagħha għall-forniment tas-servizzi fuq l-art f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2025/20, il-fornitur ta’ AMS jista’ jintegra s-sistema ta’ ġestjoni tiegħu mas-sistema ta’ ġestjoni meħtieġa skont dak ir-Regolament.”.

(2)

L-Anness IV huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt ADR.OPS.B.033 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (a)(3) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(3)

jikkontrolla l-moviment ta’ persuni fuq ir-rampa.”;

(ii)

jiddaħħal il-punt (a1) li ġej:

“(a1)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jistabbilixxi proċeduri biex jiżgura li l-passiġġieri li jkunu qed jitilgħu jew jinżlu minn inġenju tal-ajru jew li jkollhom bżonn jimxu lejn ir-rampa, minnha jew minn naħa għall-oħra tagħha:

(1)

ikunu skortati minn persunal imħarreġ u kompetenti;

(2)

ma jfixklux l-attivitajiet stazzjonarji tal-inġenji tal-ajru u tal-manutenzjoni fuq l-art;

(3)

ikunu protetti minn inġenji tal-ajru li jkunu qegħdin joperaw, inkluż l-effetti tal-magni tagħhom, kif ukoll minn vetturi jew attivitajiet oħra.”;

(b)

fil-punt ADR.OPS.D.001, il-punt (a)(4) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(4)

ikopri dan li ġej:

(i)

l-allokazzjoni tal-istands tal-inġenji tal-ajru;

(ii)

il-forniment tas-servizzi ta’ marshalling;

(iii)

il-parkeġġ u t-tluq tal-inġenji tal-ajru mill-istand;

(iv)

il-prekawzjonijiet tal-blast tal-ġett u t-testijiet tal-magni;

(v)

l-awtorizzazzjonijiet tal-istartjar u l-istruzzjonijiet dwar it-taxiing.”;

(c)

il-punt ADR.OPS.D.060 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ADR.OPS.D.060 Sikurezza fuq ir-rampa waqt ir-riforniment tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru

(a)

L-operatur tal-ajrudrom għandu jistabbilixxi proċedura biex jiżgura s-sikurezza tal-operazzjonijiet fuq ir-rampa waqt ir-riforniment tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru.

(b)

Il-proċedura għandha tirrikjedi dawn li ġejjin:

(1)

il-projbizzjoni ta’ fjammi fil-beraħ u l-użu ta’ għodod elettriċi jew simili mill-persunal qrib sew tal-punt tar-riforniment tal-fjuwil li x’aktarx jipproduċu xrar jew arki fiż-żona tar-riforniment tal-fjuwil;

(2)

il-projbizzjoni li jinxtegħlu l-unitajiet tal-enerġija fuq l-art (ground power units) waqt ir-riforniment tal-fjuwil;

(3)

għat-trakkijiet tal-fjuwil: l-eżistenza ta’ passaġġ mingħajr ostakli mill-inġenju tal-ajru biex jippermetti t-tneħħija malajr tal-bawżers tal-fjuwil u tal-persuni f’każ ta’ emerġenza;

(4)

l-irbit korrett tal-inġenji tal-ajru u tas-sorsi tal-provvista tal-fjuwil u l-applikazzjoni korretta tal-proċeduri tal-ertjar;

(5)

in-notifika immedjata tal-fornitur tas-servizz tar-riforniment tal-fjuwil lill-ajruplan f’każ ta’ tixrid tal-fjuwil u struzzjonijiet dettaljati dwar x’għandu jsir f’każ ta’ tixrid tal-fjuwil;

(6)

il-pożizzjonament tat-tagħmir ta’ appoġġ fuq l-art b’tali mod li l-ħruġ ta’ emerġenza jkunu ħielsa minn kwalunkwe ostaklu u b’hekk jippermetti l-evakwazzjoni fil-pront tal-passiġġieri, jekk il-passiġġieri jkunu qed jitilgħu jew jinżlu jew jekk jibqgħu fl-inġenju tal-ajru waqt ir-riforniment tal-fjuwil;

(7)

id-disponibbiltà fil-pront ta’ ċilindri tat-tifi tan-nar ta’ tip addattat għal mill-inqas intervent inizjali f’każ ta’ fjuwil li jieħu n-nar;

(8)

l-iżgurar ta’ ħruġ mingħajr xkiel għall-vettura tar-riforniment tal-fjuwil u aċċess mingħajr xkiel għall-idrant tal-fjuwil u l-interruttur ta’ emerġenza;

(9)

il-waqfien tal-operazzjonijiet tar-riforniment tal-fjuwil jekk ikun hemm maltempati bis-sajjetti fl-ajrudrom jew fil-viċinanzi tiegħu.”.


(*1)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/20 tad-19 ta’ Diċembru 2024 li jissuplimenta r-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi rekwiżiti għall-forniment sikur ta’ servizzi fuq l-art u għall-organizzazzjonijiet li jipprovduhom (ĠU L, 2025/20, 7.3.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/20/oj)”;”


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/21/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)