European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/16

9.1.2025

ID-DEĊIŻJONI Nru 1/2024 TAL-KUMITAT KONĠUNT TAL-KONVENZJONI REĠJONALI DWAR IR-REGOLI PREFERENZJALI TAL-ORIĠINI PAN-EWRO-MEDITERRANJI

tat-12 ta’ Diċembru 2024

li temenda d-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt fir-rigward tal-użu taċ-ċertifikati tal-moviment maħruġa b’mod elettroniku fil-qafas ta’ dik il-Konvenzjoni applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2025 [2025/16]

IL-KUMITAT KONĠUNT,

Wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3), il-punt (a), tagħha,

Billi:

(1)

Fil-bidu tal-2020, il-Kummissjoni infurmat lill-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (il-“Konvenzjoni”) li, minħabba li l-pandemija tal-COVID-19 u s-sospensjoni sussegwenti tal-kuntatti bejn l-awtoritajiet doganali u l-operaturi ekonomiċi f’għadd ta’ Partijiet Kontraenti, il-maġġoranza tal-Partijiet Kontraenti ma setgħux jipprovdu ċertifikati tal-moviment għal finijiet preferenzjali tal-oriġini fl-għamla meħtieġa, jiġifieri ffirmati bl-idejn, ittimbrati mid-dwana bil-linka mxarrba jew fil-format korrett tal-karta.

(2)

Il-biċċa l-kbira tal-Partijiet Kontraenti qiesu li jixraq jiġu adottati miżuri eċċezzjonali biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tal-arranġamenti kummerċjali preferenzjali koperti mill-Konvenzjoni. Dawk il-miżuri eċċezzjonali ġew applikati fuq bażi reċiproka mill-Partijiet Kontraenti li użaw id-dispożizzjonijiet rilevanti fir-regoli tal-oriġini.

(3)

Matul il-pandemija tal-COVID-19, xi Partijiet Kontraenti żviluppaw jew adattaw is-sistemi elettroniċi eżistenti għall-ħruġ taċ-ċertifikati b’mod elettroniku biex jibbilanċjaw il-ħtieġa għall-flessibbiltà mal-ħtieġa għall-konformità mar-rekwiżiti għal-l-format taċ-ċertifikati tal-moviment li jinsabu fl-Appendiċi I tal-Konvenzjoni.

(4)

L-awtoritajiet doganali tal-Partijiet Kontraenti ġew mistiedna jaċċettaw iċ-ċertifikati tal-moviment għal skopijiet ta’ oriġini preferenzjali, maħruġa b’mod elettroniku b’firma, timbru jew siġill diġitali tal-awtoritajiet kompetenti, jew kopja f’forma stampata jew elettronika (skennjata jew disponibbli online) abbażi tal-flessibbiltà prevista fl-Artikolu 24 tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni.

(5)

Waqt il-laqgħa tiegħu li saret fis-16 ta’ Ġunju 2022, il-Kumitat Konġunt ġie infurmat b’talba minn Parti Kontraenti biex jinżammu l-prattiki tajbin introdotti bil-miżuri eċċezzjonali adottati waqt il-pandemija tal-COVID-19 sabiex l-operaturi ekonomiċi jibbenefikaw mid-diġitalizzazzjoni taċ-ċertifikati tal-moviment.

(6)

Il-Partijiet Kontraenti rrikonoxxew l-esperjenza pożittiva miksuba fl-użu taċ-ċertifikati tal-moviment maħruġa b’mod elettroniku f’kummerċ preferenzjali skont il-miżuri eċċezzjonali adottati minħabba l-pandemija tal-COVID-19, u impenjaw ruħhom li jżommu l-prattiki tajbin introdotti bit-tali miżuri eċċezzjonali billi jaħdmu flimkien lejn l-introduzzjoni ta’ sistema komuni bbażata fuq il-provi tal-oriġini elettroniċi u l-kooperazzjoni amministrattiva elettronika fiż-żona pan-Ewro-Mediterranja.

(7)

Il-Partijiet Kontraenti jqisu li l-bidla lejn sistema li toħroġ ċertifikati tal-moviment b’mod elettroniku u li tipprevedi kooperazzjoni amministrattiva elettronika fil-qafas tal-Konvenzjoni tikkostitwixxi l-ewwel pass lejn diġitalizzazzjoni sħiħa tal-provi tal-oriġini fuq l-iskala taż-żona pan-Ewro-Mediterranja, speċjalment fid-dawl tad-dħul fis-seħħ li jmiss tal-emenda tal-Konvenzjoni introdotta bid-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt (2).

(8)

Is-sistemi ddisinjati għall-ħruġ elettroniku taċ-ċertifikati tal-moviment jenħtieġ li joffru l-possibbiltà għall-awtoritajiet doganali tal-Partijiet Kontraenti li jikkontrollaw l-awtentiċità tagħhom minnufih.

(9)

Fis-7 ta’ Diċembru 2023, il-Kumitat Konġunt adotta r-Rakkomandazzjoni Nru 1/2023 (3) dwar l-użu ta’ ċertifikati tal-moviment maħruġa b’mod elettroniku skont il-qafas tal-Konvenzjoni. Għalhekk, sabiex jiġi pprovdut qafas legali ċar u biex tiġi żgurata l-konsistenza fl-użu taċ-ċertifikati tal-moviment maħruġa b’mod elettroniku fil-kuntest tat-traniżizzjoni mir-regoli attwali tal-Konvenzjoni għar-regoli riveduti tal-Konvenzjoni, li se tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2025, jenħtieġ li d-Deċiżjoni Nru 1/2023 tiġi emendata biex tippermetti l-inkorporazzjoni tar-rekwiżiti ġenerali dwar il-provi tal-oriġini maħruġa elettronikament fir-regoli riveduti tal-Konvenzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Id-Deċiżjoni Nru 1/2023 għandha tiġi emendata kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   L-emendi msemmija fid-Deċiżjoni Nru 1/2023 għandhom jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2025.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, fit-12 ta’ Diċembru 2024.

Għall-Kumitat Konġunt

Il-President

María Isabel GARCÍA CATALÁN


(1)   ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.

(2)  Id-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-Regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji tas-7 ta’ Diċembru 2023 dwar l-emendar tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli tal-oriġini preferenzjali pan-Ewro-Mediterranji (ĠU L, 2024/390, 19.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/390/oj).

(3)  Ir-Rakkomandazzjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-Regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji tas-7 ta’ Diċembru 2023 dwar l-użu ta’ ċertifikati tal-moviment maħruġa b’mod elettroniku (ĠU L, 2024/243, 15.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2024/243/oj).


ANNESS

Artikolu Uniku

Emenda tad-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-Regoli tal-Oriġini Preferenzjali pan-Ewro-Mediterranji

Fil-punt (5) tal-Artikolu Uniku tal-Anness tad-Deċiżjoni Nru 1/2023, il-paragrafu 4 tal-Artikolu 17 tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, żewġ Partijiet Kontraenti jew aktar jistgħu jaqblu li jistabbilixxu sistema li permezz tagħha l-provi tal-oriġini elenkati fil-paragrafu 1 ikunu jistgħu jinħarġu b’mod elettroniku u/jew jiġu ppreżentati b’mod elettroniku.

Sakemm tiġi stabbilita sistema bħal din, il-Partijiet Kontraenti għandhom jaċċettaw iċ-ċertifikati tal-moviment maħruġa b’mod elettroniku meta jiġu ppreżentati waqt l-importazzjoni, dment li:

(a)

iċ-ċertifikati tal-moviment maħruġa b’mod elettroniku huma bbażati fuq mudell li jinsab fl-Anness IV;

(b)

l-awtoritajiet doganali tal-Parti Kontraenti esportatriċi jipprevedu sistema online bbażata fuq l-internet biex tiġi verifikata l-awtentiċità taċ-ċertifikati tal-moviment maħruġa b’mod elettroniku;

(c)

iċ-ċertifikati tal-moviment maħruġa b’mod elettroniku jkollhom numru tas-serje uniku, u jekk ikunu disponibbli, karatteristiċi tas-sigurtà li bihom jistgħu jiġu identifikati; kif ukoll

(d)

id-data minn meta Parti Kontraenti tibda toħroġ b’mod elettroniku ċ-ċertifikati tal-moviment tiġi speċifikata fl-avviżi ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje C) u skont il-proċeduri proprji tal-Partijiet Kontraenti.

Parti Kontraenti tista’ tiddeċiedi li tissospendi l-aċċettazzjoni taċ-ċertifikati tal-moviment maħruġa b’mod elettroniku meta l-kundizzjonijiet elenkati hawn fuq ma jkunux issodisfati u f’dak il-każ għandha tinforma bil-quddiem lill-Partijiet Kontraenti l-oħra b’dan, permezz tas-segretarjat tal-Kumitat Konġunt. F’każ ta’ sospensjoni, l-avviżi kif imsemmija fil-punt (d) għandhom jindikaw id-data tal-bidu tas-sospensjoni.”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/16/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)